Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR2355

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-Rapport dwar l-Ostakli għas-Suq Uniku u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar tas-Suq Uniku

    COR 2020/02355

    ĠU C 440, 18.12.2020, p. 27–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 440/27


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ir-Rapport dwar l-Ostakli għas-Suq Uniku u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Infurzar tas-Suq Uniku

    (2020/C 440/06)

    Relatur:

    Tadeusz TRUSKOLASKI (PL/EA), Sindku tal-Belt ta’ Białystok

    Referenzi:

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku

    COM(2020) 93 final

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni fit-tul għal implimentazzjoni u infurzar aħjar tar-regoli tas-suq uniku

    COM(2020) 94 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Kuntest

    1.

    jemmen li s-suq uniku Ewropew huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea (UE) u jirrappreżenta mudell uniku ta’ integrazzjoni fid-dinja billi jiggarantixxi l-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-kapital fl-UE kollha u fil-pajjiżi u r-reġjuni assoċjati;

    2.

    jenfasizza li l-politika dwar is-suq uniku Ewropew għandha rwol ewlieni x’taqdi sabiex titwettaq l-istrateġija għat-tkabbir sostenibbli u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar fl-Unjoni Ewropea. Il-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew jistimula l-kummerċ u jagħmel lill-Ewropa aktar attraenti għall-investiment barrani;

    3.

    jindika b’mod enfatiku li s-suq uniku Ewropew huwa fil-qalba tal-integrazzjoni ekonomika u politika tal-UE, għaliex dan ikopri 450 miljun konsumatur u 22,5 miljun intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SMEs), li jirrappreżentaw madwar 99 % tan-negozji kollha fl-UE;

    4.

    jenfasizza li s-suq uniku Ewropew jipprovdi EUR 14-il triljun fis-sena fi prodott domestiku gross (PDG), li jiżgura l-funzjonament tal-ekonomija Ewropea u t-tkabbir għall-Ewropej;

    5.

    jindika l-importanza tal-kummerċ fil-merkanzija li tinsab fis-suq uniku Ewropew, peress li jirrappreżenta kwart tal-PDG totali tal-UE u kważi wieħed minn kull sitta tal-kummerċ dinji fil-merkanzija;

    6.

    jaqbel mal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) li l-ikkompletar tas-suq uniku Ewropew, u b’hekk t-tneħħija tal-ostakli, jistgħu jiġġeneraw mill-inqas EUR 183 biljun fis-sena f’valur miżjud għall-Istati Membri, li jirrappreżentaw 1,2 % tal-PDG tal-UE;

    7.

    japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tidentifika l-ostakli għas-suq uniku Ewropew u jirrimarka li l-Komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Marzu 2020 tippreżenta problemi ewlenin li jikkonċernaw lin-negozji u li jeħtieġu soluzzjonijiet immedjati. Jiddispjaċih madankollu li ż-żewġ komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni jiffukaw prinċipalment fuq l-ostakli perċepiti min-negozji u ma jindirizzawx it-tħassib tal-imsieħba soċjali oħra, u jindirizzaw l-aspetti tal-konsumatur b’mod marġinali biss;

    8.

    jinnota li l-edizzjoni tal-2020 tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku ppubblikata fit-3 ta’ Lulju 2020 tikkonkludi li, minkejja titjib fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE b’mod partikolari fil-qasam tal-leġislazzjoni tal-konsumatur (tnaqqis ta’ 15 % fid-defiċit ta’ traspożizzjoni), l-għadd ta’ proċedimenti ta’ ksur xorta waħda mhux qed jonqos, minħabba traspożizzjoni “mhux kompluta” jew “mhux korretta”. Il-KtR huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-każijiet ta’ ksur tas-suq huma relatati mal-ambjent (28 %) (qabel it-trasport (17 %) u t-tassazzjoni (10 %));

    9.

    jirrikonoxxi li l-forma tar-regolamenti u l-għodod attwali għas-suq uniku hija aktar adatta għall-iskambju ta’ oġġetti milli ta’ servizzi. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li jinbnew għodod flessibbli li jistgħu jiġu adattati malajr għal prodotti u servizzi li qed jinbidlu u li jkunu għadhom kemm ġew introdotti fis-suq;

    10.

    jemmen li l-prijorità ta’ strateġija ġdida għas-suq uniku Ewropew trid tkun li verament jitneħħew l-ostakli u jiżdied l-aċċess għall-informazzjoni.

    L-ostakli għas-suq uniku – is-sorsi u l-konsegwenzi

    11.

    jirrimarka li huwa preċiżament minħabba d-diverġenzi legali bejn l-Istati Membri li t-tneħħija tal-ostakli għas-suq uniku Ewropew hija proċess daqshekk twil;

    12.

    jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li d-differenzi regolatorji joħolqu piż regolatorju partikolarment tqil għan-negozji, b’mod partikolari għall-SMEs, inklużi n-negozji l-ġodda u n-negozji li qed jespandu, l-innovaturi u l-promoturi ta’ mudelli ġodda ta’ negozju; jistieden, għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fir-rigward tat-tneħħija tar-regolamentazzjoni żejda;

    13.

    jenfasizza li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għandhom kapaċitajiet amministrattivi u ta’ riżorsi umani limitati biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-burokrazija amministrattiva kumplessa; ostaklu kbir għall-kooperazzjoni transkonfinali fis-suq uniku huwa ċ-ċertifikat A1, li għalih jeħtieġ li jitwettqu formalitajiet li jieħdu l-ħin meta l-ħaddiema jiġu stazzjonati f’pajjiż ġar, anke fil-każ ta’ stazzjonar regolari. Dawn il-formalitajiet konsegwentement jistgħu jnaqqsu l-attivitajiet transkonfinali b’mod konsiderevoli u b’hekk ifixklu l-funzjonament tas-suq uniku b’mod sinifikanti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tkun proattiva u, flimkien mal-leġislaturi tal-UE, tiżgura li l-proċeduri eżistenti għaċ-ċertifikazzjoni A1 fir-reġjuni tal-fruntiera jiġu ssemplifikati;

    14.

    jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jipprojbixxu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet (l-Artikoli 34 sa 36 tat-TFUE) ikunu infurzati b’mod aktar effettiv, u għall-bżonn li jiġu ġestiti l-proċeduri ta’ notifika dwar ir-Regolamenti tekniċi (id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)) u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ;

    15.

    jistenna li l-Kummissjoni Ewropea toħloq għodda ġdida biex jiġu osservati l-malfunzjonijiet tas-suq, pereżempju, billi jiġi “segwit” prodott u jiġu vverifikati l-ostakli fil-katina kollha tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-bejgħ, kif ukoll il-konsum u l-immaniġġjar ta’ tmiem il-ħajja tal-prodott.

    L-ekonomija Ewropea tal-futur

    16.

    huwa favur il-prijoritajiet tal-istrateġija għall-industrija Ewropea indikati s’issa, bħall-allinjament mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, li ser jiggarantixxu rkupru sostenibbli tal-ekonomija, speċjalment wara l-pandemija tal-COVID-19;

    17.

    jirrikonoxxi li għad hemm sfidi sinifikanti: Big Data, networks tal-5G, l-iżvilupp tal-innovazzjoni (inklużi b’mod partikolari l-IT, il-ħolqien tar-realtajiet diġitali u l-awtonomija tal-makkinarju), filwaqt li l-enfasi tibqa’ fuq il-bini u d-difiża tas-sovrenità tad-data industrijali;

    18.

    iħeġġeġ l-estensjoni tas-setgħat u l-istruttura ġeografika tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). Istituzzjoni effettiva għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’baġit kbir biżżejjed u bażi ta’ persunal li tippermettilha taħdem fid-dinja kollha hija mod kif jiġi żgurat it-tkabbir tal-kumpaniji Ewropej;

    19.

    jirrikonoxxi li l-politika għall-ħarsien tal-ambjent għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-industrija. Għalhekk, dan l-għan jeħtieġ li l-attività, inkluża l-attività xjentifika, tkun immirata lejn il-ħolqien ta’ pedament għal soċjetà ekoloġika u negozju ekoloġiku;

    20.

    jinnota l-ħtieġa li jkun hemm appoġġ komprensiv għall-immodernizzar u d-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jużaw ħafna enerġija. Madankollu, dan ma jistax isir billi l-produzzjoni tiġi trasferita lejn pajjiżi oħra jew billi jintużaw sottokuntratturi f’pajjiżi terzi li ma jirrispettawx ir-regolamenti Ewropej;

    21.

    jenfasizza l-ħtieġa ta’ appoġġ (finanzjarju u tal-IT) għal setturi sostenibbli u intelliġenti fl-oqsma tal-effiċjenza enerġetika, il-mobilità u l-mudelli sabiex jiġu eliminati l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu;

    22.

    jifhem il-ħtieġa li tiġi diversifikata l-produzzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż, iżda jinnota l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza tan-negozji Ewropej minn komponenti minn partijiet oħra tad-dinja; il-pandemija attwali tal-COVID-19 turi li għandha tiġi promossa ekonomija lokali aktar b’saħħitha għal ċerti industriji. Fil-qasam tal-prodotti mediċi huwa importanti, b’mod partikolari, li tiżdied il-produzzjoni fl-Ewropa biex b’hekk issir indipendenti minn, pereżempju, is-swieq Asjatiċi;

    Servizzi fis-suq uniku

    23.

    jenfasizza l-importanza tal-kummerċ fis-servizzi fis-suq uniku Ewropew, għaliex jammonta għal madwar 70 % tal-attività ekonomika kollha fl-UE u għandu rata simili f’termini ta’ impjieg;

    24.

    jinnota li l-Kummissjoni Ewropea għandha timpenja aktar riżorsi biex iżżid il-kummerċ fis-servizzi bil-għan li d-Direttiva dwar is-Servizzi tiġi implimentata b’mod aktar effettiv;

    25.

    jappella sabiex, meta jkun hemm aktar ħidma fuq l-istrateġija, jittieħed vantaġġ mill-kapaċità u l-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom kuntatt ta’ kuljum mar-rappreżentanti ta’ negozji mill-kategoriji tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar;

    26.

    jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjonijiet b’mod aktar deċiżiv fir-rigward tal-monopolji, b’mod partikolari fis-suq tas-servizzi diġitali, fejn entitajiet minn pajjiżi terzi għandhom pożizzjoni predominanti;

    27.

    jilqa’ t-tħabbir ta’ Att ġdid dwar is-Servizzi Diġitali, li fost oħrajn jissostitwixxi d-“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku” li għandha 20 sena (2). Jinsisti madankollu li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ppjanata m’għandux ikun limitat għall-konformità tal-prodotti mibjugħa fuq pjattaformi online, iżda għandu jindirizza wkoll ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni tar-regolamentazzjoni fl-oqsma soċjali, tal-impjiegi, tal-protezzjoni tal-konsumatur, tat-taxxa u tad-dazju, u b’hekk il-kompetizzjoni inġusta ma’ kumpaniji fis-settur offline. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji tal-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali huma kwistjoni ta’ tħassib partikolari;

    28.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm enfasi fuq l-innovazzjoni, l-investiment u l-ħiliet sabiex il-“pakkett tal-ħiliet” il-ġdid jirrifletti l-ħtiġijiet reali tas-suq tax-xogħol, u li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jitwettqu skont il-linji gwida tiegħu, inkluż għall-proġetti ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

    Valutazzjoni tal-attività preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea

    29.

    jilqa’ l-istabbiliment ta’ Task Force għall-Infurzar tas-Suq Uniku, iżda jiddispjaċih li s-sħubija tagħha s’issa hija ristretta għar-rappreżentanti tal-Istati Membri;

    30.

    jirrikonoxxi l-valur konsiderevoli tal-esperjenza miksuba mill-pjattaforma REFIT;

    31.

    japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex SOLVIT isir għodda alternattiva prestabbilita ta’ soluzzjoni għat-tilwim;

    32.

    iqis essenzjali li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi fir-rigward ta’ Stati Membri li jiksru l-leġislazzjoni vinkolanti bil-għan li l-proċedimenti jkunu jistgħu jitnedew, jitwettqu u jiġu infurzati malajr;

    33.

    jappella għal applikazzjoni aħjar tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-dritt tal-moviment liberu tal-merkanzija, li fil-prattika mhuwiex jintuża il-potenzjal sħiħ tiegħu, u sabiex dan il-prinċipju jiġi applikat kemm jista’ jkun fil-qasam tas-servizzi; f’dan ir-rigward, jappella għall-applikazzjoni bir-reqqa tar-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

    34.

    jistenna pożizzjoni ċara u deċiżiva mill-Kummissjoni Ewropea dwar prattiki kummerċjali inġusti, inkluża l-promozzjoni minn pajjiżi terzi ta’ industriji orjentati lejn l-esportazzjoni;

    35.

    jistenna bil-ħerqa li tiġi ppubblikata l-White Paper dwar ir-regoli tal-antitrust u li jkun hemm aktar konsultazzjonijiet li għandhom juru kemm hi kbira l-problema;

    36.

    jitlob biex jitħaffu l-azzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-oqfsa legali tal-UE fil-qasam tas-suq uniku sabiex bl-ebda mod ma jiġi ristrett il-fluss tal-gruppi essenzjali ta’ merkanzija, eż. l-ikel, il-mediċina, eċċ.;

    37.

    jistenna li l-kontrolli fil-fruntieri jitwettqu abbażi tal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità;

    38.

    jappella għal aktar sforzi biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-possibbiltà li jintużaw għodod moderni tal-ICT. L-industrija moderna u ż-żieda fil-kummerċ transfruntier jeħtieġu soluzzjonijiet li kapaċi jnaqqsu d-distanza ġeografika, speċjalment fir-reġjuni transkonfinali;

    39.

    jistenna bil-ħerqa t-tħejjija ta’ strateġija għas-suq uniku, bi pjan direzzjonali ambizzjuż iżda realistiku, għall-proposti mmirati lejn it-tneħħija tal-ostakli li fadal, u mhux biss taqsima analitika li turi l-ostakli u l-orjentazzjonijiet;

    40.

    jikkontesta l-fini u l-utilità tal-prinċipju ta’ “One In, One Out”, li skontu għandha titħassar leġiżlazzjoni waħda tal-UE għal kull waħda ġdida li tiġi adottata. Minflok jiġi segwit dan l-approċċ kwantitattiv fil-qasam tal-leġiżlazzjoni, li għandu r-riskju li jkollu impatt negattiv fuq setturi wiesgħa tas-soċjetà, fosthom is-setturi tal-impjieg, tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent, u li jmur kontra l-Artikolu 3(3) tat-TUE, il-kwalità tal-leġiżlazzjoni, l-adattament għall-evoluzzjonijiet teknoloġiċi u l-ħtiġijiet tas-soċjetà, għandhom jibqgħu l-prinċipju gwida għal kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida;

    41.

    jirrimarka l-ħtieġa li tinħoloq sistema integrata tas-sigurtà farmaċewtika li tippermetti li r-riżorsi jiġu allokati skont id-domanda kritika f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

    Attività tal-amministrazzjoni pubblika u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

    42.

    jindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jappoġġjaw bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex telimina l-ostakli fis-suq uniku Ewropew;

    43.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jkun hemm tagħlim dwar il-possibilitajiet li jinħolqu fil-qasam tas-suq uniku Ewropew – l-ewwel u qabel kollox, li jiġu infurmati l-entitajiet tal-gvern lokali u reġjonali li għandhom kuntatt dirett mal-intraprendituri u l-konsumaturi Ewropej;

    44.

    jappoġġja l-idea li jinħoloq punt ta’ informazzjoni ċentrali dwar il-leġislazzjoni fis-seħħ fis-suq uniku għall-uffiċjali fl-Istati Membri u bil-għan li jiġi mmassimizzat il-fluss ta’ informazzjoni bejn il-livell Ewropew u dak lokali;

    45.

    jappoġġja azzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni li jinkludu l-gateway diġitali unika, li ser tiżgura l-aċċess għal informazzjoni komprensiva dwar il-leġislazzjoni u l-proċeduri amministrattivi tas-suq uniku, u li tidderieġi lill-utenti lejn l-aktar servizzi ta’ appoġġ u punti ta’ kuntatt rilevanti;

    46.

    jipprevedi użu aħjar tal-għodod eżistenti tal-IT fis-suq uniku Ewropew, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern, u jaqbel li hemm bżonn li tinħoloq pjattaforma onlajn unifikata għall-infurzar tal-liġi;

    47.

    iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprevedu l-konformità mal-leġislazzjoni proposta, peress li f’ħafna każijiet dawn l-awtoritajiet huma responsabbli biex jimplimentawha ladarba tkun ġiet adottata. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ukoll il-kapaċità li jittestjaw is-soluzzjonijiet u jirċievu rispons dirett dwar il-kapaċità tal-konformità;

    48.

    jissuġġerixxi li hemm bżonn li titħaffef il-ħidma dwar l-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq uniku Ewropew, u li dan il-proċess għandu jitlesta sa tmiem l-2023;

    Sfidi kummerċjali globali

    49.

    jikkritika l-iżbilanċ fis-suq globali dwar il-livell u l-ambitu tal-għajnuna (legali u finanzjarja) li l-istati individwali jagħti lill-entitajiet ekonomiċi privati u pubbliċi li jipprovdu servizzi u jiddistribwixxu prodotti lill-Unjoni Ewropea;

    50.

    jirrimarka li hemm bżonn li l-valuri Ewropej jiġu promossi b’mod aktar b’saħħtu fid-dinja – inklużi dawk li jikkonċernaw il-kummerċ fil-merkanzija u s-servizzi. L-UE u l-istituzzjonijiet tagħha jridu jippromovu sistema miftuħa ta’ kummerċ globali bbażata fuq regoli internazzjonali;

    51.

    jinkoraġġixxi miżuri biex jittieħed vantaġġ mill-possibilitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni u l-aċċess kważi immedjat għall-informazzjoni biex jiġi miġġieled id-dumping tal-prezzijiet;

    52.

    jirrimarka l-importanza ta’ sistema ta’ kummerċ globali bbażata fuq ir-regoli b’WTO b’saħħitha, u jopponi l-protezzjoniżmu u l-iżolament. L-għan tal-UE għandu jkun li tirrivitalizza u ssaħħaħ id-WTO, inkluż billi timmodernizza l-metodi ta’ ħidma tagħha f’oqsma ewlenin u timla l-lakuni fil-ġabra ta’ regoli tagħha sabiex id-WTO tkun tista’ twieġeb b’mod xieraq għall-isfidi attwali tal-politika kummerċjali;

    53.

    jissuġġerixxi li tiġi żviluppata u implimentata politika għal riorganizzazzjoni Ewropea tal-ktajjen tal-provvista sabiex fil-futur in-negozji Ewropej ma jbatux minn tnaqqis fil-kummerċ globali u minn nuqqas ta’ komponenti disponibbli, u l-aċċess għal xi prodotti ma jkunx ristrett għaċ-ċittadini tal-UE;

    54.

    jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu żviluppati relazzjonijiet kummerċjali bejn “l-UE u l-bqija tad-dinja” abbażi tal-interessi strateġiċi Ewropej (inklużi standards ambjentali daqstant ambizzjużi għall-pajjiżi kollha), bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-UE u r-rwol tagħha bħala attur globali.

    Rimarki finali – konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    55.

    jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri individwali u azzjoni uniformi, b’mod partikolari fil-qasam tal-affarijiet internazzjonali li jaffettwaw il-funzjonament sikur u stabbli tal-pajjiżi kollha tal-UE (eż. biex tinkiseb l-indipendenza Ewropea mill-materja prima minn pajjiżi terzi);

    56.

    jeskludi l-okkorrenza fit-tul ta’ żbilanċi li jikkonċernaw ir-regoli operattivi bejn l-Istati Membri tal-UE, kif kien il-każ s’issa (eż. dwar pagamenti lill-baġit tal-UE, l-użu tal-euro, eċċ.);

    57.

    jenfasizza l-importanza li jiġu integrati l-istituzzjonijiet privati u pubbliċi li jaħdmu għan-negozji u l-konsumaturi, b’mod partikolari fil-livell sovranazzjonali, minħabba li huma ħafna aktar veloċi biex jinnotaw problemi li jirriżultaw minn leġislazzjoni diverġenti jew minn deroga mir-regoli adottati fil-livell tal-UE;

    58.

    jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tan-negozju Ewropew u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, inklużi s-soluzzjonijiet teknoloġiċi li jikkonċernaw is-suq uniku, hija prijorità għall-UE. Oqsma bħaċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, u l-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni fil-cloud jeħtieġu titjib u soluzzjonijiet ġodda;

    59.

    jirrakkomanda:

    (a)

    armonizzazzjoni mill-qrib tar-regoli u l-koordinazzjoni tar-regolaturi għal setturi li għandhom impatt qawwi fuq il-funzjonament tal-ekonomija, pereżempju t-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija;

    (b)

    valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ armonizzazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni fuq perjodu qasir ta’ żmien (diversi snin) fir-rigward ta’ setturi oħra, u valutazzjoni tal-kapaċità legali u teknoloġika sabiex jiġu implimentati soluzzjonijiet f’ekonomiji f’livelli differenti ta’ żvilupp soċjoekonomiku;

    (c)

    impenn akbar mill-Kummissjoni biex jitneħħew l-ostakli mhux tariffarji fi ħdan l-UE, inklużi l-limitazzjonijiet fil-forma tal-applikazzjoni ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali mhux ġustifikabbli u rekwiżiti regolatorji u mhux regolatorji għall-prodotti u l-fornituri tas-servizzi u l-kundizzjonijiet għall-għoti tas-servizzi;

    (d)

    żieda tal-kooperazzjoni ma’ rappreżentanti tan-negozju lokali sabiex ir-regolamenti l-ġodda jkunu jistgħu jitnedew minn isfel għal fuq;

    (e)

    l-inklużjoni ta’ entrata dwar responsabbiltà ċara u ambitu għal dawn l-azzjonijiet, f’termini ta’ ħolqien u ottimizzazzjoni tas-suq uniku Ewropew, f’dokumenti futuri tal-awtoritajiet fil-livell reġjonali u lokali;

    (f)

    it-trawwim ta’ kultura ta’ konsum ta’ prodotti manifatturati fl-UE bħala sinonimi mal-kwalità u l-modernità;

    60.

    iħeġġeġ il-ħolqien ta’ linji gwida komuni sabiex jinbnew portali pubbliċi (tal-anqas fil-livell reġjonali – NUTS 2) sabiex in-negozji minn Stati Membri differenti jkunu jistgħu faċilment isibu l-informazzjoni neċessarja;

    61.

    jirrimarka l-ħtieġa li tissaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tas-salvagwardja ta’ standards għolja fl-oqsma tal-ambjent, tal-protezzjoni tal-klima u tas-saħħa, sabiex is-sinerġiji bejn il-koeżjoni tal-pajjiżi tal-UE u l-effetti ekonomiċi jsiru effettivi. L-imperfezzjonijiet tas-suq uniku jinħassu fil-livell lokali u reġjonali;

    62.

    jenfasizza l-importanza tal-awtonomija industrijali tas-suq uniku Ewropew, inkluża l-ħtieġa li tinħoloq strateġija li tiggarantixxi l-provvista ta’ materja prima kritika;

    63.

    jappella għall-kuraġġ meta jiġu implimentati soluzzjonijiet ġodda, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw in-newtralità klimatika tal-ekonomija Ewropea jew meta tissaħħaħ direttament l-uniformità tas-suq uniku.

    Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

    Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Apostolos TZITZIKOSTAS


    (1)  Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

    (2)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2019/515 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' merkanzija kummerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 1).


    Top