EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AT40411(02)

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) ("id-Deċiżjoni 2011/695/UE").) Google Search (AdSense) (AT.40411) 2020/C 369/03

C/2019/2173

ĠU C 369, 3.11.2020, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/3


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Google Search (AdSense)

(AT.40411)

(2020/C 369/03)

Introduzzjoni

(1)

L-abbozz ta’ deċiżjoni jikkonċerna l-imġiba tal-impriża li tinkludi lil Google LLC (li qabel kienet Google Inc. (2)) u Alphabet Inc. (3) (flimkien jew b’mod alternanti kif meħtieġ mill-kuntest, “Google”) fir-rigward ta’ ċerti klawżoli fil-ftehimiet tagħha ma’ siti web (pubblikaturi) terzi rilevanti li jobbligawhom li (i) jakkwistaw ir-rekwiżiti tagħhom kollha, jew il-biċċa l-kbira minnhom, ta’ reklamar fil-kuntest ta’ tiftix online minn Google; (ii) jirriżervaw l-aktar spazju prominenti fuq il-paġni tar-riżultati ta’ tiftix tagħhom għal numru minimu ta’ reklami fil-kuntest ta’ tiftix online minn Google; kif ukoll li (iii) jiksbu l-approvazzjoni ta’ Google qabel ma jagħmlu tibdiliet fil-mod kif jidhru reklami fil-kuntest ta’ tiftix online ta’ kompetituri ta’ Google.

(2)

Dan il-każ ħareġ minn diversi lmenti (4). Il-Kummissjoni inizjalment ipproċediet permezz tal-proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (5), qabel ma marret lura għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (6).

Id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet

(3)

Fl-14 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet (id- “DO”) lil Google Inc. u Alphabet Inc. li tistabbilixxi l-konklużjonijiet preliminari tagħha fir-rigward tal-klawżoli deskritti fil-paragrafu (1) hawn fuq, jikkostitwixxu ksur separat tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE kif wkoll ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (7).

(4)

Google kisbet aċċess għall-parti l-kbira tal-fajl ta’ l-investigazzjoni aċċessibbli fis-26 ta’ Lulju 2016 permezz ta’ CD-ROM/DVD kriptat (8). F’Settembru 2016, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“DĠ Kompetizzjoni”) organizza proċedura tal-kamra tad-data għal ċerta informazzjoni sensittiva li l-Kummissjoni kienet kisbet mingħand partijiet terzi. Google indirizzat lili serje ta’ talbiet skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u talbet aċċess ulterjuri għal dokumenti li kienu ġew provduti lil Google b’siltiet moħbija. F’dan il-kuntest, Google indika li lest jaċċetta żvelar ristrett, fejn meħtieġ, permezz ta’ proċeduri tal-kamra tad-data jew ta’ ċrieki ta’ kunfidenzjalità (9). Wara l-intervent tiegħi, ġew żvelati verżjonijiet b’anqas, jew bl-ebda, siltiet moħbija ta’ ħafna minn dawn id-dokumenti, f’xi każijiet permezz ta’ proċedura tal-kamra tad-data jew permezz ta’ proċeduri taċ-ċirku tal-kunfidenzjalità. Jien irrifjutajt it-talba ta’ Google fir-rigward ta’ numru limitat ta’ dokumenti mitluba minn Google peress li l-aċċess għal partijiet moħbija tad-dokumenti ma kienx meħtieġ għall-finijiet tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ Google li tinstema’.

(5)

Google irrispondiet għad-DO fit-3 ta’ Novembru 2016 (10). Hija ma talbitx seduta ta’ smigħ.

Il-parteċipazzjoni tal-Kwerelanti u ta’ Persuni Terzi Interessati

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet ilmenti rilevanti għall-proċedimenti preżenti minn Ciao GmbH (“Ciao”), (11) Microsoft Corporation (“Microsoft”), Expedia Inc. (“Expedia”), l-Inizjattiva għal Suq Online Kompetittiv (“ICOMP”), Tradecomet.com Ltd u l-kumpanija prinċipali tagħha Tradecomet LLC (“TradeComet”), DeutscheTelekom AG (“Deutsche Telekom”) u Kelkoo SAS (“Kelkoo”) (12). Google kkummentat dwar kull wieħed minn dawn l-ilmenti. Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, il-kwerelanti involuti ngħataw verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO.

(7)

Jien inkludejt fil-proċedimenti żewġ partijiet terzi interessati li wrew li għandhom interess suffiċjenti għall-finijiet tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE (13). Id-DĠ Kompetizzjoni infurmahom, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 , bin-natura u s-suġġett tal-proċedimenti, u tahom l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub.

L-Ittra tal-Fatti

(8)

Fis-6 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni indirizzat l-ewwel “ittra tal-fatti” lil Google (“l-Ewwel Ittra tal-Fatti”). Dak inhar, ingħata aċċess għall-fajl ta’ wara d-DO lil Google permezz ta’ CD kriptat. F’Ġunju 2017 ġiet organizzata proċedura tal-kamra tad-data.

(9)

Fit-3 ta’ Lulju 2017, Google wieġeb għall-Ewwel Ittra tal-Fatti.

(10)

Fil-11 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni indirizzat ittra oħra tal-fatti lil Google (“it-Tieni Ittra tal-Fatti”). Fl-istess jum, Google ingħatat aċċess ulterjuri għall-fajl fir-rigward tad-dokumenti kollha li l-Kummissjoni kienet kisbet wara l-Ewwel Ittra tal-Fatti sad-data tat-Tieni Ittra tal-Fatti.

(11)

Fil-15 ta’ Jannar 2018, Google wieġbet għat-Tieni Ittra tal-Fatti.

Noti dwar laqgħat u rimarki oħra dwar il-proċedura

(12)

Mal-wasla ta’, rispettivament, id-DO u tal-Ewwel Ittra tal-Fatti, kif ukoll wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Intel vs il-Kummissjoni(14) Google talbet ukoll aċċess għan-noti tal-laqgħat mal-kwerelanti jew partijiet terzi oħra li kien aktar sħiħ minn dak li għalih kien diġà kellha aċċess.

(13)

Jien irrifjutajt l-ewwel u t-tieni talbiet relatati ta’ Google li saru lili, skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE peress li, fejn ma kien hemm l-ebda noti aktar dettaljati fil-fajl tal-Kummissjoni, ma kien hemm xejn li kien is-suġġett ta’ talba għal aċċess għall-fajl .

(14)

Qabel it-tielet talba lili, minn Google, għan-noti dwar il-laqgħat, id-DĠ Kompetizzjoni kien ipprovda, f’Marzu 2018, wara s-sentenza Intel vs Il-Kummissjoni msemmija hawn fuq, għadd ta’ minuti riveduti tal-laqgħat u s-sejħiet bejn id-DĠ Kompetizzjoni u partijiet terzi, bi spjegazzjoni li dawn kienu tħejjew wara kuntatti mid-DĠ Kompetizzjoni ma’ partijiet terzi involuti. Google ilmentat miegħi li din it-tweġiba ma kienitx sodisfaċenti. Sa fejn it-talba ta’ Google kienet tammonta għal talba għal aċċess ulterjuri għall-fajl skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE fir-rigward tal-bqija tas-siltiet moħbija li kien fadal fin-noti riveduti pprovduti mid-DĠ Kompetizzjoni, jiena għamilt arranġamenti biex id-DĠ Kompetizzjoni jipprovdi aċċess għal verżjonijiet b’anqas siltiet moħbija ta’ żewġ noti ta’ sejħiet (15). Fir-rigward tas-siltiet moħbija li kien fadal, kont sodisfatt li dawn għandhom jinżammu. Sa fejn it-talba ta’ Google tista’ tiġi interpretata bħala li qiegħda tfittex aċċess ulterjuri għal dokumenti oħra fil-pussess tal-Kummissjoni, jien ikkunsidrajt tali talba bħala mingħajr skop wara verifika mad-DĠ Kompetizzjoni (16). Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-materjal ipprovdut mar-reazzjoni tad-DĠ Kompetizzjoni kienx jissodisfa, sa fejn huwa applikabbli, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 kif imsemmija fis-sentenza Intel vs Il-Kummissjoni, jiena ma kellix il-kompetenza li nissostitwixxi b’deċiżjoni, f’isem il-Kummissjoni, evalwazzjoni oħra għal dik tad-DĠ Kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tas-sottomissjonijiet li saruli fir-rigward tal-provvista tad-dokumentazzjoni tal-laqgħat, ma jidhirx li kien hemm ksur tad-drittijiet ta’ difiża ta’ Google li jtappnu l-legalità tal-abbozz ta’ deċiżjoni.

(15)

Google allega wkoll li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet ta’ difiża tiegħu billi ma ħallitux jivverifika l-kalkoli tal-kopertura tas-suq li jinsabu fit-Tieni Ittra tal-Fatti, billi naqset milli tadotta dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet supplimentari, u naqset milli tipprovdi raġunijiet adegwati għaliex il-Kummissjoni marret lura għall-proċedura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fl-2014, wara tentattivi preċedenti biex tadotta deċiżjoni dwar l-impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. L-abbozz ta’ deċiżjoni jirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet. Jien ma rċevejt l-ebda ilment dirett minn Google fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet, u ma għandi l-ebda indikazzjoni li d-drittijiet ta’ difiża ta’ Google ġew miksura f’dan ir-rigward.

L-Abbozz ta’ Deċiżjoni

(16)

Skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt l-abbozz tad-deċiżjoni sabiex nikkunsidra jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jistqarru l-opinjonijiet tagħhom. Il-konklużjoni tiegħi hija li dan huwa l-każ.

(17)

Kumplessivament, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul il-proċedimenti.

Brussell, id-19 ta’ Marzu 2019

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) ("id-Deċiżjoni 2011/695/UE").

(2)  F’Settembru 2017, Google Inc. biddlet il-forma ġuridika tagħha u saret Google LLC.

(3)  Kumpanija holding li nħolqot bħala parti mir-riorganizzazzjoni tal-impriża, u li hija proprjetarja tat-totalità ta’ Google LLC (li qabel kienet Google Inc.) mill-2 ta’ Ottubru 2015.

(4)  Lista sħiħa ta’ dawk li ressqu ilment tidher fil-paragrafu (6) hawn taħt.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(6)  Fit-30 ta’ Novembru 2010 , il-Kummissjoni kienet diġà bdiet proċeduri kontra Google Inc. f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18 (“ir-Regolament (KE) Nru 773/2004”), fir-rigward ta’ numru ta’ prattiki taħt il-każ numru AT.39740, li minnhom ġie mifrud il-każ preżenti.

(7)  Fl-istess ħin, il-Kummissjoni bdiet ukoll proċeduri kontra Alphabet Inc.

(8)  L-aċċess għall-fajl fir-rigward tal-Każ AT.39740 kien ġie pprovdut preċedentement.

(9)  Sussegwentement Google irtira t-talbiet tiegħu għal madwar kwart tad-dokumenti rilevanti.

(10)  Fl-ittra ta’ akkumpanjament għat-tweġiba tiegħu Google iddikjarat li kien qiegħed jirriżerva d-dritt li jissupplimenta din it-tweġiba wara r-riżoluzzjoni tat-talbiet pendenti (u li ġejjin) lili skont l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE. Google ssupplimentat t-tweġiba tagħha permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Marzu 2017.

(11)  L-ilment minn Ciao ġie riallokat lill-Kummissjoni mill-Bundeskartellamt (il-Ġermanja) skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni man-Netwerk tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 43);

(12)  L-ilmenti minn Microsoft u Ciao ġew irtirati fil-21 ta’ April 2016.

(13)  Id-DĠ Kompetizzjoni kiteb lill-persuni terzi interessati fil-Każ AT.39740 biex jinfurmahom li ma kinux se jiġu ammessi awtomatikament għall-proċedimenti f’dan il-każ u li, jekk ikunu jixtiequ li jiġu ammessi, ikunu jridu japplikaw u jagħtu xhieda ta’ interess suffiċjenti. Applikant wieħed ma ġiex ammess minħabba li ma weġibx għal invit biex jipprovdi kjarezza suffiċjenti dwar l-interess tiegħu fil-proċedimenti, li tkun tippermettili nevalwa l-applikazzjoni tiegħu .

(14)  Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, C-413/14, EU:C:2004:632.

(15)  Google ikkonfermat f’email lid-DĠ Kompetizzjoni li ma kienitx bi ħsieba tagħmel aktar sottomissjonijiet fir-rigward tal-materjali li rċeviet, peress li l-kwistjonijiet rilevanti kienu diġà koperti mis-sottomissjonijiet preċedenti ta’ Google .

(16)  Id-DĠ Kompetizzjoni kien ikkonfermali li ma kienx hemm (verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’) dokumenti oħra fil-pussess tal-Kummissjoni li kien fihom xi kont ta’ laqgħat jew sejħiet li saru bil-għan li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni f’dan il-każ.


Top