EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XX0323(01)

Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu) 2021/C 99/08

ĠU C 99, 23.3.2021, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 99/9


Sommarju tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq is-sit web tal-EDPS www.edps.europa.eu)

(2021/C 99/08)

Fit-23 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li jiġbor fih ħames proposti leġiżlattivi: i) Proposta emendata għal Regolament Eurodac; ii) Proposta emendata għall-Proċedura tal-Ażil; iii) Proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni; iv) Proposta għal Regolament dwar l-Iskrinjar; v) Proposta għal Regolament dwar Kriżi u Force Majeure. Dan jinkludi wkoll numru ta’ inizjattivi mhux leġiżlattivi.

L-EDPS jirrikonoxxi l-ħtieġa għal ġestjoni aktar effettiva tal-migrazzjoni u l-ażil. Fl-istess waqt, kif iddikjarat fl-Istrateġija tal-EDPS 2020-2024, il-protezzjoni tad-data hija waħda mill-aħħar linji ta’ difiża għall-individwi vulnerabbli, bħall-migranti u dawk li jfittxu l-ażil li javviċinaw il-fruntieri esterni tal-UE. Għaldaqstant, l-EDPS jikkunsidra li l-approċċ komprensiv propost irid ikun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali u migranti oħra, inkluż id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

B’mod ġenerali, l-EDPS jikkunsidra li għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt fil-fond fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data. Huwa tal-fehma wkoll li l-proposti leġiżlattivi għandhom jallokaw b’mod ċar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-atturi differenti involuti għall-ipproċessar tad-data personali. Barra minn hekk, meta jikkunsidra l-fatt li ħafna mill-proposti fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jibnu fuq il-proposti għar-riforma tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil mill-2016, l-EDPS jikkunsidra li r-rakkomandazzjonijiet fl-Opinjoni 07/2016 tiegħu dwar l-ewwel pakkett ta’ riforma dwar is-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil, b’mod partikolari dawk dwar l-Eurodac, jibqgħu validi għal kollox.

B’mod aktar speċifiku, fir-rigward tal-Proposta emendata għal Regolament Eurodac, l-EDPS jirrakkomanda li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-korpi tal-Unjoni jistgħu jibqgħu jaraw biss id-data li hija rilevanti għat-twettiq tal-kompiti speċifiċi tagħhom, anke jekk is-settijiet ta’ data huma marbuta f’sekwenza. L-EDPS jirrakkomanda wkoll li l-proposta emendata tintroduċi b’mod espliċitu l-mudell uniku ta’ superviżjoni koordinata f’konformità mal-Artikolu 62 tal-EUDPR. L-EDPS jirrakkomanda wkoll li qabel il-bidu tal-użu operattiv tas-sistema modifikata, il-qafas tas-sigurtà għall-ambjent tan-negozju u tekniku tal-Eurodac jiġi aġġornat kif xieraq u li l-proposta tikkjarifika liema data tinħażen fir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità u fis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, rispettivament.

Fir-rigward tal-Proposta għal Regolament dwar l-Iskrinjar, l-EDPS jenfasizza li l-eżattezza tal-informazzjoni pproċessata hija ta’ importanza ewlenija u li jiġi żgurat fil-każijiet kollha d-dritt li tiġi rettifikata u/jew supplimentata d-data personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-EDPS jikkunsidra li l-proposta tibqa’ ferm ġenerali fir-rigward tal-metodi li jistgħu jintużaw biex tinġabar id-data pprovduta minn jew miksuba miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għall-identifikazzjoni jew il-verifika tagħhom, b’mod speċjali meta tiġi kkunsidrata l-firxa wiesgħa ta’ prattiki użati fuq livell nazzjonali, bi gradi differenti ta’ intrużjoni u effikaċja. L-EDPS jirrakkomanda wkoll li jiġu kkjarifikati l-iskop u l-modalitajiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali għall-verifika jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkostitwixxux riskju għas-sigurtà.

L-Opinjoni tipprovdi għal xi rakkomandazzjonijiet addizzjonali relatati mal-protezzjoni tad-data li għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-proċess leġiżlattiv.

1.   INTRODUZZJONI U SFOND

1.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil fit-23 ta’ Settembru 2020. (1) Dan huwa wieħed mill-inizjattivi politiċi ewlenin tal-Kummissjoni u ġie previst fil-Programm ta’ Ħidma tagħha, ippubblikat fid-29 ta’ Jannar 2020, taħt il-ħames prijorità - “Il-Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna”. (2)

2.

Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jikkonsisti minn diversi proposti leġiżlattivi kif ukoll strumenti mhux leġiżlattivi. Dan jibni fuq il-proposti tal-Kummissjoni biex tirriforma s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA) ippreżentata mill-Kummissjoni fl-2016 u l-2018, li dwarha l-Parlament u l-Kunsill diġà sabu qbil politiku tentattiv iżda għadhom ma kkonkludewx in-negozjati.

3.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti leġiżlattivi emendati u tlieta ġodda:

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ data bijometrika biex jiġi applikat b’mod effettiv ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni (minn hawn ’il quddiem “Proposta emendata għal Regolament Eurodac”) (3)

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (minn hawn ’il quddiem “Proposta emendata għal Proċedura tal-Ażil”) (4)

il-Proposta dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill (KE) 2003/109 u r-Regolament propost (UE) XXX/XXX [il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni] (minn hawn ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni”) (5)

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni u li jemenda r-Regolamenti (KE) 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240 u (UE) 2019/817 (minn hawn ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament dwar l-Iskrinjar”) (6)

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil (minn hawn ’il quddiem il-“Proposta għal Regolament dwar Kriżi u Force Majeure”) (7)

Barra minn hekk, il-Patt ġdid jinkludi l-inizjattivi mhux leġiżlattivi li ġejjin:

rakkomandazzjoni ġdida dwar il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (8);

rakkomandazzjoni ġdida dwar ir-Risistemazzjoni u l-Mezzi Komplementari (9);

rakkomandazzjoni ġdida dwar Operazzjonijiet ta’ Tiftix u Salvataġġ minn Bastimenti Privati (10);

gwida ġdida dwar id-Direttiva tal-Faċilitaturi (11).

4.

L-EDPS ġie kkonsultat mill-Kummissjoni b’mod informali fis-27 ta’ Lulju 2020 dwar il-Proposta emendata għal Regolament Eurodac u kkomunika l-kummenti informali tiegħu lill-Kummissjoni f’Awwissu. L-EDPS jilqa’ l-fatt li l-fehmiet tiegħu ġew imfittxija fi stadju bikri tal-proċedura u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli b’din il-prattika tajba.

5.

L-EDPS sussegwentement ġie kkonsultat formalment mill-Kummissjoni fil-5 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Proposta emendata għal Regolament Eurodac. Madankollu, il-konsultazzjoni ma tkoprix l-elementi l-oħra tal-pakkett dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, adottat fit-23 ta’ Settembru 2020, li jista’ jkollhom impatt ukoll fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data u b’hekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (minn hawn ’il quddiem il-“EUDPR”).

6.

Fl-istess ħin, il-Proposta emendata għal Regolament Eurodac tirreferi għal numru ta’ proposti leġiżlattivi oħra, parti mill-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, bħar-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni, ir-Regolament dwar il-Proċedura tal-Ażil, ir-Regolament dwar l-Iskrinjar, eċċ. Għaldaqstant, filwaqt li l-attenzjoni primarja ta’ din l-opinjoni hija l-Proposta emendata għal Regolament Eurodac, fiha wkoll ċerti kummenti u rakkomandazzjonijiet dwar il-proposti leġiżlattivi l-oħra.

5.   KONKLUŻJONIJIET

L-EDPS jifhem il-ħtieġa għal ġestjoni aktar koerenti u effettiva tal-migrazzjoni u l-ażil. Fl-istess ħin, kif diġà ddikjarat fl-Istrateġija tal-EDPS tal-2020-2024, “il-protezzjoni tad-data hija waħda mill-aħħar linji ta’ difiża għall-individwi vulnerabbli, bħall-migranti u dawk li jfittxu l-ażil li javviċinaw il-fruntieri esterni tal-UE.” Għaldaqstant, l-approċċ komprensiv propost irid ikun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali u migranti oħra, inkluż id-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

36.

Għal dan il-għan, l-EDPS, fir-rwol konsultattiv tiegħu, jipprovdi f’din l-Opinjoni xi rakkomandazzjonijiet speċifiċi fit-termini ta’ protezzjoni tad-data u privatezza. Filwaqt li l-attenzjoni primarja ta’ din l-Opinjoni hija l-Proposta emendata għal Regolament Eurodac, fiha wkoll numru ta’ kummenti u rakkomandazzjonijiet dwar il-proposti leġiżlattivi l-oħra. L-approċċ komprensiv previst mill-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, flimkien mal-impatt potenzjali ta’ tali qafas fuq id-drittijiet fundamentali, inkluż fuq il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, jitolbu għal valutazzjoni tal-impatt fil-fond tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data.

37.

Barra minn hekk, l-approċċ integrat tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jassenja kompiti speċifiċi lil varjetà ta’ atturi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, inklużi l-aġenziji tal-UE, bħall-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO). Abbażi tal-esperjenza tiegħu fir-rigward tas-superviżjoni tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira tal-UE, l-EDPS jikkunsidra li l-proposti leġiżlattivi għandhom jallokaw b’mod ċar ir-responsabbiltajiet rispettivi għall-ipproċessar tad-data personali, li hija essenzjali għall-attribuzzjoni tal-kontroll skont l-EUDPR u l-GDPR.

Fir-rigward tal-Proposta emendata għal Regolament Eurodac, l-EDPS jikkunsidra li r-rakkomandazzjonijiet magħmula fl-Opinjoni 07/2016 tiegħu dwar l-ewwel pakkett ta’ riforma fir-rigward tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil (12), b’mod partikolari dawk dwar il-Eurodac, jibqgħu validi għal kollox. Barra minn hekk, fir-rigward tan-novitajiet introdotti mill-Proposta emendata għal Regolament Eurodac, l-EDPS jikkunsidra importanti li jiġi żgurat li l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-korpi tal-Unjoni jistgħu jibqgħu jaraw biss id-data li hija rilevanti għall-prestazzjoni tal-kompiti speċifiċi tagħhom, anke jekk is-settijiet tad-data huma marbuta f’sekwenza. Barra minn hekk, l-EDPS jirrakkomanda li jiġi introdott b’mod espliċitu l-mudell uniku ta’ superviżjoni koordinata f’konformità mal-Artikolu 62 tal-EUDPR. L-EDPS jirrakkomanda wkoll li qabel il-bidu tal-użu operattiv tas-sistema modifikata, il-qafas tas-sigurtà għall-ambjent tan-negozju u tekniku tal-Eurodac jiġi aġġornat kif xieraq u li l-proposta tikkjarifika liema data tkun maħżuna fir-Repożitorju Komuni ta’ informazzjoni dwar l-Identità (CIR) u s-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, rispettivament.

38.

Fir-rigward tal-proposti l-oħra, u b’mod partikolari l-Proposta għal Regolament dwar l-Iskrinjar, l-EDPS jenfasizza li l-eżattezza tal-informazzjoni pproċessata hija essenzjali u li fil-każijiet kollha għandu jiġi żgurat id-dritt li tiġi rettifikata u/jew supplimentata d-data personali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-EDPS jikkunsidra li l-proposta tibqa’ ferm ġenerali meta tiġi għall-metodi li jistgħu jintużaw biex tinġabar id-data miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-identifikazzjoni tagħhom, b’mod speċjali meta tiġi kkunsidrata l-firxa wiesgħa ta’ prattiki użati fuq livell nazzjonali, bi gradi differenti ta’ intrużjoni u ta’ effikaċja. L-EDPS jirrakkomanda wkoll li jiġu kkjarifikati l-iskop u l-modalitajiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali għall-verifika jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkostitwixxux riskju għas-sigurtà.

39.

Fl-aħħar nett, l-EDPS jinnota li l-proposti leġiżlattivi l-ġodda jew ma għandhom l-ebda dispożizzjoni legali sostantiva dwar il-protezzjoni tad-data personali, jew it-testi proposti mhumiex konformi bis-sħiħ mal-liġi rilevanti tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-EDPS jirrakkomanda li l-proposti leġiżlattivi bħala minimu jirreferu b’mod espliċitu għall-qafas legali rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, jiġifieri l-GDPR, il-EUDPR u, jekk rilevanti, id-Direttiva (UE) 2018/680.

Brussell, it-30 ta’ Novembru 2020.

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSK


(1)  COM(2020) 609 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1601287338054&uri=COM:2020:609:FIN

(2)  COM(2020) 37 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020DC0037

(3)  COM(2020)614 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2020:614:FIN

(4)  COM(2020)611 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2020:611:FIN

(5)  COM(2020) 610 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2020:610:FIN

(6)  COM (2020)612 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2020:612:FIN

(7)  COM (2020)613 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2020:613:FIN

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u għall-ġestjoni tal-kriżijiet b’rabta mal-migrazzjoni (Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32020H1366

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1364 tat-23 ta’Settembru 2020 dwar mezzi legali għall-protezzjoni fl-UE: il-promozzjoni tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u mezzi komplementari oħra, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32020H1364

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1365 tat-23 ta’ Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa minn bastimenti li huma proprjetà ta’ entitajiet privati jew imħaddma minnhom għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32020H1365

(11)  Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati, C(2020) 6470 final.

(12)  Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, Opinjoni 07/2016 L-Opinjoni dwar l-Ewwel pakkett ta’ riforma dwar is-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil (ir-regolamenti tal-Eurodac, tal-EASO u ta’ Dublin).


Top