EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR4764

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles: il-perspettiva reġjonali u lokali

COR 2019/04764

ĠU C 324, 1.10.2020, p. 21–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/21


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles: il-perspettiva reġjonali u lokali

(2020/C 324/04)

Relatur:

Michael MURPHY (IE/PPE), Kunsillier, Kunsill tal-Kontea ta’ Tipperary

Dokument ta’ referenza:

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles: 1 ta’ Jannar 2018 – 31 ta’ Diċembru 2018

COM(2019) 455 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles; iqis li dan mhuwiex biss pass kruċjali lejn aktar trasparenza iżda anke strument effettiv biex jipprovdi lill-pubbliku b'informazzjoni oġġettiva ta’ sfond dwar ftehimiet kummerċjali negozjati mill-UE;

2.

jenfasizza l-potenzjal importanti li l-politika kummerċjali tal-UE toffri għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-UE, b’mod partikolari f'termini ta’ tkabbir sostenibbli, implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, impjiegi, ħolqien ta’ impjiegi u investiment fl-UE. Madankollu, fl-istess ħin, jifhem li l-kriżi tal-COVID-19 hija xokk ewlieni għall-ekonomiji Ewropej u globali u ser ixxekkel l-opportunitajiet mill-kummerċ globali għall-SMEs Ewropej. Skont stħarriġ reċenti mid-DĠ TRADE, fl-2020 huwa mistenni tnaqqis fil-kummerċ globali ta’ bejn l-10 % u s-16 %; għall-UE27, it-tnaqqis previst huwa mistenni li jkun bejn id-9 % u l-15 % għall-esportazzjonijiet barra l-UE-27, li jammonta għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet barra l-UE ta’ bejn EUR 282 biljun u EUR 470 biljun (1);

3.

ifakkar li 36 miljun impjieg fl-UE jiddependu fuq l-esportazzjonijiet barra mill-UE, li 13,7 miljun minnhom huma okkupati min-nisa; li bejn l-2000 u l-2017, l-impjiegi tal-UE appoġġjati mill-esportazzjonijiet lejn il-bqija tad-dinja żdiedu b’66 % li jirrappreżentaw 14,3 miljun impjieg addizzjonali; u li s-sehem tal-impjiegi tal-UE appoġġjati mill-bejgħ tal-oġġetti u s-servizzi lejn il-bqija tad-dinja fuq l-impjiegi totali żdied minn 10,1 % fl-2000 għal 15,3 % fl-2017 (2); jinnota bi tħassib li minħabba l-pandemija tal-COVID-19, fl-2020, l-ILO tistma t-telf ta’ 12-il miljun impjieg fl-Ewropa biss;

4.

jenfasizza l-importanza ta’ kummerċ internazzjonali ħieles ibbażat fuq ir-regoli li jkun ta’ benefiċċju għall-imsieħba kummerċjali kollha. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddefendi l-interessi kummerċjali tal-UE u tiġġieled kontra t-tendenza li qed tiżdied tal-protezzjoniżmu;

5.

jinnota li l-impatt tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles fl-UE jinħass fil-livell reġjonali. Għalhekk il-KtR jappella lill-Kummissjoni biex iżżommu infurmat b’mod sistematiku u biex tikkunsidra r-riperkussjonijiet lokali u reġjonali possibbli tal-kummerċ fi stadju bikri fin-negozjati;

6.

jemmen li l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles għandhom ikunu adattati għall-SMEs daqskemm l-SMEs għandhom ikunu adattati għall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles; jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinfurmaw lill-SMEs fil-prattika dwar il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles;

7.

jenfasizza r-responsabbiltà konġunta tal-livelli kollha ta’ governanza biex jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni jiġu ddistribwiti b'mod ġust, u li l-impatti negattivi jitnaqqsu;

8.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li ż-żieda fil-miżuri li ma jikkonformawx mar-regoli tad-WTO u arranġamenti mhux tariffarji diskriminatorji ġodda jippreżentaw ir-riskju ta’ piżijiet regolatorji eċċessivi reċiproċi, tant li qed isiru l-prassi ġdida fil-kummerċ globali; jemmen li l-programmi eżistenti ta’ appoġġ mill-UE u l-monitoraġġ tagħhom għandhom jiġu evalwati mill-ġdid, f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, biex jiġu appoġġjati r-reġjuni affettwati b’mod negattiv mill-gwerer kummerċjali billi jitnaqqas il-piż fuqhom;

9.

jilqa’ l-fatt li, fit-22 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali bil-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-inklużività fil-politika kummerċjali tal-UE; jinnota li l-ebda wieħed mit-28 espert fil-grupp (3) ma jirrappreżenta awtorità lokali jew reġjonali jew waħda mill-assoċjazzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-Grupp ta’ Esperti fil-format tiegħu ta’ bħalissa u żżomm il-pożizzjoni tal-KtR bħala osservatur. F'każ li tinbidel l-istruttura ġenerali tal-Grupp ta’ Esperti, il-KtR jitlob li jiġi mistieden bħala membru;

10.

jilqa’ l-fatt li bejn 29 % u 31 % tal-kummerċ tal-UE huwa kopert minn ftehimiet kummerċjali preferenzjali;

Rakkomandazzjonijiet relatati mal-COVID-19

11.

jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni li tniedi proċedimenti ta’ reviżjoni tal-politika kummerċjali, li jwasslu għal strateġija ġdida sa tmiem is-sena. Madankollu, il-KtR jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din ir-reviżjoni tagħti d-diliġenza dovuta u l-attenzjoni xierqa lill-kwistjoni tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles fir-reġjuni u l-bliet tal-Istati Membri;

12.

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat li l-ekonomiji globali huma interkonnessi sew u fi żmien ta’ kriżi, l-ebda pajjiż ma jista’ jimmanifattura l-ħtiġijiet tiegħu b’mod individwali. Għalhekk, biex tiġi żgurata sistema kummerċjali globali ġusta, miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli l-ħidma tagħha fuq ir-riforma tad-WTO. Jinnota, bl-istess mod, li f’każijiet fejn il-kompetizzjoni globali hija mxekkla, jeħtieġ li l-UE tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti tagħha ta’ difiża kummerċjali u tiżviluppa għodod ġodda biex tindirizza l-prattiki ta’ distorsjoni tas-suq ta’ pajjiżi terzi.

13.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli bil-ħidma tagħha dwar l-indirizzar tal-kompetizzjoni mxekkla fis-suq uniku kkawżata minn sussidji barranin. F’dan ir-rigward, il-KtR jistenna l-pubblikazzjoni tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar strument dwar is-sussidji barranin. Il-progress f’dan il-qasam tax-xogħol huwa partikolarment importanti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE f’oqsma bħall-akkwist pubbliku;

14.

jinnota li fl-aħħar mill-aħħar ir-reġjuni u l-gvernijiet tagħhom jinsabu fuq quddiem nett tal-kriżi, u qed jittrattaw l-impatti ekonomiċi u tas-saħħa tagħha. Jemmen, għalhekk, li l-UE teħtieġ taħdem fuq il-bini ta’ ħażniet strateġiċi ta’ tagħmir vitali biex tħejji lir-reġjuni għall-pandemiji fil-ġejjieni. Jilqa’ f’dan ir-rigward il-kunċett tal-Kummissjoni ta’ “awtonomija strateġika miftuħa” biex tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista globali kif ukoll tirripatrija xi produzzjoni ta’ materjali kritiċi;

15.

jilqa’ l-proposta l-ġdida tas-27 ta’ Mejju dwar il-QFP, inklużi r-REACT-EU l-ġdida u r-rinforz temporanju tan-Next Generation EU. F’dan il-kuntest, il-KtR jilqa’ l-fondi addizzjonali assenjati għall-Politika ta’ Koeżjoni, li jistgħu jintużaw biex jiġi miġġieled l-impatt ekonomiku tal-kriżi, inkluż permezz ta’ investiment u likwidità f’SMEs affettwati fil-livell lokali, partikolarment dawk fis-setturi l-aktar milquta. Dan ser jiżgura li jiġu salvati kemm jista’ jkun negozji u postijiet tax-xogħol;

16.

jilqa’ s-semplifikazzjoni tal-applikazzjoni ta’ għadd ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE, inkluż l-InvestEU, fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19. Madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tkompli s-sistema ta’ aċċess imtejjeb għall-finanzjament f’firxa ta’ programmi lil hinn mill-pandemija, sabiex l-SMEs Ewropej ikunu jistgħu jbiddlu t-teknoloġiji ta’ diġitalizzazzjoni u ta’ dekarbonizzazzjoni f’opportunitajiet ta’ profitt biex jinħolqu tkabbir ekonomiku sostenibbli u impjiegi;

It-twettiq tal-potenzjal sħiħ tal-ftehimiet kummerċjali – perspettivi reġjonali u kummerċjali

17.

jaqbel b'mod qawwi mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kumpaniji tal-UE jistgħu jibbenefikaw biss mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE jekk ikollhom informazzjoni rilevanti dwar il-kontenut ta’ dawn il-ftehimiet u jifhmu kif dawn jiffunzjonaw fil-prattika; jenfasizza l-ħtieġa li r-rappreżentanti tar-reġjuni jiġu involuti fl-isforz biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza li l-pjani ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles jitfasslu apposta skont l-Istat Membru, ir-reġjuni rispettivi tiegħu u l-interessi tan-negozju reġjonali;

18.

jinnota bi tħassib li l-kumplessità tar-regoli tal-oriġini u tal-forom amministrattivi meħtieġa mill-imsieħba kummerċjali tal-UE biex jingħataw preferenzi lill-kumpaniji tal-UE, kif ukoll l-isforz involut biex tiġi ppruvata l-oriġini preferenzjali, jidhru li huma sproporzjonati għall-SMEs tal-UE peress li dawn ma għandhomx l-istess riżorsi bħall-kumpaniji kbar;

19.

itenni l-pożizzjoni tiegħu li ilha stabbilita li l-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma għandhomx jipprevjenu lill-gvern fil-livelli kollha milli jipprovdi, jappoġġja jew jirregola s-servizzi pubbliċi, jew ma jħallihomx jespandu l-firxa ta’ servizzi li joffru lill-pubbliku;

20.

ifakkar li l-parti l-kbira tal-attività tal-esportazzjoni tal-SMEs isseħħ primarjament fis-suq uniku (4), b’madwar nofs l-SMEs biss ibigħu l-oġġetti tagħhom barra l-UE-28 (5); jinnota wkoll li l-attività ta’ esportazzjoni tal-SMEs hija kkonċentrata ħafna, b’sitt Stati Membri (6) jammontaw għal aktar minn żewġ terzi tal-esportazzjonijiet totali tal-SMEs tal-UE;

21.

jenfasizza li skont stħarriġ reċenti li twettaq mill-KtR u mill-Eurochambres, implimentazzjoni effettiva tal-kummerċ tirrikjedi dan li ġej (7):

a)

l-indirizzar tad-diskrepanza fl-għarfien relatata mal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-UE permezz tal-għoti ta’ informazzjoni prattika dwar kif l-SMEs jistgħu jużaw Ftehim partikolari ta’ Kummerċ Ħieles fil-prattika, u permezz ta’ attivitajiet aktar informattivi mal-komunità tan-negozju fil-livell reġjonali u lokali (taħriġ, seminars, sessjonijiet ta’ ħidma, wirjiet, eċċ.);

b)

it-titjib tal-faċilità ta’ użu ta’ għodod disponibbli mingħajr ħlas bil-għan li jiġu appoġġjati n-negozji u l-SMEs kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-eżistenza tagħhom;

c)

l-indirizzar tal-kumplessità u n-nuqqas ta’ koerenza tar-regoli tal-oriġini u l-proċeduri doganali;

d)

l-implimentazzjoni rapida ta’ kalkolatur, onlajn u mingħajr ħlas, tar-regoli tal-oriġini bħala l-ewwel linja addizzjonali ta’ appoġġ għall-SMEs tal-UE meta dawn jippruvaw jifhmu l-kumplessitajiet ta’ dawn ir-regoli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE;

22.

huwa tal-fehma li jeħtieġ li jsir aktar biex tinxtered l-informazzjoni dwar il-funzjonament tal-kummerċ internazzjonali, b'mod partikolari fil-livell tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom rwol importanti x’jaqdu minħabba l-għarfien tagħhom tal-SMEs u l-prossimità tagħhom għall-SMEs fil-prattika; jirrikonoxxi għalhekk opportunità għall-KtR u l-Kummissjoni Ewropea biex jaħdmu b'mod sistematiku flimkien biex ixerrdu informazzjoni rilevanti u jiżviluppaw għodod interattivi rilevanti, bħal pereżempju Kalkolatur tar-Regoli tal-Oriġini għall-SMEs;

23.

jilqa’ l-ħidma avvanzata tal-Kummissjoni fir-rigward tal-portal onlajn li se jintegra żewġ bażijiet tad-data, il-Bażi tad-Data tal-Aċċess għas-Suq u l-Helpdesk tal-Kummerċ;

24.

jilqa’ wkoll l-għodod eżistenti li jintużaw mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu promossi u appoġġjati l-SMEs tal-UE fl-isforzi ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom sabiex dawn ikunu aktar kompetittivi fil-livell globali, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-għodod jassumu approċċ minn isfel għal fuq fl-applikazzjoni tagħhom;

25.

iqis bi tħassib il-kwistjonijiet pendenti mal-imsieħba kummerċjali kif ġew ippreżentati fir-rapport tal-Kummissjoni, b’mod partikolari l-fatt li l-prodotti tal-UE għadhom jiffaċċjaw ostakli biex jaċċessaw għadd ta’ swieq f’pajjiżi msieħba; Ir-rikonoxximent reċiproku mingħajr burokrazija tal-istandards tekniċi għandu jingħata prijorità għolja;

L-iżgurar li l-impenn ekonomiku globali ma jwassalx għal inugwaljanza fost ir-reġjuni tal-UE

26.

huwa tal-fehma li minkejja t-tkabbir ekonomiku ġenerali skattat mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, hemm xi setturi ekonomiċi, flimkien mar-reġjuni li jospitawhom, li x'aktarx se jintlaqtu ħażin;

27.

jappoġġja l-fehma tal-Kummissjoni li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE joffru potenzjal kbir għall-esportazzjonijiet tal-UE fi prodotti agrikoli, iżda huwa mħasseb li l-abbozz tar-rapport interim dwar il-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà għall-ftehim kummerċjali mal-Mercosur jissuġġerixxi li l-agrikoltura u ż-żoni rurali fl-UE huma mistennija li jesperjenzaw effetti negattivi, u huwa għalhekk li xi Stati Membri rrifjutaw il-ftehim fil-forma attwali tiegħu; jinsisti wkoll li l-ftehim mal-Mercosur għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gas serra. F’dan ir-rigward, ir-ratifika bejn l-UE u l-Mercosur għandha tkun taħt il-kundizzjoni ta’ miżuri li jreġġgħu lura l-livell fenomenali attwali ta’ deforestazzjoni fl-Amażonja tal-Brażil;

28.

jenfasizza li mill-istħarriġ mwettaq mill-KtR f’kooperazzjoni mal-Eurochambres dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, iż-żieda fil-pressjoni kompetittiva minn kumpaniji barranin ġiet identifikata wkoll bħala tħassib notevoli għar-reġjuni meta l-ftehimiet kummerċjali tal-UE daħlu fis-seħħ (8);

29.

jenfasizza li, kif ġie ssottolinjat minn studju tal-EPRS (9) ibbażat fuq analiżi tal-flussi kummerċjali f’xi Stati Membri, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tar-reġjuni hija marbuta b’mod pożittiv u b’saħħtu mal-PDG u li l-kummerċ huwa kkonċentrat ħafna fi ftit reġjuni f’kull Stat Membru analizzat;

30.

ifakkar li l-impatt tal-globalizzazzjoni li mil-lat territorjali mhuwiex indaqs ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni bid-Dokument ta’ Riflessjoni dwar Il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni u d-Dokument ta’ Riflessjoni dwar Iil-futur tal-finanzi tal-UE, fejn ġie enfasizzat li filwaqt li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni huma mifruxa b'mod wiesgħa, l-ispejjeż ta’ spiss jiġu lokalizzati;

31.

jenfasizza li biex jiġu solvuti l-inugwaljanzi ppreżentati hawn fuq hemm bżonn ta’ reazzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħallew barra;

32.

jemmen bil-qawwa li l-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali jistgħu jkunu għodod b'saħħithom biex jiġu identifikati u kkwantifikati kemm jista’ jkun kmieni l-impatti asimmetriċi possibbli tal-ftehimiet kummerċjali fuq ir-reġjuni Ewropej, u b'hekk it-territorji kkonċernati jkunu jistgħu jimplimentaw il-politiki pubbliċi xierqa biex jindirizzaw l-impatt; iqis li dan huwa element essenzjali biex jiġu fformulati politiki kummerċjali sodi, trasparenti u bbażati fuq l-evidenza;

33.

ipoġġi enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni biex tittejjeb il-kompetittività tat-territorji tal-UE permezz ta’ investimenti mmirati adattati għall-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe territorju speċifiku f'setturi ewlenin bħall-infrastrutturi tan-netwerk, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs, is-servizzi tal-IT, l-azzjoni ambjentali u klimatika, impjiegi ta’ kwalità u l-inklużjoni soċjali;

34.

ifakkar, fid-dawl tal-evidenza b’saħħitha dwar ix-xejriet reġjonali fil-kummerċ internazzjonali, li jekk l-UE trid tintroduċi aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ, huwa essenzjali li kull inizjattiva sinifikanti fil-qasam tkun preċeduta minn valutazzjonijiet tal-impatt li jiffukaw fuq l-effetti possibbli fuq il-livelli nazzjonali u dawk sottonazzjonali;

35.

jilqa’ l-fatt li fil-Pjan tagħha ta’ Rkupru għall-Ewropa ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-għodod ta’ emerġenza tagħha, inkluż il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), u tagħmilhom aktar flessibbli sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw malajr u fuq skala kbira meta jkun meħtieġ. Jistenna li l-Kummissjoni tiddeskrivi malajr il-proposta tagħha u jtenni (10) f’dan l-isfond li l-proposta preċedenti tal-FEG għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027 ipprevediet limiti minimi ta’ eliġibbiltà relattivament għoljin (mill-inqas 250 sensja) (11) u pakkett baġitarju baxx ta’ EUR 225 miljun kull sena.

Il-politika kummerċjali bħala strument ewlieni għat-titjib tas-sostenibbiltà

36.

jemmen bis-sħiħ li l-politika kummerċjali għandha rwol importanti x'taqdi biex tiżgura li l-globalizzazzjoni jkollha effetti ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali pożittivi għan-nies u n-negozji fl-Ewropa u lil hinn minnha;

37.

ifakkar li skont stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru tal-2019 (12), kien hemm żieda fis-sehem ta’ rispondenti li semmew tħassib rigward l-impatti ambjentali negattivi tal-kummerċ internazzjonali, filwaqt li l-istess stħarriġ sab li kien hemm żieda fir-rispondenti li jemmnu li ma jibbenefikawx mill-kummerċ internazzjonali minħabba l-impatti ambjentali tiegħu;

38.

ifakkar li l-Patt Ekoloġiku għandu jintegra l-politika kummerċjali flimkien mal-politika ekonomika, regolatorja u tal-kompetizzjoni fi sforz komprensiv biex jiġi megħjun l-ambjent u biex jiġu stabbiliti ambizzjonijiet ambjentali għolja għall-industrija kollha kemm hi;

39.

jemmen li jista’ jintuża mekkaniżmu li jindirizza r-“rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni; jinnota, madankollu, li l-miżura għandha tibbilanċja t-tħassib relatat mal-ambjent, il-kummerċ u l-ġustizzja biex jiġi evitat li tinħoloq ritaljazzjoni kontra l-esportazzjonijiet mill-pajjiżi tal-UE, u b'dan il-mod issir ħsara lill-industrija tal-UE;

40.

jappoġġja bil-qawwa l-pjan ta’ azzjoni bi 15-il punt tal-Kummissjoni bħala strument ewlieni biex il-kapitoli dwar Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li jagħmlu parti mill-ftehimiet kummerċjali moderni kollha tal-UE, isiru aktar effettivi; Madankollu, dan jista’ jiġi implimentat biss bi klawżoli xierqa li jippermettu li r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà jkunu jistgħu jiġu infurzati, verifikati u sanzjonati;

41.

b’rabta mal-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ konformità ma’ dispożizzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli għandux iwassal għal ċerti konsegwenzi kummerċjali (relatati mal-kummerċ), il-KtR jappoġġja l-fehma li f’każ li pajjiżi jinvolvu ruħhom f’kompetizzjoni inġusta, pereżempju billi jevitaw l-istandards ewlenin tal-ILO jew l-istandards ta’ sostenibbiltà, għandu jkun hemm ukoll dispożizzjonijiet għal mekkaniżmi ta’ sanzjonijiet;

42.

jenfasizza l-ħtieġa li l-kapitoli dwar Il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE jiġu implimentati aħjar permezz ta’ miżuri mhux vinkolanti u billi jintużaw aħjar tar-riżorsi diplomatiċi proprji tal-UE u tal-Istati Membri;

43.

jitlob, barra minn hekk, li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jinkludu regoli stretti dwar ipprezzar ħażin, dwar prezzijiet ta’ trasferiment abbużivi, u dwar evażjoni tat-taxxa minn kumpaniji elenkati;

44.

huwa tal-fehma li l-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jistgħu, permezz tal-kummerċ, itejbu kundizzjonijiet bħax-xogħol deċenti, il-protezzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sabiex tinkiseb bidla fil-politika effettiva u sostenibbli (13) fil-pajjiżi terzi; madankollu, jinnota fl-istess ħin li dawk il-kwistjonijiet min-natura tagħhom jirriżultaw minn proċessi demokratiċi fi ħdan l-ordni kostituzzjonali ta’ kwalunkwe pajjiż partikolari;

45.

jilqa’, f’dak ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taħtar Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ biex jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-protezzjonijiet klimatiċi, ambjentali u tax-xogħol stipulati fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, u huwa fiduċjuż li l-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ ser jistabbilixxi mezzi sodi ta’ komunikazzjoni mas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Uffiċċju jkun allokat biżżejjed riżorsi biex jiġi żgurat li jikseb l-objettivi tiegħu;

46.

f’dan il-kuntest, madankollu, jirreferi għall-istudju tal-KtR dwar “Id-dimensjoni demokratika tan-negozjati tal-UE dwar il-ftehimiet kummerċjali: ir-rwol u r-responsabilitajiet taċ-ċittadini u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali”, li jenfasizza li d-disponibbiltà tal-informazzjoni waħedha mhiex biżżejjed biex jiġi żgurat proċess trasparenti u parteċipattiv u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-mekkaniżmi fil-livelli nazzjonali u lokali li għandhom l-għan li jiżguraw aċċess għal din l-informazzjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss jenfasizzaw in-nuqqas ta’ mekkaniżmi formali għal djalogu mal-livelli nazzjonali rilevanti fil-qasam tal-politika kummerċjali, u dan in-nuqqas huwa saħansitra aktar viżibbli fil-livell tal-UE;

47.

fl-istess ħin jemmen li l-politika kummerċjali tal-UE ma għandhiex timmina l-isforzi tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp f’pajjiżi terzi, u jappella għal approċċ bilanċjat għall-kummerċ ħieles fir-rigward ta’ ekonomiji aktar fraġli; ifakkar fl-importanza tal-kummerċ ħieles u ġust, filwaqt li jenfasizza l-potenzjal li l-faqar jitnaqqas permezz ta’ integrazzjoni ekonomika interreġjonali u intrareġjonali. Jappella għal koerenza tal-politika akbar fis-setturi tal-kummerċ internazzjonali u tal-iżvilupp, jieħu nota li l-UE qed timxi minn għajnuna għall-iżvilupp internazzjonali għal approċċ ta’ sħubija bejn partijiet ugwali;

It-tnaqqis tal-impatt negattiv ta’ żviluppi uniċi fuq setturi u reġjuni partikolari

48.

jistieden lill-atturi istituzzjonali ewlenin kollha biex jagħtu attenzjoni partikolari lir-rabtiet kummerċjali eżistenti bejn ir-reġjuni tal-UE-27 u r-Renju Unit, li ser jiddefinixxu bil-bosta l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq l-ekonomiji rispettivi tagħhom; għandhom jitfasslu miżuri xierqa għas-setturi u t-territorji li ser isofru minn impatt negattiv partikolari;

49.

jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill tat-3 ta’ Frar 2020 biex jinfetħu n-negozjati dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit; jemmen li l-KE teħtieġ tiżgura li l-ftehim innegozjat jiddefendi l-interessi tal-UE;

50.

jirreferi għad-Dokument ta’ Pożizzjoni tad-Delegazzjoni ta’ Spanja lill-Kumitat tar-Reġjuni (14) u jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar il-fatt li d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Istati Uniti biex jiġu introdotti tariffi addizzjonali fuq il-prodotti Ewropej, li jammontaw għal USD 7,496 biljuni, bħala kontromiżura għall-għajnuna lill-manifattur tal-inġenju tal-ajru Airbus mogħtija mill-UE u minn ċerti gvernijiet tal-Istati Membri, ser taffettwa l-aktar il-prodotti agrikoli u agroalimentari prodotti fl-Istati Membri tal-UE;

51.

jenfasizza li t-tariffi tal-azzar tal-Istati Uniti wasslu għal devjazzjoni serja tal-kummerċ tal-prodotti tal-azzar minn pajjiżi terzi, li qed jidħlu dejjem aktar fis-suq Ewropew. L-effettività tal-miżuri ta’ salvagwardja tal-UE fis-settur tal-azzar għandha tiġi vvalutata mill-ġdid fid-dawl tal-ambjent ekonomiku tal-industrija tal-azzar li jinsab f'diffikultà, sabiex jiġi evitat li ssir aktar ħsara lill-kumpaniji domestiċi tal-azzar. L-irtirar ta’ żidiet preċedenti fil-kwota tariffarja għandu jiġi indirizzat b’mod espliċitu f’din ir-reviżjoni;

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji tal-UE f’sistema ta’ negozjar ibbażata fuq ir-regoli

52.

ifakkar li l-pajjiżi terzi jirreaġixxu b’kontrosazzjonijiet għas-sanzjonijiet tal-UE imposti fuqhom għal diversi raġunijiet ġeopolitiċi li mhumiex relatati mal-kummerċ, u dawn jolqtu b’mod sproporzjonat lil xi reġjuni li għandhom rabtiet kummerċjali stabbiliti mal-imsemmija pajjiżi terzi; huwa tal-fehma li għandu jiġi żgurat bilanċ tajjeb bejn it-teħid ta’ miżuri kumpensatorji u l-preservazzjoni tal-kompetizzjoni, u li l-programmi eżistenti ta’ appoġġ tal-UE għandhom jiġu evalwati mill-ġdid biex jappoġġjaw lir-reġjuni affettwati b'mod negattiv mill-gwerer kummerċjali;

53.

jiġbed l-attenzjoni għat-talbiet reċenti għal politika kummerċjali tal-UE aktar assertiva li tiddefendi lit-teknoloġiji, il-kumpaniji u s-swieq minn prattiki kummerċjali inġusti minn barra, u huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ politika kummerċjali aktar proattiva li tkun lesta tipproteġi lill-kumpaniji tagħha permezz ta’ miżuri kumpensatorji xierqa li jżommu l-pass mal-iżvilupp reċenti tal-katina tal-valur u permezz ta’ qafas legali vinkolanti għall-kunflitti kummerċjali; ifaħħar l-appoġġ tal-UE għall-multilateraliżmu u d-diversi ideat għar-riforma tad-WTO li ġew ippreżentati, kif ukoll il-pożizzjoni proattiva tal-Kummissjoni dwar l-istaġnar fir-rigward tal-korp tal-appell tad-WTO, jiġifieri l-arranġamenti ta’ appell interim mal-Kanada u n-Norveġja;

54.

jinnota, madankollu, li għalkemm jista’ jiġi mistenni b'mod raġonevoli li l-ebda pajjiż ma jista’ jiżola lilu nnifsu mill-globalizzazzjoni mingħajr ma jġarrab spejjeż kbar, ir-riskju ta’ kollass tas-sistema kummerċjali multilaterali huwa reali u b’hekk l-UE għandha tirrifletti dwar Pjan B;

55.

jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar l-Infurzar sabiex il-Kummissjoni titħalla tniedi kontromiżuri f'sitwazzjonijiet fejn imsieħeb jimpedixxi li t-tilwim jasal f'punt fejn tkun tista’ tingħata awtorizzazzjoni bħal din;

56.

huwa tal-fehma li l-UE jeħtieġ tibdel u tadotta approċċ attiv biex tiżgura r-reċiproċità u tindirizza l-protezzjoniżmu fl-aċċess għas-swieq tal-akkwist fil-pajjiżi terzi;

57.

jinnota b'dispjaċir, għalhekk, in-nuqqas ta’ progress fin-negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta riveduta għal Strument għal Akkwist Internazzjonali (15) ppreżentata mill-Kummissjoni fl-2016.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/may/tradoc_158764.pdf

(2)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2018/november/tradoc_157516.pdf

(3)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156487.pdf

(4)  EPRS, CETA implementation: SMEs and regions in focus (L-implimentazzjoni tas-CETA: l-SMEs u r-reġjuni fiċ-ċentru), studju mwettaq fuq talba tal-KtR, 18 ta’ Novembru 2019, disponibbli f’http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_IDA(2019)644179

(5)  L-Ewrobarometru Flash 421, Internationalisation of Small and Medium-sized Enterprises (L-Internazzjonalizzazzjoni tal-Intrapriżi ż-Żgħar u Daqs Medju), Ottubru 2015. (mhux disponibbli bil-Malti)

(6)  Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, in-Netherlands u r-Renju Unit.

(7)  L-istħarriġ tal-Eurochambres u tal-KtR Implementation of Free Trade Agreements – challenges and opportunities for businesses and regions (L-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles – sfidi u opportunitajiet għan-negozji u r-reġjuni), https://cor.europa.eu/en/events/Documents/ECON/Survey_Note_CoR-Eurochambres_Survey_15_November_2019.pdf

(8)  Stħarriġ tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Eurochambres dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, Awwissu-Ottubru 2019.

(9)  EPRS, Interactions between trade, investment and trends in EU industry: EU regions and international trade (L-interazzjonijiet bejn il-kummerċ, l-investiment u x-xejriet fl-industrija tal-UE: ir-reġjuni tal-UE u l-kummerċ internazzjonali), studju mwettaq fuq talba tal-KtR, 27 ta' Ottubru 2017, disponibbli f’ http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_STU(2017)608695 (mhux disponibbli bil-Malti)

(10)  Opinjoni tal-KtR dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni, relatur: Micaela Fanelli, adottata fl-10 ta' Ottubru 2017.

(11)  B’mod partikolari minħabba li l-programm ekwivalenti tal-Istati Uniti (“Għajnuna għal Aġġustament Kummerċjali / TAA) ma jipprevedi l-ebda livell limitu minimu ta' sensji li għandu jintlaħaq.

(12)  12 Ara https://ec.europa.eu/commfrontoffice/publicopinion/index.cfm/survey/getsurveydetail/instruments/special/surveyky/2246

https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_19_6294

(13)  PE, Free trade or geo-economics? Trends in world trade (Il-kummerċ ħieles jew il-ġeoekonomija? Tendenzi fil-kummerċ dinji), Dipartiment Tematiku għar-Relazzjonijiet Esterni, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Unjoni, Settembru 2019.

(14)  Il-Pożizzjoni tad-Delegazzjoni ta' Spanja lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-impatt tat-tilwim kummerċjali u l-istabbiliment ta' tariffi ġodda fuq il-prodotti agrikoli u agroalimentari fuq l-ekonomiji reġjonali u lokali fl-UE – https://cor.europa.eu/mt/news/Pages/US-tariffs-on-EU-agri-food-products.aspx

(15)  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2019/march/tradoc_157728.pdf


Top