EUR-Lex Acces la dreptul Uniunii Europene

Înapoi la prima pagină EUR-Lex

Acest document este un extras de pe site-ul EUR-Lex

Document 62019CA0407

Kawża Magħquda C-407/19 u C-471/19: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Frar 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State, Grondwettelijk Hof – Il-Belġju) – Katoen Natie Bulk Terminals NV, General Services Antwerp NV (C-407/19), Middlegate Europe NV (C-471/19) vs Belgische Staat C-407/19), Ministerraad (C-471/19), (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal ħaddiema – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Eżerċizzju ta’ attivitajiet portwali – Ħaddiema portwali – Aċċess għall-professjoni u reklutaġġ – Modalitajiet ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali – Ħaddiema portwali li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ ħaddiema previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali – Limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol – Mobbiltà tal ħaddiema portwali bejn żoni portwali differenti – Ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku – Ċertifikat tas-sigurtà – Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Sigurtà fiż-żoni portwali – Protezzjoni tal-ħaddiema – Proporzjonalità)

ĠU C 128, 12.4.2021, p. 3-5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-11 ta’ Frar 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State, Grondwettelijk Hof – Il-Belġju) – Katoen Natie Bulk Terminals NV, General Services Antwerp NV (C-407/19), Middlegate Europe NV (C-471/19) vs Belgische Staat C-407/19), Ministerraad (C-471/19),

(Kawża Magħquda C-407/19 u C-471/19) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 45 TFUE - Moviment liberu tal ħaddiema - Artikolu 49 TFUE - Libertà ta’ stabbiliment - Artikolu 56 TFUE - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Eżerċizzju ta’ attivitajiet portwali - Ħaddiema portwali - Aċċess għall-professjoni u reklutaġġ - Modalitajiet ta’ rikonoxximent tal-ħaddiema portwali - Ħaddiema portwali li ma jagħmlux parti mill-grupp ta’ ħaddiema previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali - Limitazzjoni tat-tul tal-kuntratt tax-xogħol - Mobbiltà tal ħaddiema portwali bejn żoni portwali differenti - Ħaddiema li jwettqu xogħol loġistiku - Ċertifikat tas-sigurtà - Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali - Sigurtà fiż-żoni portwali - Protezzjoni tal-ħaddiema - Proporzjonalità)

(2021/C 128/04)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State, Grondwettelijk Hof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Katoen Natie Bulk Terminals NV, General Services Antwerp NV (C-407/19), Middlegate Europe NV (C-471/19)

Konvenuti: Belgische Staat (C-407/19), Ministerraad (C-471/19)

Fil-preżenza ta’: Katoen Natie Bulk Terminals NV, General Services Antwerp NV, Koninklijk Verbond der Beheerders van Goederenstromen (KVBG) CVBA, MVH Logistics en Stuwadoring BV

Dispożittiv

1)

Artikoli 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lil persuni jew impriżi li jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet portwali f’żona portwali, inklużi attivitajiet oħra minbarra t-tagħbija u l-ħatt ta’ vapuri fis-sens strett tal-kelma, li jirrikorru biss għal ħaddiema portwali rrikonoxxuti bħala tali skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet stabbiliti b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, sa fejn l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet, minn naħa, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, nondiskriminatorji, magħrufa minn qabel u li jippermettu lill-ħaddiema portwali ta’ Stati Membri oħra juru li huma jissodisfaw, fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, rekwiżiti ekwivalenti għal dawk applikati għall-ħaddiema portwali nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma jistabbilixxux grupp limitat ta’ ħaddiema li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali rikonoxximent.

2)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha:

ir-rikonoxximent tal-ħaddiema portwali jaqa’ taħt kummissjoni amministrattiva, li hija kkostitwita b’mod ugwali minn membri maħtura mill-organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw u mill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema;

din il-kummissjoni tiddeċiedi wkoll, skont il-bżonn ta’ ħaddiema, jekk il-ħaddiema rrikonoxxuti għandhomx jew le jiġu inklużi fi grupp ta’ ħaddiema portwali, filwaqt li, għall-ħaddiema portwali li ma humiex inklużi f’dan il-grupp, it-tul tar-rikonoxximent tagħhom huwa limitat għat-tul tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, b’tali mod li proċedura ta’ rikonoxximent ġdida għandha tinbeda għal kull kuntratt ġdid li huma jikkonkludu; u

ma huwa previst l-ebda terminu massimu li fih l-imsemmija kummissjoni għandha tiddeċiedi.

3)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, sakemm ma jkunx jista’ juri li huwa jissodisfa fi Stat Membru ieħor kundizzjonijiet ekwivalenti, ħaddiem għandu, sabiex jiġi rrikonoxxut bħala ħaddiem portwali:

jiġi ddikjarat medikament b’saħħtu għax-xogħol portwali minn servizz estern għall-prevenzjoni u l-protezzjoni fuq ix-xogħol, li hija affiljata miegħu organizzazzjoni li magħha l-persuni li jimpjegaw kollha attivi fiż-żona portwali kkonċernata għandhom b’mod obbligatorju jaffiljaw ruħhom;

ikun għadda mit-testijiet psikotekniċi mwettqa mill-korp maħtur għal dan il-għan minn din l-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw;

ikun segwa matul tliet ġimgħat korsijiet ta’ preparazzjoni dwar sigurtà fuq ix-xogħol u intiżi għall-kisba ta’ kwalifika professjonali; u

ikun għadda mill-eżami finali,

sakemm il-missjoni fdata lill-organizzazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw u, jekk ikun il-każ, lis-sindakati tal-ħaddiema portwali rrikonoxxuti fil-ħatra tal-korpi responsabbli mit-twettiq ta’ tali eżamijiet jew testijiet ma tkunx ta’ natura li tqiegħed fid-dubju n-natura trasparenti, oġġettiva u imparzjali ta’ dawn tal-aħħar.

4)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-ħaddiema portwali, irrikonoxxuti bħala tali skont is-sistema legali li kienet applikabbli għalihom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, iżommu, skont din tal-aħħar, il-kwalità ta’ ħaddiema portwali rrikonoxxuti u huma inklużi fil-grupp ta’ ħaddiema portwali previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

5)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-trasferiment ta’ ħaddiem portwali fil-grupp ta’ ħaddiema ta’ żona portwali minbarra dik li fiha huwa kiseb ir-rikonoxximent tiegħu jkun suġġett għal kundizzjonijiet u għal modalitajiet stabbiliti minn FKX, sakemm dawn tal-aħħar jirriżultaw neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà f’kull żona portwali, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

6)

L-Artikoli 45, 49 u 56 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-ħaddiema loġistiċi għandu jkollhom “ċertifikat ta’ sigurtà”, maħruġ fuq preżentazzjoni tal-karta ta’ identità tagħhom u l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom u li l-modalitajiet ta’ ħruġ tiegħu u l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-kisba tiegħu huma stabbiliti minn FKX, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ tali ċertifikat ikunu neċessarji u proporzjonati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà fiż-żoni portwali u li l-proċedura prevista għall-kisba tiegħu ma timponix piżijiet amministrattivi mhux raġonevoli u sproporzjonati.


(1)  ĠU C 288, 26.08.2019

ĠU C 348, 14.10.2019


Sus