EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H0826(28)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tar-Renju Unit u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tar-Renju Unit 2020/C 282/28

ĠU C 282, 26.8.2020, p. 183–187 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 282/183


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Lulju 2020

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tar-Renju Unit u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tar-Renju Unit

(2020/C 282/28)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, fejn ir-Renju Unit ma kienx identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fil-31 ta’ Jannar 2020 u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”), ir-Renju Unit daħal f’perjodu ta’ tranżizzjoni, li jdum sal-31 ta’ Diċembru 2020. Deċiżjoni unika li ttieħdet qabel l-1 ta’ Lulju 2020 mill-Unjoni u mir-Renju Unit fil-Kumitat Konġunt prevista mill-Ftehim dwar il-Ħruġ tista’ testendi dan il-perjodu għal mhux iktar minn sena jew sentejn. Matul dan il-perjodu, id-dritt tal-Unjoni – inkluż dik relatata mas-Semestru Ewropew – tkompli tapplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit.

(3)

Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020 għar-Renju Unit ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tar-Renju Unit fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 (4) (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019”), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Renju Unit lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa għall-2020.

(4)

Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, toħloq volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda tkun ta’ theddida għall-impjiegi u għad-dħul tan-nies kif ukoll għan-negozju tal-kumpaniji. Hija kkawżat xokk ekonomiku kbir li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tappella għal reazzjoni ekonomika koordinata għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni.

(5)

Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew daħħlu miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, neċessarja, b’terminu ta’ żmien limitat, u konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għal sorveljanza demokratika u skrutinju ġudizzjarju indipendenti.

(6)

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif previst fl-Artikolu 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (5), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta titqies il-kriżi ekonomika qawwija mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, il-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali kienu sodisfatti u talbet li l-Kunsill japprova din il-konklużjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Huma qablu li l-kriżi ekonomika qawwija tirrikjedi reazzjoni reżoluta, ambizzjuża u kkoordinata. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm dan ma jpoġġix fil-periklu s-sostenibbiltà fiskali fuq il-perjodu medju ta’ żmien. Fil-każ tal-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Din tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment ikunu japplikaw fil-waqt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ koordinazzjoni tal-politika fi ħdan il-qafas tal-Patt.

(7)

Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex jiġi limitat u kontrollat it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija permezz ta’ miżuri ta’ sostenn għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, u jiġu żgurati kondizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol bil-għan li tinbeda mill-ġdid l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex iġibu lura l-funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u t-tkabbir sostenibbli, jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu tagħlimiet mill-kriżi.

(8)

Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet enfasi fuq il-flessibbiltà li joffri s-suq intern ta’ adattament għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni malajr u bla xkiel lejn il-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, jenħtieġ li jitneħħew dawk il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-suq intern jiffunzjona b’mod normali hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi kurrenti evidenzjat il-ħtieġa li jkun hemm pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa. Strateġiji mtejba ta’ akkwist, katini ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali huma fost l-elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ għat-tħejjija għall-kriżijiet.

(9)

Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 x’aktarx li ma jiġux distribwiti b’mod ugwali fir-reġjuni kollha fir-Renju Unit minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni. Dan joħloq riskju sostanzjali ta’ aktar twessigħ tad-disparitajiet reġjonali fir-Renju Unit. Is-sitwazzjoni attwali titlob reazzjonijiet ta’ politika mmirata.

(10)

Ir-Renju Unit ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tiegħu fit-30 ta’ April 2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tiegħu fis-7 ta’ Mejju 2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(11)

Bħalissa r-Renju Unit jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tad-dejn. Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lir-Renju Unit biex jiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tan-nefqa primarja nett tal-gvern (6) ma taqbiżx 1,6 % fl-2019-2020, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Il-valutazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni tikkonferma riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors tal-aġġustamenti rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2019-2020 u matul l-2018-2019 u l-2019-2020 flimkien. Data tal-eżitu għall-2019-2020 se tkun disponibbli fil-ħarifa 2020.

(12)

Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2019-2020 tiegħu, il-gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn defiċit ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2019-2020 għal defiċit ta’ 2,5 % tal-PDG fl-2020-21. Id-defiċit huwa proġettat li jiżdied għal 3,1 % tal-PDG fl-2021-22 u li jinżel għal 2,4 % tal-PDG sal-2024-2025. Wara li naqas għal madwar 83,2 % tal-PDG fl-2019-2020, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jonqos għal 82,9 % fl-2020-2021 skont il-Programm ta’ Konverġenza 2019-2020. Madankollu, ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawk il-projezzjonijiet baġitarji ma baqax jidher realistiku peress li ma jqisx l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. Il-projezzjonijiet fil-Programm ukoll ma jqisux il-miżuri mħabbra mir-Renju Unit b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Il-prospettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata mill-inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)

B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, ir-Renju Unit adotta miżuri baġitarji f’waqthom biex iżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tiegħu, irażżan il-pandemija, u jipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u setturi li ntlaqtu b’mod partikolari. Il-projezzjonijiet fil-Programm ta’ Konverġenza ma jinkludux dawn il-miżuri, iżda jitqiesu fit-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni. Il-miżuri baġitarji jammontaw għal madwar 5,5 % tal-PDG u jinkludu appoġġ għall-impjegati, għal dawk li jaħdmu għal rashom u għan-negozji, kif ukoll miżuri ta’ benessri. Barra minn hekk, ir-Renju Unit ħabbar miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jipprovdu appoġġ ta’ likwidità lin-negozji. Dawn il-miżuri jinkludu garanziji fuq is-self ta’ madwar 16 % tal-PDG. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ miżuri ta’ emerġenza u ta’ miżuri fiskali ta’ appoġġ, segwita minn iffukar ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien, meta jkunu jippermettu l-kondizzjonijiet ekonomiċi, ser ikunu ta’ kontribut għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien.

(14)

Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-gvern estiż tar-Renju Unit huwa mbassar li jkun -10,7 % tal-PDG fl-2020-2021 u -6,2 % tal-PDG fl-2021-2022. Il-proporzjon ta’ dejn tal-gvern estiż huwa proġettat li jilħaq 102,5 % tal-PDG fl-2020-2021 u 100,2 % tal-PDG fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-Programm ta’ Konverġenza ma jqisx l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, u l-projezzjonijiet tad-dejn u tad-defiċit fih għalhekk ivarjaw b’mod sostanzjali minn dawk tal-Kummissjoni.

(15)

Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ipproġettat tar-Renju Unit tal-limitu ta’ defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020-21. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 ma ġiex sodisfatt.

(16)

Il-kriżi tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa ħolqot sfidi ta’ politika ekonomika u soċjali li huma bla preċedent matul l-aħħar għexieren ta’ snin. Il-qgħad huwa mistenni li jiżdied bi kważi 3 punti perċentwali għal 6,7 % fl-2020 u jirkupra bi ftit għal 6 % fl-2021, minn 3,8 % fl-2019. Il-gvern tar-Renju Unit adotta miżuri ta’ emerġenza biex itaffi l-effetti negattivi tax-xokk. L-ispiża tal-appoġġ fiskali dirett se tiddependi mid-domanda, iżda tista’ tammonta għal madwar GBP 110 biljun (5,5 % tal-PDG), ikkumplementata minn GBP 330 biljun (16 % tal-PDG) ta’ garanziji ta’ kreditu għal self mill-banek. Ġew implimentati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar biex jiġu protetti l-impjiegi u ġew implimentati wkoll miżuri ta’ appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom. Il-kopertura u l-eliġibilità għal aċċess għal pagamenti bil-quddiem ta’ Kreditu Universali ġew imtejba temporanjament u l-intitolament bażiku taħt il-Kreditu Universali żdied temporanjament għal tnax-il xahar. L-awtoritajiet lokali għandhom jirċievu wkoll fondi addizzjonali ta’ darba biex jiġu appoġġati l-persuni u l-familji ekonomikament vulnerabbli. Il-gvern ħabbar ukoll moratorju ta’ tliet xhur fuq il-ħlasijiet ipotekarji għas-sidien tad-djar li jinsabu f’diffikultà minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(17)

Biex jappoġġa l-pożizzjoni finanzjarja tan-negozji, il-Bank of England naqqas ir-rata tal-bank darbtejn, b’kollox minn 0,75 % għal 0,1 %, naqqas ir-rata tal-bafer kapitali kontroċikliku tar-Renju Unit għal 0 % minn pjan li kienet teżisti minn qabel lejn 2 % sa Diċembru 2020, żied il-programm ta’ xiri ta’ bonds tiegħu għal GBP 645 biljun, u saħħaħ l-appoġġ tiegħu għas-self bankarju kummerċjali lill-ekonomija reali flimkien ma’ garanziji tas-self tal-gvern. Il-gvern offra lil setturi moratorju ta’ sena ħelsien fuq ħlas ta’ rati tan-negozju, differiment ta’ pagamenti tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif ukoll għotjiet ta’ flus kontanti għal ditti iżgħar. L-appoġġ ta’ likwidità sar disponibbli wkoll fil-forma ta’ garanziji u għotjiet kombinati taħt l-Iskema “Coronavirus Business Interruption Loan Scheme” lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) taħt limitu ta’ fatturat partikolari permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti ta’ finanzjament tan-negozju, bħal faċilitajiet ta’ kreditu li jdur u prodotti oħra fosthom self għal perjodu ta’ żmien. Barra minn hekk, skema ġenerali li tipprovdi likwidità lill-SMEs, iżda wkoll lil negozji akbar li jistgħu jinkludu appoġġ ta’ investiment, saret disponibbli għas-setturi kollha ta’ attività. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju.

(18)

Il-pandemija tal-COVID-19 żvelat dgħufijiet fit-tħejjija u fil-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa fir-Renju Unit biex iwieġbu għal tali tifqigħat, b’mod partikolari f’dawk li huma faċilitajiet, persunal u provvisti. Dan irriżulta fit-twaqqif ta’ emerġenza ta’ sptarijiet temporanji fuq il-post għal pazjenti bil-COVID-19 fir-Renju Unit. L-industrija tal-manifattura tal-pajjiż kienet imħeġġa tbiddel il-linji ta’ produzzjoni tagħha biex b’mod urġenti tipproduċi tagħmir mediku addizzjonali, bħal pereżempju ventilaturi, sabiex tkopri l-livell ta’ domanda mistenni. Il-kriżi tal-COVID-19 aċċentwat in-nuqqas eżistenti ta’ ħaddiema tas-saħħa. Il-ġestjoni ta’ kriżijiet simili fil-futur titlob investimenti fis-sistemi tas-saħħa madwar ir-Renju Unit, fosthom miżuri tas-saħħa pubbliċi effettivi u b’riżorsi tajbin. Dawn l-investimenti għandu jkollhom l-għan li jipprovdu t-tagħmir meħtieġ u l-faċilitajiet u l-ħaddiema b’ħiliet meħtieġa, kif ukoll, b’mod ġenerali, il-kapaċità li jagħtu s-servizzi tal-kura tas-saħħa regolari mistennija kollha flimkien mal-kura għall-pazjenti bil-COVID-19 jew mard infettiv simili.

(19)

Il-kriżi attwali x’aktarx li jkollha impatt akbar fuq dawk l-aktar vulnerabbli, u b’hekk taggrava l-faqar. Ir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali kien diġà qed jiżdied qabel il-kriżi, minkejja r-rata baxxa ta’ qgħad. Il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal huma għoljin ukoll. It-tnaqqis fil-benessri u r-riformi jirriskjaw li jdgħajfu l-effett qawwi tat-tnaqqis tal-faqar tas-sistema tal-benefiċċji tat-taxxa tar-Renju Unit. Hemm lok li jissaħħaħ l-appoġġ għal dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom t-tfal fil-faqar, speċjalment minħabba li l-kriżi hija mistennija li tkompli żżid l-inugwaljanza fl-introjtu.

(20)

It-titjib tal-prestazzjoni tal-produttività tax-xogħol jibqa’ sfida ewlenija għar-Renju Unit. L-output fis-siegħa huwa ferm inqas fir-Renju Unit milli f’ħafna ekonomiji żviluppati oħra, u bilkemm huwa ogħla milli kien qabel il-kriżi finanzjarja. It-tkabbir tal-PDG kien xprunat mit-tkabbir fl-impjiegi, u prattikament ma kien hemm l-ebda żidiet fil-produttività fil-passat reċenti. Minkejja suq tax-xogħol strett, il-produttività tax-xogħol tar-Renju Unit kienet essenzjalment ċatta sa mill-bidu tal-2018. It-tkabbir reali fil-pagi wkoll baqa’ jimxi bil-mod. Ħafna partijiet tar-Renju Unit huma relattivament foqra, b’livelli komparattivament baxxi ta’ investiment f’ħiliet u infrastruttura. Prospetti limitati ta’ progress fil-karriera għal persuni f’impjiegi b’pagi baxxi jaffettwaw b’mod negattiv kemm il-produttività kif ukoll il-faqar. Din hija mistennija li tkompli u tista’ tiġi aggravata fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19. Il-pandemija reċenti tippreżenta wkoll sfidi sinifikanti għas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ fir-Renju Unit, b’mod partikolari fir-rigward tal-apprendiment mill-bogħod u l-aċċess li jvarja għal tagħlim strutturat. Konsegwentement, hemm lok għal żieda fil-produttività billi jiġu indirizzati problemi fuq bażi wiesgħa bħall-investiment baxx fit-tagħmir, l-infrastruttura u r-Riċerka u l-iżvilupp, u d-diskrepanzi fil-ħiliet, speċjalment fil-ħiliet bażiċi u tekniċi. Ir-Renju Unit għandu l-għan li jinvesti aktar fir-riċerka u l-innovazzjoni u jtejjeb l-użu ta’ teknoloġiji eżistenti fl-ekonomija kollha.

(21)

Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu avvanzati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Ir-Renju Unit għandu nuqqas persistenti ta’ akkomodazzjoni. Qed jitfaċċaw limitazzjonijiet tal-kapaċità, filwaqt li l-kostruzzjoni residenzjali għadha inqas minn dak li huwa meħtieġ biex tiġi sodisfatta d-domanda stmata. L-ammont u l-post fejn tinsab l-art disponibbli għal akkomodazzjoni ġdida hija limitata minħabba regolamentazzjoni stretta tas-suq tal-artijiet, b’mod partikolari madwar il-bliet. Is-settur tal-bini jibqa’ kruċjali għas-settur tal-abitazzjoni kif ukoll biex jintlaħqu l-miri futuri tal-effiċjenza enerġetika u tal-klima, għalkemm it-tnaqqis tal-ammont ta’ enerġija użata għat-tisħin tad-djar huwa kkumplikat mill-età tal-istokk tas-settur tal-abitazzjoni u s-sostituzzjoni bil-mod tiegħu. Wara deċennji ta’ nuqqas ta’ investiment pubbliku, il-gvern beda jittratta d-defiċit infrastrutturali. Sar progress inkoraġġanti rigward l-investiment fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u nkiseb tnaqqis sinifikanti fis-settur tal-enerġija. Madankollu, il-mixja lejn in-newtralità klimatika għadha qed tiffaċċja sfidi fl-ekonomija kollha. L-użu tan-networks tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ajru tar-Renju Unit qed jilħaq il-kapaċità u dan jikkontribwixxi għall-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja. Ir-Renju Unit għandu ambizzjoni li jkun minn ta’ quddiem fir-rigward ta’ vetturi b’emissjonijiet żero, iżda l-biċċa l-kbira tan-network ferrovjarju għadu mhuwiex elettrifikat. Għalkemm il-kopertura ta’ networks sħaħ tal-fibra fir-Renju Unit għadha modesta, il-kompetizzjoni tan-network fis-suq kollu tal-fibra qed tikber minħabba li l-gvern qed iżid b’mod sinifikanti l-appoġġ pubbliku lejn l-introduzzjoni tan-network tal-fibra. Tali investiment fl-infrastruttura diġitali, madankollu, jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn ħiliet diġitali mtejba, billi r-Renju Unit ibati minn defiċit strutturali ta’ ħiliet speċjalizzati fl-IT.

(22)

Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż magħmulin f’din ir-Rakkomandazzjoni (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020”) jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 ukoll koprew riformi li huma essenzjali biex jiġu ttrattati l-isfidi strutturali fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati bħala parti mis-Semestru Ewropew sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

(23)

Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. Fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom, l-Istati Membri evalwaw il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Billi jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020, ir-Renju Unit se jikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs.

(24)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit u ppubblikatha fir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lir-Renju Unit fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit. iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni.

(25)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.

Tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kondizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa.

2.

Tiżgura l-adegwatezza u l-kopertura tas-sistema tal-protezzjoni soċjali biex tipprovdi appoġġ għal kulħadd u b’mod partikolari dawk l-aktar affettwati mill-kriżi.

3.

Tħaddan l-innovazzjoni u tappoġġa l-iżvilupp tal-kapital uman. Tiffinanzja b’mod sostanzjali fil-bidu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-akkomodazzjoni, il-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija, l-infrastrutturi tat-trasport sostenibbli u networks tal-broadband b’veloċità għolja.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KLOECKNER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(4)  ĠU C 301, 5.9.2019, p. 163.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(6)  In-nefqa primarja netta tal-gvern hi magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa marbuta mal-imgħax, in-nefqa marbuta mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni tal-kapital fiss gross iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(7)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top