Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H0826(23)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tar-Rumanija 2020/C 282/23

    ĠU C 282, 26.8.2020, p. 149–156 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/149


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Lulju 2020

    dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tar-Rumanija

    (2020/C 282/23)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lir-Rumanija bħala waħda mill-Istati Membri li għalih trid issir analiżi dettaljata.

    (2)

    Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għar-Rumanija ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tar-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 (3) (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2019”), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Rumanija lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa għall-2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li r-Rumanija għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet huma marbutin ma’ kompetittività fil-kostijiet u defiċit fil-kont kurrenti li qed jikber, f’kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja u ambjent tan-negozju imprevedibbli.

    (3)

    Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, toħloq volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda tkun ta’ theddida għall-impjiegi u għad-dħul tan-nies kif ukoll għan-negozju tal-kumpaniji. Hija kkawżat xokk ekonomiku kbir li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tappella għal reazzjoni ekonomika koordinata għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni.

    (4)

    Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew daħħlu miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, neċessarja, b’terminu ta’ żmien limitat, u konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għal sorveljanza demokratika u skrutinju ġudizzjarju indipendenti.

    (5)

    Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif previst fl-Artikolu 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (4), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta titqies il-kriżi ekonomika qawwija mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, il-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawsola liberatorja ġenerali kienu sodisfatti u talbet li l-Kunsill japprova din il-konklużjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-finanzi tal-Istati Membri qablu mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Huma qablu li l-kriżi ekonomika qawwija tirrikjedi reazzjoni reżoluta, ambizzjuża u kkoordinata. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm dan ma jpoġġix fil-periklu s-sostenibbiltà fiskali fuq il-perjodu medju ta’ żmien. Fil-każ tal-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Din tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment ikunu japplikaw fil-waqt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ koordinazzjoni tal-politika fi ħdan il-qafas tal-Patt.

    (6)

    Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex jiġi limitat u kontrollat it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija permezz ta’ miżuri ta’ sostenn għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, u jiġu żgurati kondizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol bil-għan li tinbeda mill-ġdid l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex iġibu lura l-funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u t-tkabbir sostenibbli, jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu tagħlimiet mill-kriżi.

    (7)

    Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet enfasi fuq il-flessibbiltà li joffri s-suq intern ta’ adattament għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni malajr u bla xkiel lejn il-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, jenħtieġ li jitneħħew dawk il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-suq intern jiffunzjona b’mod normali hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi kurrenti evidenzjat il-ħtieġa li jkun hemm pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa. Strateġiji mtejba ta’ akkwist, katini ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali huma fost l-elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ għat-tħejjija għall-kriżijiet.

    (8)

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti permezz tar-Regolamenti (UE) 2020/460 (5) u (UE) 2020/558 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jippermetti lill-Istati Membri jattivaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawk l-emendi ser jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri ssimplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ nuqqas fil-flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Ir-Rumanija hija mħeġġa tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet sabiex tingħata għajnuna lill-individwi u s-setturi l-aktar milquta.

    (9)

    Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 x’aktarx li jkunu mqassma b’mod irregolari madwar ir-reġjuni Rumeni minħabba diskrepanzi sinifikanti fl-investiment u fil-produttività tax-xogħol u xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti. Dan jinvolvi riskju sostanzjali ta’ żieda fid-differenzi reġjonali fi ħdan ir-Rumanija, filwaqt li titreġġa’ lura t-tendenza diġà osservata ta’ tnaqqis żgħir fid-disparitajiet bejn il-belt kapitali u l-bqija tar-reġjuni jew bejn iż-żoni urbani u rurali. Flimkien mar-riskju li temporanjament jintilef il-progress li sar fil-konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

    (10)

    Ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħha fit-8 ta’ Mejju 2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tagħha fl-14 ta’ Mejju 2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew evalwati fl-istess ħin.

    (11)

    Bħalissa r-Rumanija tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    (12)

    Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509 (7), meta sab li kien jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit fl-2019. Is-sejba kienet ibbażata fuq il-miri fiskali aġġornati mill-gvern, li rriflettew id-data dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit għas-sena li għaddiet. Ir-riżultat tad-defiċit ġenerali tal-gvern tal-2019 ta’ 4.3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ikkonferma l-ksur. Il-ksur kien ir-riżultat ta’ akkumulazzjoni kontinwa ta’ żbilanċi fiskali minħabba politika fiskali espansjonarja sa mill-2016, f’perjodu ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu. Derogi sistematiċi u ripetuti minn regoli fiskali nazzjonali matul dak il-perjodu għamlu dawk ir-regoli fil-biċċa l-kbira ineffettivi. Barra minn hekk, ir-Rumanija ripetutament naqset milli tieħu azzjoni effettiva b’rispons għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li saritilha fil-kuntest tal-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti. Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill ħareġ ukoll Rakkomandazzjoni (8) bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija sa mhux aktar tard mill-2022.

    (13)

    Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi tar-Rumanija kienet diġà f’riskju qabel it-tifqigħa COVID-19, bħala riżultat ta’ defiċits baġitarji għoljin u ż-żieda sinifikanti mbassra fl-ispejjeż marbuta mal-età, b’mod partikolari l-pensjonijiet. Il-pensjonijiet tal-irtirar żdiedu bi 15 % f’Settembru 2019 u, abbażi ta’ liġi dwar il-pensjonijiet adottata fis-sajf tal-2019, huma mistennija li jiżdiedu bi 40 % f’Settembru 2020 u jiżdiedu aktar f’Settembru 2021. B’hekk l-infiq fuq il-pensjonijiet jiżdied b’mod sostanzjali matul il-perjodu 2020 sa 2022. Ir-riskji għas-sostenibbiltà fiskali komplew jiżdiedu aktar bl-impatt tal-pandemija COVID-19 fuq l-attività ekonomika u l-isforz fiskali meħtieġ biex dan jittaffa. Id-deċiżjonijiet preċedenti tal-politika fiskali ħallew lir-Rumanija b’bafers fiskali żgħar biex jittrattaw l-eżitu tat-tifqigħa tal-COVID-19.

    (14)

    Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2020, il-bilanċ nominali tal-gvern huwa ppjanat li jiddeterjora minn defiċit ta’ 4.3 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 6.7 % tal-PDG fl-2020, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jiżdied minn 35.2 % fl-2019 għal 40.9 % fl-2020. Il-prospettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata mill-inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, hemm riskji sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji, jiġifieri xi elementi ta’ dħul ma jidhrux li huma stmati skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi sottostanti, filwaqt li l-moderazzjoni ta’ xi elementi tan-nefqa attwali tidher li hija bbażata fuq miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li mhumiex speċifikati fil-Programm.

    (15)

    Bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-Unjoni, ir-Rumanija adottat miżuri baġitarji f’waqthom sabiex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi solliev lil dawk l-individwi u setturi li jkunu ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, dawk il-miżuri baġitarji jammontaw għal 1.2 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu benefiċċju tal-qgħad tekniku għall-impjegati u benefiċċji simili għal kategoriji oħra ta’ ħaddiema, tagħmir mediku u nfiq ieħor biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-COVID-19 u bonusijiet għall-impjegati fis-settur tas-saħħa li jaħdmu ma’ pazjenti infettati bil-COVID-19. Barra minn hekk, il-gvern ħabbar miżuri li, filwaqt li ma jkollhomx impatt baġitarju dirett, ser jikkontribwixxu fl-għoti ta’ sostenn għal-likwidità tan-negozji. Dawk il-miżuri jinkludu differimenti ta’ taxxa, li jitħaffu r-rimborżi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), garanziji ta’ self għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), moratorju temporanju fuq il-ħlasijiet ta’ pagamenti ta’ self għall-familji u SMEs u differiment tal-kontijiet tal-kera u tal-utilitajiet għall-SMEs. B’mod ġenerali, il-miżuri li ħa l-gvern tar-Rumanija huma konformi mal-linji-gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2020.

    (16)

    Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni taħt politiki mhux mibdula, il-bilanċ ġenerali tal-gvern tar-Rumanija huwa mbassar li jkun ta’ -9,2 % tal-PDG fl-2020 u -11,4 % tal-PDG fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa projettat mill-Kummissjoni li jilħaq 46.2 % fl-2020.

    (17)

    Ir-Rumanija ddikjarat stat ta’ emerġenza fis-16 ta’ Marzu 2020. Mill-25 ta’ Marzu 2020, l-iskejjel u l-ħwienet kollha, ħlief dawk li jbigħu prodotti ta’ ħtieġa primarja, ġew ordnati biex jagħlqu u r-restrizzjonijiet tal-qsim tal-fruntieri daħlu fis-seħħ. Il-moviment f’żoni pubbliċi tħalla biss f’każijiet limitati, b’miżuri aktar stretti għal persuni ta’ ’l fuq minn 65. Ir-Rumanija daħħlet ukoll projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar internazzjonali lejn ċerti pajjiżi u poġġiet bosta bliet fi kwarantina stretta. Din is-sitwazzjoni laqtet bl-ikrah lis-settur tal-produzzjoni tal-ekonomija, peress li l-miżuri tal-lockdown kellhom impatt ħażin aħrax fuq l-attività ekonomika. Fis-settur industrijali, bosta manifatturi għalqu l-produzzjoni fit-tieni nofs ta’ Marzu, b’effetti sekondarji qawwija f’setturi ewlenin, bħall-industrija tal-karozzi. Żviluppi simili huma osservati fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u tal-ospitalità. L-effett aggregat se jwassal biex l-ekonomija tidħol f’riċessjoni fl-2020. L-istat ta’ emerġenza ntemm fl-14 ta’ Mejju 2020, u r-Rumanija ħabbret li kienet ser timplimenta gradwalment il-miżuri tad-dekonfinament. Fit-15 ta’ Mejju 2020, ġew introdotti miżuri dwar l-iffaċilitar tal-moviment fl-ibliet, il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u l-użu obbligatorju ta’ maskri ta’ protezzjoni fi spazji pubbliċi u kummerċjali magħluqa, fit-trasport pubbliku u fil-postijiet tax-xogħol. Xi manifatturi mill-industrija tal-karozzi gradwalment reġgħu bdew l-attività tagħhom fi tmiem April u fil-bidu ta’ Mejju 2020. Il-gvern qed iħejji aktar miżuri mmirati lejn it-tnedija mill-ġdid tal-ekonomija.

    (18)

    Il-pandemija poġġiet is-sistema tas-saħħa taħt pressjoni bla preċedent. Il-kriżi laqtet sistema kkaratterizzata minn dgħufijiet strutturali, bħal infiq baxx u aċċess inugwali għall-kura tas-saħħa. F’dan il-kuntest, it-titjib fir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa u l-kapaċità tagħha li tirrispondi għall-iskossi tirrappreżenta sfida ewlenija. Bħala parti mir-reazzjoni immedjata, ir-Rumanija xtrat prodotti mediċi kritiċi u inkludiet l-ispejjeż mediċi relatati mal-COD-19 fil-pakkett ta’ benefiċċji minimi għall-persuni mhux assigurati. Nuqqasijiet konsiderevoli fil-forza tax-xogħol tas-saħħa, inklużi tobba tal-familja, kif ukoll faċilitajiet mediċi skaduti, nuqqas ta’ prodotti mediċi, taħriġ insuffiċjenti għall-ħaddiema tas-saħħa u kontinwità u integrazzjoni limitata bejn livelli differenti ta’ kura jdgħajfu r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. Il-ħtiġijiet mediċi mhux sodisfatti rrapportati kienu diġà qed jiżdiedu qabel il-kriżi tal-COVID-19 u l-aċċess għall-kura tas-saħħa x’aktarx iddeterjora aktar. Il-pandemija esponiet ulterjorment id-disparitajiet reġjonali u l-qabża fil-kopertura tal-kura tas-saħħa għal gruppi bi dħul baxx u l-anzjani. Fuq medda itwal ta’ żmien, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni huma sfidi li qed ipoġġu pressjoni dejjem akbar fuq is-sostenibbiltà tas-sistema tas-saħħa. Fid-dawl tal-COVID-19, huwa daqstant importanti li jiġu indirizzati kwistjonijiet strutturali, inkluż l-iżvilupp ta’ kura preventiva, pazjenti barra l-isptar u kura komunitarja b’miżuri ta’ politika pubblika mmirata sew. L-investiment fit-tul se jkun meħtieġ biex issaħħaħ is-sistema tas-saħħa Rumena billi jiġu żgurati ħaddiema u tagħmir tas-saħħa, tissaħħaħ ir-riċerka teknoloġika u applikata u jitjiebu l-kopertura u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha, anke f’żoni mhux urbani, inkluż permezz tal-użu ta’ servizzi tas-saħħa elettronika.

    (19)

    It-tkabbir ekonomiku mgħaġġel fis-snin riċenti wassal għal titjib fil-kundizzjonijiet soċjali. Id-dħul gross disponibbli tal-unitajiet domestiċi żdied b’ 5,7 % fl-2019. Ir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, li huwa ta’ 31,2 % fl-2019, kien fost l-ogħla fl-Unjoni, iżda qed jonqos b’mod stabbli. Madankollu, l-impatt tal-pandemija fuq l-ekonomija jista’ jwassal għad-deterjorament tal-indikaturi soċjali. Il-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost it-tfal, il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-inugwaljanzi fl-introjtu huma mistennija jiżdiedu, fejn gruppi vulnerabbli bħal ħaddiema mhux standard, ħaddiema mhux dikjarati, dawk li jaħdmu għal rashom, ir-Rom, persuni b’diżabilità, l-anzjani u l-persuni bla dar fost dawk l-aktar esposti. Il-kopertura u l-adegwatezza tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali u l-effettività tas-sistema ta’ taxxa u ta’ benefiċċju fir-ridistribuzzjoni tal-introjtu għadhom limitati. It-tfal fiż-żoni rurali u l-insedjamenti informali għandhom aċċess limitat għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità tajba, nutrizzjoni adegwata, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. It-trasferimenti soċjali għandhom impatt limitat ħafna fuq it-tnaqqis tal-faqar u l-indiċi ta’ referenza soċjali użat bħala bażi għall-biċċa l-kbira tal-benefiċċji soċjali ma ġiex aġġornat mill-2008. L-adegwatezza tal-appoġġ għall-introjtu minimu tibqa’ waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni. Għalkemm adottata fl-2016, ir-riforma ta’ dħul minimu ta’ inklużjoni kompliet tiġi posposta għall-2021. Is-servizzi soċjali u essenzjali għadhom fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti, inkluż f’oqsma bħall-ilma u s-sanità, l-enerġija u l-akkomodazzjoni. Barra minn hekk, id-distribuzzjoni territorjali mhijiex uniformi u hija kkaratterizzata minn diskrepanzi sinifikanti rurali-urbani u reġjonali. Dan jista’ jillimita l-kapaċità li jiġi miġġieled l-impatt tal-pandemija. Il-potenzjal tal-ekonomija soċjali biex itejjeb il-kundizzjonijiet soċjali għadu mhux qed jiġi sfruttat.

    (20)

    Matul l-2019, l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi, iżda d-differenzi bejn ir-reġjuni, iż-żoni rurali u urbani u l-gruppi soċjoekonomiċi għadhom jippersistu. Ġew reġistrati livelli għoljin ta’ inattività, b’mod partikolari għan-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabbiltà u persuni avvanzati fl-età. Fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-isfidi eżistenti x’aktarx li se japprofondixxu, flimkien ma’ żieda rapida fil-qgħad u l-inattività. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2020, il-qgħad mistenni li jiżdied għal 6,5 % fl-2020 qabel ma jonqos għal 5,4 % fl-2021. Ix-xogħol mhux iddikjarat jibqa’ sfida u l-impatt negattiv tiegħu jista’ jiġi aggravat fil-kuntest attwali, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata t-tranżizzjoni fil-ħidma ddikjarata. Għalhekk, huma essenzjali servizzi mfassla apposta u f’waqthom li jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli u ta’ ħaddiema affettwati mill-kriżi. Minbarra l-iskema tal-qgħad tekniku mibdija reċentement, l-iżvilupp tal-aċċess għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, il-promozzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ għad-dħul u l-possibbiltà ta’ arranġamenti ta’ xogħol flessibbli u t-telexogħol għall-ħaddiema milquta, bl-involviment tas-sħab soċjali, huma kruċjali għat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-suq tax-xogħol fuq medda qasira u twila ta’ żmien.

    (21)

    Nuqqas persistenti fit-tlaqqigħ tal-ħiliet u nuqqas dejjem jikber ta’ ħiliet, ibbażati fuq żviluppi demografiċi u r-rilevanza limitata għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ, illimitaw il-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku tar-Rumanija anki qabel il-pandemija. Is-sehem ta’ adulti li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ tagħlim, ta’ 1,3 % fl-2019, huwa l-aktar wieħed baxx fl-Unjoni. Il-parteċipazzjoni baxxa fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal iżżid l-inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-istudenti. L-ekwità, l-inklużività u l-kwalità tal-edukazzjoni jibqgħu sfidi importanti u huma meħtieġa riformi strateġiċi f’dan il-qasam. Minkejja xi progress fl-aħħar snin, ir-Rumanija għandha sehem kbir ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ (15,3 % fl-2019) u żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (14,7 %, żieda żgħira fl-2018). Għad m’hemm l-ebda strateġija integrata mal-pajjiż kollu li timmira lejn it-tluq bikri mill-iskola. L-eżiti edukattivi, speċjalment f’żoni rurali u dawk żvantaġġati ekonomikament, mhumiex qed jitjiebu. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja hija baxxa u għadha mhix allinjata biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-għadd ta’ gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) għadu baxx. Ir-Rumanija għandha rekord ħażin f’ħafna komponenti tal-Ekonomija Diġitali u l-Indiċi Soċjali, inklużi s-servizzi pubbliċi diġitali, il-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni ġenerali u d-diġitalizzazzjoni tan-negozji. Il-ħiliet diġitali bażiċi u l-ħiliet bażiċi tas-softwer huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Minħabba infrastruttura diġitali mhux stabbli u nuqqas ta’ ħiliet diġitali, il-bidla għat-tagħlim mill-bogħod ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 toħloq sfidi għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-edukaturi u l-istudenti, b’mod partikolari studenti żvantaġġati u r-Rom.

    (22)

    Minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ għeluq, il-ktajjen ta’ provvista ġew interrotti fil-pajjiż kollu, in-negozji kellhom inaqqsu l-attivitajiet jew saħansitra jagħlqu, u n-nies ma setgħux jaħdmu. In-negozji ta’ kull daqs — b’mod partikolari l-SMEs — ġew affettwati b’mod qawwi mit-tfixkil tal-kummerċ u mil-lockdown u qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet ta’ likwidità u riskji ta’ falliment. Il-gvern adotta sett ta’ miżuri li jikkombinaw assistenza mfassla apposta għan-negozji u l-protezzjoni tal-introjtu għall-ħaddiema kollha affettwati. Biex ikun hemm irkupru mill-kriżi, se jkunu meħtieġa riżorsi addizzjonali biex jibqgħu jiġu appoġġjati n-negozji u l-unitajiet domestiċi. Is-settur tas-servizzi se jkun jeħtieġ attenzjoni partikolari għaliex huwa l-aktar milqut u xi sottosetturi huma mistennija li jkomplu jiċkienu għal aktar żmien mill-manifattura. Il-miżuri ta’ rispons tal-gvern jinkludu l-ħolqien ta’ skema ta’ garanzija pubblika (“IMM Invest”) b’pakkett ta’ RON 15-il biljun biex joffri garanziji mill-Istat lill-SMEs li jieħdu self mingħajr imgħax biex jiffinanzjaw l-investiment u jipprovdu kapital operattiv. Dawn il-garanziji se jkunu ta’ benefiċċju wkoll għall-banek, li jeħtieġ li jibqgħu kapitalizzati sew u likwidi sabiex jiġi żgurat il-fluss meħtieġ ta’ kreditu lill-unitajiet domestiċi u lill-kumpaniji. Barra minn hekk, minħabba r-rwol pjuttost limitat tal-banek biex jipprovdu kreditu lin-negozji - b’mod partikolari lil SMEs innovattivi - il-garanziji ta’ self biss jistgħu ma jkunux biżżejjed.

    (23)

    Biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku, ser ikun importanti li l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku jiġu ffinanzjati b’mod aktar sostanzjali fil-bidu tagħhom, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz tar-riformi rilevanti. Il-kriżi wriet b’mod aktar ċar li r-Rumanija għandha bżonn kritiku li tniedi mill-ġdid xogħlijiet ta’ infrastruttura pubblika f’oqsma bħat-trasport sostenibbli, l-enerġija nadifa, u l-infrastruttura tas-servizzi ambjentali u diġitali. It-trasport urban ibati minn organizzazzjoni fqira fis-settur u l-kapaċità amministrattiva dgħajfa tal-fornituri lokali. Is-sistema tal-ġestjoni tal-iskart għadha kkaratterizzata minn riċiklaġġ baxx ħafna tal-iskart muniċipali u rati għoljin ħafna ta’ miżbliet. L-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima se teħtieġ investiment fil-produzzjoni u l-użu nodfa tal-enerġija, kif ukoll il-konverżjoni mill-ġdid ta’ reġjuni b’industrija waħda u b’intensità għolja ta’ karbonju. Jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi għall-estensjoni u l-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma tax-xorb u tal-ilma mormi. L-investimenti fin-netwerk ta’ monitoraġġ tal-ajru huma wkoll indispensabbli minħabba nuqqasijiet strutturali serji. Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi mmodernizzata u żgurata l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali kollha li jiġġeneraw kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż fl-oqsma soċjali, tal-edukazzjoni u tas-saħħa. Disparitajiet reġjonali kbar u l-produttività baxxa ta’ xi setturi huma ta’ detriment għat-tkabbir sostenibbli fit-tul. Huma importanti wkoll l-investimenti li jippromwovu l-kompetittività tal-ekonomija billi jappoġġjaw attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp (RuŻ), SMEs innovattivi, u integrazzjoni fil-katini tal-valur strateġiċi tal-Unjoni. L-investiment fir-RuŻ mid-ditti jibqa’ limitat għal numru żgħir ta’ sottosetturi li jiddependu ħafna fuq investimenti diretti barranin. It-tnaqqis fil-finanzjament pubbliku fir-RuŻ irriżulta fi kwalità xjentifika u teknoloġika dgħajfa u rabtiet dgħajfa bejn l-akkademja u n-negozju. L-ipprogrammar tal-Fond għal Transizzjoni Ġusta, li huwa s-suġġett ta’ proposta tal-Kummissjoni, għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lir-Rumanija tindirizza xi wħud mill-isfidi li toffri t-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, kif deskritt fl-Anness D tar-rapport tal-pajjiż għall-2020. Dan jippermetti lir-Rumanija li tagħmel l-aħjar użu minn dan il-Fond.

    (24)

    Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika qed tieqaf. Ma hemm l-ebda qafas effettiv fis-seħħ għall-ippjanar strateġiku u baġitarju, li għandu effett indirett fuq il-viżjoni strateġika għall-iżvilupp fit-tul tal-pajjiż, il-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet u l-koordinazzjoni tal-politika fil-livell ċentrali u lokali. Il-qafas strateġiku settorjali huwa frammentat u xi kultant jikkoinċidi filwaqt li l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fi ħdan is-setturi mhumiex prijoritizzati. Ir-rwol ta’ ġestjoni strateġika tas-Segretarjat Ġenerali tal-Gvern għadu mhux konsolidat. Il-frammentazzjoni għolja tal-kompetenzi u r-riżorsi tkompli taffettwa l-għoti ta’ servizzi pubbliċi, speċjalment fil-livell lokali u f’komunitajiet foqra. Il-burokrazija żejda u l-kapaċità insuffiċjenti biex jitwasslu servizzi ta’ kwalità, inkluż dawk diġitali, qed ikollhom impatt negattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji, speċjalment waqt il-kriżi. Proċeduri amministrattivi onerużi għat-twaqqif ta’ negozji kif ukoll rekwiżiti regolatorji imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi, inklużi professjonijiet regolati, jimpedixxu aktar żvilupp tas-suq. Il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali tar-Rumanija jistgħu jgħinu biex jitnaqqas il-volum ta’ prodotti mhux konformi importati minn barra l-Unjoni. Riorganizzazzjonijiet frekwenti u użu żejjed tal-ġestjoni temporanja jfixklu l-indipendenza tal-amministrazzjoni. L-implimentazzjoni tal-governanza korporattiva għal intrapriżi tal-Istat għadha sfida.

    (25)

    Il-prevedibbiltà tat-teħid tad-deċiżjonijiet tibqa’ kwistjoni ewlenija. Qabel il-kriżi, madwar terz biss tal-pjan annwali tal-gvern kien ġie rrispettat. L-għadd ta’ ordinanzi ta’ emerġenza li għaddew baqa’ għoli ħafna, u dan ħoloq inċertezza u x’aktarx ifixkel l-investiment. Pereżempju, GEO 114/2018 kellu effetti soċjoekonomiċi kbar fuq diversi setturi, inkluż is-settur finanzjarju. Filwaqt li d-dispożizzjonijiet b’impatt negattiv fuq is-settur bankarju nbidlu, xi wħud mill-miżuri li potenzjalment jaffettwaw il-vijabbiltà fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru xorta għadhom fis-seħħ. Il-prevedibbiltà u l-istabbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku jibqgħu sfidi importanti. L-effiċjenza tal-akkwist pubbliku għadha kwistjoni kurrenti, bħalma hija wkoll l-irriversibbiltà ta’ ċerti miżuri, notevolment is-simplifikazzjoni tal-kontroll ex-ante. Ftit li xejn hemm progress fit-titjib tal-governanza, il-kwalità u l-użu effettiv tal-valutazzjonijiet tal-impatt regolatorju. M’hemm l-ebda qafas istituzzjonali għall-kontroll tal-kwalità fil-livell tal-gvern u l-għażliet għall-istabbiliment ta’ bord regolatorju tal-valutazzjoni tal-impatt għadhom qed jiġu vvalutati. Il-funzjonament tad-djalogu soċjali jibqa’ limitat, b’mod partikolari fil-livell settorjali, filwaqt li involviment sinifikanti u kontinwu tas-sħab soċjali huwa kruċjali għas-suċċess ta’ kwalunkwe strateġija ta’ ħruġ u rkupru fid-dawl tal-kriżi attwali. Il-qafas istituzzjonali għal konsultazzjoni stabbilit mhuwiex użat b’mod adegwat biex jikkontribwixxi għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ma jinvolvix lill-imsieħba soċjali b’mod suffiċjenti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi. Id-diskussjonijiet dwar il-bidliet fil-liġi tad-djalogu soċjali u r-reviżjoni ta’ setturi ekonomiċi waqfu. Is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol maħruġa f’April 2018 għadu inċert. In-nuqqas ta’ mekkaniżmu oġġettiv permanenti biex jiddetermina l-paga minima jista’ jkun ta’ piż fuq l-ambjent tan-negozju.

    (26)

    Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż magħmulin f’din ir-Rakkomandazzjoni (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020”) jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 ukoll koprew riformi li huma essenzjali biex jiġu ttrattati l-isfidi strutturali fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 jibqgħu pertinenti u ser ikomplu jiġu monitorjati matul is-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan jinkludi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 fir-rigward tal-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 kollha għandhom jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi kurrenti.

    (27)

    Wara diversi ostakli f’dawn l-aħħar snin, il-pressjonijiet fuq is-settur bankarju naqsu, minħabba li diversi miżuri li kkawżaw tħassib fil-passat, inkluża t-taxxa fuq il-banek, twaqqfu fil-bidu tal-2020. Is-settur bankarju daħal fil- kriżi tal-COVID-19 kurrenti tajjeb u kapitalizzat sew, filwaqt li l-proporzjon ta’ self mhux produttiv naqas għal inqas minn 5 %. Il-miżuri adottati mill-gvern biex jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi u lill-korporattivi, b’mod partikolari l-SMEs, huma importanti wkoll għaż-żamma tar-reżiljenza tas-settur bankarju u l-kapaċità tal-banek li jassorbu x-xokkijiet. Il-banek kummerċjali ħadu wkoll passi biex jappoġġaw lill-klijenti, bħall-posponiment tal-pagamenti tal-kapital u tal-imgħax, l-estensjoni tal-ħlas lura tal-kreditu, l-iżgurar tal-likwidità tal-ATM u t-tnaqqis tat-tariffi għas-servizzi online. Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Bank Nazzjonali tar-Rumanija naqqas ir-rata tal-politika monetarja u minn dakinhar beda jixtri titoli tal-gvern denominati f’RON fis-suq sekondarju biex jiżgura l-finanzjament bla xkiel tal-ekonomija reali u tas-settur pubbliku. Minkejja l-miżuri adottati, inkluża l-flessibbiltà mogħtija mis-superviżuri, il-kwalità tal-assi x’aktarx li tmur għall-agħar fix-xhur li ġejjin. F’dan ir-rigward, iż-żamma ta’ standards ta’ self prudenti u l-prijoritizzazzjoni tal-appoġġ lil mutwatarji vijabbli se jikkontribwixxu għas-salvagwardja tal-kwalità tal-assi fis-settur bankarju. Barra minn hekk, l-iżgurar ta’ ambjent regolatorju stabbli u prevedibbli għall-banek huwa prekondizzjoni importanti biex jinżamm ir-rwol attiv tagħhom fil-forniment ta’ kreditu lill-ekonomija u biex jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku.

    (28)

    Modifiki legali u pressjoni politika sinifikanti fuq il-ġudikatura fl-2017, fl-2018 u fil-parti l-kbira tal-2019 affettwaw l-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja u l-kapaċità tagħha li tinvestiga u tippenalizza l-korruzzjoni f’livell għoli. Filwaqt li l-gvern bħalissa jappoġġja azzjonijiet għall-prevenzjoni u l-piena kontra l-korruzzjoni, u wera r-rieda li jreġġa’ lura xi wħud mill-aktar miżuri kontroversjali, ir-Rumanija għadha ma għamlitx il-bidliet leġiżlattivi meħtieġa. Dawn il-kwistjonijiet huma s-suġġett tal-monitoraġġ taħt il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika. Skont dan il-mekkaniżmu, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja r-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija. Għalhekk dawn l-oqsma mhumiex koperti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għar-Rumanija iżda huma rilevanti għall-iżvilupp ta’ ambjent soċjoekonomiku pożittiv fil-pajjiż.

    (29)

    Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. Fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom, l-Istati Membri evalwaw il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs, Sustainable Development Goals) tan-Nazzjonijiet Uniti. Billi tkun qed tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020, ir-Rumanija ser tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

    (30)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Rumanija u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lir-Rumanija fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni ħadet kont mhux biss tar-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Rumanija, iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata input, fuq livell tal-Unjoni, f’deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (31)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu (9) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (32)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtiġijiet li tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 u jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (4),

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

    1.

    Issegwi politiki fiskali f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020, filwaqt li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġja l-irkupru sussegwenti. Tevita l-implimentazzjoni ta’ miżuri permanenti li jipperikolaw is-sostenibbiltà fiskali. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħaddiema tas-saħħa u tal-prodotti mediċi, u ttejjeb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa.

    2.

    Tipprovdi sostituzzjoni ta’ dħul adegwat u testendi miżuri ta’ protezzjoni soċjali u aċċess għas-servizzi essenzjali għal kulħadd. Ittaffi l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-impjiegi billi tiżviluppa arranġamenti tax-xogħol flessibbli u miżuri ta’ attivazzjoni. Issaħħaħ il-ħiliet u t-tagħlim diġitali u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-edukazzjoni.

    3.

    Tiżgura l-appoġġ tal-likwidità lill-ekonomija għall-benefiċċju tan-negozji u d-djar, partikolarment l-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom. Tiffinanzja b’mod sostanzjali fil-bidu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, it-trasport sostenibbli, l-infrastruttura ta’ servizzi diġitali, il-produzzjoni u l-użu ta infrastruttura tal-enerġija u ambjentali nadifa u effiċjenti, inkluż fir-reġjuni tal-faħam.

    4.

    Ittejjeb il-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika u l-prevedibbiltà tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż permezz ta’ involviment adegwat tas-sħab soċjali.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KLOECKNER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 301, 5.9.2019, p. 135.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (5)  Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).

    (6)  Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

    (7)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/509 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 58).

    (8)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020 bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 116, 8.4.2020, p. 1),

    (9)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top