Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AG0012(02)

    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 12/2020 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni ta’ xhieda) (riformulazzjoni) 2020/C 405/02

    ĠU C 405, 26.11.2020, p. 41–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 405/41


    Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 12/2020 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni ta’ xhieda) (riformulazzjoni)

    (2020/C 405/02)

    I.   INTRODUZZJONI

    1.

    Il-Kummissjoni adottat il-proposta għal reviżjoni msemmija hawn fuq (1) fil-31 ta' Mejju 2018, u ppreżentatha lill-Kunsill u lill-Parlament. Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 81 (2)(Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-proposta hija soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    2.

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-Kumpilazzjoni ta' Xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali huwa strument importanti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea. L-istrument jipprovdi qafas għall-assistenza ġudizzjarja transfruntiera bejn l-Istati Membri fil-ġbir ta' evidenza bejn il-fruntieri u għall-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera diretta. Il-proposta għal reviżjoni għandha l-għan li tadatta l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni u l-flussi tax-xogħol tat-trażmissjoni fir-Regolament eżistenti għall-iżviluppi tekniċi li tipprovdi d-diġitalizzazzjoni u l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT). B'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni tappella għall-istabbiliment ta' sistema deċentralizzata tal-IT u l-użu obbligatorju tagħha għall-iskambju ta' talbiet u dokumenti bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-proposta għal reviżjoni għandha wkoll l-għan li twessa' u ssaħħaħ il-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera diretta.

    3.

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta l-opinjoni tiegħu (2) dwar din il-proposta u l-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (proposta dwar in-Notifika ta' Dokumenti) fis-17 ta' Ottubru 2018. Il-KESE sab li ż-żewġ proposti huma konformi mal-istrateġija tas-suq uniku diġitali b'rabta mal-gvern elettroniku, speċjalment fir-rigward tal-ħtieġa li jittieħdu passi biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika u tinkiseb l-interoperabbiltà transkonfinali.

    4.

    Fit-13 ta' Frar 2019, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta għall-Kumpilazzjoni ta' Xhieda, b'37 emenda għall-proposta tal-Kummissjoni b'554 vot favur, 26 vot kontra u 9 astensjonijiet.

    5.

    Fit-13 ta' Settembru 2019, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppreżenta l-Opinjoni 5/2019 dwar din il-proposta u l-proposta dwar in-Notifika ta' Dokumenti (3).

    6.

    Fil-Kunsill ĠAI ta' Ġunju 2019, il-Ministri qablu li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet fil-kuntest ta' din il-proposta u l-proposta dwar in-Notifika ta' Dokumenti jenħtieġ li tkun ibbażata fuq sistema deċentralizzata u sigura tal-IT li tinkludi sistemi nazzjonali interkonnessi tal-IT.

    7.

    It-test tar-Regolament propost ġdid jipprevedi li l-Kummissjoni ser tkun responsabbli mill-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza. Minħabba li l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ma kien fiha l-ebda dikjarazzjoni finanzjarja dwar l-impatt potenzjali fuq il-baġit tal-UE, il-Presidenza, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u skont is-subparagrafu 2 tal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Finanzjarju tal-UE (4), ħejjiet dikjarazzjoni finanzjarja indikattiva (5) li tistabbilixxi l-impatt finanzjarju stmat tal-emendi fuq il-baġit.

    8.

    Fit-2 u t-3 ta' Diċembru 2019, il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni laħaq approċċ ġenerali dwar il-parti normattiva tar-Regolament propost u appella biex il-ħidma fuq l-Annessi tiġi ffinalizzata fil-livell tekniku kemm jista' jkun malajr (6). Fi Frar 2020, il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali supplimentari (7).

    9.

    Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) għat-Trattati dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, l-Irlanda ddeċidiet li tipparteċipa f'din il-proposta. (8) Bl-applikazzjoni tal-Protokoll (Nru 22) għat-Trattati dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni tal-miżuri proposti.

    10.

    Abbażi tal-approċċ ġenerali ta' Diċembru 2019 u ta' Frar 2020, il-Presidenza kienet f'kuntatt mal-Parlament Ewropew, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil bikri fit-tieni qari.

    11.

    Saru żewġ trilogi, fid-29 ta' Jannar 2020 u t-30 ta' Ġunju 2020, li matulhom ir-rappreżentanti tal-Presidenza għall-Istati Membri u tal-Parlament Ewropew kellhom l-opportunità li jistipulaw il-punti kardinali tal-pożizzjonijiet tagħhom u jesploraw il-possibbiltajiet biex jinstab kompromess. Id-diskussjonijiet irriżultaw f'konverġenza konsiderevoli ta' fehmiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar abbozz ta' pakkett ta' kompromess (9).

    12.

    Matul it-tieni trilogu, intlaħaq qbil ukoll, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, li r-Regolament propost dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda jenħtieġ li jiġi ppreżentat u adottat bħala riformulazzjoni tar-Regolament attwali dwar il-Kumpilazzjoni ta' Xhieda.

    13.

    Fit-22 ta' Lulju 2020, il-COREPER II ikkonferma t-test ta' kompromess finali ta' riformulazzjoni bil-ħsieb tal-qbil li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew (10).

    14.

    Fl-10 ta' Settembru 2020, il-pakkett ta' kompromess għal riformulazzjoni ġie approvat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew. Fit-30 ta' Settembru, il-President tal-Kumitat JURI indirizza ittra (11) lill-President tal-COREPER II biex jinformah li, jekk il-Kunsill jibgħat formalment lill-Parlament Ewropew il-pożizzjoni tiegħu fil-forma ppreżentata fl-Anness għal dik l-ittra, huwa jirrakkomanda lill-Plenarja li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emenda, soġġett għal verifika mill-ġuristi lingwisti, fit-tieni qari tal-Parlament Ewropew.

    II.   OBJETTIV

    15.

    Dan ir-Regolament (riformulazzjoni) jipprova jtejjeb l-effiċjenza u l-ħeffa tal-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera fl-Unjoni billi jisfrutta l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni għas-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri għat-trażmissjoni ta' talbiet u jiżgura li jsir aktar użu mill-kumpilazzjoni ta' xhieda diretta permezz tal-vidjokonferenzi. Pereżempju, ser isir aktar faċli biex persuni jinstemgħu mingħajr ma jkunu meħtieġa jivvjaġġaw lejn pajjiż ieħor. Dan ser jipprovdi ċertezza legali akbar u b'hekk għandu jgħin biex jiġu evitati dewmien u spejjeż żejda għall-individwi, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u jinkoraġġixxi lill-individwi u n-negozji jinvolvu ruħhom saħansitra aktar fit-tranżazzjonijiet transfruntiera.

    16.

    Il-proposta għandha l-għan li tiddiġitalizza t-trażmissjoni ta' talbiet għall-kumpilazzjoni ta' xhieda bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti. Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jappella għall-istabbiliment ta' sistema deċentralizzata tal-IT. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli mill-ħolqien, il-manutenzjoni u l-iżvilupp futur tas-software ta' implimentazzjoni ta' referenza f'konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mill-fażi tat-tfassil u b'mod prestabbilit, li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw minflok sistema nazzjonali tal-IT.

    III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

    A.   Kuntest proċedurali

    17.

    Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill wettqu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim fl-istadju tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari ("ftehim bikri fit-tieni qari"). It-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jirrifletti l-pakkett ta' kompromess li ntlaħaq qbil dwaru bejn iż-żewġ koleġiżlaturi, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

    B.   Sommarju tal-kwistjonijiet ewlenin

    18.

    Il-modifiki ewlenin qed jiffokaw fuq l-aspetti li ġejjin:

    Il-kunċett ta' ''qorti'' ġie definit skont Regolamenti oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, ċivili u kummerċjali sabiex jiġu eliminati l-inċertezzi u l-interpretazzjonijiet diverġenti bejn l-Istati Membri.

    Il-komunikazzjonijiet u l-iskambju ta' dokumenti kollha jenħtieġ li jitwettqu permezz ta' sistema deċentralizzata, sigura u affidabbli tal-IT li tinkludi sistemi nazzjonali tal-IT li huma interkonnessi u teknikament interoperabbli, pereżempju, abbażi tal-e-CODEX. Jipprevedi wkoll li din il-komunikazzjoni u l-iskambji għandhom jitwettqu bir-rispett dovut għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. L-użu ta' mezzi tradizzjonali ta' komunikazzjoni jenħtieġ li jseħħ biss f'każijiet ta' interruzzjoni fis-sistema tal-IT jew ċirkostanzi eċċezzjonali oħra. Sabiex tiġi simplifikata u aċċellerata l-kumpilazzjoni ta' xhieda, jenħtieġ li vidjokonferenzi jew teknoloġiji ta' komunikazzjoni mill-bogħod oħra jintużaw b'mod aktar wiesa' għall-kumpilazzjoni ta' xhieda diretta mill-qrati.

    Il-kumpilazzjoni ta' xhieda minn aġenti diplomatiċi jew uffiċjali konsulari fil-qasam li jkunu akkreditati fih, ser tkun possibbli mingħajr il-ħtieġa ta' talba minn qabel. Kull Stat Membru jiddetermina jekk l-aġenti diplomatiċi jew l-uffiċjali konsulari tiegħu għandhomx is-setgħa tal-kumpilazzjoni ta' evidenza bħala parti mill-funzjonijiet tagħhom.

    IV.   KONKLUŻJONI

    19.

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-pakkett ta' kompromess li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu dwaru, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

    20.

    Kif indikat fil-paragrafu 14 hawn fuq, dan il-pakkett ta' kompromess ġie kkonfermat permezz ta' ittra mill-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew indirizzata lill-President tal-COREPER II, fit-30 ta' Settembru 2020 (12).

    21.

    Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tirrappreżenta pakkett bilanċjat u li, ladarba jiġi adottat, ir-Regolament il-ġdid ser jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tiżdied l-effiċjenza u l-ħeffa tal-kumpilazzjoni ta' xhieda transfruntiera billi jiġu sfruttati l-vantaġġi tad-diġitalizzazzjoni.

    (1)  9620/18.

    (2)  14013/18.

    (3)  12245/19.

    (4)  ĠU L 193, 30.7.2018, p.1.

    (5)  14427/19.

    (6)  14601/19 + ADD1.

    (7)  5719/20.

    (8)  L-Irlanda pparteċipat fis-17 ta' Ottubru 2018 (ara d-dok. ST 13305/18). Ir-Renju Unit ma għamilx użu mill-possibbiltà stipulata fl-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 21) biex jieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din il-proposta.

    (9)  9248/20.

    (10)  9678/20 + ADD 1.

    (11)  11357/20.

    (12)  Ara d-dok. 11357/20.


    Top