EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR0541

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Kontroll tal-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar

COR 2020/00541

ĠU C 324, 1.10.2020, p. 28–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/28


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Kontroll tal-idoneità tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, id-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Għargħar

(2020/C 324/05)

Relatur:

Piotr CAŁBECKI (PL/PPE), President tar-Reġjun ta’ Kujawsko-Pomorskie

Dokumenti ta’ referenza:

SEC(2019) 438

SWD(2019) 439

SWD(2019) 440

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

A.   Introduzzjoni

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontroll tal-idoneità f’waqtu tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tad-Direttiva dwar l-Għargħar f’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li jipprevedi li “Il-Kummissjoni se tirrevedi din id-Direttiva mhux aktar tard minn 19-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ u tipproponi kull emendi meħtieġa għaliha”;

2.

jiddikjara li l-ilma huwa l-aktar riżorsa importanti ta’ ġid komuni u huwa riżorsa limitata li jeħtieġ li jiġi protett u użat b’mod sostenibbli, kemm f’termini ta’ kwalità, kif ukoll ta’ kwantità. Il-protezzjoni u l-ġestjoni tiegħu jmorru lil hinn mill-fruntieri reġjonali u nazzjonali, peress li 60 % tal-baċiri idrografiċi fl-UE jestendu lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed;

3.

jirrimarka li s-setturi tal-UE li jiddependu fuq l-ilma jiġġeneraw EUR 3,4 triljun fis-sena, ekwivalenti għal 26 % tal-valur miżjud gross annwali tal-UE, u jimpjegaw madwar 44 miljun ruħ. B’mod parallel, jinnota bi tħassib li 40 % biss tal-ilmijiet tal-wiċċ tal-Ewropa huma stmati li għandhom status ekoloġiku tajjeb u 38 % biss għandhom status kimiku tajjeb (1);

4.

jappella, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, għal sterilizzazzjoni aħjar tal-ilma mormi, żieda fir-riċerka dwar preservazzjoni aħjar tal-ilma mormi (ilma domestiku mormi mingħajr drenaġġ (griż) jew bid-drenaġġ (iswed)), u użu akbar ta’ Soluzzjonijiet Ibbażati fuq in-Natura, sabiex jiġi eliminat kwalunkwe theddid epidemjoloġiku għall-kwalità tal-ilma;

5.

jenfasizza li l-ilma huwa element essenzjali għall-ambjent u għall-eżistenza tal-bniedem. L-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-monitoraġġ, kif ukoll permezz ta’ miżuri preventivi u ta’ rimedju, biex jiksbu u jiggarantixxu ilma ta’ kwalità għolja. Il-bliet u r-reġjuni jinsabu fuq quddiem fl-għoti tal-aċċess universali għall-ilma u s-sanità bħala dritt fundamentali; huwa importanti li ngħelbu n-nuqqas ta’ għarfien espert, il-burokrazija żejda u n-nuqqas ta’ approċċ f’diversi livelli li jolqtu ħażin l-effiċjenza, u jistgħu jostakolaw għalkollox l-użu ta’ prattiki tajbin fil-livell lokali u reġjonali;

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-ilma għaċ-ċittadini Ewropej li għażlu li jiddedikaw waħda fost l-ewwel Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) biex jindirizzaw it-tħassib tagħhom relatat mal-politika tal-UE dwar l-ilma. Dan il-kontroll tal-idoneità huwa wkoll segwitu tal-impenji tal-Kummissjoni b’reazzjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Right2Water (2) dwar il-promozzjoni tal-aċċess għall-ilma u s-sanità;

B.   Il-konklużjonijiet tal-kontroll tal-idoneità

7.

jieħu nota tal-konklużjoni tal-kontroll tal-idoneità li d-Direttivi huma fil-biċċa l-kbira adattati għall-iskop tagħhom, b’xi lok għal titjib. Id-Direttivi wasslu għal livell ogħla ta’ protezzjoni għall-korpi tal-ilma u għall-ġestjoni tar-riskju ta’ għargħar. Il-fatt li l-objettivi tal-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għadhom ma ntlaħqux għalkollox huwa dovut l-aktar għal finanzjament inadegwat, implimentazzjoni bil-mod u integrazzjoni insuffiċjenti tal-objettivi ambjentali fil-politiki settorjali, aktar milli għal xi nuqqas fil-leġislazzjoni;

8.

il-kontroll tal-idoneità jidentifika s-sustanzi kimiċi bħala qasam fejn hemm lok biex jittejbu u jinkisbu riżultati aħjar. Filwaqt li xi evidenza turi li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art wasslu għal tnaqqis fit-tniġġis kimiku tal-ilmijiet tal-UE, l-analiżi tindika tliet oqsma li fihom il-qafas leġislattiv attwali huwa subottimali: differenzi nazzjonali (varjabbiltà fil-listi ta’ sustanzi niġġiesa lokali) u l-valuri ta’ limitu li dawn ma għandhomx jaqbżu; il-lista ta’ sustanzi ta’ prijorità (proċess twil); u l-fatt li d-Direttiva dwar Standards ta’ Kwalità Ambjentali u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art jevalwaw ir-riskju għan-nies u għall-ambjent prinċipalment abbażi ta’ sustanzi individwali, u ma jqisux l-effetti kkombinati tat-taħlitiet, u inevitabbilment ikopru biss proporzjon żgħir tas-sustanzi preżenti fl-ambjent;

9.

jirrimarka li l-kwalità tar-riżorsi ta’ ilma tax-xorb għadha mhedda; għaldaqstant jinnota b’dispjaċir il-fatt li l-kontroll tal-idoneità jonqos milli jiffoka fuq il-funzjonament u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma li jirrigwarda n-nuqqas ta’ deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma użati għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb u t-tnaqqis tal-livell ta’ trattament ta’ purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb; l-operaturi tal-ilma tax-xorb għandhom ikunu jistgħu jserrħu fuq riżorsi tal-ilma ta’ kwalità għolja biex inaqqsu l-kost tat-trattamenti; jistieden lill-Kummisjoni u lill-koleġislaturi jiżguraw standards għoljin ta’ kwalità u sikurezza, kif ukoll koerenza fil-politiki b’rabta mar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-aċċess għall-ilma (3);

10.

jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-kontroll tal-idoneità ma jagħmilx analiżi aktar fil-fond tal-impatt tas-sentenza Weser (4) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ deterjorament u ta’ titjib previsti fl-Artikolu 4(1) u tal-klawżoli ta’ eżenzjoni stabbiliti fil-paragrafi (4) sa (7) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jwasslu għal inċertezzi legali kemm għall-operaturi kif ukoll għall-awtoritajiet; B’mod partikolari, tinħtieġ analiżi aktar dettaljata dwar kif jiġu affettwati l-attivitajiet li jipproteġu l-ambjent (eż. l-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi) jew li jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-ġestjoni tal-enerġija u tar-riżorsi;

11.

jenfasizza li bħalissa aktar minn nofs il-korpi tal-ilma Ewropej kollha huma soġġetti għal eżenzjonijiet, l-isfidi biex jinkisbu riżultati ta’ suċċess sal-2027 huma sostanzjali f’termini konservattivi u mhuwiex probabbli li jinkisbu sal-iskadenza tal-2027; jenfasizza, għalhekk, li l-isforzi, ir-riżorsi, l-implimentazzjoni aħjar u l-infurzar tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma se jkollhom jiżdiedu b’mod sinifikanti, u jisħaq dwar il-fatt li anke wara l-2027, il-protezzjoni tal-ilma skont ir-regoli tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma trid tissokta;

12.

jistieden lill-Kummissjoni tikkomplementa l-evalwazzjoni b’esperjenza mill-Istati Membri li japplikaw id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Weser. Huwa ta’ tħassib li diversi pajjiżi mhumiex jimplimentaw id-Direttiva b’mod suffiċjenti, iżda mhijiex raġuni biex jiġu injorati l-problemi legali li tqajmu f’pajjiżi li qegħdin jimplimentaw id-Direttiva kif suppost;

C.   Koerenza tal-politika: id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-leġislazzjoni l-oħra tal-UE

13.

iħeġġeġ inqas ħsieb kompartimentalizzat dwar l-ilma u koerenza u koordinazzjoni akbar fil-leġislazzjoni kollha interrelatata tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tat-tħassib dwar it-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari u s-sustanzi niġġiesa emerġenti. Il-ġestjoni tal-ilma reżiljenti għat-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE u għandha tiġi stabbilita mira ċara u ambizzjuża fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma kemm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-adattament għalih;

14.

jenfasizza l-interkonnessjoni bejn id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar ma’ politiki oħra fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu, bħall-ippjanar tal-art, l-agrikoltura, il-produzzjoni tal-enerġija, b’mod partikolari l-enerġija idroelettrika (u l-provvista tal-enerġija), l-enerġija termali tal-ilma għat-tisħin u t-tkessiħ, it-trasport fuq l-ilma, is-saħħa tal-bniedem, it-turiżmu, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva dwar in-Nitrati, eċċ.;

15.

jilqa’, f’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni parallela tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, pilastru ċentrali tas-servizz tal-ilma mormi fl-Ewropa, b’riżultati simili għall-kontroll tal-idoneità: il-ħtieġa għal implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-istrumenti legali eżistenti li tagħti bidu għal benefiċċji soċjali u ambjentali sostanzjali. Madankollu, jiddispjaċih li l-evalwazzjoni ma analizzatx l-effikaċja tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi fir-rigward tar-rimi ta’ ilma industrijali mormi fis-sistemi ta’ ġbir u fl-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi. Bl-istess mod, jiddispjaċih li ma kienx hemm analiżi legali dwar kif in-nuqqas ta’ koerenza bejn l-Artikolu 4 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u l-Artikoli 10, 7 u 2(9) tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi jaffettwa l-iżjed impjanti effiċjenti tat-trattament tal-ilma mormi tal-Ewropa;

16.

jenfasizza, barra minn hekk, d-diskrepanzi fl-approċċi tal-Istati Membri dwar il-fosfru u l-ewtrofikazzjoni, u jħeġġeġ sabiex ikun hemm koerenza akbar bejn id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

17.

iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni Ewropea twettaq aktar infurzar tal-obbligi legali li jkopru l-pressjonijiet ewlenin fuq l-ambjent akkwatiku, bħal dawk li jirriżultaw mid-Direttiva dwar in-Nitrati u mid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi. Għandha tingħata attenzjoni vitali lil mikrosustanzi niġġiesa emerġenti ġodda li jinkludu l-mikroplastiċi u l-farmaċewtiċi, peress li t-teknoloġiji attwali użati fl-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi mhumiex kompletament kapaċi li jneħħu l-mikrosustanzi niġġiesa;

18.

jenfasizza li l-agrikoltura intensiva hija fost il-pressjonijiet prinċipali fuq l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art, inkluż permezz tal-astrazzjoni tal-ilma u t-tniġġis minn pestiċidi, fertilizzanti u residwi farmaċewtiċi minn antibijotiċi tal-bhejjem. Il-Politika Agrikola Komuni li jmiss trid tqis bis-sħiħ l-impatt tal-attività agrikola fuq l-ilma u trawwem tranżizzjoni lejn prattiki aktar favur l-ilma. Is-soluzzjonijiet jistgħu jinkludu proposti biex il-kundizzjonalità ambjentali titwessa’ għall-aċċess għall-pagamenti għad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, il-promozzjoni ta’ biedja aktar ekoloġika permezz ta’ “ekoskemi”, kif ukoll l-inkoraġġiment ta’ djalogu u skambji tal-aħjar prattiki li fihom jieħdu sehem attiv l-operaturi tal-ilma, l-NGOs rilevanti u l-bdiewa;

19.

ifakkar li l-ilma huwa determinant ewlieni ta’ bijosfera li tiffunzjona sew, ta’ bijoproduttività u ta’ kapaċità ta’ assorbiment, u li jaffettwa u huwa affettwat mill-attivitajiet ta’ bosta setturi ekonomiċi differenti, b’mod partikolari l-agrikoltura, l-enerġija u l-industrija. Id-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa jew li jmiss fiċ-ċiklu leġislattiv attwali huma opportunità kbira biex jiġi żgurat li l-ilma u l-objettivi ġenerali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jiġu inklużi fil-politiki li jkopru setturi oħra. Jenfasizza li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jispeċifika b’mod ċar objettivi ambizzjużi biex jitnaqqsu l-użu tar-riżorsi, it-tniġġis u t-tossiċità; konsegwentement, strateġiji bħalma huma “l-pjan ta’ azzjoni ġdid għal ekonomija ċirkolari”, “il-pjan ta’ azzjoni għal tniġġis żero”, u l-istrateġiji ġodda tal-“bijodiversità” u “mill-għalqa sal-platt” għandhom jinkorporaw b’mod ċar l-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għal koerenza politika sħiħa;

20.

jenfasizza l-potenzjal tal-użu tal-ilma reklamat għat-tisqija agrikola biex titnaqqas l-iskarsezza tal-ilma, jingħata appoġġ għall-adattament għat-tibdil fil-klima u tiġi promossa l-ekonomija ċirkolari. F’dan ir-rigward jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kunsill u l-Parlament adottaw ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, u jtenni l-pożizzjoni tiegħu dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma kif iddikjara fl-Opinjoni korrispondenti (5);

21.

jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ kompletament operattiva għall-ġbir regolari ta’ data mkejla u aġġornata dwar ir-residwu tal-pestiċidi fl-ambjent (speċjalment fil-ħamrija u fl-ilma) possibbilment abbażi tal-esperjenza ta’ suċċess tas-sistema għall-monitoraġġ tal-ħamrija LUCAS (stħarriġ qafas statistiku tal-użu tal-art taż-żona koperta);

22.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2020 li tipprojbixxi t-thiacloprid, li hija pestiċida bbażata fuq in-neonikotinojde li tqajjem tħassib ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħha fuq l-ilma ta’ taħt l-art, u li l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tqis li hija perikoluża għas-saħħa tal-bniedem; jappella wkoll għal projbizzjoni tal-glifosat u għal PAK li tappoġġja t-tmiem tal-użu tal-pestiċidi;

D.   Il-passi li jmiss biex jinkiseb status tajjeb fil-korpi tal-ilma tal-UE

23.

jenfasizza bil-qawwa li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma saret pass importanti għat-titjib tar-riżorsi tal-ilma fl-Ewropa u punt ta’ referenza għall-kontinenti l-oħra. Madankollu, meta jitqiesu l-isfidi emerġenti (eż. it-tibdil fil-klima, il-mikroplastiċi, il-farmaċewtiċi, is-sustanzi kimiċi, l-antibijotiċi, eċċ.) u soluzzjonijiet ġodda (teknoloġiji u metodoloġiji ġodda) matul dawn l-aħħar 20 sena, u fid-dawl tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jeħtieġ li tiġi aġġornata b’mod urġenti;

24.

jappella, f’dan ir-rigward, għal bidla tal-paradigma li tħares lejn il-bijosfera b’mod evoluzzjonarju (li tissensibilizza lin-nies li l-bijosfera dejjem qiegħda tinbidel) u b’mod aktar ekosistemiku (inkluż is-sostenibbiltà tal-baċiri idrografiċi u d-dekarbonizzazzjoni), kif ukoll għall-promozzjoni ta’ fehim aħjar tal-proċessi ekoloġiċi, inklużi ċ-ċikli tal-ilma, tal-karbonju, tan-nitroġenu u tal-fosforu;

25.

jirrimarka li fil-kuntest tal-paradigma l-ġdida, kull baċir idrografiku għandu jitqies bħala “superorganiżmu Platonjan” uniku fejn kombinazzjoni ta’ ġeomorfoloġija, klima, ekosistemi (irqajja’ modifikati mill-bniedem u naturali) u diversi forom ta’ attività tal-bniedem jaffettwaw iċ-ċiklu tal-ilma u l-istatus ekoloġiku. Dan għandu jitqies mhux biss mill-perspettiva tas-sigurtà u tar-riżorsi, iżda primarjament bħala mod kif jiġu ssalvagwardjati l-futur sostenibbli, is-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja tajba għal kulħadd;

26.

jittama li l-konklużjonijiet tal-kontroll tal-idoneità jħaffu l-iżvilupp ta’ paradigma transdixxiplinarja, integrattiva u soluzzjonijiet innovattivi relatati biex jinkiseb tniġġis żero fir-rigward tal-arja, l-ilma u l-ħamrija fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; iqis essenzjali li l-bijodiversità fix-xmajjar, fil-lagi, fl-artijiet mistagħdra u fl-estwarji tkun preservata u restawrata, kif ukoll biex tiġi evitata u minimizzata kwalunkwe ħsara kkawżata mill-għargħar;

27.

jappella sabiex tiġi żviluppata dimensjoni ġdida u ħolistika tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma li għandha tintegra l-prevenzjoni ta’ għargħar mal-immaniġġjar tal-prevenzjoni tan-nixfa u ma’ miżuri li jsaħħu l-potenzjal tas-sostenibbiltà tal-baċir idrografiku (minn perspettiva ekoidroloġika li tikkonsisti minn ħames elementi: l-ilma, il-bijodiversità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, is-servizzi tal-ekosistema għas-soċjetà u impatti oħra, speċjalment il-kultura u l-edukazzjoni — WBRSC);

28.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati u implimentati l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni u teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tat-tniġġis minn mikrosustanzi niġġiesa li jinkludu l-pestiċidi, l-antibijotiċi, il-mikroplastiċi u sustanzi perikolużi oħra. jenfasizza li t-tniġġis jeħtieġ li jiġi indirizzat fis-sors permezz ta’ approċċ komprensiv ibbażat fuq proċessi infurmati u parteċipattivi li jinvolvu liċ-ċittadini, li fihom l-atturi kollha jkollhom rwol, u tingħata preferenza għall-aktar soluzzjonijiet ġusti u kosteffettivi. Jeħtieġ li s-soluzzjonijiet jiġu adattati għall-kundizzjonijiet lokali, jindirizzaw il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni, u jirrispondu għall-ħtiġijiet identifikati sew u l-kunsiderazzjonijiet fit-tul aktar milli jiddependu fuq “soluzzjonijiet teknoloġiċi faċli”, kif enfasizzat mill-kontroll tal-idoneità tal-Kummissjoni Ewropea;

29.

jappella għal aktar riċerka u innovazzjoni rigward id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-ilma sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ilma, b’mod partikolari għall-bliet Ewropej li jattiraw numru dejjem jikber ta’ ċittadini, u r-reġjuni Ewropej li qed jintlaqtu dejjem aktar minn fażijiet twal ta’ nixfa;

30.

jipproponi implimentazzjoni urġenti ta’ għodod innovattivi biex jinkiseb stat ekoloġiku tajjeb fil-baċiri idrografiċi Ewropej, bħal soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura (EH-NBS ara r-Rapport Dinji dwar l-Iżvilupp tal-Ilma (WWAP) tal-UNESCO, “Nature-Based Solutions for Water” — mhux disponibbli bil-Malti); jirrimarka li s-soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura jtejbu l-effiċjenza tal-infrastruttura idroteknika, speċjalment f’pajsaġġi agrikoli u urbani, f’termini ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima li għaddej bħalissa u li jsaħħaħ il-potenzjal multidimensjonali tas-sostenibbiltà tal-baċir idrografiku tad-WBSRC (l-ilma, il-bijodiversità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, is-servizzi tal-ekosistema għas-soċjetà u impatti oħra, speċjalment il-kultura u l-edukazzjoni) (6). Dawn jippromovu wkoll approċċ olistiku billi jinkoraġġixxu x-xjenza u l-edukazzjoni fil-qasam tas-sostenibbiltà transdixxiplinari;

31.

jiġbed l-attenzjoni dwar l-impjanti żgħar u medji għat-trattament tad-drenaġġ li għandhom problema permanenti ta’ deklin perjodiku fl-effiċjenza, u jirrakkomanda li jintużaw is-sistemi ta’ bijofiltrazzjoni u sedimentazzjoni sekwenzjali (EH-NBS — Sequential Sedimentation Biofiltration) sabiex jitnaqqsu ż-żidiet qawwija temporanji fir-rilaxx ta’ sustanzi niġġiesa u jinkiseb status ekoloġiku tajjeb tal-ekosistemi tal-ilma ħelu;

32.

jenfasizza li, skont ir-Rapport ta’ Valutazzjoni Dinjija dwar l-Ilma, 5 % biss tal-investimenti konnessi mal-ġestjoni tal-ilma jużaw soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura, filwaqt li għandu jkun hemm aktar. It-tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati u l-ilma tal-maltemp urban jikkostitwixxu kważi 50 % tat-tniġġis totali fil-baċir idrografiku (tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati mill-agrikoltura, mill-pajsaġġ u mill-ilma tal-maltemp urban u mis-superfiċji tal-infrastruttura tat-trasport, u l-ammont ta’ fosfru u nitroġenu minn tniġġis mhux minn sorsi lokalizzati, eż. fil-Baħar Baltiku). Huma jiġu mitigati bl-aktar mod effiċjenti minn soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura. Dan ifisser li s-soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura jeħtieġ li jiġu applikati 10 darbiet aktar ta’ spiss minn issa biex jittaffa l-impatt tat-tniġġis, prinċipalment minn soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura implimentati fil-qafas ta’ prinċipji ekoidroloġiċi;

33.

jenfasizza li biż-żieda fl-impatti tat-tibdil fil-klima, id-Direttiva dwar l-Għargħar għandha tiġi integrata fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma biex jittejbu l-mili mill-ġdid tal-ilma ta’ taħt l-art, iż-żamma tal-widien tax-xmajjar permezz taż-żamma fil-pjanuri tal-għargħar, polders u r-restituzzjoni tal-livelli tal-ilma fil-lagi u fl-artijiet mistagħdra tal-madwar; jenfasizza li t-titjib taż-żamma fil-baċiri idrografiċi huwa essenzjali, peress li l-ilma — billi jistimula l-produttività bijoloġika — iżid l-akkumulazzjoni tal-karbonju u ċ-ċirkolazzjoni tan-nutrijenti, b’hekk jiġi evitat li n-nutrijenti jnixxu fl-ilma u jiġu rilaxxati fl-atmosfera u għaldaqstant jiġu evitati l-ewtrofikazzjoni u l-proliferazzjoni ta’ alga tossika;

34.

jissottolinja li l-Politika Agrikola Komuni, id-Direttiva dwar in-Nitrati u r-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti għandhom jiġu armonizzati mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis minn sorsi mhux lokalizzati (in-nitroġenu u l-fosforu), li dan l-aħħar iġġenera bejn 20 % u 50 % tal-ammont tan-nutrijenti fil-lagi, fir-riżervi u fiż-żoni kostali. F’reġjuni fejn hemm konċentrazzjoni ta’ trobbija industrijalizzata tal-bhejjem, jidher li huwa diffiċli li jintlaħaq dan l-objettiv jekk il-PAK u l-politiki nazzjonali ma jiħdux l-impenn — f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku, u l-istrateġiji dwar il-bijodiversità u “mill-għalqa sal-platt” — biex din it-tip ta’ biedja titnaqqas b’mod sostanzjali. Il-bini ta’ żoni ekotoni li jkunu effettivi ħafna, magħmula minn denitrifikazzjoni u ostakli ġeokimiċi, fejn jiltaqgħu l-art u l-ilma, jista’ jikkontribwixxi għal dan. jenfasizza li ż-żieda fil-kumplessità tal-pajsaġġ agrikolu (ekotoni fejn jiltaqgħu l-art u l-ilma, ringieli ta’ siġar u faxex kennija) inaqqas it-telf tal-ilma mill-ħamrija ikkawżat minn irjieħ qawwija, iżda jipprevjeni wkoll it-telf ta’ materja organika u ta’ karbonju mill-ħamrija. Għalhekk, metodi bħal dawn (ekotoni fejn jiltaqgħu l-art u l-ilma, ringieli ta’ siġar u faxex kennija), kif ukoll miżuri oħra biex iżidu ż-żamma tal-ilma fil-pajsaġġ, għandhom jiġu inkorporati fl-istrateġija tal-bijoekonomija. Dan jista’ jżid il-qbid u l-ħżin tal-karbonju b’mod konsiderevoli, li huwa wieħed mill-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku;

35.

jenfasizza li minħabba li l-ilma tal-maltemp f’żoni urbani jista’ jiġġenera bejn 10 % u 20 % tal-ammont ta’ sustanzi niġġiesa fil-baċir idrografiku, il-mitigazzjoni effettiva ta’ dan l-impatt tista’ tinkiseb — speċjalment f’żoni ta’ bini ġdid — permezz ta’ soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura avvanzati bi prezz baxx, bħal sistemi ta’ sedimentzzjoni-bijofiltrazzjoni sekwenzjali u sistemi ibridi li jintegraw infrastruttura idroteknika tradizzjonali mas-soluzzjonijiet ekoidroloġiċi bbażati fuq in-natura. Dan għandu jkun ikkoordinat ma’ miżuri li jadattaw l-ambjent mibni għal klima li qed tinbidel. Fejn ikun prattikabbli, is-soluzzjonijiet għandhom jiġu applikati wkoll għall-istokk tal-bini eżistenti;

36.

jinnota li, fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-riforma tal-PAK, il-KtR ippropona li jiġu inklużi ħames objettivi ambjentali kwantifikabbli (sal-2027) fil-PAK li jmiss, inkluża garanzija li 100 % tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art ikunu konformi mad-Direttiva dwar in-Nitrati mingħajr ebda eżenzjoni;

37.

jirrimarka li l-perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-pjani ta’ ġestjoni tal-baċiri idrografiċi huwa qasir wisq, peress li r-rispons ambjentali jista’ jieħu ħafna aktar fit-tul miċ-ċiklu ta’ sitt snin. jirrakkomanda, għalhekk, li l-perjodi tal-ippjanar jiġu estiżi tal-inqas b’żewġ perjodi oħra sal-2039 u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw proġetti innovattivi fit-tul (7);

38.

iqis li peress li l-pjani tal-baċiri idrografiċi u l-pjani nazzjonali ta’ xi Stati Membri ma fihomx soluzzjonijiet għal insedjamenti b’riskju baxx ta’ għargħar, kwalunkwe kostruzzjoni, inklużi r-rinnovazzjonijiet li jiffavorixxu l-protezzjoni mill-għargħar saru impossibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha għandhom jappoġġjaw aktar lill-Istati Membri biex isibu soluzzjonijiet fattibbli;

39.

jenfasizza l-ħtieġa għal koerenza akbar bejn id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) li tistabbilixxi qafas għal azzjoni komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi li huwa kompatibbli mal-objettivi ambjentali tal-UE u mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) sabiex jiżdiedu l-isforzi ta’ monitoraġġ u sussegwentement jiġu identifikati l-aħjar miżuri. Is-sustanzi kimiċi perikolużi jridu jitwaqqfu fis-sors, u l-manifatturi jrid ikollhom aktar responsabbiltà fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jqiegħdu fis-suq;

40.

jappella li fl-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku jiġi esplorat l-użu tal-korpi tal-ilma, b’mod partikolari l-potenzjal tal-irziezet tat-tkabbir tal-alga bħala mezz naturali għall-qbid tal-karbonju u bħala sors ta’ enerġija newtrali fil-karbonju u ta’ għalf għall-bhejjem;

41.

iqis li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU għandhom ikunu parti integrali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma riveduta;

42.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea torbot aħjar id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma mal-karatteristiċi territorjali lokali u reġjonali. Fid-dawl tal-fraġilità relattiva ta’ territorji bl-għoljiet u muntanjużi lokali u reġjonali minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi u — b’mod partikolari fil-każ tal-korpi tal-ilma tax-xmajjar Apennini — in-natura dejjem aktar temporanja tagħhom, ir-referenza għall-kundizzjonijiet identifikati għal dan it-tip ta’ korp tal-ilma (u probabbilment il-metodoloġiji ta’ monitoraġġ stabbiliti) ma tirrappreżentax b’mod adegwat l-objettivi. Dan jirriżulta fi klassifikazzjoni li tissottovaluta l-kwalità tagħhom anke fin-nuqqas ta’ pressjoni antropika, li hija kritika ħafna u li hija aggravata bit-tibdil fil-klima;

43.

jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex jiżdied il-potenzjal tal-implimentazzjoni fi bliet u reġjuni madwar l-UE billi tespandi l-pjattaformi eżistenti għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u għarfien espert, kif ukoll tipprovdi għodod finanzjarji li jappoġġjaw it-trasferiment ta’ metodi innovattivi u soluzzjonijiet sistemiċi bejn ir-reġjuni;

44.

jemmen li, meta jitqiesu d-dimensjonijiet kulturali, storiċi u soċjali tal-korpi tal-ilma, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, bil-kamp ta’ applikazzjoni komprensiv tagħha, għandha tintuża biex tippromovi l-kooperazzjoni transdixxiplinari u t-trasparenza, u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini bħala “partijiet interessati” sabiex ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż dwar aspetti ekonomiċi li jkopru s-servizzi ambjentali kollha, aktar milli dawk relatati biss mal-provvista tal-ilma u t-trattament;

45.

f’dan il-kuntest, f’konformità mal-governanza tajba, jappella li tiġi żviluppata metodoloġija għal djalogu regolari bejn il-partijiet interessati rilevanti kollha, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà u x-xjenzjati (“ix-xjenza mill-pubbliku”) sabiex jissaħħaħ l-involviment tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi;

46.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-utilitajiet tal-ilma bi sjieda pubblika sabiex jipparteċipaw fl-inizjattiva Water Erasmus li tippermetti lill-persunal tekniku jżur kontropartijiet fi Stati Membri oħra sabiex jitgħallem mill-prattiki ta’ ġestjoni tal-ilma tagħhom. L-iskambji ta’ dan it-tip, kif ukoll ta’ inizjattivi oħra bħal workshops tekniċi, għandhom jiżdiedu, peress li dawn jipprovdu opportunità biex ikun hemm sensibilizzazzjoni, jitrawwem id-djalogu, tagħlim dwar soluzzjonijiet u tinbena l-kapaċità;

47.

jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-istrumenti kollha biex tevita kull tip ta’ ħela tal-ilma u tiżgura l-manutenzjoni tajba tal-faċilitajiet tal-fluss tal-ilma;

48.

jistieden lill-Kummissjoni tfakkar lill-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali kollha li l-ilma huwa ben pubbliku essenzjali u, fid-dawl ta’ dan, jimplimentaw aħjar il-politiki dwar l-ipprezzar tal-ilma f’konformità mal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u biex tirreferi għall-unitajiet domestiċi, għall-agrikoltura u għall-industrija bħala “utenti tal-ilma”, kif ukoll biex tirrakkomanda l-użu ta’ miżuri ta’ pprezzar bħal tariffi tas-sajf jew tariffi skont il-faxex ta’ konsum, biex tippromovi l-konservazzjoni tar-riżorsa. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu jiġi applikat b’mod sħiħ permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament sostenibbli bħar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur;

49.

jenfasizza li t-tnaqqis fir-riżorsi globali tal-ilma joħloq disparitajiet fuq skala globali, li jistgħu jiġġeneraw kunflitt reġjonali u globali. Sabiex dan jiġi evitat, huwa importanti ħafna li jiġu kondiviżi paradigmi ġodda, metodoloġiji ġodda u soluzzjonijiet sistemiċi ġodda madwar id-dinja, speċjalment ma’ żoni fejn ir-riżorsi tal-ilma huma limitati, bħall-Afrika u l-Lvant Nofsani. jipproponi li l-Kummissjoni teżamina l-potenzjal għal kooperazzjoni mal-Programm Idroloġiku Intergovernattiv tal-UNESCO, biex jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fil-kisba tas-sostenibbiltà globali tal-ilma;

50.

jappella li jkun hemm infurzar tal-protezzjoni tas-sorsi tal-ilma anke fil-pajjiżi kandidati u fil-pajjiżi aderenti tal-UE.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent Nru 7/2018, p. 6.

(2)  https://europa.eu/citizens-initiative/water-and-sanitation-are-human-right-water-public-good-not-commodity_mt

(3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (COM/2017/0753 final — 2017/0332 (COD)).

(4)  Stqarrija għall-istampa tal-Qorti tal-Ġustizzja https://curia.europa.eu/jcms/upload/docs/application/pdf/2015-07/cp150074en.pdf

It-test sħiħ tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja http://curia.europa.eu/juris/document/document.jsf;jsessionid=865AA46C1FFD406065B2F1AE4400A100?text=&docid=166623&pageIndex=0&doclang=MT&mode=req&dir=&occ=first&part=1&cid=4494760

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma” (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 353).

(6)  Ecohydrology as an integrative science from molecular to basin scale: historical evolution, advancements and implementation activities. (L-ekoidroloġija bħala xjenza integrattiva mill-iskala molekulari sal-iskala tal-baċiri: evoluzzjoni storika, avvanzi u attivitajiet ta’ implimentazzjoni — mhux disponibbli bil-Malti).

Prof. M. Zalewski Ecohydrology and Hydrologic Engineering: Regulation of Hydrology-Biota Interactions for Sustainability. (L-ekoidroloġija u l-inġinerija idroloġika: regolazzjoni tal-interazzjonijiet idroloġija-biota għas-sostenibbiltà — mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Eżempju wieħed huwa l-introduzzjoni mill-ġdid tas-salamun, li fis-snin 50 kien qed jisparixxi b’mod progressiv mix-xmara Renu. Il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tar-Renu bdiet timplimenta miżuri prattiċi fl-1991, iżda r-riżultati ta’ suċċess kienu viżibbli biss 20 sena wara.

(8)  Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


Top