EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR0549

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — dwar Pjan Direzzjonali għal Idroġenu Nadif — il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal Ewropa newtrali għall-klima

COR 2020/00549

ĠU C 324, 1.10.2020, p. 41–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/41


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — dwar Pjan Direzzjonali għal Idroġenu Nadif — il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għal Ewropa newtrali għall-klima

(2020/C 324/07)

Relatur:

Birgit HONÉ (PSE/ DE), Ministru għall-Affarijiet Federali u Ewropej u l-Iżvilupp Reġjonali (Land tas-Sassonja t’Isfel)

Dokument ta' referenza:

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-importanza għal UE newtrali għall-klima 2050

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-fatt li l-Kunsill Ewropew approva l-mira ta’ UE newtrali għall-klima sal-2050 u li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tistabbilixxi din il-mira fil-liġi permezz tal-proposta tagħha għal-Liġi Klimatika Ewropea (1);

2.

jenfasizza l-importanza li jiġi ġġenerat tkabbir sostenibbli ekoloġiku u soċjali, speċjalment wara l-kriżi tal-COVID-19. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (2), b’innovazzjonijiet soċjali u teknoloġiċi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u li ma jagħmlux ħsara lill-klima, għandu jkun element ewlieni tal-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19. L-idroġenu nadif bħala teknoloġija futura issa jrid jiġi promoss b’mod deċiżiv fl-UE;

3.

għalhekk jilqa’ b'mod enfatiku l-preżentazzjoni tal-Kummissjoni ta' strateġija tal-UE għall-idroġenu, li tantiċipa r-rakkomandazzjonijiet ta' din l-Opinjoni (3); bi pjaċir jinnota wkoll li l-proposta riveduta għall-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2021-2027 bi pjan ta’ rkupru li jakkumpanjaha tagħmel l-iżvilupp ta' ekonomija tal-idroġenu nadif ħafna aktar fattibbli, u jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex iżommu dawn l-opzjonijiet fil-proċess leġislattiv;

4.

ifakkar li l-mira tan-newtralità klimatika timplika trasformazzjoni sħiħa tal-provvista tal-elettriku, tat-tkessiħ u tat-tisħin u, b’mod partikolari, tirrikjedi bidliet profondi fl-industrija u t-trasport. Se jkunu meħtieġa bosta soluzzjonijiet teknoloġiċi differenti bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli. Madankollu, sabiex jaċċellera l-pass tat-teknoloġiji promettenti, huwa importanti wkoll li jkun jista’ jiġi pprovdut appoġġ immirat għalihom. L-idroġenu nadif u l-materji prima u fjuwils sintetiċi derivati (4) se jkunu essenzjali biex tintlaħaq din il-mira fil-futur u għalhekk għandu jkollhom appoġġ speċifiku; F’dan ir-rigward, għandha ssir enfasi partikolari fuq l-idroġenu ekoloġiku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

5.

jemmen li f’dan l-istadju bikri ta’ żvilupp tas-suq, tkun idea tajba li jittieħed approċċ miftuħ fir-rigward tal-applikazzjonijiet potenzjali ta’ idroġenu nadif peress li għal ħafna setturi huwa realistiku li jużaw ċerti ammonti ta’ idroġenu nadif. Il-KtR iqis li huwa neċessarju li ssir enfasi fuq applikazzjonijiet promettenti matul l-iżvilupp tas-suq;

6.

jirrimarka, f’dan ir-rigward, li minħabba t-telf fil-proċess tal-konverżjoni, l-użu tal-idroġenu nadif u l-e-fjuwils huwa inqas effiċjenti meta mqabbel mal-użu dirett tal-elettriku rinnovabbli, u dan x’aktarx iwassal biex fit-tul jiġġarrbu spejjeż ogħla għal ħafna applikazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, fit-terminu medju sa dak fit-tul, l-applikazzjonijiet ta’ prijorità ta’ idroġenu nadif/e-fjuwils se jitqiesu bħala dawk fejn l-idroġenu jintuża bħala materja prima jew fejn il-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u elettrifikazzjoni diretta ma jkunux soluzzjonijiet vijabbli (eż. produzzjoni tal-ammonijaka u tal-azzar, trasport b’vetturi tqal u trasport fuq distanzi twal, proċessi ta’ temperatura għolja, ħżin staġjonali tal-elettriku) u partijiet mill-ambjent mibni/tisħin distrettwali, fejn il-pompi tas-sħana jew in-networks tat-tisħin mhumiex effettivi;

7.

jipproponi li l-Kummissjoni tivvaluta l-potenzjal ta’ produzzjoni għall-idroġenu ekoloġiku fl-UE, inkluż fir-reġjuni ta’ livell NUTS 2 inqas żviluppati, u fir-reġjuni ġirien (eż. il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq) b’attenzjoni partikolari għall-kompetizzjoni fl-użu dirett tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, peress li l-għarfien komprensiv u dettaljat tal-potenzjali fattibbli għal xenarji differenti se jkun bażi importanti għall-bini ta’ ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku fl-Ewropa; barra minn hekk, jista’ jiġi analizzat sa liema punt l-idroġenu blu jista’ jintuża bħala soluzzjoni tranżitorja.

8.

jirrakkomanda li l-Istati Membri jinkludu l-promozzjoni ta’ ekonomija tal-idroġenu ekoloġika fl-aġġornament tal-pjani nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) tagħhom fl-2023, u jiżviluppaw strateġiji nazzjonali integrati għall-idroġenu b’ miżuri ta’ implimentazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati kollha. Meta jfasslu u jimplimentaw proġetti bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali jew l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom kif ukoll mal-komunità xjentifika; Huwa rrakkomandat li kull Stat Membru janalizza l-potenzjal li jipproduċi l-idroġenu ekoloġiku;

Aspetti ta’ sostenibbiltà

9.

jenfasizza li, fuq perjodu ta’ żmien twil, huwa biss l-idroġenu prodott mill-elettroliżi tal-ilma bl-użu ta’ elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (idroġenu ekoloġiku) li huwa metodu sostenibbli għall-produzzjoni tal-idroġenu. Din hija r-raġuni għaliex l-idroġenu ekoloġiku għandu jkun fil-qalba tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri biex jibnu ekonomija tal-idroġenu. Sakemm ikun hemm biżżejjed kwantitajiet disponibbli, is-soluzzjonijiet teknoloġiċi temporanji — bħall-idroġenu l-blu — jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni eżistenti tal-idroġenu. Għandu jiġi żgurat li dan ma jfixkilx it-tranżizzjoni għall-idroġenu ekoloġiku meta tiġi żviluppata ekonomija tal-idroġenu. Is-soluzzjonijiet temporanji għandhom joffru benefiċċji reali u sinifikanti f’termini ta’ spejjeż u rapidità tal-implimentazzjoni meta mqabbel mal-idroġenu ekoloġiku u m’għandhomx iwasslu għal dipendenza fit-tul;

10.

iqis li huma meħtieġa klassifikazzjoni tas-sostenibbiltà u ċertifikazzjoni tal-idroġenu/e-fjuwils komprensivi u trasparenti, kif ukoll użu komprensiv u obbligatorju taċ-ċertifikati li jirriżultaw minnhom. Suq għall-idroġenu ekoloġiku jista’ jiżviluppa biss permezz ta’ ċertifikati li huma rigorużi, ċari u differenzjati u li jippermettu wkoll li ssir distinzjoni bejn l-idroġenu blu u dak ekoloġiku. Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissokta bil-proċess tal-klassifikazzjoni tal-gass fil-qafas tal-Forum Ewropew Regolatorju tal-Gass (Forum ta’ Madrid) u biex tressaq proposta mill-aktar fis għal sistema ta’ klassifikazzjoni u ċertifikazzjoni f’konformità mal-leġislazzjoni eżistenti dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; f’dan ir-rigward, jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà tal-fużjoni tas-sistemi paralleli eżistenti ta’ garanziji tal-oriġini (l-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II) u taċ-ċertifikati ta’ sostenibbiltà (l-Artikoli 25-31 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II). Il-Kummissjoni għandha tippromovi l-użu internazzjonali tas-sistema ta’ ċertifikati/garanzija tal-oriġini li se tiġi żviluppata fl-UE;

Ir-rwol speċifiku li jaqdu r-reġjuni

11.

jenfasizza li l-idroġenu ekoloġiku jista’ jiġi prodott u jintuża b’mod deċentralizzat u għalhekk jista’ jkun parti minn provvista tal-enerġija futura aktar deċentralizzata, kif deskritt fl-istrateġija fit-tul tal-Kummissjoni dwar “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd” (5) u appoġġjata mill-KtR (6). L-idroġenu ekoloġiku jista’ jrawwem l-iżvilupp reġjonali u lokali, peress li partijiet sinifikanti tal-katina tal-valur jistgħu jiġu stabbiliti fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, u b’hekk jiġġeneraw effetti pożittivi għall-impjieg u l-SMEs; barra minn hekk, is-sħana eċċessiva mill-produzzjoni ta’ idroġenu ekoloġiku tista’ tintuża għall-provvista ta’ tisħin lokali u reġjonali, u l-idroġenu li jiġi prodott bħala prodott sekondarju matul ċerti proċessi jista’ jiġi rkuprat u wżat fil-livell lokali u reġjonali;

12.

jenfasizza b’mod espliċitu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-ekonomija tal-idroġenu. Ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali qed jiżviluppaw strateġiji tal-idroġenu, programmi ta’ idroġenu ekoloġiku, u proġetti speċifiċi, pereżempju fl-ambitu tas-Sħubija “European Hydrogen Valleys” (7). L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp tas-suq minħabba l-għarfien dettaljat tagħhom dwar iċ-ċirkostanzi lokali, il-konnessjonijiet li għandhom mal-atturi lokali, u s-sorveljanza tagħhom tal-proċessi ta’ ppjanar u ta’ awtorizzazzjoni u ta’ diversi opportunitajiet u inċentivi ta’ finanzjament reġjonali u lokali, l-akkwist pubbliku kif ukoll il-kompetenzi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u akkademiku kontinwu;

13.

jenfasizza li r-reġjuni jista’ jkollhom rwol importanti fin-networking fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali għall-idroġenu ekoloġiku u programmi ta’ appoġġ bil-ħsieb ta’ żvilupp integrat tal-ktajjen tal-valur tal-idroġenu ekoloġiku reġjonali. Il-prossimità tal-produzzjoni u l-użu tippermettilhom li l-ewwel jistabbilixxu networks reġjonali tal-idroġenu, imbagħad ikunu jistgħu jestenduhom maż-żmien. Il-provvista ċentralizzata tal-idroġenu fuq skala kbira f’raggruppamenti industrijali tista’ tiġi mqabbla mad-domanda deċentralizzata mill-industrija, il-mobbiltà, il-binjiet u l-ibbilanċjar tal-grilja fir-raggruppamenti tal-industrija tal-madwar, fuq livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali (akkoppjament tas-setturi). Il-postijiet qrib il-portijiet jistgħu jkunu partikolarment attraenti minħabba li jinsabu f'post favorevoli wkoll għall-importazzjoni tal-idroġenu/e-fjuwil fil-perjodu twil. Il-KtR iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u programmi reġjonali ta’ katini tal-valur u raggruppamenti tal-idroġenu ekoloġiku;

Koordinazzjoni tal-iżviluppi tas-suq

14.

ifakkar li suq tal-idroġenu ekoloġiku ma jistax jiżviluppa mingħajr investiment sinifikanti, inkluż mis-settur privat. Dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm kunfidenza fl-iżvilupp fit-tul tas-suq. Miri ambizzjużi u vinkolanti, qafas legali ċar, strateġija espliċita u pjan direzzjonali speċifiku għall-idroġenu ekoloġiku jistgħu jgħinu biex jibnu l-kunfidenza;

15.

jistieden lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija tal-UE għall-Idroġenu mħabbra tfassal viżjoni għall-UE kollha, b’mod partikolari għall-idroġenu ekoloġiku għall-2030 u l-2050; u tagħti perspettiva dwar l-oqsma ta’ applikazzjoni tal-idroġenu ekoloġiku, l-użu tiegħu fis-suq u l-promozzjoni ta’ innovazzjoni ulterjuri fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni;

16.

jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mal-Istrateġija tal-UE għall-Idroġenu pjan direzzjonali integrat ta’ miżuri nonleġislattivi u leġislattivi għall-bini ta’ ekonomija Ewropea tal-idroġenu nadif u suq uniku tal-idroġenu li jiffoka fuq l-idroġenu ekoloġiku, filwaqt li tibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni u tal-Forum Strateġiku għal Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni. L-istrateġija tal-UE għall-Idroġenu għandha tinkludi miri ambizzjużi għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-idroġenu ekoloġiku, ibbażati fuq analiżi tal-potenzjal tal-produzzjoni reġjonali, u għandha tippromovi l-espansjoni sistematika tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu permezz tal-istabbiliment ta’ katini ta’ valur rilevanti. Din l-istrateġija għandha tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni madwar l-UE fir-rigward tal-iżvilupp tal-provvista, tad-domanda u tal-infrastruttura kif ukoll il-koordinazzjoni tal-attivitajiet regolatorji u l-finanzjament fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’attenzjoni partikolari għar-rwol importanti ta’ konnettività fl-eżerċizzju ta’ espansjoni tal-produzzjoni u l-applikazzjoni tal-idroġenu ekoloġiku fit-tranżizzjoni tal-enerġija u tal-materja prima għall-industrija;

17.

iqis li l-iżvilupp tal-ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku huwa essenzjali għall-politika industrijali sostenibbli segwita mill-Patt Ekoloġiku Ewropew; jirrimarka li, sabiex l-idroġenu ekoloġiku jsir kompetittiv f’termini ta’ kostijiet, jeħtieġ li t-teknoloġija tal-elettroliżi tal-idroġenu tiġi aġġornata fi skala gigawatt. Il-produzzjoni tal-elettroliżi fl-Istati Membri tal-UE toffri opportunitajiet ġodda (potenzjal ta’ impjieg) u potenzjal ta' esportazzjoni internazzjonali. Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi dan. Huwa jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti reġjuni Ewropej, flimkien mal-industrija, fl-iżvilupp ta’ katini transsettorjali tal-valur tal-idroġenu li jgħaqqdu l-provvista, l-infrastruttura u d-domanda; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istrateġija industrijali ġdida għall-Ewropa (8), tippromovi swieq ewlenin għat-teknoloġiji u s-sistemi tal-idroġenu ekoloġiku u l-użu tagħhom għal prodotti newtrali għall-klima, speċjalment fl-industriji tal-azzar, tas-siment u tal-kimika; jappella sabiex l-Istrateġija tal UE dwar l-azzar nadif imħabbra mill-Kummissjoni tiġi adottata malajr u ssir enfasi fuq l-użu ta’ idroġenu ekoloġiku;

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar fl-istrateġija industrijali l-ġdida dwar l-istabbiliment ta’ Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif; jitlob li din l-alleanza tiġi stabbilita malajr, issir enfasi fuq l-idroġenu ekoloġiku u l-UE tingħata għajnuna biex tkun minn ta’ quddiem f’din it-teknoloġija ewlenija, filwaqt li tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ għarfien u esperjenza; jitlob ukoll li r-reġjuni u l-SMEs jiġu involuti fl-Alleanza b’mod konsistenti, kif imħabbar mill-Kummissjoni;

19.

jirrimarka li l-integrazzjoni dejjem tikber tas-setturi permezz tal-użu tal-istess sorsi tal-enerġija tirrikjedi approċċ aktar sistematiku lejn is-setturi; jenfasizza li l-istrateġija għal sistema tal-enerġija integrata u l-istrateġija tal-UE dwar l-idroġenu (9) mill-Kummissjoni Ewropea għandhom jenfasizzaw l-importanza sistematika tal-idroġenu ekoloġiku għall-integrazzjoni tas-setturi fis-sistema futura tal-enerġija u l-ekonomija u għall-metodi ta’ implimentazzjoni attwali li jibbenefikaw is-sistema, meta mqabbel ma’ forom oħra ta’ enerġija bħall-elettriku, il-gassijiet rinnovabbli u l-e-fjuwils. Għandhom jidentifikaw metodi ta’ implimentazzjoni li jiffavorixxu s-sistema, li juru kif, permezz ta’ regoli tas-suq adatti u ġodda jista’ jinħoloq malajr suq li jiffunzjona tajjeb tal-idroġenu, li minn naħa jagħmel l-iżvilupp dinamiku tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu possibbli, u mill-oħra jkun integrat tajjeb mas-suq tal-elettriku u tal-gass;

L-appoġġ għal-leġislazzjoni qafas u għall-iżvilupp tal-infrastruttura taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew

20.

jenfasizza li l-iżvilupp dinamiku tal-enerġiji rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku huwa l-pedament tal-iżvilupp tas-suq tal-idroġenu ekoloġiku fl-Ewropa; Il-KtR jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II) b’segwitu għall-miri klimatiċi tal-UE għall-2030 aktar stretti, b’mod partikolari billi tiżdied il-mira tal-UE għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross finali tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu miri nazzjonali, reġjonali u lokali ambizzjużi għall-espansjoni tal-enerġiji rinnovabbli bħall-enerġija mir-riħ u l-enerġija solari; jistenna li l-istrateġija tal-enerġija lil hinn mill-kosta (offshore) imħabbra mill-Kummissjoni tagħti spinta lil dan is-settur;

21.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina jekk id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II u l-atti delegati jipprovdux biżżejjed inċentivi għall-użu tal-e-fjuwils ibbażati fuq l-emissjonijiet industrijali tas-CO2 u l-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU) f’fażi tranżitorja. Madankollu, għandu jiġi żgurat li jiġi evitat l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif ukoll l-għadd sħiħ ta’ e-fjuwils bħala “rinnovabbli”;

22.

jitlob, barra minn hekk, li jiġu żviluppati malajr l-atti delegati skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli biex tiġi ċċarata l-klassifikazzjoni tal-elettriku għall-grilja għall-produzzjoni tal-idroġenu (l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II) u r-rekwiżiti minimi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra għall-fjuwils sintetiċi (l-Artikolu 25 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli II);

23.

jenfasizza li għandu jkun żgurat metodu ta’ elettroliżi favur il-grilja u s-sistema meta jintużaw grilji tal-elettriku għall-produzzjoni tal-idroġenu (ġestjoni min-naħa tad-domanda), u jitlob li l-Istrateġija tal-UE għall-idroġenu u l-istrateġiji tal-idroġenu fil-livell nazzjonali u reġjonali jinkludu l-ħolqien ta’ kapaċità addizzjonali ta’ ġenerazzjoni ta' elettriku ekoloġiku għall-elettroliżi;

24.

jirrimarka li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni toħloq kundizzjonijiet ekwi u żżid l-attraenza ekonomika tal-idroġenu ekoloġiku. għalhekk, jappoġġja reviżjoni komprensiva tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija sabiex it-tassazzjoni tal-enerġija tiġi armonizzata mal-miri tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u biex l-idroġenu u l-e-fjuwils jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-marġini eżistenti għal tassazzjoni ekoloġika u biex jużaw dħul addizzjonali biex inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq l-elettriku b’livell baxx ta’ karbonju;

25.

jenfasizza li s-Sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (EU-ETS) tipprovdi inċentivi sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fl-industriji li jużaw ħafna enerġija (eż. tal-kimiki u tal-azzar) li għalihom l-idroġenu ekoloġiku huwa opzjoni prinċipali ta’ dekarbonizzazzjoni. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet għandha tqis il-miri ġodda tal-klima għall-2030, pereżempju billi żżid il-fattur lineari ta’ tnaqqis. Is-sigurtà tal-investiment tista’ tiżdied billi jiġi integrat prezz minimu għall-UE-ETS;

26.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistema ta’ aġġustament fil-fruntiera kompatibbli mad-WTO għall-emissjonijiet ta’ CO2 (10) għal prodotti minn pajjiżi terzi b’livell għoli ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-produzzjoni tagħhom, u li huma soġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali qawwija. Sistema bħal din, flimkien ma’ ETS tal-UE aġġustata, tista’ tipprovdi inċentivi għall-użu tal-idroġenu ekoloġiku f’industriji li jużaw ħafna enerġija;

27.

jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament dwar in-Network Trans-Ewropew tal-Enerġija (TEN-E) (11) u r-regoli tal-UE għas-suq Ewropew tal-gass, b’mod partikolari d-Direttiva 2009/73/KE dwar il-gass naturali, sabiex tippermetti l-iżvilupp dinamiku ta’ ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku, bi trasport tal-idroġenu fl-UE kollha. Dan jinkludi, pereżempju, id-definizzjoni ta’ standards uniformi u ċari (eż. is-sehem ammissibbli tal-idroġenu fil-grilja tal-gass naturali), l-aġġustament korrispondenti tar-rekwiżiti tal-proġetti ta’ interess komuni (PCI) skont it-TEN-T, l-ippjanar koordinat tal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass, ir-riklassifikazzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-gass, il-formulazzjoni ta’ regoli ċari għall-injezzjoni ta’ idroġenu ċċertifikat minn enerġija rinnovabbli fil-grilja tal-gass naturali. Jinħtieġ ukoll l-iżvilupp tal-bażi regolatorja għall-grilji pubbliċi tal-idroġenu li tiggarantixxi aċċess nondiskriminatorju għall-grilji. Il-KtR jirrimarka li l-iżvilupp u l-espansjoni tan-networks tal-idroġenu huma prerekwiżit importanti għad-disponibbiltà tal-idroġenu f’forma pura għall-applikazzjonijiet ta’ prijorità, li għalihom ma hemm l-ebda alternattiva prevedibbli għall-idroġenu; (12)

28.

iqis li r-reviżjoni tar-Regolament tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) għandha tpoġġi enfasi akbar fuq teknoloġiji ta’ propulsjoni b’livell baxx ta’ karbonju għat-trakkijiet u l-kowċis kif ukoll għat-trasport fuq il-passaġġi tal-ilma intern, bħall-muturi elettriċi mħaddma minn ċelloli tal-idroġenu jew minn linji ta’ kuntatt, flimkien ma’ forom oħra tal-enerġija li jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sostenibbiltà u tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-bini tal-infrastruttura rilevanti tul il-kurituri tan-network ewlieni huwa prerekwiżit għat-tnedija ta’ dawn it-teknoloġiji. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) għandha tipprovdi biżżejjed finanzjament għal dan il-għan. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi toffri l-possibbiltà li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għad-densità tan-network tal-istazzjonijiet ta’ forniment tal-idroġenu fl-Istati Membri;

29.

jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-appoġġ biex tinħoloq infrastruttura tal-pipelines għat-trasport tal-idroġenu (il-kostruzzjoni ta' pipelines u t-trasformazzjoni tal-infrastruttura eżistenti tal-gass) u biex tinħoloq infrastruttura tal-ħżin; l-iżvilupp u l-finanzjament ta’ infrastruttura transfruntiera għall-idroġenu bejn raggruppamenti industrijali tipprovdi opportunitajiet ta' negozju; il-kooperazzjoni ma’ setturi oħra li jeħtieġu infrastruttura ġdida tal-enerġija hija mħeġġa minħabba ġestjoni tat-territorju u kosteffikaċja;

30.

jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tal-istrateġija mħabbra tagħha għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti, tipprijoritizza l-użu ta’ idroġenu ekoloġiku u e-fjuwils biex tikkomplementa l-mobbiltà elettrika fl-oqsma tat-trasport ta’ merkanzija tqila, it-trasport pubbliku tal-passiġġieri, it-trasport fuq l-ilma u t-trasport bl-ajru. Dan jirrikjedi pjan direzzjonali ċar u affidabbli u qafas regolatorju Ewropew li jinkoraġġixxi l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi fi ħdan sistemi ta’ pedaġġ eżistenti;

Appoġġ permezz ta’ miżuri finanzjarji u regolatorji u għajnuna mill-istat

31.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku, b’mod partikolari l-espansjoni tal-produzzjoni, jenħtieġ jiġi appoġġat minn fondi pubbliċi, peress li l-idroġenu ekoloġiku bħalissa għad mhuwiex ekonomikament vijabbli. Il-KtR jirrimarka li r-reviżjoni tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għandha żżomm jew twessa’ l-ambitu għal strumenti ta’ finanzjament sabiex tistimola l-iżvilupp bikri tas-suq;

32.

ifakkar li kemm l-ispejjeż tal-investiment kif ukoll dawk tal-elettriku huma komponenti ta’ spejjeż rilevanti għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku. Fil-prinċipju, kemm il-mekkaniżmi tal-provvista kif ukoll dawk tad-domanda huma disponibbli biex jippromovu l-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku li, skont id-disinn tagħhom, jista’ jkollhom effetti simili. L-għotjiet ta’ investiment u l-primjums feed-in huma strumenti possibbli min-naħa tal-provvista. Il-KtR jenfasizza li l-esperjenza fis-settur tal-elettriku wriet li, fuq ċertu perjodu ta’ żmien, id-dħul garantit jista’ jippermetti t-tkabbir tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni. Madankollu, sabiex tinħoloq pressjoni kompetittiva, kemm il-primjums feed-in kif ukoll l-għotjiet ta’ investiment jistgħu jinħarġu għall-offerti mill-bidu nett;

33.

jenfasizza li l-miżuri regolatorji jistgħu jiġġeneraw domanda għall-idroġenu ekoloġiku f’ċerti setturi jew oqsma ta’ applikazzjoni, li min-naħa tagħhom jistimolaw il-produzzjoni. Il-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fis-setturi rilevanti, flimkien ma’ miżuri bħal kwoti mandatorji ta’ taħlit (eż. trasport bl-ajru u marittimu), kwoti ta’ tnaqqis ta’ gass b’effett ta’ serra għad-distributuri tal-fjuwil jew livelli limiti tas-CO2 għall-flotot ta’ vetturi (eż . għal trakkijiet, kowċis jew trasport fuq il-passaġġi tal-ilma intern) jistgħu jiġġeneraw domanda affidabbli għal idroġenu ekoloġiku jew e-fjuwils. F’dan il-kuntest, il-KtR jistieden lill-Istati Membri biex, fl-implimentazzjoni tar-RED II, jużaw il-marġni legali eżistenti biex jippromovu l-idroġenu ekoloġiku/e-fjuwils. Alternattiva għal applikazzjonijiet li diġà jirrikjedu ammonti kbar ta’ idroġenu llum jistgħu jkunu l-hekk imsejħa Carbon Contracts for Difference (CCfD), li jikkumpensaw għad-differenza bejn il-kostijiet reali ta’ evitar ta’ gassijiet serra u l-prezz attwali tas-CO2 tal-utenti;

34.

jirrimarka li l-akkwist pubbliku jista’ jiġġenera domanda tanġibbli u prevedibbli. Hawnhekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol importanti, peress li l-flotot tal-muniċipalitajiet u l-kumpaniji muniċipali (pereżempju t-tindif tat-toroq, ir-rimi tal-iskart, it-trasport pubbliku lokali u t-taksis) qed isiru dejjem aktar applikazzjonijiet interessanti għall-użu tal-idroġenu ekoloġiku u ta’ teknoloġiji ta’ propulsjoni oħra newtrali għall-klima;

35.

jilqa’ l-inizjattivi biex jinħolqu Proġetti Importanti ta' Interess Ewropew Komuni (IPCEIs) dwar l-idroġenu ekoloġiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq qafas legali għal proġetti IPCEI għal idroġenu ekoloġiku u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex sussegwentement jagħmlu użu minnu biex b’hekk titwitta t-triq għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tinħoloq sinerġija bejn id-diversi IPCEIs tal-idroġenu sabiex tiġi evitata d-dilemma “tal-bajda u t-tiġieġa” fl-iżvilupp tal-katina tal-valur tal-idroġenu ekoloġiku;

36.

jitlob żieda fil-finanzjament għal proġetti ta’ dimostrazzjoni għall-idroġenu ekoloġiku permezz tal-Fondi għall-Innovazzjoni u għall-Modernizzazzjoni ffinanzjati mill-EU-ETS, u anke appoġġ immirat għall-idroġenu ekoloġiku permezz tal-programm InvestEU. Il-KtR iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jużaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE), inkluż l-Interreg, fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss biex jistabbilixxu u jsaħħu r-raggruppamenti tal-idroġenu reġjonali, lokali u interreġjonali. Il-KtR jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu sinerġiji fil-livelli kollha bejn dawn il-fondi, l-IPCEIs, is-CEF u l-finanzjament għar-riċerka;

37.

jilqa b'sodisfazzjon il-politika ġdida ta’ self adottata mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fis-settur tal-enerġija, inkluż it-tfassil ta’ approċċi ġodda ta’ finanzjament taħt il-Programm ta’ Konsulenza InnovFin; F’dan ir-rigward, jitlob li jkun hemm appoġġ sinifikanti mill-BEI għall-idroġenu ekoloġiku, b’approċċi ta’ finanzjament li jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-SMEs u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-banek promozzjonali tagħhom;;

38.

jemmen li punt uniku ta’ kuntatt (One-stop-shop) fil-livell tal-UE jista’ jiffaċilita bil-kbir l-aċċess għall-finanzjament ta’ proġetti għan-negozji, inklużi l-SMEs, u r-reġjuni u l-bliet;

39.

jirrakkomanda li l-Istati Membri, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom, jikkomplementaw il-finanzjament tal-UE bi programmi nazzjonali għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira u laboratorji ħajjin, kif ukoll għal networking nazzjonali u skambju bejn ir-reġjuni tal-idroġenu;

40.

jenfasizza li s-sinjali fit-tul huma meħtieġa biex jiggwidaw il-flussi finanzjarji u tal-kapital tas-settur privat biex isiru investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika b’ekonomija tal-idroġenu ekoloġiku, inkluż għall-benefiċċju tal-SMEs innovattivi; F’dan ir-rigward, il-KtR jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi appoġġ fl-Istrateġija ta’ Finanzjament Sostenibbli li ħabbret;

Riċerka u innovazzjoni

41.

jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni se jaqdu rwol kruċjali anke matul l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu ekoloġiku. Dawn għandhom ikunu mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż fil-partijiet kollha tal-katina tal-valur u jtejbu l-prevedibbiltà, l-effiċjenza u t-tul tal-ħajja tal-installazzjonijiet. Il-KtR għalhekk jirrakkomanda li jkun hemm enfasi espliċita fuq l-idroġenu ekoloġiku bħala parti mill-programm Orizzont Ewropa, inklużi l-Missjonijiet tiegħu bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC);

42.

jilqa’ bi pjaċir ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li timplimenta Sħubija Ewropea għall-Idroġenu Nadif bħala parti mill-Orizzont Ewropa bħala s-suċċessur għall-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (FCH JU) (13). jirrakkomanda li tittejjeb l-allokazzjoni finanzjarja kif ukoll il-mekkaniżmu u l-istruttura tas-sħubija meta mqabbel mal-FCH JU, filwaqt li titqies l-importanza speċifika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex tkun tista’ tappoġġa aktar proġetti ta’ dimostrazzjoni għall-idroġenu ekoloġiku, inkluż b’rabta mas-Sħubija Ewropea Hydrogen Valleys; jenfasizza li objettiv importanti tas-sħubija għandu jkun it-titjib tal-iskambju tal-għarfien u tal-esperjenza bejn ir-reġjuni, bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u anke bejn in-negozji;

43.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex, bħala parti mill-kompetenzi tagħhom għall-edukazzjoni għolja u t-taħriġ vokazzjonali, jippromovu t-taħriġ ta’ professjonisti kwalifikati u riċerkaturi tul il-katina tal-valur sħiħa tal-idroġenu ekoloġiku. Għandhom ukoll jistabbilixxu u jtejbu servizzi ta’ konsulenza xierqa, b’mod partikolari għall-SMEs. Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa dawn l-isforzi, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Patt Ewropew tal-Ħiliet u ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni mħabbra fl-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa (14);

Id-dimensjoni internazzjonali

44.

jirrimarka li, fuq medda ta’ żmien twila, parti sinifikanti tad-domanda għall-idroġenu/e-fjuwils x’aktarx se tkun koperta minn importazzjonijiet minn reġjuni b’riżorsi rinnovabbli tajbin ħafna; f’dan ir-rigward, l-idroġenu/e-fjuwils importati jridu jkunu soġġetti għal kriterji ta’ sostenibbiltà daqstant stretti. jirrakkomanda li l-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku/e-fjuwils f’pajjiżi terzi u t-trasport lejn l-UE jiġu inklużi fil-pjan direzzjonali approvat għall-idroġenu ekoloġiku. Il-KtR iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi kooperazzjoni fi stadju bikri ma’ pajjiżi esportaturi potenzjali iżda wkoll ma’ pajjiżi importaturi oħra (eż. il-Ġappun) sabiex tappoġġja l-iżvilupp koordinat ta’ ekonomija internazzjonali tal-idroġenu nadifa b’fokus fuq l-idroġenu ekoloġiku. Barra minn hekk, jeħtieġ li jissaħħu inizjattivi internazzjonali rilevanti bħall-Inizjattiva dwar l-Idroġenu taħt il-laqgħat “Clean Energy Ministerial Meetings” u “Mission Innovation”. Bħal fil-każ tas-Sħubija Ewropea “Hydrogen Valleys”, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti hawnhekk ukoll.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (COM(2020) 80 final).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final).

(3)  Ara l-Pjan Direzzjonali — Ares(2020)2722353.

(4)  Għal raġunijiet ta’ sempliċità, fil-bqija ta’ din l-Opinjoni jintuża t-terminu “e-fjuwils” għall-fjuwils sintetiċi.

(5)  COM(2018) 773 final.

(6)  L-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew għar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi permezz ta’ tranżizzjoni tal-enerġija innovattiva u sostenibbli fil-livell reġjonali u lokali (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 72); l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pjaneta Nadifa għal kulħadd — Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima (ĠU C 404, 29.11.2019, p. 58).

(7)  Taħt il-kappa tal-Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti (S3P).

(8)  COM(2020) 102 final.

(9)  Ara l-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea – Ares(2020)2722353.

(10)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu Ares(2020)1350037.

(11)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu Ares(2020)2487772.

(12)  Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94).

(13)  Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu Ares(2019)4972390.

(14)  COM(2020) 102 final.


Top