EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AT40411(03)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2019 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (il-Każ AT.40411 — Google Search (AdSense)) (notifikata bid-dokument numru C(2019) 2173) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku) 2020/C 369/04

C/2019/2173

ĠU C 369, 3.11.2020, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/6


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-20 ta’ Marzu 2019

li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

(il-Każ AT.40411 — Google Search (AdSense))

(notifikata bid-dokument numru C(2019) 2173)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2020/C 369/04)

Fl-20 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull penali imposti, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tistabbilixxi li l-inklużjoni tal-Klawsola ta’ Esklussività, il-Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google u l-Klawsola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti, minn Google Inc. (“Google”) fil-Ftehimiet tagħha dwar is-Servizzi ta’ Google ( “FSGs”), konklużi mal-klijenti l-kbar tagħha ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online (“Sħab Diretti”), kisru l-Artikolu 102 tat-TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE.

(2)

Id-Deċiżjoni tordna lil Google biex tieqaf milli tapplika l-klawżoli msemmija hawn fuq sakemm ma għamlitx dan diġà u biex tastjeni milli timplimenta kwalunkwe miżura li jkollha objettiv jew effett ekwivalenti. Id-Deċiżjoni timponi multa b’rabta mal-imġiba abbużiva fuq Google Inc. fir-rigward tal-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sas-6 ta’ Settembru 2016 kif ukoll fuq Alphabet Inc. (“Alphabet”) għall-perjodu mill-2 ta’ Ottubru 2015 sas-6 ta’ Settembru 2016.

2.   DEFINIZZJONI U DOMINANZA TAS-SUQ

(3)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li s-swieq tal-prodott rilevanti għall-fini ta’ dan il-każ huma s-suq għal reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online u s-suq għall-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online.

(4)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-forniment ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online jikkostitwixxi suq tal-prodott rilevanti distint minħabba li mhuwiex sostitwibbli ma’: (i) reklamar offline; (ii) reklamar fuq l-internet mhux konness ma’ tiftix; u lanqas ma’ (iii) riżultati ta’ tiftix speċjalizzati mħallsa. Id-Deċiżjoni tikkonkludi li, minħabba l-ispeċifiċitajiet lingwistiċi u kulturali li jaffettwaw l-imġieba tal-operaturi f’dan is-suq, l-ambitu ġeografiku ta’ dan is-suq huwa nazzjonali.

(5)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li s-suq għall-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online jikkostitwixxi suq tal-prodott rilevanti distint minħabba li hemm sostitwibbiltà limitata ma’: (i) bejgħ dirett online; u ma’ (ii) servizzi ta’ intermedjazzjoni għal reklami fuq l-internet, mhux konessi ma’ tiftix. Id-Deċiżjoni tikkonkludi li s-suq għall-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online għandu ambitu mifrux maż-ŻEE kollha, minħabba li l-operaturi f’dan is-suq huma kapaċi jadattaw is-servizzi tagħhom skont l-ispeċifiċitajiet lingwistiċi u kulturali tal-Istati Membri tal-UE jew tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim taż-ŻEE li fihom jkunu qegħdin joperaw.

Il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-swieq nazzjonali ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online

(6)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google kellha pożizzjoni dominanti mill-inqas fis-swieq nazzjonali li ġejjin fir-reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online fiż-ŻEE u tal-inqas għall-perjodi li ġejjin:

bejn l-2006 u l-2016 fl-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, Spanja u r-Renju Unit;

bejn l-2007 u l-2016 fin-Norveġja u l-Polonja;

bejn l-2008 u l-2016 fl-Ungerija, ir-Rumanija u l-Isvezja;

bejn l-2009 u l-2016 fil-Finlandja u s-Slovenja;

bejn l-2010 u l-2016 fil-Bulgarija u s-Slovakkja;

bejn l-2011 u l-2016 fiċ-Ċekja; kif ukoll

bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u l-2016 fil-Kroazja.

(7)

Din il-konklużjoni hija bbażata fuq is-sehem mis-suq ta’ Google u tal-fornituri kompetituri ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online, u fuq evidenza li turi li s-swieq nazzjonali għar-reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online fiż-ŻEE huma kkaratterizzati minn ostakli sinifikanti għad-dħul u l-espansjoni. Dawn l-ostakli għad-dħul u l-espansjoni jinkludu l-investimenti sostanzjali meħtieġa biex wieħed jidħol fis-suq, l-eżistenza ta’ effetti tan-netwerk u n-nuqqas ta’ setgħa kompensatorja tax-xerrej.

Il-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq taż-ŻEE għall-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online

(8)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google kellha pożizzjoni dominanti fis-suq taż-ŻEE għall-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online tal-inqas bejn l-2006 u l-2016.

(9)

Din il-konklużjoni hija bbażata fuq is-sehem mis-suq ta’ Google u ta’ l-intermedjarji kompetituri fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online u evidenza li turi li s-suq taż-ŻEE għall-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online huwa kkaratterizzat minn ostakli sinifikanti għad-dħul u l-espansjoni. Dawn l-ostakli għad-dħul u l-espansjoni jinkludu l-investimenti sostanzjali meħtieġa biex wieħed jidħol fis-suq, l-eżistenza ta’ effetti tan-netwerk u n-nuqqas ta’ setgħa kompensatorja tax-xerrej.

3.   ABBUŻ TA’ POŻIZZJONI DOMINANTI

(10)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li mill-1 ta’ Jannar 2006 sas-6 ta’ Settembru 2016, Google kisret l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE billi wettqet tliet tipi distinti ta’ aġir, li flimkien kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu.

(11)

L-ewwel nett, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq taż-ŻEE kollu fejn tidħol l-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online billi inkludiet l-Klawsola ta’ Esklużività fil-FSGs mas-Sħab Diretti li kellhom l-inventarju tar-reklamar kollu tagħhom kopert. Dik il-klawżola kienet tobbliga lil dawk is-Sħab Diretti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħhom ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online, kollha jew il-biċċa l-kbira tagħhom, mingħand Google.

(12)

It-tieni, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq taż-ŻEE għal intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online billi daħħlet il-Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google fil-FSGs mas-Sħab Diretti. Dik il-klawżola tobbliga lis-Sħab Diretti biex jirriżervaw l-aktar spazju prominenti fuq il-paġni tagħhom ta’ riżultati tat-tiftix, koperti mill-FSG rilevanti, għal numru minimu ta’ reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google.

(13)

It-tielet, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq taż-ŻEE fejn tidħol l-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online, billi daħħlet il-Klawsola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti fil-FSGs ma’ Sħab Diretti. Dik il-klawżola tobbliga lis-Sħab Diretti biex jitolbu l-approvazzjoni ta’ Google qabel ma jagħmlu tibdil għall-wiri ta’ reklami kompetituri fil-kuntest ta’ tiftix online fuq siti web koperti mill-FSG rilevanti.

Abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google: Klawżola ta’ esklussività

(14)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li, bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Marzu 2016, l-inklużjoni tal-Klawsola ta’ Esklużività fil-FSGs ta’ Sħab Diretti li kellhom l-inventarju ta’ reklamar kollu tagħhom kopert, kien jikkostitwixxi abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq taż-ŻEE fejn tidħol l-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online.

(15)

L-ewwel nett, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-inklużjoni tal-Klawżola ta’ Esklużività fil-FSGs ma’ Sħab Diretti li kellhom l-inventarju tar-reklamar kollu tagħhom kopert, kien jikkostitwixxi obbligu ta’ provvista esklużiva. Id-Deċiżjoni tispjega li l-Klawsola ta’ Esklussività tobbliga li s-Sħab Diretti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tagħhom fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online minn Google għas-siti web inklużi fil-FSGs u li s-Sħab Diretti ma setgħux ineħħu xi sit web mill-ambitu ta’ xi FSG mingħajr il-kunsens ta’ Google.

(16)

It-tieni, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-inklużjoni tal-Klawżola ta’ Esklużività fil-FSGs ma’ Sħab Diretti li kellhom l-inventarju tar-reklamar kollu tagħhom kopert, kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni, minħabba li din: (i) tiskoraġġixxi lil dawk is-Sħab Diretti milli jakkwistaw reklami kompetituri fil-kuntest ta’ tiftix online; (ii) ma tħallix aċċess minn fornituri kompetituri ta’ servizzi tal-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online għal parti sinifikanti tas-suq taż-ŻEE għal intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online; (iii) jista’ jkun li tiskoraġġixxi l-innovazzjoni; (iv) għenet lil Google żomm u saħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha f’kull suq nazzjonali għar-reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online fiż-ŻEE, ħlief fil-Portugall; kif ukoll (v) jista’ jkun li kkawżat danni għall-konsumaturi.

(17)

It-tielet, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google ma urietx li l-inklużjoni tal-Klawżola ta’ Esklużività fil-FSGs ma’ Sħab Diretti li kellhom l-inventarju tar-reklamar kollu tagħhom kopert, kienet oġġettivament ġustifikata jew li l-effett ta’ esklużjoni ta’ dik il-klawżola kien kontrobilanċjat, jew anki megħlub, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ gwadanji fl-effiċjenza li huma ta’ benefiċċju anki għall-konsumaturi. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google ma pprovdietx evidenza suffiċjenti li l-inklużjoni tal-Klawżola ta’ Esklużività kienet meħtieġa biex tappoġġa l-investimenti speċifiċi għall-konsumatur fir-rigward ta’ dawk is-Sħab Diretti u biex tiġġustifika l-investiment meħtieġ biex titmexxa, tinżamm u tittejjeb il-kwalità tal-pjattaforma tagħha ta’ intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online.

Abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google: il-Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google

(18)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li, bejn il-31 ta’ Marzu 2009 u s-6 ta’ Settembru 2016, l-inklużjoni tal-Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google fil-FSGs ma’ Sħab Diretti kienet tikkostitwixxi abbuż mill-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq taż-ŻEE għal intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online.

(19)

L-ewwel nett, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-inklużjoni tal-Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google fil-FSGs mas-Sħab Diretti kienet tobbliga li s-Sħab Diretti jirriżervaw l-aktar spazju prominenti u għalhekk dak l-aktar profittabbli fuq il-paġni tar-riżultati tat-tiftix tagħhom għal reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google, u biex iżommu lura milli jqiegħdu reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ kompetituri f’pożizzjoni li tkun qrib eżatt jew’ il fuq mir-reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google. Id-Deċiżjoni tispjega li l-profittabbiltà ta’ reklam fil-kuntest ta’ tiftix online tiddependi mill-pożizzjonament tiegħu fuq il-paġna tar-riżultati tat-tiftix, u li l-ispazju ta’ fuq ir-riżultati organiċi tikkostitwixxi l-pożizzjoni l-aktar profittabbli minħabba l-fatt li huwa aktar probabbli li l-konsumaturi jikklikkjaw fuq reklami pożizzjonati fuq ir-riżultati organiċi.

(20)

It-tieni, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-inklużjoni tal-Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google fil-FSGs mas-Sħab Diretti tobbliga lis-Sħab Diretti biex jimlew l-aktar spazju prominenti fuq il-paġni tar-riżultati ta’ tiftix tagħhom b’numru minimu ta’ reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google. Konsegwentement, is-Sħab Diretti li riedu jakkwistaw biss numru limitat ta’ reklami fil-kuntest ta’ tiftix online kienu obbligati li jakkwistawhom kollha minn Google.

(21)

It-tielet, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-inklużjoni ta’ Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google fil-FSGs ma’ Sħab Diretti kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni għaliex: (i) kienet tiskoraġġixxi lis-Sħab Diretti milli jakkwistaw reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ kompetituri; (ii) ma tħallix aċċess minn fornituri kompetituri ta’ intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online għal parti sinifikanti tas-suq taż-ŻEE għal intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online; (iii) jista’ jkun li tiskoraġġixxi l-innovazzjoni; (iv) għenet lil Google żomm u saħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha f’kull suq nazzjonali għar-reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online fiż-ŻEE, ħlief fil-Portugall; kif ukoll (v) jista’ jkun li kkawżat danni għall-konsumaturi.

(22)

Ir-raba’, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google ma urietx li l-inklużjoni tal-Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google fil-FSGs ma’ Sħab Diretti kienet oġġettivament ġustifikata jew li l-effett ta’ esklużjoni ta’ dik il-klawżola kien kontrobilanċjat, jew anki megħlub, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ gwadanji fl-effiċjenza li huma ta’ benefiċċju anki għall-konsumaturi. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google ma pprovdietx evidenza suffiċjenti li l-inklużjoni ta’ Klawżola dwar Tqegħid Vantaġġjuż u Minimu ta’ Reklami ta’ Google fil-FSGs ma’ Sħab Diretti kienet meħtieġa biex tiġġustifika l-investimenti speċifiċi għall-konsumatur fir-rigward ta’ dawk is-Sħab Diretti u biex iżżomm ir-rilevanza tar-reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google.

Abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google: il-Klawżola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti

(23)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li, bejn il-31 ta’ Marzu 2009 u s-6 ta’ Settembru 2016, l-inklużjoni tal-Klawsola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti fil-FSGs ma’ Sħab Diretti kienet tikkostitwixxi abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq taż-ŻEE fejn tidħol l-intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online.

(24)

L-ewwel nett, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-inklużjoni tal-Klawsola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti fil-FSGs mas-Sħab Diretti obbligat lis-Sħab Diretti li jfittxu l-approvazzjoni ta’ Google qabel ma jagħmlu kwalunkwe bidla fil-mod kif jintwerew reklami fil-kuntest ta’ tiftix online li jikkompetu.

(25)

It-tieni, id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-inklużjoni ta’ Klawsola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti fil-FSGs ma’ Sħab Diretti kienet kapaċi tirrestrinġi l-kompetizzjoni għaliex: (i) kienet tiskoraġġixxi lis-Sħab Diretti milli jakkwistaw reklami fil-kuntest ta’ tiftix online kompetituri; (ii) ma ħallietx lill-kompetituri ta’ Google li jkollhom aċċess għal parti sinifikanti tas-suq taż-ŻEE għal intermedjazzjoni fir-rigward ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online; (iii) jista’ jkun li skoraġġiet l-innovazzjoni; (iv) għenet lil Google iżomm il-pożizzjoni dominanti tiegħu; kif ukoll (v) jista’ jkun li kkawżat danni għall-konsumaturi.

(26)

It-tielet, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google ma urietx li l-inklużjoni tal-Klawsola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti fil-FSGs ma’ Sħab Diretti kienet oġġettivament ġustifikata jew li l-effett ta’ esklużjoni ta’ dik il-klawżola kien kontrobilanċjat, jew anki megħlub, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ gwadanji fl-effiċjenza li huma ta’ benefiċċju anki għall-konsumaturi. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google ma pprovdietx evidenza suffiċjenti li s-Sħab Diretti għandhom ikunu responsabbli għall-konformità tar-reklami kompetituri mal-istandards tal-kwalità ta’ Google, u ma pprovdietx biżżejjed evidenza li l-Klawsola ta’ Awtorizzazzjoni ta’ Reklami Ekwivalenti kienet meħtieġa biex jiġu evitati prattiki qarrieqa fuq siti li wkoll urew reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google.

L-effett fuq in-negozju

(27)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-imġiba ta’ Google kellha effett li jinħass fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE u bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE.

Tul ta' żmien

(28)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-perjodu tal-ksur uniku u kontinwu kien ta’ 10 snin, tmien xhur u sitt ijiem. Fir-rigward ta’ Google, id-data tal-bidu tal-ksur uniku u kontinwu kienet l-1 ta’ Jannar 2006 u d-data tat-tmiem tiegħu kienet is-6 ta’ Settembru 2016. Fir-rigward ta’ Alphabet, id-data tal-bidu tal-ksur uniku u kontinwu kienet it-2 ta’ Ottubru 2015 u d-data tat-tmiem tiegħu kienet is-6 ta’ Settembru 2016.

Rimedji

(29)

Id-Deċiżjoni tikkonkludi li Google u Alphabet għandhom itemmu l-imġiba sakemm għadhom ma għamlux hekk, u jżommu lura minn kwalunkwe att jew imġiba li jkollhom l-istess għan jew effett jew għan jew effetti simili.

(30)

Konsegwentement, Google u Alfabett ma jistgħux: (i) jagħmlu l-akkwist ta’ reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google kundizzjonali fuq rekwiżiti bil-miktub jew mhux miktuba li jobbligaw lis-Sħab Diretti jirriżervaw l-aktar spazju prominenti fuq il-paġni tar-riżultati tat-tiftix tagħhom koperti mill-FSG rilevanti għar-riklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google; (ii) jagħmlu l-akkwist ta’ reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google kundizzjonali fuq rekwiżiti bil-miktub jew mhux miktuba li jobbligaw lis-Sħab Diretti jimlew l-aktar spazju prominenti fuq ir-riżultati tat-tiftix tagħhom fuq il-paġni koperti mill-FSG rilevanti b’numru minimu ta’ reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ Google. (iii) jagħmlu l-iffirmar ta’ FSG kundizzjonali fuq l-aċċettazzjoni minn xi Sieħeb Dirett ta’ kundizzjonijiet bil-miktub jew mhux miktuba li jobbligaw lil Sħab Diretti jitolbu l-approvazzjoni ta’ Google qabel ma jagħmlu kwalunkwe bidla fil-mod kif jidhru r-reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ kompetituri ; kif ukoll (iv) jikkastigaw jew jheddu lis-Sħab Diretti li jkunu ddeċidew li jakkwistaw reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ kompetituri.

4.   MULTA

(31)

Il-multa imposta fuq Alphabet Inc. u fuq Google Inc. minħabba imġiba abbużiva hija kkalkulata abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2006 dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Id-Deċiżjoni tikkonkludi li l-ammont finali tal-multa imposta fuq Alphabet Inc. u Google Inc. huwa: EUR 1 494 459 000, li minnhom EUR 130 135 475, b'obbligazzjoni in solidum ma' Alphabet Inc..

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).


Top