EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XR2639

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut u l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli

COR 2020/02639

ĠU C 324, 1.10.2020, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 324/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut u l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli

(2020/C 324/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut u l-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea

1.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss ta’ EUR 1 100 biljun u l-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea (“Next Generation EU”) ta’ EUR 750 biljun, li jistgħu jwittu t-triq għal Unjoni aktar b’saħħitha, aktar sostenibbli, koeżiva u reżiljenti. Dan jipprovdi l-ewwel rispons biex jiġi indirizzat l-impatt imminenti tal-kriżi tal-COVID-19, u biex jiġu indirizzati l-objettivi fit-tul tal-Unjoni;

2.

jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tindirizza t-tħassib tal-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u dawk li r-reġjuni tagħhom għadhom lura, filwaqt li tipprova ssib bilanċ bejn il-ħtieġa għall-għotjiet u l-effett ta’ lieva tal-istrumenti finanzjarji;

3.

jinsab imħasseb madankollu li l-proposta riveduta għall-QFP ta’ EUR 1 100 biljun hija EUR 34,6 biljun inqas mill-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 u saħansitra inqas mill-pożizzjonijiet kif imressqa mill-KtR u l-Parlament Ewropew, li jnaqqas il-kapaċità tal-UE li tindirizza l-objettivi fit-tul tal-UE. Hawnhekk, b’mod partikolari, għandu jkun hemm involviment aktar serju tal-KtR u tal-Parlament Ewropew, kif xieraq;

4.

jinnota li ż-żieda fil-marġni ta' manuvra għall-baġit tal-UE billi jiżdied temporanjament il-limitu massimu tar-riżorsi proprji b’0,6 % tal-ING tal-UE tipprovdi lill-UE b’baġit aktar adegwat għall-appoġġ tal-irkupru tal-UE filwaqt li jilħaq mal-ambizzjonijiet stabbiliti fl-aġenda strateġika tal-UE;

5.

jieħu nota tat-tħabbira tal-Kummissjoni ta’ proposti dwar riżorsi proprji ġodda potenzjali li huma marbuta mal-objettivi tal-pjan ta’ rkupru; jenfasizza, madankollu, li sentejn wara l-ewwel proposta tagħhom dwar QFP ta’ wara l-2020, il-Kummissjoni għadha ma ressqitx proposti leġislattivi għal riżorsi proprji reali; itenni, f’dan ir-rigward, l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta b’mod urġenti proposti leġislattivi konkreti dwar il-kwistjoni, eż. Dwar taxxa fuq il-plastik u l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet;

6.

itenni li kemm il-QFP kif ukoll il-Pjan ta’ Rkupru jridu jiffukaw fuq il-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea, biex jindirizzaw sfidi kbar bħall-irkupru mill-kriżi wara l-COVID-19, il-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kif ukoll jistimulaw il-kompetittività u jegħlbu d-disparitajiet, kif ukoll it-trasformazzjoni diġitali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura;

7.

jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżentaw terz tal-infiq pubbliku u żewġ terzi tal-investiment pubbliku; dawn jimplimentaw 70 % tal-leġislazzjoni kollha tal-UE, 70 % tal-miżuri għall-mitigazzjoni tal-klima u 90 % tal-politiki ta’ adattament tal-klima, għalhekk, trid tittieħed deċiżjoni essenzjali dwar il-ħtieġu li jiġu involuti – fir-rigward tal-elaborazzjoni, il-konsultazzjoni, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-fondi – l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha, kif ukoll li tinbidel f’regola obbligatorja li l-Istati Membri jeħtiġilhom jippermettu lill-awtoritajiet lokali biex jibbenefikaw u jużaw il-fondi għall-investimenti, bħall-Investiment Territorjali Integrat;

Koeżjoni fiċ-ċentru tal-irkupru

8.

jenfasizza l-fatt li l-impatt asimmetriku tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u r-reġjuni tagħha jeħtieġ rispons politiku adegwat;

9.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jiġi żgurat ir-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni bħala politika ta’ investiment b’saħħitha u fit-tul tal-UE, kif ukoll l-investimenti addizzjonali permezz tal-inizjattiva l-ġdida ta’ appoġġ supplimentari msejjaħ REACT-EU u jilqa’ l-approċċ li jiżgura li l-appoġġ huwa proporzjonat mal-impatt tal-kriżi. B’dan il-mod, il-kontinwità hija essenzjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali waqt li jimxu lejn fażijiet ta’ rkupru u jipprovdu appoġġ lin-nies u ż-żoni li jeħtiġuh l-aktar. B’kollox, dawn il-proposti jipprovdu reazzjoni immedjata u effettiva għall-pandemija tal-COVID-19 bil-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħha; jenfasizza, madankollu, li l-flessibbiltajiet f’dan il-programm il-ġdid m’għandhomx jiġu ġestiti b’mod ċentrali u li għandhom jiġu implimentati skont il-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża, filwaqt li jiġu rispettati l-prerogattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

10.

jappella għal aktar ċarezza fir-rigward tal-interazzjoni bejn mekkaniżmi ġodda differenti, bħal React EU, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġu evitati kumplessità addizzjonali u restrizzjonijiet nazzjonali akbar mill-Istati Membri;

11.

jinnota li l-estensjoni proposta tal-programmi operattivi attwali għandha tippermetti implimentazzjoni rapida ta’ investiment kruċjali. Jitlob li jkun hemm approvazzjoni rapida tal-proposti li għandhom l-għan li jżidu l-flessibbiltà u jwessgħu l-ambitu ta’ oqsma li jappoġġjaw, fost l-oħrajn, is-servizzi tas-saħħa, it-turiżmu, l-agrikoltura, l-edukazzjoni, is-setturi kulturali u l-SMEs li jgħinu lill-bliet u r-reġjuni jinvestu l-flus fejn huwa meħtieġ l-aktar skont il-prinċipji tal-Politika ta’ Koeżjoni;

12.

jinsab imħasseb dwar in-natura temporanja ta’ wħud mir-rinforzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-iżvilupp rurali, li ma jikkorrispondux għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp fit-tul u t-tnaqqis inizjali li sar mill-Kummissjoni fil-proposti tal-2018; għalhekk jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-allokazzjonijiet nazzjonali għall-Politika ta’ Koeżjoni fl-2024 biex possibbilment iżżid EUR 10 biljun oħra għall-pakkett tal-Politika ta’ Koeżjoni mingħajr ma xi Stat Membru jitlef partijiet mill-allokazzjonijiet tiegħu;

13.

jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma reġgħetx lura mid-deċiżjoni tagħha li tissepara l-FAEŻR mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li huwa fil-periklu li jxekkel l-iżvilupp integrat (ferm meħtieġ) taż-żoni urbani u rurali;

14.

jiddispjaċih li s-sehem ta’ riżorsi finanzjarji huwa dirett lejn miżuri fil-livell tal-Istati Membri minflok fil-livell lokali u reġjonali, filwaqt li ħafna mill-kompetenzi għall-kura tas-saħħa, il-miżuri soċjali u r-reżiljenza huma fil-livell lokali u/jew reġjonali u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sħubija deċentralizzata u l-governanza f’diversi livelli;

15.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea biex tgħin lin-nies, il-komunitajiet u n-negozji jikkooperaw b’mod transfruntier, jegħlbu l-effetti ta’ ħsara tal-kriżi, u jaċċelleraw l-irkupru ekonomiku. Il-kollaborazzjoni se tkun essenzjali għall-irkupru, u l-mekkaniżmu ġdid Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni se jipprovdi appoġġ kruċjali għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-valur industrijali u tal-innovazzjoni Ewropej, f’konformità mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti;

16.

jilqa’ l-fatt li, fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja r-Regolament, twettqet valutazzjoni tal-impatt territorjali adegwata tal-impatti asimmetriċi fil-livell reġjonali;

17.

jilqa’ l-fatt li qed tinżamm ir-rabta qawwija mal-objettivi ta' politika strateġiċi tal-UE (Patt Ekoloġiku, diġitalizzazzjoni) u li l-Kummissjoni qed tippreżentahom bħala għodod għal irkupru Ewropew; jiddispjaċih, madankollu, li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali mhuwiex fil-qalba tal-istrateġija ta’ rkupru tal-UE;

18.

iqis li huwa importanti li jiġi implimentat irkupru, f’konformità ma’ Politika ta’ Koeżjoni b’saħħitha, b’mod li jiġbor fih il-prinċipji ta’ sussidjarjetà attiva;

Il-Pjan ta’ Rkupru u s-Semestru Ewropew

19.

jilqa’ l-proposta ambizzjuża tal-Kummissjoni għal Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li se tippermetti appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investiment u r-riformi meħtieġa; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal aktar minn nofs l-investiment pubbliku u għalhekk għandhom ikunu jistgħu jirċievu appoġġ adegwat minn din l-inizjattiva; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza permezz ta’ programmi nazzjonali tippreżenta riskju li ma jkunx hemm informazzjoni u komunikazzjoni adegwata dwar l-intervent tal-UE lejn iċ-ċittadini tagħha;

20.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura l-koerenza tal-pjani ta’ rkupru, tevita d-duplikazzjonijiet fl-investiment u l-burokrazija żejda jew il-piżijiet amministrattivi sabiex tkun effiċjenti u tikseb l-għan komuni li tegħleb il-kriżi tal-klima, ekonomika u soċjali malajr kemm jista’ jkun;

21.

jenfasizza li r-rabta qawwija tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għas-Semestru Ewropew mas-Semestru Ewropew iżżid l-urġenza għal riforma profonda tas-Semestru Ewropew u tal-governanza ekonomika tal-UE lejn proċess trasparenti, inklużiv u demokratiku. Jekk is-Semestru Ewropew jibqa’ ma jiġix riformat, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tista’ twassal għal aktar ċentralizzazzjoni, approċċ minn fuq għal isfel tal-pjani ta’ rkupru u r-ritorn ta’ politiki li ma jqisux il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost u fi ħdan l-Istati, u jfixlu l-investiment pubbliku urġenti meħtieġ b’mod urġenti għall-irkupru sostenibbli tal-UE;

22.

jemmen, għalhekk, li s-Semestru Ewropew għandu jintegra l-prinċipji tas-sħubija, l-governanza f’diversi livelli u d-dimensjoni territorjali, jekk għandu jsir mekkaniżmu eżekuttiv leġittimu u effiċjenti. L-implimentazzjoni tal-proposta tal-KtR għal Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment fis-Semestru Ewropew, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell nazzjonali u fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-livell Ewropew, hija għalhekk urġenti aktar minn qatt qabel;

23.

jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ l-irkupru tal-UE kif ukoll ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tiegħu permezz ta’ aġġornament tal-InvestEU u l-ħolqien tal-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku;

24.

jilqa’ l-proposta għal Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza ġdid, li se jagħti spinta lill-ekonomija tal-UE billi jinċentiva l-investimenti privati u jħejji kumpaniji minn madwar l-ekonomija kollha għal futur newtrali fil-karbonju u b’kapaċità diġitali. Jeħtieġ li dan jiġi implimentat malajr, u jintlaqgħu b’sodisfazzjon linji gwida li b’mod ċar jallinjaw l-investimenti mal-prijoritajiet tal-UE, sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu li jgħin lin-negozji li jkunu vijabbli f’sitwazzjoni aħjar ikampaw fil-kriżi attwali; jenfasizza li dan l-appoġġ irid jingħata skont kriterji trasparenti li jqisu mhux biss l-impatt speċifiku fuq is-settur u r-reġjun iżda wkoll l-appoġġ finanzjarju pubbliku li kieku jirċievi mod ieħor;

Unjoni aktar reżiljenti u aktar ekoloġika

25.

jilqa’ ż-żieda sostanzjali fil-pakkett tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) għar-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi kbar fit-tranżizzjoni tal-enerġija, li ġġib l-ammont globali tal-JTF għal EUR 40 biljun; jitlob, madankollu, jappella li r-reġjuni għandhom jitqiesu peress li, bi stennija ta’ miżuri regolatorji effettivi għall-protezzjoni tal-klima, investew minn kmieni u b’mod estensiv f’enerġiji rinnovabbli u f’teknoloġiji ta’ enerġiji rinnovabbli u se jkomplu jagħmlu dan; jiġbed l-attenzjoni għall-kuntest speċifiku ta’ reġjuni dipendenti fuq il-fjuwils fossili u b’sistemi enerġetiċi iżolati, bħal fil-każ tal-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi; jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE jmorru ferm lil hinn minn dak li ġie propost mill-Kummissjoni Ewropea;

26.

jilqa’ l-Programm EU4Health awtonomu li jiswa EUR 7,7 biljun f’riżorsi addizzjonali, li jġib it-total globali ta’ EUR 9,4 biljun bħala parti mit-tielet pilastru tal-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa f’konformità mat-talbiet politiċi reċenti tal-KtR; jinsisti li l-istrument għandu jibqa’ impenn kostanti fir-rigward tas-saħħa fil-baġit tal-UE u mhux biss strument temporanju fi ħdan il-QFP 2021-2027;

27.

jappella għal tisħiħ ulterjuri tal-aspetti reġjonali u lokali f’miżuri relatati mas-saħħa, speċjalment dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera u dik fir-reġjuni ultraperiferiċi, u jinnota li, minħabba n-natura deċentralizzata tas-sistemi tas-saħħa f’xi każi, jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jinvolvu l-gvernijiet reġjonali aktar mill-qrib fir-risponsi tas-saħħa ta’ emerġenza u jsegwu l-parir tagħhom dwar l-allokazzjoni ta’ fondi;

28.

jilqa’ r-rinforz ta’ EUR 2 biljun tar-rescEU għall-iżvilupp ta’ kapaċità permanenti biex jiġu ġestiti t-tipi kollha ta’ kriżijiet, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti infrastruttura ta’ rispons ta’ emerġenza, kapaċità ta’ trasport u timijiet ta’ appoġġ ta’ emerġenza. Jinsisti li strument temporanju ta’ darba mhux se jkun biżżejjed u li huwa meħtieġ impenn fit-tul flimkien ma’ baġit imsaħħaħ; jilqa’ l-impenn mill-Kummissjoni, fi spirtu ta’ tħejjija, li titgħallem mil-lezzjonijiet tal-pandemija attwali u ssaħħaħ il-programmi, inklużi, iżda mhux biss, rescEU u Orizzont Ewropa;

29.

jaqbel mal-ħtieġa li jiġu żviluppati aktar il-kapaċitajiet ta’ rispons ta’ emerġenza u ta’ diżastru tal-UE u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-għodod ta’ emerġenza tagħha, bħall-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u r-Riżerva ta' Solidarjetà u Għajnuna ta' Emerġenza, u biex tagħmilhom aktar flessibbli. Jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ ukoll li l-għodod u l-miżuri proposti jqisu l-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi fil-livell lokali u reġjonali, speċjalment f’żoni partikolarment vulnerabbli bħar-reġjuni ultraperiferiċi;

30.

ifakkar fil-valur miżjud tat-territorji rurali għas-suċċess tal-proġett Ewropew u b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet estremi. Ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi u jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa, anke għall-bqija tal-popolazzjoni Ewropea. L-emerġenza attwali titlob bidliet fil-paradigma soċjali, ekonomika u territorjali biex jitnaqqas id-distakk u biex tinħoloq rabta aħjar u titrawwem il-kooperazzjoni bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

31.

jiddispjaċih dwar il-proposta tal-Kummissjoni li jitnaqqas il-baġit tal-FAEŻR meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, li jmur kontra l-objettiv tal-UE ta’ koeżjoni territorjali. Jilqa’ l-EUR 15-il biljun f’appoġġ addizzjonali previsti għall-iżvilupp rurali; jenfasizza, madankollu, li din iż-żieda żgħira ma tikkumpensax għat-tnaqqis fil-baġit ta’ 28 % propost mill-Kummissjoni fl-2018 għall-FAEŻR; jiddispjaċih ukoll li l-Kummissjoni Ewropea fil-proposta riveduta għall-QFP naqqset il-finanzjament għall-Politika Agrikola Komuni b’9 % meta mqabbla mal-QFP għall-2014-2020;

32.

jitlob li jiżdied il-baġit tal-POSEI, li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, u li jitreġġa’ lura t-tnaqqis propost mill-Kummissjoni għall-perjodu 2021-2027;

33.

jissottolinja li l-finanzjament għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għandu jirrifletti l-ħtiġijiet u l-ambizzjoni tal-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt u dik għall-Bijodiversità li ġew ippubblikati dan l-aħħar u jappoġġja lill-bdiewa u liż-żoni rurali biex jagħmlu l-bidliet strutturali meħtieġa għal tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli; madankollu, l-Istrateġija għall-Bijodiversità teħtieġ għodod konkreti, finanzjament robust u jeħtieġ li tiġi żviluppata flimkien mar-reġjuni u l-bliet, li se jkollhom ukoll jimplimentawha;

34.

jenfasizza l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għas-soluzzjonijiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea, li se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali, f’dak li jirrigwarda l-iskadenza għall-użu tal-allokazzjonijiet annwali mill-programmi tal-UE, il-livell ta’ prefinanzjament u, b’mod partikolari, il-kofinanzjament ta’ proġetti;

35.

jilqa’ ż-żieda ta’ EUR 10,5 biljun fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) meta mqabbla mal-aħħar proposta tal-QFP, li ġġib l-istrument għal EUR 86 biljun, li minnhom EUR 1 biljun se jkunu diġà disponibbli fl-2020;

36.

jappoġġja l-intenzjoni li jiġi stimulat it-tkabbir wara l-pandemija billi jsir investiment fl-infrastruttura kritika tat-trasport u l-konnessjonijiet transfruntiera biex tiġi promossa t-tranżizzjoni ekoloġika lejn mobilità b’emissjonijiet żero, speċjalment billi jinbnew miljun punt ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi. Jinnota li d-disponibbiltà ta’ fjuwils nodfa hija importanti għall-koeżjoni territorjali u soċjali, u d-domanda aktar baxxa fiż-żoni rurali u insulari għandha tiġi kkumpensata bi skema speċjali, simili għall-programm WiFi4EU għaż-żoni rurali;

37.

jiddispjaċih li l-bażi ġenerali tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri l-ġdid, li hija li jiġu ffinanzjati sforzi għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE u li titħeġġeġ ċittadinanza Ewropea attiva, ma ġietx miżjuda biex tilqa’ l-isfidi enormi f’dan ir-rigward f’xi Stati Membri;

38.

ifakkar li l-Patt Ekoloġiku tfassal bħala strateġija ta’ trasformazzjoni li tipproteġi l-ambjent, u għaldaqstant l-għajxien tagħna; jenfasizza li l-enerġiji rinnovabbli, it-teknoloġiji nodfa, l-ekonomija ċirkolari u t-trasformazzjoni diġitali huma opportunità ekonomika u industrijali kbira biex iwasslu t-tkabbir u l-impjiegi u joħolqu mudell ta’ prosperità ġdid;

39.

jirrimarka li l-KtR jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku u l-iżvilupp tal-Patt Klimatiku permezz ta’ miżuri u inizjattivi kkoordinati u trasversali li jiżguraw il-kunsiderazzjoni dovuta tal-governanza f’diversi livelli u d-diversità territorjali u l-prinċipju li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħalla barra; iqis li r-reġjuni u l-bliet jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jaċċelleraw il-proċess permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet, inklużi l-akkwist pubbliku, ir-rinnovazzjoni tal-bini, it-trasport nadif, il-ġestjoni aħjar tal-iskart, u l-aġġornament diġitali u t-trasformazzjoni lejn turiżmu sostenibbli;

40.

f’dan il-kuntest, jitlob li jkun hemm strumenti addizzjonali li jagħtu aċċess dirett għall-fondi tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-azzjonijiet sostenibbli tagħhom taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid, bħal pereżempju European City Facility taħt il-Programm Orizzont 2020;

41.

jappella għal użu aktar flessibbli tar-riżorsi ġodda tal-QFP sabiex jiġu vvalutati u adattati l-ispejjeż reali assoċjati mat-tranżizzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-irkupru ekoloġiku, u jinkoraġġixxi l-inizjattivi kollaborattivi ta’ innovazzjoni pubbliċi-privati xprunati mill-bliet u r-reġjuni;

42.

jappella li l-finanzjament tal-UE jkun dejjem soġġett għall-valutazzjoni tal-impatt mill-perspettiva tal-klima u s-sostenibbiltà. Is-sussidji, l-għajnuna u l-programmi ta’ appoġġ li b’mod dirett jew indirett jagħmlu ħsara lill-ambjent għandhom jiġu rieżaminati għall-koerenza tagħhom fir-rigward tal-objettivi klimatiċi u tas-sostenibbiltà;

43.

jinsab imħasseb dwar id-distakk fl-investiment tat-trasformazzjoni ekoloġika, li ġie stmat dan l-aħħar għal EUR 470 biljun fis-sena; jenfasizza li hemm bżonn urġenti ta’ pjan dettaljat dwar kif tiġi ffinanzjata din id-diskrepanza massiva;

44.

jilqa’ l-proposta ta’ “Mewġa ta' Rinnovazzjoni” u jitlob li jkun hemm finanzjament adegwat u l-involviment tal-katina tal-valur kollha sabiex jiġi xprunat l-irkupru. Fid-dawl tad-differenzi estremi bejn it-territorji, ir-reġjuni u l-bliet għandhom jingħataw l-awtonomija li jippjanaw u speċjalment fil-fażi tal-implimentazzjoni tal-pjani tagħhom, kif ukoll aċċess dirett għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. It-taħriġ u l-qsim tal-għarfien għandhom ikunu wkoll parti mill-qafas Ewropew għall-promozzjoni ta’ sinerġiji li għandhom jiġu sfruttati u biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-fondi;

Unjoni orjentata lejn il-futur

45.

jilqa’ r-rinforz ta’ Orizzont Ewropa b’EUR 7,8 biljun, Ewropa Diġitali b’EUR 1,5 biljun u t-Trasport tal-FNE b’EUR 1,5 biljun. Il-flus ta’ riċerka żejda, speċjalment fis-saħħa, l-ekonomija ekoloġika u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, għandhom impatt lokali b’mod ċar; jirrimarka li ħafna awtoritajiet reġjonali huma responsabbli għall-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka u għalhekk jistgħu jigwadanjaw indirettament minn dawn il-programmi; jinnota li l-finanzjament għar-riċerka jrid jingħata fuq bażi kompetittiva biex tiġi żgurata s-sopravivenza fis-suq globali tar-riċerka u l-innovazzjoni u biex jissaħħu l-konsorzji Ewropej tar-riċerka;

46.

jinsab imħasseb, madankollu, dwar it-tnaqqis persistenti fil-fergħa tal-Enerġija u dik Diġitali tal-FNE;

47.

jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Fond Soċjali Ewropew Plus sabiex jissaħħaħ l-appoġġ għall-miżuri li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar fost it-tfal kif ukoll l-enfasi addizzjonali fuq l-appoġġ tal-forza tax-xogħol fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-irduppjar tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

48.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li, tal-anqas sa ċertu punt, issaħħaħ l-investiment fiż-żgħażagħ u fis-setturi kulturali u kreattivi billi żżid EUR 3,4 biljun għall-programm ERASMUS u EUR 150 miljun għall-programm Ewropa Kreattiva; jinsab, madankollu, imħasseb li dawn iż-żidiet għadhom ma jissodisfawx bis-sħiħ il-proposti tal-Kummissjoni ta’ Mejju 2018 u jsostni d-domanda tiegħu biex jittrippla l-għadd ta’ parteċipanti fil-programm ERASMUS (1) u għal EUR 2 biljun għall-programm Ewropa Kreattiva (2);

49.

ifaħħar l-attenzjoni speċjali mogħtija lill-kultura, lill-wirt kulturali, lis-setturi awdjoviżivi u kreattivi, li flimkien mat-turiżmu ntlaqtu ħafna mill-kriżi u jappoġġja l-fatt li dawn jistgħu jibbenefikaw mill-inizjattiva REACT-EU;

50.

jitlob li, bħala parti mill-pjan ta’ rkupru ekonomiku tal-UE, jiġi previst qafas adatt, fuq perjodu qasir, medju u twil ta’ żmien, għar-reġjuni li huma inqas diversifikati mil-lat ekonomiku u huma speċjalizzati fl-iżjed setturi affettwati mill-impatt tal-kriżi tal-COVID-19;

51.

jenfasizza l-importanza tar-reviżjoni tal-politiki edukattivi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi aġġornat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali li huwa meħtieġ għall-perjodu ta’ wara l-COVID-19, sabiex jgħin lir-reġjuni u lir-reġjuni inqas żviluppati jkunu ppreparati u mgħammra tajjeb għall-edukazzjoni diġitali, li tkun ta’ appoġġ, minn dan il-lat, għal dawk iż-żoni li huma l-aktar affettwati mid-distakk diġitali;

Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli (3)

52.

jemmen li l-kriżi tal-COVID-19 ma tistax titħalla tfixkel l-ambizzjonijiet tal-Ewropa biex timplimenta l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u ssir newtrali mil-lat ta’ klima sal-2050, li huma realistiċi biss jekk jimxu id f’id mal-mezzi finanzjarji adegwati u qafas fiskali u regolatorju adegwat;

53.

jilqa’ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li timmobilizza EUR 1 triljun ta’ investimenti privati u pubbliċi sostenibbli tul l-għaxar snin li ġejjin, iżda huwa mħasseb li: (a) dan ikun jirrappreżenta biss sehem relattivament żgħir tal-investimenti globali meħtieġa, li l-Kummissjoni Ewropea stess tistma għal EUR 260 biljun fis-sena sal-2030; (b) din l-istima hija limitata għal investiment relatat mal-klima u l-enerġija, u għaldaqstant, il-kisba ta’ objettivi ta’ sostenibbiltà usa’, inklużi investimenti kapitali soċjali u umani, tkun teħtieġ ammonti akbar; (c) iċ-ċifra nominali ta’ EUR 1 triljun fil-biċċa l-kbira ma tiddependix fuq fondi jew inizjattivi ġodda “addizzjonali” iżda pjuttost fuq politiki u strumenti tal-UE li għadhom għaddejjin jew li huma ppjanati diġà;

54.

jiddeplora l-fatt li ċ-ċifra ewlenija tal-Pjan tidher sopravalutata, filwaqt li l-Pjan innifsu jidher li hu sottofinanzjat u limitat fil-kamp ta’ applikazzjoni, u jinjora l-aspetti soċjoekonomiċi kruċjali;

55.

jirrimarka li, mill-enerġija għat-trasport jew għall-akkomodazzjoni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi kruċjali biex iwettqu l-investimenti meħtieġa għat-tranżizzjoni għas-sostenibbiltà; jemmen għalhekk li l-objettivi tal-Pjan ma jistgħux jitwasslu mingħajr l-involviment effettiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jiddispjaċih li dan il-fatt ma jidhirx li huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni;

56.

jemmen li l-investiment fit-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli jeħtieġ sistema finanzjarja u fiskali li tinċentiva l-investituri biex jagħmlu investimenti sostenibbli; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni dwar finanzi sostenibbli iżda jfakkar fil-ħtieġa li jiġi estiż malajr il-qafas regolatorju biex ikopri wkoll is-sostenibbiltà soċjali (4);

57.

jemmen bis-sħiħ li, permezz ta’ sinjali tal-prezzijiet adegwati, it-tassazzjoni tista’ twassal għal imġiba sostenibbli mill-produtturi, l-utenti u l-konsumaturi u għalhekk iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta malajr il-leġislazzjoni proposta dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu aktar immirat tar-rati tal-VAT biex jirriflettu żieda fl-ambizzjonijiet ambjentali;

58.

jesprimi kawtela fir-rigward tal-pjani tal-Kummissjoni li tintroduċi leġislazzjoni ġdida dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku; għalkemm jista’ jkun għodda utli f’dan ir-rigward, ħafna awtoritajiet pubbliċi għadhom qed jaħdmu fuq l-adattament għall-qafas attwali wara r-riforma tal-2014, għalhekk rekwiżiti leġislattivi ulterjuri għandhom jinżammu sempliċi iżda effettivi (5); jilqa’ b’sodisfazzjon l-indikazzjoni tal-Kummissjoni li l-linji gwida riveduti futuri dwar l-għajnuna mill-Istat se jippermettu aktar flessibbiltà għall-awtoritajiet pubbliċi biex jinkoraġġixxu u jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli;

59.

jemmen bis-sħiħ li, b’kont meħud tat-tagħlimiet miksuba mis-sospensjoni tagħhom b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, ir-regoli fiskali tal-UE għandhom jintegraw aħjar l-għanijiet ta’ sostenibbiltà fit-tul tal-UE;

60.

jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi dedikati biex jiġu kkomunikati b’mod faċli l-opportunitajiet ġodda tal-QFP liċ-ċittadini kif ukoll lill-miljun politiku elett lokali u reġjonali fl-UE fi sforz kollettiv tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE.

Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Opinjoni tal-KumitatEwropew tar-Reġjuni dwar “Erasmus — il-programm għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport” (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 49).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Ewropa Kreattiva u Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura” (ĠU C 168, 16.5.2019, p. 37).

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli Il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. (COM(2020) 21 final).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (ĠU C 86, 7.3.2019, p. 24).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Rapport ta’ implimentazzjoni dwar l-akkwist pubbliku (ĠU C 39, 5.2.2020, p. 43).


Top