Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1021(02)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2020/C 351/09

    C/2020/7152

    ĠU C 351, 21.10.2020, p. 20–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 351/20


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (2020/C 351/09)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA TAL-UNJONI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

    “VENEZIA”

    PDO-IT-A0517-AM03

    Data tal-applikazzjoni: 2.8.2019

    1.   Applikant u interess leġittimu

    Consorzio Vini Venezia [Assoċjazzjoni tal-inbid Venezia]

    Assoċjazzjoni volontarja

    2.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Isem il-prodott

    Kategorija tal-prodott tad-dwieli

    Rabta

    Restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni

    3.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

    3.1.   Introduzzjoni tal-kategorija (4) Inbid frizzanti u tal-Kategorija (6) Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità

    Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Artikolu 1 — Denominazzjoni u nbejjed

    Deskrizzjoni u raġunijiet

    Deskrizzjoni: Tiżdied il-Kategorija (4) Inbid frizzanti u l-Kategorija (6) Inbid frizzanti ta’ kwalità.

    Raġunijiet: L-inbid frizzanti kopert mid-DOP Venezia attwalment jiġi prodott taħt il-kategorija (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità, li jfisser li, fir-rigward tal-produzzjoni u l-parametri kimiċi/fiżiċi bħall-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum ta’ 10,5 % stabbilita fl-Ispeċifikazzjoni għall-inbid frizzanti, huwa possibbli li ssir referenza wkoll għall-kategoriji l-ġodda ta’ prodotti tad-dwieli (4) Inbid frizzanti u (6) Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità, fil-każ ta’ dan tal-aħħar jekk ikunu magħmula minn varjetajiet ta’ għeneb aromatiċi. Barra minn hekk, f’din iż-żona hemm l-użanza li ssir fermentazzjoni sekondarja f’awtoklavi għal tulijiet ta’ żmien differenti, b’ammonti differenti ta’ pressjonijiet żejda u xi drabi jiġi ttardjat ir-rilaxx tal-inbejjed għall-konsum fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ għall-kategoriji ta’ prodotti rilevanti.

    Minbarra l-produzzjoni tal-inbejjed fil-kategorija “Inbid frizzanti ta’ kwalità”, li hija diġà inkluża fl-Ispeċifikazzjoni attwali, għalhekk huwa meħtieġ li jiġi espressament iddikjarat li l-inbejjed jiġu prodotti wkoll fil-kategorija “Inbid frizzanti” u “Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità”; fil-fatt, dawn l-inbejjed diġà jiġu prodotti f’din iż-żona bħala riżultat ta’ innovazzjoni teknoloġika kontinwa. Il-produzzjoni tal-inbid frizzanti hija waħda li ilha stabbilita fiż-żona bħala riżultat tal-preżenza twila ta’ varjetajiet tal-għeneb adatti għall-produzzjoni tal-inbid frizzanti, bħal Pinot Nero, Pinot Grigio, Pinot Bianco, Traminer Aromatico, Tocai Friulano, Verduzzo, Glera u Raboso. Il-produzzjoni tal-inbejjed frizzanti fiż-żona tad-DOP Venezia ippermettiet lill-produtturi jiksbu livell għoli ta’ ħiliet u suċċess kummerċjali konsiderevoli, inkluż fuq livell internazzjonali, grazzi għall-ħiliet personali tagħhom u d-dehen tagħhom fin-negozju.

    Din l-emenda tippermetti l-espansjoni tal-offerta kummerċjali tal-inbejjed DOP Venezia u tintroduċi flessibbiltà akbar fil-katina tal-produzzjoni. L-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.3, 1.4, 1.5 u 1.8 tad-Dokument Uniku.

    3.2.   Rabta mal-ambjent

    Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Artikolu 8 — Rabta mal-ambjent

    Deskrizzjoni u raġunijiet

    Ġiet ipprovduta informazzjoni addizzjonali dwar ir-rabta fir-rigward tal-kategoriji l-ġodda ta’ prodotti tal-inbid peress li hemm tradizzjoni stabbilita sew ta’ produzzjoni ta’ inbejjed li fil-fatt jistgħu jaqgħu taħt il-kategorija ta’ Inbid frizzanti, ta’ Inbid frizzanti ta’ kwalità u ta’ Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità, u li tradizzjonalment jiġu prodotti bl-użu tal-metodu ta’ fermentazzjoni sekondarja f’awtoklavi (il-metodu Charmat) fit-territorju tad-DOP Venezia, jiġifieri fiż-żona mill-għoljiet madwar Treviso sal-wied tax-xmara Piave. F’din iż-żona hemm l-użanza li ssir fermentazzjoni sekondarja f’awtoklavi għal tulijiet ta’ żmien differenti, u jiġi ttardjat ir-rilaxx tal-inbejjed miksuba, sabiex l-inbid jikseb ċerti karatteristiċi speċifiċi, bħal noti tal-qoxra tal-ħobż skont it-tul ta’ żmien tal-kuntatt bejn iċ-ċelloli tal-ħmira diżintegrati u l-inbid soġġett għal fermentazzjoni sekondarja, u bżieżaq fini u persistenti skont it-tul ta’ żmien tal-fermentazzjoni sekondarja.

    Ġiet ipprovduta wkoll informazzjoni addizzjonali dwar ir-rabta mal-fatturi umani, bl-użu tal-informazzjoni diġà stabbilita fl-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    L-informazzjoni addizzjonali dwar ir-rabta tittratta t-Taqsima 4 tad-Dokument Uniku u l-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    3.3.   Rendimenti massimi

    Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Artikolu 4 — Standards ta’ vitikultura

    Deskrizzjoni u raġunijiet

    Ir-rendimenti ġew speċifikati għall-kategoriji l-ġodda ta’ prodotti tad-dwieli “Inbid frizzanti” u “Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità” u jirreferu għar-rendimenti diġà stabbiliti għall-kategorija “Inbid frizzanti ta’ kwalità”. Fl-interess ta’ ċarezza, ir-rendimenti massimi ġew elenkati fid-Dokument Uniku, inklużi r-referenzi għall-kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli kif ukoll it-tipi rilevanti ta’ nbid, u referenzi għall-kategoriji kkonċernati ġew miżjuda mat-tabella tar-rendimenti fl-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    L-emenda tittratta t-Taqsima 1.5.2 tad-Dokument Uniku u l-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

    DOKUMENT UNIKU

    1.   Isem tal-prodott

    Venezia

    2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

    DOP — Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

    3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

    1.

    Inbid

    4.

    Inbid frizzanti

    5.

    Inbid frizzanti ta’ kwalità

    6.

    Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità

    8.

    Inbid semifrizzanti

    4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

    Kategorija (1) Inbid — Ħomor: Venezia Rosso u Venezia b’indikazzjoni tal-varjetà ta’ għeneb

    L-inbejjed ħomor tad-DOP Venezia, inklużi dawk b’indikazzjoni tal-varjetajiet ta’ għeneb Merlot, Cabernet Sauvignon, Carmenère, Malbech, Cabernet, Refosco dal Peduncolo Rosso u Pinot Nero, huma ta’ kulur li jvarja minn aħmar rubin għal aħmar skur, bi ħjiel possibbli ta’ granata jew vjola jekk ikunu ġew immaturati, bħal fil-każ tal-verżjonijiet Riserva. Għandhom aroma intensa, fina u persistenti u togħma xotta, armonjuża u bellusija, xi kultant ta’ ħaxix jew ta’ frott skont il-varjetajiet ta’ għeneb predominanti użati. Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 11 %; 12,5 % għall-inbejjed Riserva. L-estratt minimu mingħajr zokkor huwa ta’ 23 g/l, u ta’ 25 g/l għall-inbejjed Riserva.

    Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

    Karatteristiċi analitiċi ġenerali

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika attwali minima (f’% tal-volum)

    11

    Aċidità totali minima

    4,5 gramma għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

     

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    Kategorija (1) Inbid — Bojod u rożè: Venezia Bianco, Venezia b’indikazzjoni tal-varjetà ta’ għeneb, Venezia Rosato

    L-inbejjed bojod tad-DOP Venezia, inklużi dawk b’indikazzjoni tal-varjetajiet ta’ għeneb Chardonnay, Pinot u Pinot Grigio (inkluż il-verżjoni rożè), Manzoni Bianco, Verduzzo, Sauvignon, Pinot Bianco, Tai u Traminer, huma kulur isfar lewn it-tiben jagħti fl-isfar dehbi, xi drabi bi ħjiel jagħtu fl-aħdar. L-inbejjed rożè huma roża b’intensità li tvarja, xi kultant lewn ir-ram. Għandhom aroma intensa u distintiva u togħma xotta, armonjuża u bellusija, xi drabi b’togħma ta’ frott skont il-varjetajiet predominanti ta’ għeneb użati, bħal fil-każ ta’ Pinot u Pinot Grigio. Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum tvarja minn 10,5 % għall-Venezia Rosato għal 11,00 % għat-tipi l-oħrajn. L-estratt minimu mingħajr zokkor huwa ta’ 14 g/l, u ta’ 16 g/l għall-Venezia Rosato.

    Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

    Karatteristiċi analitiċi ġenerali

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika attwali minima (f’% tal-volum)

    10,5

    Aċidità totali minima

    4,5 gramma għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

     

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    Kategorija (1) Inbid — Venezia bit-terminu Passito, inkluż b’indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb

    Id-DOP Venezia tinkludi wkoll verżjoni ta’ Passito Bianco b’indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb Verduzzo. Dawn l-inbejjed għandhom kulur isfar dehbi b’intensità li tvarja, xi kultant ambra. Għandhom aroma intensa u distintiva u togħma ħelwa, armonjuża u bellusija. Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 15 %, b’estratt minimu mingħajr zokkor ta’ 26 g/l.

    Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

    Karatteristiċi analitiċi ġenerali

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika attwali minima (f’% tal-volum)

    12

    Aċidità totali minima

    4,5 gramma għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

    25

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    Kategoriji (4) Inbid frizzanti, (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità u (6) Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità

    L-inbejjed frizzanti fid-diversi kategoriji tad-DOP Venezia, li huma bojod jew rożè u li jistgħu jinkludu indikazzjoni tal-varjetajiet tal-għeneb Pinot, Pinot Grigio, Pinot Nero, Chardonnay u Traminer, għandhom ragħwa fina u evanixxenti u kulur isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja, xi drabi bi ħjiel ta’ deheb jew ram, jew jagħtu fir-roża jekk ikunu magħmulin minn varjetajiet ta’ għeneb iswed u fermentati mingħajr il-qoxra. Għandhom aroma delikata u ta' frott u togħma friska u armonjuża li tvarja minn brut nature għal demi-sec, xi kultant ħelwa u aromatika fil-każ tal-varjetà Traminer.

    Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 10,5 %, b’estratt minimu ta’ 14 g/l.

    Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

    Karatteristiċi analitiċi ġenerali

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika attwali minima (f’% tal-volum)

    10,5

    Aċidità totali minima

    5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

     

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    Kategorija (8) “Inbid semifrizzanti” — Venezia Frizzante Bianco, Rosato u b’indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb

    L-inbejjed semifrizzanti tad-DOP Venezia, li huma bojod jew rożè u li jistgħu jinkludu indikazzjoni tal-varjetajiet tal-għeneb Pinot, Pinot Grigio u Chardonnay għandhom kulur isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja, jew xi kultant lewn ir-ram jew roża ta’ intensità li tvarja. Għandhom aroma delikata u ta’ frott u togħma li tvarja bejn xotta u xotta medja.

    Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 10,5 %, b’estratt minimu ta’ 14 g/l.

    Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

    Karatteristiċi analitiċi ġenerali

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika attwali minima (f’% tal-volum)

    10,5

    Aċidità totali minima

    4,5 gramma għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

     

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

     

    5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

    a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

    Produzzjoni ta’ nbid frizzanti u semifrizzanti

    Prattika enoloġika speċifika

    L-inbejjed frizzanti kollha tad-DOP Venezia fid-diversi kategoriji, jiġifieri (4) Inbid frizzanti, (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità u (6) Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità, u l-inbejjed semifrizzanti (Kategorija 8) iridu jiġu prodotti esklussivament bl-użu tal-metodu ta’ fermentazzjoni sekondarja f’awtoklavi (il-metodu Charmat).

    L-użu ta’ għeneb imqadded għall-produzzjoni tat-tipi Riserva

    Prattika enoloġika speċifika

    Għeneb imqadded sa limitu massimu ta’ 30 % jista’ jintuża fil-preparazzjoni tal-inbejjed Riserva.

    b.   Redditi massimi

    Kategorija (1) Inbid — Venezia Rosso inkluż b’indikazzjoni ta’ varjetà ta’ għeneb iswed

    112-il ettolitru għal kull ettaru

    Kategorija (1) Inbid — Venezia Bianco inkluż b’indikazzjoni ta’ varjetà ta’ għeneb abjad

    105 ettolitri għal kull ettaru

    Venezia Spumante Bianco u Venezia Spumante Rosato fil-kategoriji (4) Inbid frizzanti u (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità

    119-il ettolitru għal kull ettaru

    Venezia Spumante b’indikazzjoni ta’ varjetà ta’ għeneb abjad fil-kategoriji (4) Inbid frizzanti u (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità

    105 ettolitri għal kull ettaru

    Venezia Pinot Spumante inkluż Rosato, kategoriji (4) Inbid frizzanti u (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità

    112-il ettolitru għal kull ettaru

    Venezia Traminer Spumante fil-kategoriji (4) Inbid frizzanti, (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità u (6) Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità

    105 ettolitri għal kull ettaru

    Kategorija (8) Inbid semifrizzanti — Venezia Frizzante Bianco u Rosato

    119-il ettolitru għal kull ettaru

    Kategorija (8) Inbid semifrizzanti — Venezia Chardonnay u Venezia Pinot Grigio inkluż Rosato

    105 ettolitri għal kull ettaru

    Kategorija (1) Inbid — Venezia Raboso

    119-il ettolitru għal kull ettaru

    Kategorija (1) Inbid — Venezia bit-terminu Passito inkluż b’indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb

    75 ettolitru għal kull ettaru

    6.   Żona ġeografika demarkata

    L-għeneb li jista’ jintuża fil-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOP Venezia jitkabbar f’żona li tinkludi t-territorju amministrattiv sħiħ tal-provinċji ta’ Venezja u Treviso.

    7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

    Cabernet Franc N. — Cabernet

    Cabernet Sauvignon N. — Cabernet

    Carmenère N. — Cabernet

    Chardonnay B.

    Glera Lunga B. — Glera

    Malbech N.

    Manzoni Bianco B.

    Merlot N.

    Pinot Bianco B. — Pinot

    Pinot Grigio — Pinot

    Pinot Nero N. — Pinot

    Raboso Piave N. — Friularo

    Raboso Veronese N. — Raboso

    Refosco dal Peduncolo Rosso N. — Refosco

    Sauvignon B.

    Tocai Friulano B. — Tai

    Traminer Aromatico Rs

    Verduzzo Friulano B. — Verduzzo

    Verduzzo Trevigiano B. — Verduzzo

    8.   Deskrizzjoni tar-rabta(iet)

    “Venezia” DOP — Rabta mal-ambjent

    Il-vitikultura ilha preżenti fiż-żona madwar Venezja u Treviso minn żminijiet antiki, iżda kellha tkun ir-Repubblika ta’ Venezja, bit-twelid tal-“Istato da Terra”, li tat spinta kbira lill-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-inbid. Il-vitikultura baqgħet ħajja minkejja r-reċessjoni kbira tas-seklu tmintax u parti mis-seklu dsatax grazzi għall-ħidma kostanti u tas-sengħa mwettqa prinċipalment mill-Iskola Enoloġika ta’ Conegliano, li għenet biex jinħoloq ċentru maġġuri tal-vitikultura fil-Grigal tal-Italja. Il-klima taż-żona tad-DOP Venezia hija definita bħala “moderata u umda” u dan huwa dovut, minbarra għal-latitudni tagħha, għall-viċinanza tal-baħar u tal-muntanji, għall-preżenza ta’ żoni lagunari, għat-terren ċatt u għall-esponiment konsegwenti għar-riħ.

    Iż-żona ta’ produzzjoni tad-DOP Venezia testendi tul il-provinċji ta’ Treviso u Venezja. Huwa territorju wiesa’ ta’ oriġini alluvjali, b’ħamrija magħmula mid-depożizzjoni ta’ materjali alluvjali prinċipalment bħala riżultat tat-tidwib tal-glaċieri Alpini u pre-Alpini u mbagħad mill-azzjoni tax-xmajjar il-kbar (il-Brenta, il-Piave, it-Tagliamento u, sa ċertu punt, il-Livenza). Il-pjanura tista’ faċilment tinqasam f’żewġ partijiet, il-pjanura għolja u l-pjanura baxxa, b’linja diviżorja ta’ nixxigħat li jiżbokkaw minn taħt l-art. Fil-pjanura għolja, il-ħamrija hija karatterizzata mill-preżenza ta’ depożiti ta’ żrar f’forma ta’ mrewħa ta’ oriġini fluvjoglaċjali u fluvjali li s-sottoswol tagħha hija kompletament komposta miż-żrar. Lejn in-nofsinhar, wara li taqbeż il-linja tan-nixxigħat, is-saff taż-żrar f’forma ta’ mrewħa bil-mod iċedi postu għal depożiti b’livelli dejjem akbar ta’ ramel; il-konsistenza ssir aktar fina bis-saħħa tal-preżenza ta’ xaħx u tafal.

    Iż-żona li fiha jiġi prodott id-DOP Venezia tista’ tagħti karatteristiċi speċifiċi lid-diversi nbejjed skont il-varjetajiet ta’ dwieli użati u fejn jitkabbru. Ġeneralment il-varjetajiet bojod jitkabbru f’ħamrija aktar maħlula u ġeblija li tagħti lill-varjetajiet bojod aktar fwieħa u freskezza. L-inbejjed miksuba b’dan il-mod jesprimu noti ta’ fjuri friski u tal-frott u huma wkoll eċċellenti għall-produzzjoni tal-inbid frizzanti. Il-ħamrija taflija tintuża għall-varjetajiet ta’ għeneb aħmar biex l-inbejjed ħomor u rożè prodotti minnha jkollhom aktar korporatura u struttura. Il-kontenut minerali għoli ta’ ħamrija taflija jagħmilha possibbli li jinkisbu nbejjed b’togħma rikka u intensa grazzi għall-kontenut tajjeb ta’ tannin u bilanċ ottimu ta’ aċidità.

    Il-kulur tal-inbejjed prodotti jvarja minn isfar lewn it-tiben sa dehbi skont it-tul tal-maċerazzjoni, flimkien ma’ aromi intensi, fini u persistenti grazzi għall-varjazzjonijiet fit-temperatura fil-perjodu ta’ qabel il-ħsad, u togħmiet armonjużi, xotti, rikki u intensi grazzi għall-ħamrija mużrara lejn in-naħa ta’ fuq u ħamrija taflija xaħxija lejn in-naħa t’isfel. Bħala riżultat ta’ dan, l-inbejjed bojod li jiġu prodotti f’ħamrija maħlula jesprimu noti friski u fruttati u huma partikolarment adatti għall-produzzjoni ta’ nbejjed frizzanti, filwaqt li l-varjetajiet ħomor fil-ħamrija aktar taflija huma strutturati tajjeb u dejjiema, u huma tajbin għall-maturazzjoni.

    Kategorija (1) Inbid:

    Grazzi għall-ħamrija taflija ħafna li fiha jitkabbru l-varjetajiet ta’ għeneb aħmar użati għall-produzzjoni ta’ nbejjed minn din il-kategorija, l-inbejjed ħomor u rożè mid-DOP Venezia għandhom aktar korporatura u struttura u intensità tal-kulur għolja u dejjiema. Bħala riħa, in-noti ta’ ġamm u ta’ frott artab jew in-noti mħawwra tat-tabakk jew erbaċej aromatiċi jistgħu jkunu aktar qawwijin. B’mod ġenerali, it-togħma hija dejjem sħiħa b’tannin tajjeb u b’bilanċ eċċellenti ta’ aċidità. L-inbejjed bojod prodotti minn għeneb imkabbar f’ħamrija aktar maħlula u ġeblija għandhom riħa tfuħ u friska, b’noti primarji tal-frott u tal-fjuri, li mbagħad tiftaħ f’noti ta’ tuffieħ, lanġas u berquq li tikkuntrasta man-noti tal-akaċja, tal-fjuri selvaġġi u tal-kamumella. Il-grad ta’ struttura jista’ jvarja iżda tispikka nota eċċellenti ta’ tuffieħ, li ġejja mill-varjazzjonijiet kbar bejn it-temperaturi ta’ binhar u dik ta’ billejl. Dawn il-karatteristiċi huma amplifikati fl-inbejjed Passito. F’din iż-żona, hemm tradizzjoni stabbilita li l-għeneb li jkun se jintuża għall-produzzjoni tal-inbejjed Passito jitqiegħed fi kmamar tat-tnixxif. Ħafna drabi dan l-għeneb l-ewwel jitħalla jinxef fuq id-dielja. B’mod partikolari, Verduzzo Trevigiano u Friulano huma speċjalment tajbin għat-tqaddid u jistgħu jiġu akkumpanjati minn perċentwali varjabbli ta’ varjetajiet oħra sabiex tiżdied il-frazzjoni aromatika jew tal-aċidu.

    Kategoriji (4) Inbid frizzanti, (5) Inbid frizzanti ta’ kwalità, (6) Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità u (8) Inbid semifrizzanti:

    Il-varjetajiet bojod jipproduċu nbejjed b’noti friski tal-fjuri u tal-frott bħala riżultat tal-art b’ħamrija maħlula u ġeblija, li tagħti lill-varjetajiet bojod aktar fwieħa u freskezza, megħjuna mill-varjazzjonijiet fit-temperatura bejn il-jum u l-lejl li huma karatteristika ta’ klima umda u moderata. Għalhekk huma partikolarment adatti għall-produzzjoni ta’ nbejjed frizzanti u semifrizzanti, prattika li tant saret stabbilita fiż-żona, li saret waħda mill-aktar importanti fid-dinja. Dan hu sinjal ċar tal-adegwatezza eminenti ta’ dan l-ambjent.

    Il-kuluri li jinsabu fid-diversi kategoriji tal-inbejjed frizzanti tad-DOP Venezia, li huma bojod jew rożè u li jistgħu jinkludu indikazzjoni tal-varjetajiet tal-għeneb Pinot, Pinot Grigio, Pinot Nero, Chardonnay u Traminer, huma ta’ kulur isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja, xi drabi bi ħjiel ta’ deheb jew ram, jew jagħtu fir-roża jekk ikunu saru minn varjetajiet ta’ għeneb iswed. Għandhom ragħwa fina u persistenti u aroma delikata, xi kultant ta’ frott. Għandhom togħma friska li tvarja minn brut nature għal demi-sec, xi kultant ħelwa u aromatika fil-każ tal-varjetà ta’ Traminer.

    Teżisti tradizzjoni stabbilita sew fit-territorju tad-DOP Venezia, jiġifieri fiż-żona mill-għoljiet madwar Treviso sal-wied tax-xmara Piave, li jiġu prodotti nbejjed taħt il-kategoriji Inbid frizzanti, Inbid frizzanti ta’ kwalità u Inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità bl-użu tal-metodu ta’ fermentazzjoni sekondarja f’awtoklavi (il-metodu Charmat). Għal dawn inbejjed, hemm l-użanza fiż-żona li ssir fermentazzjoni sekondarja f’awtoklavi għal tul ta’ żmien differenti, u jiġi mdewwem ir-rilaxx għall-konsum tal-inbid miksub, sabiex l-inbid jikseb ċerti karatteristiċi speċifiċi, bħal noti tal-qoxra tal-ħobż skont it-tul tal-kuntatt bejn iċ-ċelloli tal-ħmira diżintegrati u l-inbid soġġett għal fermentazzjoni sekondarja, u bżieżaq fini u persistenti skont it-tul ta’ żmien tal-fermentazzjoni sekondarja.

    Il-kategorija (8) Inbid semifrizzanti tad-DOP Venezia, li huma bojod jew rożè u li jistgħu jinkludu indikazzjoni tal-varjetajiet tal-għeneb Pinot Grigio jew Chardonnay, għandhom kulur isfar lewn it-tiben jew roża ta’ intensità li tvarja, xi kultant lewn ir-ram fil-każ ta’ Pinot Grigio. Għandhom aroma delikata u ta' frott u togħma li tvarja bejn xotta u xotta medja.

    Fatturi umani

    Il-vitikultura ilha tiġi pprattikata minn żmien ir-Rumani fiż-żoni koperti mid-DOP Venezia, kif muri mill-ammont kbir ta’ evidenza li nstabet. Ħafna minn dawn l-artijiet ġarrbu ħsara estensiva matul l-invażjonijiet tal-barbari. Fil-Medju Evu, l-isqfijiet ta’ Concordia Sagittaria ddeċidew li jibnu l-Abbazija ta’ Summaga; din ġiet fdata f’idejn il-Benedittini li kkontribwixxew għall-espansjoni tal-ammont ta’ art imħawla bid-dwieli u bil-qamħ. Il-monasteri saru ċentri veri ta’ tagħlim u mis-seklu dsatax saru punti ta’ referenza importanti għall-vitikultura u għall-produzzjoni tal-inbid. Madankollu, kellha tkun ir-Repubblika ta’ Venezja, bit-twelid tal-“Istato da Terra”, li tat spinta kbira lill-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-inbid, u ħolqot “aristokrazija tal-vitikultura” li ppermettiet lill-bdiewa żgħar jiksbu informazzjoni ġdida u tekniki ġodda ta’ vinifikazzjoni.

    L-inbejjed f’Venezja kienu ta’ kwalità li qatt ma kienet dehret fl-inbejjed “minn barra” (inbejjed barranin), kemm bħala riżultat tal-adegwatezza naturali tal-ambjent għat-tkabbir tad-dwieli kif ukoll minħabba l-pika bejn in-nobbiltà biex itejbu l-kwalità bil-għan li jaffermaw l-istatus prestiġjuż tagħhom anki fil-vitikultura u fil-produzzjoni tal-inbid.

    Matul dawn l-aħħar 20-25 sena, wara l-ħsara mġarrba mill-ġlata tal-1985, kien hemm approċċ ġdid lejn il-ġestjoni tal-vinji fis-settur tal-inbid taż-żona tad-DOP Venezia. Dan huwa bbażat fuq id-densitajiet tat-tħawwil u l-għażla ta’ kloni bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-inbejjed; sengħa kbira fl-ipproċessar tal-inbid u, b’mod partikolari għall-inbid frizzanti fid-diversi kategoriji, l-aġġustament tal-fermentazzjoni u tal-fermentazzjoni sekondarja fl-awtoklavi; u ż-żmien li fih l-inbejjed jiġu rilaxxati għall-konsum, sabiex tinkiseb l-aħjar kwalità possibbli, approċċ li jibni fuq l-istorja antika fejn l-attenzjoni, id-dedikazzjoni u t-tenaċità tal-bniedem ħejjew il-pedament għad-DOP Venezia.

    Issa l-kultura tal-inbid frizzanti taż-żona hija waħda inkontestabbli u tista’ titqies tradizzjonali, u l-istess jista’ jingħad ukoll għall-varjetajiet użati, li storikament tkabbru fiż-żona tal-produzzjoni u li jinkludu Pinot Nero, Pinot Grigio, Pinot Bianco, Traminer, Tocai Friulano, Verduzzo, Glera u Raboso. L-inbejjed offruti huma riflessjoni tajba tad-DOP Venezia u tas-sengħa teknika kbira u d-dehen fin-negozju tal-produtturi.

    9.   Kundizzjonijiet addizzjonali essenzjali (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti oħra)

    XEJN

    Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/15193


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


    Top