EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR4829

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tiġdid tal-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli

COR 2019/04829

ĠU C 440, 18.12.2020, p. 119–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/119


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tiġdid tal-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli

(2020/C 440/20)

Relatur:

Juan ESPADAS CEJAS (ES/PSE)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Mill-Patt ta’ Amsterdam għal Karta mġedda ta’ Leipzig

1.

jinnota n-natura intrinsikament differenti tal-kooperazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet urbani: minn naħa, il-Karta mġedda ta’ Leipzig li hija relatata direttament mal-politiki urbani nazzjonali u teħtieġ koordinazzjoni politika akbar fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; u, min-naħa l-oħra, id-dimensjoni sovranazzjonali tal-Aġenda Urbana tal-UE, li wriet li hija strument ġdid ta’ governanza f’diversi livelli, utli għall-involviment tal-bliet fil-politiki Ewropej;

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li tiġġedded il-Karta ta’ Leipzig taħt il-Presidenza Ġermaniża tal-UE matul it-tieni nofs tal-2020 u jaqbel mal-metodu ta’ ħidma inklużiv li nieda l-gvern Ġermaniż biex jinvolvi l-ikbar numru ta’ atturi possibbli;

3.

ifakkar fid-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest adottata mill-Ministri responsabbli mill-kwistjonijiet urbani fl-14 ta’ Ġunju 2019, li fiha ġiet rikonoxxuta “il-ħtieġa li tiġi żviluppata relazzjoni funzjonali bejn il-Karta ta’ Leipzig il-Ġdida, l-Aġenda Urbana għall-UE, u l-Aġenda Territorjali 2020+”;

4.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea, f’dan ir-rigward, biex turi impenn politiku akbar għall-Aġenda Urbana tal-UE u tinkludiha f’waħda mill-inizjattivi ewlenin attwali tagħha, flimkien mal-Patt Ekoloġiku jew l-inizjattivi diġitali. Sabiex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku se jkun hemm bżonn li jissaħħu l-azzjonijiet konkreti fi sħubija mal-livell lokali, filwaqt li l-approċċi minn fuq għal isfel se jkollhom jiġu kkombinati ma’ approċċi fundamentali minn isfel għal fuq, biex jintlaħqu għanijiet minn sena għal oħra sal-2050;

5.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi relazzjoni ferm iktar mill-qrib bejn l-Aġenda futura tagħha għal regolamentazzjoni aħajr u l-Aġenda Urbana tal-UE, bil-għan li jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mis-sħubijiet urbani. F’dan is-sens, il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali u urban għandhom jiġu integrati direttament fil-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni preleġiżlattiva, kif ukoll fil-valutazzjoni tal-politiki Ewropej u s-simplifikazzjoni amministrattiva (REFIT);

6.

ifakkar fil-ħtieġa li s-Semestru Ewropew jiġi adattat biex jirrifletti aħjar l-isfidi għall-bliet. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż flimkien mal-politika ta’ koeżjoni se jkunu l-għodod ta’ implimentazzjoni prinċipali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; il-kwistjonijiet speċifiċi ta’ żoni urbani, bħall-akkomodazzjoni affordabbli, l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu u l-investimenti fit-tul, għalhekk iridu jiġu riflessi fil-livell ta’ koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi madwar l-Unjoni Ewropea, u l-istrateġiji għal speċjalizzazzjoni intelliġenti, żvilupp urban integrat u għal tranżizzjoni ġusta għandhom jiġu armonizzati fil-livell reġjonali jew lokali permezz ta’ għodod territorjali bħall-istrateġiji għall-investiment territorjali integrat;

7.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa l-kunċett ta’ “sussidjarjetà attiva” bħala pass addizzjonali biex issaħħaħ id-djalogu mal-bliet kif ukoll maż-żoni metropolitani u mar-reġjuni, u b’hekk torbot kemm l-Aġenda Urbana tal-UE kif ukoll l-Aġenda għal regolamentazzjoni aħjar. F’dan ir-rigward, is-sinerġiji man-Network ta’ Ċentri Reġjonali (RegHubs) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għandhom jissaħħu;

8.

jappoġġja l-fatt li l-Parlament Ewropew iddikjara l-emerġenza klimatika attwali u jirrikonoxxi li biex tinkiseb newtralità f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju hemm bżonn ta’ sforz kollettiv u azzjonijiet speċifiċi għal-livell lokali, fejn il-bliet jaqdu rwol fundamentali. 75 % tal-popolazzjoni Ewropea tgħix fil-bliet u madwar 70 % tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-Ewropa jiġu rilaxxati fil-bliet. Il-bliet huma parti mill-problema, iżda l-Karta mġedda ta’ Leipzig għandha tirrikonoxxi l-kapaċità tal-bliet biex ikunu muturi tal-bidla u protagonisti diretti tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi globali tas-seklu 21;

9.

iqis li l-Karta mġedda ta’ Leipzig għandha ssir opportunità politika għall-bliet biex isiru punt ta’ riferiment għall-implimentazzjoni prattika tal-politiki urbani differenti fl-Istati Membri kollha, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kredibilità tal-proġett Ewropew mill-perspettiva taċ-ċittadini fl-ambjent eqreb tagħhom. Il-Karta mġedda għandha twassal ukoll għall-monitoraġġ tal-Aġenda Urbana tal-UE, kif imnedija mill-Patt ta’ Amsterdam (2016), u t-tnejn li huma għandhom ikunu parti mill-proċess tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-gvernijiet lokali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). F’dan is-sens, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea jiffaċċjaw sfidi diversifikati u sfidi globali ġodda li jistgħu jiġu indirizzati biss minn approċċ integrat u f’diversi livelli, u l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea jirrappreżenta valur miżjud indispensabbli. Għaldaqstant, il-prinċipji tal-Karta ta’ Leipzig għandhom jiġu inklużi fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Presidenza Ġermaniża tal-UE (it-tieni nofs tal-2020), li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali u l-Kunsill Ewropew. Il-Karta ta’ Leipzig innifisha trid tiġi approvata mill-Istati Membri, mill-bliet u mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;

Il-qawwa trasformattiva tal-bliet Ewropej għall-aċċellerazzjoni tal-għanijiet tal-2050

10.

jirrimarka li huwa neċessarju li jiġi żgurat bilanċ adegwat bejn it-tliet dimensjonijiet proposti relatati mal-bliet Ewropej: żieda fil-produttività u fil-ġenerazzjoni tal-ġid u tal-impjiegi fil-bliet u fir-reġjuni tagħhom, it-tqassim tal-ġid b’mod aktar ġust fost iċ-ċittadini, filwaqt li fl-istess ħin tittejjeb il-kwalità ambjentali tal-madwar tagħna u jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-ħajja urbana;

11.

iqis li huwa importanti li jiġi valutat ix-xogħol imwettaq mis-sħubijiet urbani differenti u li jiġu stabbiliti pontijiet bejn l-Aġenda Urbana attwali tal-UE u l-Karta mġedda futura ta’ Leipzig. Pereżempju, il-ħidma li saret min-naħa tas-sħubijiet bħall-Akkademja tal-integrazzjoni urbana jew l-inizjattiva tal-Kumitat tar-Reġjuni “Bliet u Reġjuni għall-integrazzjoni” li tipprovdi pjattaforma għas-sindki tal-Unjoni Ewropea u għall-presidenti reġjonali li jixtiequ jippromovu prattiki tajbin;

12.

ifakkar li r-reġjuni u l-bliet jinsabu fuq quddiem nett biex jilqgħu u jintegraw lill-migranti u lir-refuġjati fl-Ewropa. Għalhekk, il-KtR jitlob li l-Inizjattiva Urbana Ewropea l-ġdida proposta mill-Kummissjoni Ewropea tipprovdi biżżejjed fondi biex jiġu appoġġjati s-sħubija “L-inklużjoni tal-Migranti u r-Refuġjati” u l-inizjattiva tal-KtR “Bliet u reġjuni għall-integrazzjoni” kif ukoll tagħmel differenza għaċ-ċittadini Ewropej fil-bliet tagħhom;

13.

iqis li, sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti mill-Ftehimiet ta’ Pariġi u l-Patt tas-Sindki kontra t-tibdil fil-klima, l-għanijiet ewlenin tal-Karta mġedda ta’ Leipzig għandhom jinkludu l-promozzjoni ta’ mobbiltà innovattiva, billi jiġi kkombinat l-użu ta’ vetturi privati elettriċi fil-bliet mal-promozzjoni tal-mobbiltà multimodali alternattiva u b’emissjonijiet baxxi bbażata fuq trasport pubbliku sostenibbli bħas-sewqan tar-roti u l-mixi, kif ukoll politiki sostenibbli dwar l-użu tal-art li jippromovu t-trażżin tat-tkabbir urban u r-rinnovazzjoni sostenibbli tal-istokk tad-djar Ewropej b’mod li jsir użu iżjed effiċjenti mill-enerġija;

14.

iqis li għadu ta’ importanza kbira li l-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Aġenda Urbana, u l-Istati Membri, permezz tal-Karta ta’ Leipzig, jappoġġjaw, b’inċentivi finanzjarji, l-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli kif diġà talab il-KtR fl-2010 fl-Opinjoni tiegħu “Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana”;

15.

bl-istess mod, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni importanti tar-rinnovazzjoni tal-istokk tal-akkomodazzjonijiet b’mod li jsir użu iżjed effiċjenti mill-enerġija, kif ukoll in-network ta’ uffiċċini u bini tan-nisġa kummerċjali u industrijali;

16.

itenni t-talba tiegħu għal pjan ta’ azzjoni fil-livell Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli fl-Ewropa;

17.

iqis li l-istabbiliment tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti fit-territorju urban huwa qafas strateġiku biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, li għandha titqies mill-bliet u r-reġjuni fl-iżvilupp tal-politiki tagħhom. Il-bliet, bħala l-eqreb amministrazzjoni għaċ-ċittadini, jimplimentaw politiki li jbiddlu r-realtà soċjali tal-bliet u huma atturi essenzjali biex isir progress fit-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-Objettiv 11, iċċentrat fuq il-bliet u l-Objettiv 17 li jħeġġeġ alleanzi bejn il-gvernijiet, is-settur privat u s-soċjetà ċivili;

18.

jinnota li l-ġestjoni tal-iskart u l-ġestjoni integrali taċ-ċiklu tal-ilma, il-ġestjoni tal-emissjonijiet u l-iskart industrijali, it-tnaqqis tal-konsum u t-titjib tal-użu tal-enerġija, flimkien mal-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u mingħajr karbonju, il-ġestjoni tal-impatt ta’ avvenimenti estremi tat-temp, l-iżvilupp ta’ kurituri ekoloġiċi u l-promozzjoni tal-bijodiversità huma elementi ewlenin biex jitjieb l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni urbani. Il-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari għandha tkun immexxija mill-amministrazzjoni lokali biex tittrasforma l-mudell produttiv tagħna u tiġġenera impjiegi ekoloġiċi ġodda, billi tiffavorixxi l-bidla fil-paradigma li twassalna biex nilħqu l-belt tal-futur. Din il-bidla fundamentali mhux se tkun possibbli mingħajr programmi ta’ taħriġ fil-livell lokali u reġjonali sabiex l-impjiegi jiġu adattati għat-tranżizzjoni ekoloġika;

19.

jemmen li t-tisħiħ tal-bijodiversità u n-naturalizzazzjoni mill-ġdid tal-ispazju urban permezz ta’ infrastruttura ekoloġika u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, biex b’hekk jitħeġġu l-konnettività ekoloġika u l-kwalità tal-pajsaġġ kemm fi ħdan il-bliet u bejn il-bliet u l-viċinat tagħhom, huma vitali biex jiġu indirizzati wħud mill-modifiki u l-impatti kkawżati mill-bidla globali;

20.

jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ bliet inklużivi, li jqisu l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali, il-qasma diġitali, it-tixjiħ attwali tal-popolazzjoni Ewropea u t-tibdil demografiku bħad-depopolazzjoni f’xi żoni. F’din id-dimensjoni inklużiva, huwa essenzjali li jiġu inklużi azzjonijiet immirati biex itejbu l-aċċess għall-akkomodazzjoni bi prezz affordabbli, jinkiseb l-aċċess universali, jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, li l-migranti jiġu integrati b’mod adegwat fil-popolazzjoni ospitanti u li jkun hemm rikonċiljazzjoni tal-mobbiltà tan-nies, speċjalment taż-żgħażagħ, fost l-Istati Membri bil-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali f’pajjiżi bi dħul per capita inqas. Għandu jiġi żgurat ukoll l-aċċess għal sistema ta’ protezzjoni u kura tas-saħħa u sistema li tiggarantixxi l-provvista tal-ikel, li tinkludi l-provvista tal-ilma u s-sanità, li huma l-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjoni kollha, waqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta’ kull individwu jew grupp sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż relatati;

Prinċipji li jispiraw il-Karta mġedda ta’ Leipzig

21.

jaqbel mal-prinċipji operattivi li ġejjin għall-Karta mġedda ta’ Leipzig: approċċ integrat, approċċ ibbażat fuq il-post, governanza f’diversi livelli, parteċipazzjoni u kokreazzjoni. Dawn kollha huma relatati mal-prinċipji li jiggwidaw il-politika ta’ koeżjoni tal-UE;

22.

jinnota li huwa imperattiv li l-Karta futura ta’ Leipzig tkun magħrufa mill-bliet u mill-muniċipalitajiet fl-Unjoni Ewropea kollha u li l-prinċipji tagħha jiddefinixxu l-qafas ġenerali għall-politiki u l-istrateġiji urbani nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-inizjattivi Ewropej korrispondenti, partikolarment dawk li għandhom finanzjament li jistgħu jinħolqu ex novo fi ħdan il-Patt Ekoloġiku;

23.

filwaqt li jirrispetta l-flessibilità meħtieġa biex jiġu aġġustati l-għanijiet tal-Aġenda Urbana tal-UE għar-realtà ta’ kull territorju, jappoġġja l-proposta biex jaġixxi fil-livell tal-“viċinat”, peress li dan jista’ jkun approċċ xieraq biex jiġu indirizzati sfidi globali mil-livell lokali. Madankollu, kull livell ta’ governanza għandu jassumi s-sehem ta’ responsabbiltà u kompetenza tiegħu fir-rigward tal-isfidi urbani (kwalità tal-arja, akkomodazzjoni, diġitalizzazzjoni, strumenti ta’ finanzjament), b’rispett sħiħ għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

24.

jaqbel li ż-żoni urbani funzjonali jew iż-żoni metropolitani jiġu rikonoxxuti fil-Karta mġedda ta’ Leipzig bħala spazji li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ approċċ territorjali integrat u għall-kisba ta’ żvilupp territorjali bbilanċjat li jkun konsistenti mal-istrateġiji tal-UE. Jirrakkomanda wkoll li jiġu rikonoxxuti ż-żoni funzjonali u metropolitani bil-qafas istituzzjonali tagħhom u dawk li użaw il-politika ta’ koeżjoni biex jippromovu dinamika tax-xogħol fil-livell metropolitan, kif afferma l-KtR fl-2019 fl-Opinjoni tiegħu “L-isfidi tar-reġjuni metropolitani u l-pożizzjoni tagħhom fil-politika ta’ koeżjoni futura ta’ wara l-2020”;

25.

jaqbel ukoll mal-prinċipju ta’ parteċipazzjoni u kokreazzjoni u jitlob li l-Karta mġedda ta’ Leipzig tqis it-tipi differenti ta’ żoni urbani, filwaqt li tirrispetta l-kuntest kulturali u amministrattiv jew ta’ setgħa rispettiv ta’ kull Stat Membru. Barra minn hekk, huwa fundamentali li l-Karta mġedda ta’ Leipzig tiggarantixxi li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħolqien u l-valutazzjoni tal-politiki urbani li jolqtuhom, inklużi ċ-ċittadini li jgħixu fil-periferiji taż-żoni urbani u metropolitani;

L-għoti ta’ setgħa lill-bliet biex jiffaċċjaw sfidi globali

26.

jindika li l-2020 intlaqtet mill-pandemija globali tal-COVID-19. Il-bliet u r-reġjuni kellhom ikunu sodi fil-kriżi tas-saħħa li issa nbidlet fi kriżi soċjali u ekonomika. Huwa għalhekk li l-bliet u r-reġjuni jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru tal-ġestjoni tal-fond ta’ rkupru u jeħtieġu aktar appoġġ finanzjarju Ewropew biex ikomplu juru li qed isolvu l-problemi kkawżati mill-pandemija;

27.

jitlob li l-Karta mġedda ta’ Leipzig tipproponi pjan direzzjonali ambizzjuż u konkret għall-applikazzjoni tagħha mill-bliet u tieħu vantaġġ mill-aġendi urbani lokali fil-qafas tal-SDGs u partikolarment ir-riżerva ta’ 6 % tal-FEŻR allokata għall-iżvilupp urban sostenibbli integrat (EDUSI). Barra minn hekk, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandhom jiffinanzjaw l-implimentazzjoni tal-SDGs imwettqa mill-bliet u l-gvernijiet reġjonali fil-livell lokali, partikolarment fir-rigward ta’ politiki ta’ mobbiltà sostenibbli u trasport pubbliku, ir-rinnovazzjoni ta’ bini biex jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku, l-iżgurar tal-aċċess universali, il-ġlieda kontra l-vulnerabbiltà soċjali u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali f’żoni żvantaġġati ta’ kwalunkwe ċentri urbani. L-awtoritajiet lokali jrid ikollhom il-possibbiltà li jkunu jistgħu jimmaniġġjaw fondi allokati lill-Istati u lir-reġjuni b’mod aktar flessibbli u dirett; Fost il-prerekwiżiti biex jintlaħaq dan l-għan, jeħtieġ li jissaħħaħ l-isforz ta’ taħriġ b’mod konġunt mal-qasam akkademiku u s-settur tan-negozju;

28.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa qafas ta’ referenza komuni ġdid, b’terminoloġija, indikaturi u metodoloġija kondiviżi li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet, it-tagħlim reċiproku u valutazzjoni komparattiva bejn it-territorji, bil-għan li tissorvelja l-investimenti u l-kisbiet minn numru kbir ta’ aġendi urbani nazzjonali, reġjonali u lokali. Bl-istess mod, il-bliet għandhom ikunu involuti fit-tħejjija tal-baġits għall-iżvilupp tagħhom;

29.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li l-politiki wesgħin ta’ trasformazzjoni soċjali u ekoloġika promossi mill-Patt Ekoloġiku jingħataw prijorità u li għandhom jiġu implimentati permezz ta’ azzjonijiet konkreti fiż-żoni urbani u reġjonali, sabiex l-investimenti assoċjati ma jiġux inklużi fil-kalkolu tad-defiċit tal-gvern tal-Istati Membri u lanqas ma jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet rigward il-limitu massimu tan-nefqa li l-Istati Membri jimponu fuq l-amministrazzjoni lokali fi ħdan il-programmi ta’ stabbiltà tal-baġit u kontroll tad-defiċit attwalment fis-seħħ;

30.

jilqa’ r-rikonoxximent fil-Karta mġedda tar-rwol essenzjali tal-ippjanar tal-ispazju urban sabiex jinkiseb żvilupp urban sostenibbli, u speċjalment l-enfasi fuq it-tnaqqis tat-teħid tal-art, it-taħlit tal-funzjonijiet għal forom ġodda ta’ produzzjoni u d-diversifikazzjoni tal-produzzjoni kif ukoll il-forom ġodda ta’ għajxien, l-akkomodazzjoni affordabbli, u politiki dwar l-użu ta’ art pubblika;

31.

iqis li t-trasformazzjoni diġitali trid tippromovi “koeżjoni diġitali” aħjar fl-Ewropa, kemm għaċ-ċittadini tagħha kif ukoll għat-territorji tagħha. Jenħtieġ li tinbidel il-perspettiva ta’ approċċ iddominat mit-teknoloġija lejn approċċ aktar iċċentrat fuq iċ-ċittadin, kif ipproklamat fid-Dikjarazzjoni “JOIN, BOOST, SUSTAIN. Dikjarazzjoni dwar il-kombinament tal-isforzi tagħna biex insaħħu t-trasformazzjoni diġitali sostenibbli fl-ibliet u fil-komunitajiet fl-UE.” Jeħtieġ li mmorru lejn kunċett aktar olistiku tal-belt diġitali fejn l-innovazzjoni diġitali hija mezz u mhux skop, immexxija mill-kapaċità intraprenditorjali tas-settur pubbliku u minn kumpaniji privati li jipprovdu soluzzjonijiet adattati għat-teknoloġija eżistenti u futura; filwaqt li d-diġitalizzazzjoni tipprovdi opportunitajiet tajbin għall-bliet u ċ-ċittadini tagħhom, jinħtieġ ukoll li l-bliet jiġu megħjuna jantiċipaw u jindirizzaw aħjar l-effetti sekondarji negattivi tal-proċessi ta’ diġitalizzazzjoni;

32.

jipproponi li l-Karta mġedda ta’ Leipzig tinkludi l-ħtieġa li, fil-qafas tal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti żviluppati fil-livell reġjonali fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni, jiġu żviluppati proċessi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell lokali, u aġendi integrati ta’ trasformazzjoni ekonomika u territorjali li jippermettu l-iżvilupp ta’ bliet u rħula intelliġenti (Smart Cities and Smart Villages);

33.

iqis li l-bliet, inklużi bliet żgħar u ta’ daqs medju, huma atturi ewlenin biex jiġu ffaċċjati l-isfidi soċjali u ambjentali kbar tal-Ewropa (saħħa, ikel, enerġija, trasport, tibdil fil-klima, bijodiversità, inklużjoni u sigurtà). Madankollu, huwa fundamentali li jiġi modernizzat ir-rwol tas-settur pubbliku lokali fil-qafas tal-iżvilupp ekonomiku, abbażi ta’ approċċ għall-promozzjoni tal-intraprenditorija bil-għan li tivvalorizza r-rwol tagħha fir-rigward tal-isfida l-ġdida tal-governanza globali;

34.

jilqa’ f’dan ir-rigward il-fatt li l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali l-ġdid jiddependi mill-Kummissarju għall-Politika Reġjonali, peress li dan għandu jippermetti li l-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u l-proposta baġitarja tiegħu għall-2021-2027 isiru l-istrument ewlieni għat-titjib tal-kapaċitajiet istituzzjonali u r-riformi strutturali tal-bliet f’dawk iż-żoni kollha li mhumiex eliġibbli għall-Fondi Strutturali;

35.

jinnota li wieħed mill-valuri miżjuda prinċipali tal-Aġenda Urbana tal-Unjoni Ewropea huwa l-appoġġ għall-iskambju tal-għarfien dwar kwistjonijiet urbani bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, peress li l-Aġenda hija meqjusa bħala mekkaniżmu ta’ skambju ta’ prattiki tajbin;

36.

iqis ukoll li hemm bżonn li l-Karta mġedda ta’ Leipzig tinkludi mekkaniżmi u metodoloġiji ta’ żvilupp urban sostenibbli preeżistenit fl-UE iżda li sikwit ma jkunux interkonnessi, bħal fil-każ tal-Inizjattiva Ewropea tal-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti, il-Patt tas-Sindki għall-klima u l-enerġija u l-Qafas ta’ Referenza tal-Bliet Sostenibbli, fost l-oħrajn;

Aġenda urbana mtejba tal-UE għas-servizz tal-Karta l-ġdida ta’ Leipzig

37.

ifakkar fit-tliet pilastri tal-Aġenda Urbana tal-UE (Regolamentazzjoni Aħjar, Finanzjament Aħjar u Għarfien Aħjar) li ġew identifikati mill-Patt ta’ Amsterdam u li jikkonċernaw prinċipalment l-iżvilupp tal-proċess tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-pilastri. Jeħtieġ ukoll li jiġi żvluppat ir-rwol tad-diversi partijiet ikkonċernati;

38.

jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet bejn iż-żoni urbani u rurali, u jiġu indirizzati ż-żoni urbani kollha flimkien maż-żoni tal-madwar, inklużi ż-żoni funzjonali tagħhom, li ta’ spiss huma żoni rurali, sabiex jinkiseb approċċ olistiku u integrat u jiġu offruti opportunitajiet ta’ żvilupp għal dawk kollha li jgħixu fiż-żona urbana jew metropolitana;

39.

iqis li l-Karta mġedda ta’ Leipzig għandha tirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-bliet kollha u mill-awtoritajiet lokali involuti fl-erbatax-il sħubija urbana tematika. Barra minn hekk, ta’ min jilqa’ b’mod favorevoli r-rieda ta’ xi sħubijiet, bħal dik dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati jew dik dwar il-mobbiltà urbana, biex ikomplu bil-ħidma tagħhom lil hinn mill-perjodu ta’ tliet snin bħala sinjal ċar tas-suċċess tal-Aġenda Urbana tal-UE. Madankollu, għandhom jiġu żgurati r-riżorsi neċessarji kif ukoll l-impatt u l-koerenza tal-azzjonijiet futuri li ser jiġu żviluppati;

40.

jipproponi lista ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti sabiex jingħelbu dawn l-isfidi u biex titjieb l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana:

il-kompożizzjoni tas-sħubijiet futuri għandha titħejja b’mod kompletament trasparenti, bl-involviment tal-bliet u skont id-dimensjonijiet tal-belt riflessi fil-Karta mġedda ta’ Leipzig. Bl-istess mod, l-azzjonijiet għandhom jinġabru madwar it-tliet pilastri: Regolamentazzjoni Aħjar, Finanzjament Aħjar u Għarfien Aħjar;

il-lista attwali ta’ kwistjonijiet orizzontali għadha valida u tista’ tiġi żviluppata permezz ta’ azzjonijiet pilota li jinvolvu membru li jirrappreżenta kull sħubija, bil-għan li jinkiseb bilanċ bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Huwa essenzjali li d-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-ministeri tal-Istati Membri jkunu involuti aktar mill-qrib fis-sħubijiet tematiċi, b’mod partikolari meta titnieda sħubija ġdida. Dan għandu jsaħħaħ is-sjieda tant meħtieġa min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri;

jenħtieġ li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet differenti ta’ sħubijiet futuri bil-għan li jiġi evitat l-approċċ kompartimentalizzat u tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet;

idea li ssaħħaħ l-appoġġ politiku fil-livell lokali tista’ tkun l-implimentazzjoni ta’ Summit tal-Gvernijiet Lokali involuti fl-Aġenda Urbana li jaġixxu bħala ambaxxaturi u b’hekk ikollhom leħen fid-diskussjonijiet politiċi mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Istati Membri;

fil-qafas tal-pilastru “Regolamentazzjoni aħjar”, il-Kummissjoni Ewropea għandha timpenja ruħha biex tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mis-sħubijiet urbani. F’dan ir-rigward, is-sħubijiet jistgħu jorganizzaw workshops li fihom il-professjonisti jindirizzaw bidliet speċifiċi fid-direttivi, fir-regolamenti u fil-politiki tal-UE; ir-riżultati ta’ dawn is-sħubijiet għandhom jiġu preżentati b’mod regolari u diskuss fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill sabiex jiġi kkunsidrat aktar fit-tfassil tal-liġijiet Ewropej;

iqis li l-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u l-Inizjattiva Urbana Ewropea proposta mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tar-Regolament futur dwar il-FEŻR għandhom jiggarantixxu finanzjament stabbli biex ikopri l-ispejjeż operattivi tal-parteċipazzjoni tal-bliet li jipparteċipaw fl-Aġenda Urbana tal-UE;

L-Eurostat għandu jipparteċipa aktar fil-ħidma tas-sħubijiet li jistgħu jippromovu dibattitu dwar id-data kwalitattiva disponibbli fil-livell reġjonali, fiż-żona urbana funzjonali u fil-livell lokali, kif ukoll dwar il-produzzjoni ta’ data kwalitattiva;

bl-istess mod, l-Aġenda Urbana u s-sħubijiet għandhom ikunu integrati aħjar fix-xogħol taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u ċ-Ċentru għall-Għarfien tal-Politiki Territorjali ta’ Sivilja, bħar-rapport “The Future of Cities” (Il-Futur tal-Bliet), u l-inizjattiva Urban Data Platform Plus;

fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2020, u f’kuntest usa’ barra l-Fondi Strutturali, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkunsidra wkoll li tiżviluppa programm finanzjarju ta’ azzjonijiet pilota għall-iżvilupp ta’ proposti li joħorġu fil-qafas ta’ sħubijiet urbani;

il-Kummissjoni Ewropea għandha tniedi kampanja ta’ komunikazzjoni biex ixxerred ir-riżultati tal-Aġenda Urbana tal-UE, inkluża komunikazzjoni aħjar tal-benefiċċji ta’ dawn is-sħubijiet fuq is-sit web speċjali Futurium. Għandha tinvesti wkoll fil-produzzjoni tal-għarfien, billi xxerred l-aħjar prattiki, gwidi, għodod u pjani direzzjonali żviluppati fil-qafas tal-Aġenda Urbana tal-UE.

Segwitu għall-implimentazzjoni tal-Karta mġedda ta’ Leipzig

41.

jitlob lill-Presidenza Ġermaniża tal-UE biex tirrikonoxxi b’mod uffiċjali r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Karta mġedda ta’ Leipzig, skont il-Patt ta’ Amsterdam, li “jistieden lill-KtR bħala l-korp konsultattiv tal-Unjoni li b’mod formali jirrappreżenta lir-reġjuni u l-muniċipalitajiet fil-livell tal-UE biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tal-Aġenda Urbana tal-UE”;

42.

jipproponi li l-Istati Membri – jew il-livelli ta’ governanza responsabbli għall-politika urbana meta din il-kompetenza ma tkunx eżerċitata fil-livell nazzjonali – iħejju rapporti kull tliet snin dwar kif huma integraw il-Karta ta’ Leipzig fil-politiki urbani nazzjonali jew reġjonali tagħhom bil-kooperazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, li jenfasizzaw kif il-politiki u l-finanzjament Ewropej, b’mod partikolari l-politika ta’ koeżjoni, appoġġjaw il-kisba tal-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta ta’ Leipzig.

43.

ifakkar li huwa importanti li l-Kummissjoni Ewropea tkompli taqdi rwol importanti fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana tal-UE u tal-Karta ta’ Leipzig. F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar fis-suġġeriment li l-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva jinħatar bħala koordinatur tal-Aġendu Urbana, li jiggarantixxi wkoll rabta mill-qrib mal-programm dwar Regolamentazzjoni Aħjar. Il-koordinazzjoni f’dan ir-rigward tista’ tpatti għall-viżjoni frammentata tal-bliet u d-dimensjoni urbana tal-politiki relatati mill-perspettiva speċjalizzata ta’ kull wieħed mid-Direttorati Ġenerali;

44.

jitlob li, sabiex jiġi garantit li l-Karta ta’ Leipzig tkun kemm jista’ jkun test vinkolanti għall-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, wara l-adozzjoni tal-Karta mġedda ta’ Leipzig mill-Kunsill Informali tal-Ministri għall-Iżvilupp Urban tat-30 ta’ Novembru 2020, jiġu adottati l-konklużjonijiet obbligatorji mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali. Dan għandu jiġi abbinat ma’ appell lill-presidenzi futuri tal-Kunsill biex jissoktaw bid-dibattiti dwar l-Aġenda Urbana fil-programmi ta’ ħidma rispettivi tagħhom.

Brussell, 14 ta’ Ottubru 2020

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


Top