Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XC1021(01)

    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ torrijiet tar-riħ tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 2020/C 351/08

    C/2020/7110

    ĠU C 351, 21.10.2020, p. 8–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 351/8


    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ torrijiet tar-riħ tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    (2020/C 351/08)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ torrijiet tar-riħ tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huma l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed ikunu ta’ dannu għall-industrija (2) tal-Unjoni.

    1.   Ilment

    L-ilment tressaq fid-9 ta’ Settembru 2020 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tat-Torrijiet tar-Riħ (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tat-torrijiet tar-riħ tal-azzar tal-Unjoni.

    Verżjoni pubblika tal-ilment u l-analiżi tal-livell ta’ sostenn għall-ilment minn produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

    2.   Prodott li qed jiġi investigat

    Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċerti torrijiet tar-riħ fuq skala utilitarja, kemm jekk ġejjin għad-djieq kif ukoll jekk le, u partijiet minnhom, (3) kemm jekk immuntati kif ukoll jekk le, kemm jekk jinkludu sezzjoni ta’ pedament integrat tat-torri kif ukoll jekk le, kemm jekk magħqudin ma’ gondoli jew bi xfafar tar-rotor, u li huma ddisinjati biex isostnu l-gondola u x-xfafar tar-rotor li jintużaw f’turbini tar-riħ li għandhom kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku - jew f’applikazzjonijiet fuq l-art jew lil hinn mill-kosta - daqs jew aktar minn 1,00 megawatt (MW) u b’għoli minimu ta’ 50 metru mkejjel mill-bażi tat-torri sal-qiegħ tal-gondola (jiġifieri fejn il-parti ta’ fuq tat-torri u l-gondola huma magħquda) meta mmuntati kompletament (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (4).

    3.   Allegazzjoni ta’ dumping

    Il-prodott li allegatament huwa oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) bħalissa kklassifikat taħt il-kodiċijiet ex 7308 20 00 (kodiċi TARIC 7308200011), ex 7308 90 98 (kodiċi TARIC 7308909811) u ex 8502 31 00 (kodiċijiet TARIC 8502310011 u 8502310085). Il-kodiċijiet NM u TARIC jingħataw għall-informazzjoni biss.

    L-ilmentatur iddikjara li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Bħala sostenn għall-allegazzjonijiet tad-distorsjonijiet sinifikanti, l-ilmentatur ibbaża ruħu fuq l-informazzjoni li hemm fid-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-RPĊ” bid-data tal-20 ta’ Diċembru 2017 (ir-“Rapport tal-Kummissjoni”) (5) billi ddeskriva ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq fir-RPĊ, b’mod partikolari t-taqsima dwar l-azzar, u s-sejbiet ta’ sussidjar tat-torrijiet tar-riħ li joriġinaw fir-RPĊ mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (6).

    B’hekk, fid-dawl tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

    Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li teżisti biżżejjed evidenza, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li turi li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż ikkonċernat mhuwiex xieraq, u għalhekk jirrikjedi li tinbeda investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ.

    4.   Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità

    L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma sinifikanti kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini ta’ sehem fis-suq.

    L-evidenza li pprovduta mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott investigat importat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni.

    L-ilmentatur ipprovda wkoll evidenza li l-prodott li qed jiġi investigat qed jinġieb fi kwantitajiet sinifikanti offshore jiġifieri lejn gżira artifiċjali, installazzjoni fissa jew li żżomm f’wiċċ l-ilma jew kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-żona ekonomika esklużiva ddikjarata minn Stat Membru skont UNCLOS. (7)

    Għalhekk, skont l-Artikolu 14a tar-Regolament bażiku, u biex jiġi eżaminat jekk għandhomx jiġu imposti miżuri fil-blata kontinentali jew fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Istati Membri, din l-investigazzjoni tkopri wkoll (8):

    il-prodott li qed jiġi investigat li jiġi esportat mill-ġdid fi ħdan it-tifsira tal-Kodiċi tad-Dwana fuq gżira artifiċjali, installazzjoni fissa jew li żżomm f’wiċċ l-ilma, jew kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-Żona Ekonomika Esklussiva ddikjarata minn Stat Membru skont l-UNCLOS; kif ukoll

    il-prodott li qed jiġi investigat li jiġi riċevut fuq gżira artifiċjali, installazzjoni fissa jew li żżomm f’wiċċ l-ilma, jew kwalunkwe struttura oħra fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew iż-Żona Ekonomika Esklussiva ddikjarata minn Stat Membru skont l-UNCLOS u ma taqax taħt il-paragrafu preċedenti ta’ dan il-punt.

    5.   Proċedura

    Ladarba tkun iddeterminat, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni tistabbilixxi jekk il-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat, huwiex qed ikun oġġett ta’ dumping u jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping, inklużi dawk li jinġiebu lejn il-blata kontinentali jew żona ekonomika esklussiva, ikkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

    Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018 (9), (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal tibdiliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli qabel fil-proċedimenti anti-dumping. Il-limiti ta’ żmien għall-partijiet interessati biex jippreżentaw ruħhom, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, tqassru.

    Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġie ppubblikata Notifika (10) dwar il-konsegwenzi potenzjali tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet antidumping u antisussidji.

    5.1.    Perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

    L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

    Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar il-fatturi tal-produzzjoni/l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fl-ilment fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dannu u r-rabta ta’ kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    5.3.    Proċedura għal kif jiġi stabbilit id-dumping

    Il-produtturi esportaturi (11) tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.3.1.1.   Il-proċedura sabiex jintgħażlu l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-RPĊ

    (a)   Kampjunar

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma b’dan mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, mitluba fl-Anness I ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/1a589b3a-9b5a-fc03-3b65-243351a47991 L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tar-RPĊ u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-RPĊ, jekk ikun xieraq, liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2488).

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu lestew l-Anness I fl-iskadenza speċifikata u li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1.1(b) aktar ’l isfel, id-dazju antidumping li jista’ jiġi applikat fuq l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun ma jkunx jaqbeż il-marġni medju peżat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (12).

    (b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun

    Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex parti mill-kampjun jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jlestu l-kwestjonarju u jirritornawh debitament komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifikazzjoni tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2488).

    Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw u mhux inklużi fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    Madankollu, il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun li jitolbu marġni ta’ dumping individwali, jenħtieġ li jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun tant ikun kbir li tali stabbiliment ikun wisq diffiċli li jsir u minħabba fih l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

    5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tal-pajjiż ikkonċernat soġġett għal distorsjonijiet sinifikanti

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota għall-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati, se tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti, kif ukoll dwar l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv adattat, fejn ikun xieraq, li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a). Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem biex jikkummentaw dwar in-nota f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 2(6a). Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, it-Turkija tista’ tkun pajjiż terz xieraq rappreżentattiv. Bl-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz rappreżentant xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx pajjiż(i) terz(i) b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku għar-RPĊ, jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat f’dawk il-pajjiżi terzi u jekk hix disponibbli data rilevanti. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż terz wieħed rappreżentattiv, se tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

    Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-materjali (mhux maħduma u proċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/3f214eb2-3a97-eb85-45f9-a6c5630c38d7 L-informazzjoni dwar l-aċċess għal Tron tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8.

    Barra minn hekk, kwalunkwe preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid tiġi ppreżentata fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Jenħtieġ li din l-informazzjoni fattwali tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

    5.3.3.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (13) (14)

    L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mir-RPĊ lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    B’hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, mitluba fl-Anness II ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

    Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Kull kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati li jkunu parti mill-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2488).

    5.4.    Proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    L-istabbiliment tad-dannu jissejjes fuq evidenza pożittiva u jinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet magħrufa kollha tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

    Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa disponibbli fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2488).

    5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu kkawżat minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott li qed jiġi investigat, tinsab fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2488). L-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk tkun appoġġata minn evidenza fattwali meta tiġi ppreżentata.

    5.6.    Il-partijiet interessati

    Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni disponibbli b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5.3, 5.4 u 5.3.3 ta’ hawn fuq jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

    Partijiet oħra jkunu jistgħu jieħdu sehem biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jagħmlu lilhom infushom magħrufa, u diment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat. Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet f’dik il-paġna sabiex ikollok aċċess.

    5.7.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

    L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġejja:

    i.

    Għal kwalunkwe seduta ta’ smigħ li ssir qabel ma tiskadi l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika u s-seduta ta’ smigħ normalment isseħħ fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

    ii.

    Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifikazzjoni tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

    iii.

    Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir fil-perjodu mogħti biex isiru kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali, u s-seduta ta’ smigħ normalment issir qabel l-iskadenza stabbilita biex isiru kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jiċħdu talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali ċaħda.

    Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, wara seduta ta’ smigħ il-partijiet interessati jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida.

    5.8.    Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni b’informazzjoni u/jew b’data soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (15). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

    Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma obbligati jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (“Għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati”). Jenħtieġ li dawn is-sommarji ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali.

    Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni tajba għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jipprovdu jkun indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate G

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Email:

    Għal kwistjonijiet relatati mad-dumping:

    TRADE-AD674-WIND-TOWERS-ANTI-DUMPING@ec.europa.eu

    Għal kwistjonijiet relatati mad-dannu u l-interessi tal-Unjoni:

    TRADE-AD674-WIND-TOWERS-INJURY@ec.europa.eu

    6.   Skeda tal-investigazzjoni

    Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, normalment l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar, iżda mhux iktar minn 14-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan in-Notifika. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ (7) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn tmien (8) xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.

    Skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati se jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar ir-reqqa tal-kalkoli.

    F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, bin-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji erba’ (4) ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

    Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u 10 ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali se tispeċifika l-iskadenza għall-partijiet interessati biex jikkummentaw bil-miktub.

    7.   Preżentazzjoni ta’ informazzjoni

    Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni biss fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet, jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

    i.

    Kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    ii.

    Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida hija meħtieġa biex jikkonfutaw allegazzjonijiet fattwali li jkunu saru minn partijiet interessati oħrajn u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tkun tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    iii.

    Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhijiex se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

    8.   Possibbiltà li jsiru kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

    Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

    Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

    i.

    Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, isir mhux iktar tard mill-75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    ii.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni li jipprovdu partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    iii.

    Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni li jipprovdu partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali, jiġu ppreżentati fi żmien tlett (3) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni li jipprovdu partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni jsiru fi żmien jum wieħed (1) mill-iskadenza għal kummenti dwar din id-divulgazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

    9.   Estensjoni tal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

    Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Avviż jiġu rikjesti f’ċirkustanzi ta’ eċċezzjoni u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem u bħala regola ma taqbiżx sebat (7) ijiem. Rigward il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett ijiem sakemm ma jintwerewx ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.

    10.   Nonkooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

    11.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża ta’ partijiet interessati u partijiet terzi kif dawn jinqalgħu dwar il-proċediment.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti/jiet interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti ta’ smigħ isiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

    Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, il-partijiet interessati jenħtieġ li jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Fil-prinċipju, l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-taqsima 5.7 sabiex jintalbu seduti ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni japplikaw mutatis mutandis għal talbiet għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawk il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament jqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

    12.   Ipproċessar ta’ data personali

    Kull data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

    Avviż dwar il-protezzjoni tad-data li jinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni huwa disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għal theddid ta’ dannu materjali jew dewmien materjali tal-istabbiliment ta’ industrija kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

    (3)  Sezzjoni tat-torri tar-riħ tikkonsisti fi pjanċi tal-azzar irrumblati f’forom ċilindriċi jew koniċi u wweldjati flimkien (jew imwaħħlin mod ieħor) biex jiffurmaw qoxra tal-azzar, miksija jew le, lesti fit-truf jew miżbugħa, irrispettivament mit-trattament jew il-metodu ta’ manifattura, bi jew mingħajr flanġijiet, bibien, jew komponenti interni jew esterni (pereżempju flooring/decking, slielem, liftijiet, kaxxi fejn jingħaqdu l-kejbils tal-elettriku, kondjuwit, xedd tal-kejbil għall-ġeneratur tal-gondoli, dawl ta’ ġewwa, kabinetti li jissakkru għall-għodda u għall-ħażna) imwaħħla mas-sezzjoni tat-torri tar-riħ.

    (4)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (5)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf. Id-dokumenti msemmija fir-Rapport tal-Kummissjoni jistgħu jinkisbu wkoll fuq talba debitament motivata.

    (6)  Ara b’mod partikolari Issues and Decision Memorandum for the Final Results of the Expedited First Sunset Review of the Countervailing Duty Order on Utility Scale Wind Towers from the People’s Republic of China, https://enforcement.trade.gov/frn/summary/prc/2018-10555-1.pdf.

    (7)  L-ixkaffa kontinentali tinkludi qiegħ il-baħar u taħt l-art taż-żoni sottomarini li jestendu lil hinn mill-baħar territorjali matul it-titwil naturali tat-territorju tal-art sat-tarf ta’ barra tal-marġini kontinentali, jew sa distanza ta’ 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom il-wisa’ tal-baħar territorjali jitkejjel fejn it-tarf ta’ barra tal-marġini kontinentali ma jestendix sa dik id-distanza filwaqt li ż-żona ekonomika esklussiva hija żona lil hinn u maġenb il-baħar territorjali li m’għandhiex testendi lil hinn minn 200 mil nawtiku (ara notevolment l-Artikolu 55 mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (“UNCLOS”)). Gżejjer artifiċjali huma żoni ta’ art, imdawra bl-ilma, li huma ’l fuq mill-ilma li mhumiex iffurmati b’mod naturali iżda huma r-riżultat ta’ attività ta’ bini tal-bniedem. Dawn il-gżejjer jistgħu jintużaw biex jappoġġaw l-esplorazzjoni jew l-isfruttament ta’ qiegħ il-baħar jew jistgħu jintużaw biex jappoġġaw il-produzzjoni ta’ enerġija mill-ilma, kurrenti jew irjieħ. Jistgħu jintużaw bħala l-punt tal-kunsinna ta’ prodotti mormija/sussidjati bħal tubi biex jgħaqqdu l-pjattaformi max-xatt jew biex jiġbdu idrokarburi minn qiegħ il-baħar, tagħmir għat-tħaffir u pjattaformi jew turbini tar-riħ. Installazzjonijiet fissi jew li jżommu f’wiċċ l-ilma u kwalunkwe struttura oħra huma kostruzzjonijiet, inklużi faċilitajiet, bħal pjattaformi kemm jekk imwaħħlin ma’ qiegħ il-baħar jew f’wiċċ l-ilma li huma maħsuba għall-esplorazzjoni jew l-isfruttament ta’ qiegħ il-baħar. Jinkludu wkoll il-kostruzzjonijiet fuq il-post għall-produzzjoni ta’ enerġija mill-ilma, il-kurrenti jew l-irjieħ. Il-prodott taħt investigazzjoni jista’ wkoll jiġi kkunsinnat għall-użu fuq dawk il-kostruzzjonijiet.

    (8)  Ara wkoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1131 tat-2 ta’ Lulju 2019 li jistabbilixxi għodda doganali għall-iskop tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14a tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll l-Artikolu 24a tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 3.7.2019, p. 12).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

    (10)  Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

    (11)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u li tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata tagħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

    (12)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhumiex se jitqiesu.

    (13)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li ma humiex relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

    (14)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

    (15)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    Verżjoni “Sensittiva”

    Verżjoni “Biex jikkonsultawha l-partijiet interessati”

    (immarka l-kaxxa rilevanti)

    PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING LI JIKKONĊERNA IMPORTAZZJONIJIET TA’ TORRIJIET TAR-RIĦ TAL-AZZAR LI JORIĠINAW FIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

    INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

    Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

    Kemm il-verżjoni “Sensitive” kif ukoll il-verżjoni “For inspection by interested parties” iridu jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stabbilit fin-Notifika ta’ bidu.

    1.   IDENTITÀ U DETTALJI TAL-KUNTATT

    Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

    Isem tal-kumpanija

     

    Indirizz

     

    Persuna ta’ kuntatt

     

    Posta elettronika

     

    Telefon

     

    2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

    Indika l-fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR), u l-fatturat tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, jew bejgħ fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew fiż-żona ekonomika esklussiva ddikjarata minn Stat Membru skont l-UNCLOS (1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020) tat-torrijiet tar-riħ tal-azzar kif definiti fin-Notifika ta’ bidu.

     

    Numru tat-torrijiet tar-riħ tal-azzar

    Numru ta’ sezzjonijiet tat-torrijiet tar-riħ tal-azzar

    Valur f’euro (EUR)

    Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

     

     

     

    Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

     

     

     

    Esportazzjonijiet mill-ġdid/vjeġġi tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fil-blata kontinentali ta’ Stat Membru jew fiż-żona ekonomika esklussiva ddikjarata minn Stat Membru skont l-UNCLOS

     

     

     

    Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat (kwalunkwe oriġini ħlief ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina)

     

     

     

    Il-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni tal-prodott investigat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

     

     

     

    3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (2)

    Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija tiegħek u l-kumpaniji relatati kollha (jekk jogħġbok elenkahom u speċifika r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi investigat, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

    L-isem u l-lokalità tal-kumpanija

    Attivitajiet

    Tip ta’ relazzjoni

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    4.   INFORMAZZJONI OĦRA

    Agħti kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li tikkunsidra li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

    5.   ĊERTIFIKAZZJONI

    Meta tipprovdi t-tagħrif ta’ hawn fuq, il-kumpanija tiegħek tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tiegħek tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fuq il-post tagħha sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tiegħek tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

    Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

    Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

    Data:


    (1)  Ara l-punti 4 u 5 tan-Notifika ta’ bidu.

    (2)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu sħab rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw direttament jew indirettament terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjugi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hi rikonoxxuta mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


    Top