Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H0826(17)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2020 2020/C 282/17

    ĠU C 282, 26.8.2020, p. 107–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/107


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Lulju 2020

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ungerija tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Ungerija tal-2020

    (2020/C 282/17)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li jirrikjedi li jsirlu rieżami fil-fond.

    (2)

    Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020 għall-Ungerija ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 (3) (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2019”), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Ungerija lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa tagħha għall-2020.

    (3)

    Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-ktajjen ta’ provvista dinjija, toħloq volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda tkun ta’ theddida għall-impjiegi u għad-dħul tan-nies kif ukoll għan-negozju tal-kumpaniji. Hija kkawżat xokk ekonomiku kbir li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tappella għal reazzjoni ekonomika koordinata għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni.

    (4)

    Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew daħħlu miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, neċessarja, b’terminu ta’ żmien limitat, u konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għal sorveljanza demokratika u skrutinju ġudizzjarju indipendenti.

    (5)

    Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif previst fl-Artikolu 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (4), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta titqies il-kriżi ekonomika qawwija mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, il-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali kienu sodisfatti u talbet li l-Kunsill japprova din il-konklużjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Huma qablu li l-kriżi ekonomika qawwija tirrikjedi reazzjoni determinata, ambizzjuża u kkoordinata. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm dan ma jpoġġix fil-periklu s-sostenibbiltà fiskali fuq il-perjodu medju ta’ żmien. Fil-każ tal-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Din tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment ikunu japplikaw filwaqt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ koordinazzjoni tal-politika fi ħdan il-qafas tal-Patt.

    (6)

    Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex jiġi limitat u kontrollat it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija permezz ta’ miżuri ta’ sostenn għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, u jiġu żgurati kondizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol bil-għan li tinbeda mill-ġdid l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex iġibu lura l-funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u t-tkabbir sostenibbli, jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu tagħlimiet mill-kriżi.

    (7)

    Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet enfasi fuq il-flessibbiltà li joffri s-suq intern ta’ adattament għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni malajr u bla xkiel lejn il-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, jenħtieġ li jitneħħew dawk il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-suq intern jiffunzjona b’mod normali hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi kurrenti evidenzjat il-ħtieġa li jkun hemm pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa. Strateġiji mtejba ta’ akkwist, ktajjen ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali huma fost l-elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ għat-tħejjija għall-kriżijiet.

    (8)

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti permezz tar-Regolamenti (UE) 2020/460 (5) u (UE) 2020/558 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jippermetti lill-Istati Membri jattivaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawk l-emendi ser jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri ssimplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ nuqqas fil-flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. L-Ungerija hija mħeġġa li tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet sabiex tingħata għajnuna lill-individwi u s-setturi l-aktar milquta.

    (9)

    Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 aktarx ma jitqassmux b’mod uniformi fit-territorji kollha minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti, b’mod partikolari f’reġjuni li huma neqsin minn assi ewlenin jew li jiddependu b’mod sinifikanti fuq setturi li jiddependu fuq negozju wiċċ imb wiċċ mal-konsumaturi. Dan jinvolvi riskju sostanzjali li jiżdiedu l-inugwaljanzi territorjali fl-Ungerija, u jiggravaw ix-xejra li diġà ġiet innutata ta’ żieda fl-inugwaljanzi bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Flimkien mar-riskju ta’ tnaqqis temporanju fil-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob reazzjonijiet ta’ politika mfassla apposta.

    (10)

    L-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħha fil-5 ta’ Mejju 2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 tagħha fl-4 ta’ Mejju 2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (11)

    Bħalissa l-Ungerija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn.

    (12)

    Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill irrakkomanda li l-Ungerija tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (7) ma teċċedix it-3,3 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 flimkien. Madankollu, fid-dawl tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, mhumiex meħtieġa passi ulterjuri skont il-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti għall-Ungerija.

    (13)

    Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn defiċit ta’ 2,0 % tal-PDG fl-2019 għal 3,8 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit għandu jonqos għal 2,7 % tal-PDG fl-2021 u gradwalment jilħaq il-1,0 % tal-PDG sal-2024. Wara li naqas għal 66,3 % tal-PDG fl-2019, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 72,6 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Il-prospettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Hemm riskji li huma sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji, jiġifieri marbuta ma’ nfiq ogħla mill-projezzjonijiet (f’konformità max-xejriet tal-passat b’infiq għoli fi tmiem is-sena), kif ukoll dħul potenzjalment iktar baxx mill-projezzjonijiet billi l-projezzjoni għandha t-tendenza li sserraħ fuq dħul għoli.

    (14)

    B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, l-Ungerija adottat miżuri baġitarji f’waqthom biex iżżid il-kapaċità tal-kura intensiva tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tgħin lil dawk l-individwi u lis-setturi li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji ammontaw għal 2,8 % tal-PDG fl-2020, u huma ffinanzjati kompletament permezz ta’ riallokazzjoni tal-infiq fil-baġit, riżervi u taxxi ġodda. Dawn jinkludu miżuri li għandhom l-għan li jappoġġaw is-suq tax-xogħol, ħelsien mit-taxxa għan-negozji u spejjeż relatati mal-emerġenza medika. Tħabbru miżuri addizzjonali biex jiġi appoġġat l-irkupru (1,4 % tal-PDG) u biex jiġi appoġġat is-suq tax-xogħol (0,4 % tal-PDG) iżda għadhom ma ġewx speċifikati. Barra minn hekk, l-Ungerija adottat miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, ser jikkontribwixxu għall-għoti ta’ appoġġ ta’ likwidità lin-negozji, li l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 jistma li hu 1,5 % tal-PDG. L-awtoritajiet qed jaħdmu fuq miżuri addizzjonali għal 0,3 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu programmi ta’ garanziji ta’ kreditu u self garantit mill-Gvern. L-impatt baġitarju kumplessiv tal-miżuri fiskali rrapportati fil-Programmi ta’ Konverġenza tal-2020 huwa differenti minn dak inkluż fit-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni billi ġew ivvalutati u meqjusa biss dawk li l-Kummissjoni speċifikat b’mod suffiċjenti. B’mod ġenerali, il-miżuri li ħadet l-Ungerija huma konformi mal-linji-gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2020. L-ispeċifikazzjoni u l-adozzjoni b’mod sħiħ tal-miżuri ta’ emerġenza kollha mħabbra u ta’ miżuri fiskali ta’ appoġġ, segwiti minn iffukar ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien, meta jkunu jippermettu l-kondizzjonijiet ekonomiċi, ser ikunu ta’ kontribut għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien.

    (15)

    Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020, jekk ma jkun hemm ebda tibdil ta’ politika, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Ungerija huwa mbassar li jkun ta’ -5,2 % tal-PDG fl-2020 u -4,0 % tal-PDG fl-2021. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG għandu jilħaq 75,0 % tal-PDG fl-2020.

    (16)

    Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill sab f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat li fl-Ungerija seħħet devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien fl-2018. Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fl-14 ta’ Ġunju 2019 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (8), fejn irrakkomanda li l-Ungerija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,3 % fl-2019 u l-4,7 % fl-2020, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % u 0,75 % tal-PDG. Fil-5 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/2172 (9), li tistabbilixxi li l-Ungerija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2019, u fil-5 ta’ Diċembru 2019 ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta (10). Fir-Rakkomandazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill talab lill-Ungerija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata nominali ta’ tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx 4,7 % fl-2020, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,75 % tal-PDG fl-2020. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni u fid-dawl tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali għall-2020, li tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, l-Ungerija tista’ titqies li ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-5 ta’ Diċembru 2019.

    (17)

    Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba li l-Ungerija qiegħda tippjana li taqbeż il-limitu fuq id-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi mill-Kummissjoni tindika li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ma twettaqx.

    (18)

    Il-Gvern iddikjara sitwazzjoni ta’ periklu fil-11 ta’ Marzu 2020. Fit-12 ta’ Marzu, il-fruntieri ngħalqu għall-vjaġġaturi, ħlief għaċ-ċittadini li jirritornaw u r-residenti taż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll il-ħaddiema transfruntiera. It-tranżitu tal-merkanzija baqa’ permess. Fis-16 ta’ Marzu 2020 ngħalqu l-faċilitajiet tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-iskejjel u l-universitajiet u t-tagħlim beda jingħata online. Mis-17 ta’ Marzu 2020, il-ħwienet mhux essenzjali ġew obbligati jagħlqu fit-3pm u r-ristoranti setgħu jibqgħu miftuħa biss għal servizz ta’ takeaway. Fit-28 ta’ Marzu 2020 ġie introdott limitu parzjali fuq il-ħin, jiġifieri n-nies setgħu joħorġu miż-żona ta’ residenza tagħhom għal raġunijiet debitament iġġustifikati, u jżommu distanza minn nies oħra. Qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, l-ekonomija tal-Ungerija kienet sejra lejn tnaqqis gradwali wara diversi snin ta’ tkabbir eċċezzjonali. Fl-2019 il-PDG reali għola b’4,9 %. Wara t-tifqigħa tal-virus, il-miżuri ta’ konteniment ġew implimentati relattivament malajr, u sa issa n-numri uffiċjali tal-każijiet kienu limitati. Madankollu, ir-riċessjoni dinjija hija mistennija li tolqot l-esportazzjonijiet b’mod partikolarment qawwi minħabba r-rwol dominanti tal-industriji ċikliċi ħafna, bħall-industrija awtomobilistika. Huwa mistenni wkoll li tolqot is-servizzi tat-turiżmu u tat-trasport, li huma affettwati mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Kumplessivament, f’Marzu għandha tibda riċessjoni qawwija, imbagħad għandu jkun hemm irkupru ekonomiku gradwali mit-tieni nofs tas-sena billi huwa preżunt li l-miżuri ta’ konteniment gradwalment jitneħħew. Il-qgħad jista’ jogħla b’mod rapidu minħabba l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol. Il-prestazzjoni ekonomika fl-2020 se tkun tiddependi fuq it-tul tal-perjodu ta’ konfinament kif ukoll fuq ir-reazzjoni tal-politika ekonomika. It-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni jagħmel projezzjoni ta’ tnaqqis ta’ 7 % tal-PDG reali fl-2020, segwit minn irkupru ta’ 6 % fl-2021.

    (19)

    Il-Gvern ħabbar diversi mewġiet ta’ miżuri minn nofs Marzu biex itaffi l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19. Il-bank ċentrali adotta miżuri biex jipprovdi likwidità lis-settur finanzjarju. Miżuri oħra li jtejbu l-likwidità għall-unitajiet domestiċi u n-negozji jinkludu: (a) moratorju fuq il-pagamenti sal-31 ta’ Diċembru 2020 għal self u kuntratti ta’ self finanzjarju għall-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi; u (b) limitu massimu tar-rata tal-imgħax fuq il-krediti tal-konsumatur. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Aktar miżuri, li l-parti l-kbira minnhom huma mmirati għas-setturi l-aktar milquta mill-kriżi, bħat-turiżmu u s-servizzi, jinkludu tnaqqis u eżenzjonijiet temporanji mit-taxxi, sussidji fuq l-investiment, żvilupp tal-infrastruttura, self sussidjat u garantit, u programmi ta’ kapital. Sabiex jippreserva l-impjiegi, il-Gvern nieda żewġ tipi ta’miżuri għas-suq tax-xogħol. L-iskema ta’ xogħol għal żmien qasir tkopri sa 70 % tal-pagi mitlufa għal tliet xhur b’ċerti kundizzjonijiet, u sussidju speċifiku għall-paga huwa mmirat għall-persunal tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż). Il-Gvern mexxa ’l quddiem bi tliet xhur tnaqqis li kien ippjanat minn qabel fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u ħabbar żieda ta’ darba fil-pagi fis-settur tal-kura tas-saħħa. Kumplessivament, filwaqt li l-miżuri fiskali għandhom l-għan li jappoġġaw lin-negozji u jippreservaw l-impjiegi, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kopertura tagħhom għadhom limitati meta mqabbla ma’ dawk li ttieħdu mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħrajn. Barra minn hekk, huma ppjanati li jkunu ffinanzjati permezz ta’ riallokazzjonijiet fil-kapitoli tal-baġit u taxxi li għadhom kif ġew mgħollija, u għaldaqstant huma mistennija li jkollhom effett limitat minn perspettiva ta’ stabbilizzazzjoni makroekonomika.

    (20)

    Diversi aspetti tar-riżultati fil-qasam tas-saħħa għadhom agħar minn dawk fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u dan jirrifletti b’mod partikolari l-prevalenza għolja tal-fatturi ta’ riskju fil-popolazzjoni u l-effettività limitata tal-għoti tal-kura tas-saħħa. Is-sehem pubbliku tal-infiq fuq is-saħħa fl-Ungerija kien aktar baxx b’mod konsiderevoli mill-medja tal-Unjoni. Filwaqt li l-ħtiġijiet mediċi mhux issodisfati huma baxxi, l-għadd ta’ Ungeriżi li jiddependu fuq infiq mill-but huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni, u dawn il-persuni qed jiġu dejjem aktar imbuttati biex jirrikorru għal servizzi tas-saħħa privati. Dan jiggrava r-riskji ta’ tbatija finanzjarja għall-unitajiet domestiċi Ungeriżi, b’riperkussjonijiet għall-ekwità soċjali u r-riżultati fil-qasam tas-saħħa. Jenħtieġu investiment addizzjonali u riformi komprensivi biex jiġi razzjonalizzat l-użu tar-riżorsi fis-sistema tas-saħħa, jitnaqqsu l-inugwaljanzi fl-aċċess u tiżdied il-kwalità tal-kura. Is-servizzi preventivi u tal-kura primarja mhumiex iffinanzjati biżżejjed, u l-potenzjal tagħhom biex itejbu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-kosteffettività tas-sistema tas-saħħa għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed. Għalkemm l-awtoritajiet bdew jaħdmu biex itaffu n-nuqqas konsiderevoli tal-ħaddiema tas-saħħa fl-Ungerija, l-inugwaljanzi reġjonali fid-distribuzzjoni tal-persunal tas-saħħa għadu jfixkel l-aċċess għall-kura f’ċerti żoni u xi gruppi vulnerabbli, bħar-Rom marġinalizzati, iżda anki nies b’diżabilitajiet, iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli partikolari. Fir-rigward tax-xokk għad-domanda għas-sistemi tas-saħħa ġġenerata mill-pandemija tal-COVID-19, tenħtieġ azzjoni rapida biex jibdew jiġu indirizzati dawn l-isfidi strutturali u tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa tal-Ungerija.

    (21)

    Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa jistgħu jkunu sinifikanti u għadu jrid jiġi vvalutat l-impatt tad-digriet tal-Gvern tat-18 ta’ Marzu 2020 li jippermetti derogi miftiehma bilateralment mill-Kodiċi tax-Xogħol. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-qgħad huwa mistenni li jogħla għal 7,0 % fl-2020 u jirkupra għal 6,1 % fl-2021. Is-setturi li ntlaqtu b’mod eċċessiv mill-kriżi jammontaw għal sehem kbir mill-ekonomija Ungeriża, u jimpjegaw ħaddiema b’ħiliet minn livell baxx għal dak medju b’kuntratti ta’ xogħol flessibbli ħafna. Sal-bidu tal-2020, ir-rata ta’ impjiegi kumplessivament kompliet titjieb fost espansjoni ekonomika qawwija, iżda dan ma kienx ta’ benefiċċju bl-istess mod għall-gruppi kollha. Id-diskrepanza fl-impjiegi bejn il-gruppi tal-ħiliet u bejn l-irġiel u n-nisa baqgħu kbar meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni, u d-diskrepanza fl-impjiegi bejn in-nisa u l-irġiel hija dovuta parzjalment għall-provvista limitata ta’ kura tat-tfal ta’ kwalità. Għalkemm ċkienet, l-iskema ta’ xogħlijiet pubbliċi, li ma kinitx effettiva biex twassal lill-parteċipanti għall-impjiegi fis-suq tax-xogħol primarju, għadha mdaqqsa. Hemm lok biex jissaħħu politiki oħra biex nies qiegħda jew inattivi jiġu megħjuna b’mod effettiv biex isibu xogħol jew jaċċessaw taħriġ biex itejbu l-miri tagħhom. It-tul ta’ żmien tal-benefiċċji tal-qgħad huwa l-iqsar fl-Unjoni, b’massimu ta’ tliet xhur, li anki f’kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli kien ferm inqas miż-żmien medju meħtieġ biex persuna ssib impjieg. F’konformità mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-iskemi u l-miżuri ta’ protezzjoni soċjali jridu jipproteġu lil dawk li jinsabu f’riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom, kif ukoll lill-ħaddiema għal rashom u lil dawk qiegħda. L-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, fejn l-impjegati jirċievu appoġġ għall-introjtu mill-Istat għas-sigħat li ma jaħdmux, huma mod tajjeb kif jiġu protetti l-impjiegi. Matul il-pandemija, l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar huma effiċjenti l-aktar jekk l-amministrazzjoni tagħhom tkun sempliċi u rapida, u l-eliġibbiltà ma tkunx ristretta għal ċerti setturi jew tipi ta’ negozji.

    (22)

    Filwaqt li s-sitwazzjoni kumplessiva tal-faqar fl-Ungerija tjiebet qabel il-kriżi, din ix-xejra tista’ tmur lura b’mod rapidu matul it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. L-inugwaljanzi fl-introjtu żdiedu matul dan l-aħħar deċennju, parzjalment minħabba bidliet fis-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji. Anki qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, kemm id-deprivazzjoni materjali estrema kif ukoll id-deprivazzjoni materjali u soċjali kienu għoljin, b’mod partikolari fost l-unitajiet domestiċi b’diversi tfal u fost il-popolazzjoni tar-Rom. In-nuqqas ta’ appartamenti muniċipali għall-kiri soċjali u n-nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju għall-kerrejja jfixklu l-mobbiltà. Il-benefiċċju tal-introjtu minimu għadu ma nbidilx b’mod nominali mill-2012 u huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-Unjoni. Il-pandemija hija mistennija li tolqot l-aktar lill-gruppi vulnerabbli li ma għandhomx aċċess għall-kura u għas-servizzi essenzjali u li jgħixu f’unitajiet domestiċi ffullati wisq. Se jkunu meħtieġa miżuri li jrawmu l-attivazzjoni u l-integrazzjoni ta’ dawn il-gruppi fis-suq tax-xogħol meta l-ekonomiji jirkupraw. Anke qabel il-kriżi, l-eżiti tal-edukazzjoni diġà kienu aktar baxxi mill-medja tal-Unjoni u kienu influwenzati b’mod qawwi mill-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti. Ir-rati tat-tluq bikri mill-iskola kienu għoljin, b’mod partikolari fost l-istudenti Rom. Il-parteċipazzjoni baxxa tal-gruppi vulnerabbli f’edukazzjoni ta’ kwalità hija opportunità mitlufa biex jinbnew il-kapital uman u l-koeżjoni soċjali. Is-salarju tal-għalliema huwa wieħed mill-aktar baxxi fl-Unjoni. L-għadd baxx ta’ studenti li jipparteċipaw fl-edukazzjoni għolja mhuwiex konformi mad-domanda qawwija għal ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet. Il-bidla mhux mistennija għat-tagħlim mill-bogħod aktarx se tkompli żżid l-inugwaljanzi. L-evidenza mit-testijiet ta’ kompetenza nazzjonali annwali turi li huwa diffiċli li jintlaħqu ħafna studenti permezz tal-edukazzjoni diġitali minħabba n-nuqqas ta’ għodod diġitali. L-istudenti minn ambjenti żvantaġġati jesperjenzaw ukoll l-effetti negattivi tat-tagħlim mill-bogħod minħabba unitajiet domestiċi ffullati wisq u l-livell baxx ta’ edukazzjoni tal-ġenituri. L-investimenti riċenti u li għaddejjin fid-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni huma importanti u jeħtieġ li jitkomplew.

    (23)

    Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, huwa importanti b’mod partikolari li jiġi żgurat il-funzjonament tal-infrastruttura kritika u ċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti fis-Suq Uniku u li jiġi ssorveljat u żgurat il-funzjonament tajjeb tal-ktajjen ta’ provvista b’kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien. L-Ungerija għandha ekonomija żgħira miftuħa bi trasport transfruntier intensiv ta’ merkanzija. Barra minn hekk, ħafna Ungeriżi jaħdmu barra mill-pajjiż u jivvjaġġaw kull ġimgħa. L-Ungerija jista’ jkollha bżonn ukoll ħaddiema staġonali fl-agrikoltura li jaħdmu bejn il-fruntieri. Ir-restrizzjonijiet li attwalment huma imposti fuq l-ivvjaġġar jistgħu jdewmu ċ-ċirkolazzjoni tal-oġġetti u tal-ħaddiema iżda jistgħu jittaffew billi jiġu pprovduti korsiji ħodor mal-fruntieri.

    (24)

    Fost is-servizzi, il-bejgħ bl-imnut huwa wieħed mis-setturi l-aktar affettwati minħabba l-miżuri li żammew lil ħafna negozji għalkollox milli jiffunzjonaw jew li llimitaw l-operazzjonijiet tagħhom b’mod sinifikanti. Il-flessibbiltà regolatorja tgħin lill-bejgħ bl-imnut jirpilja wara l-COVID-19. L-Ungerija għandha l-ogħla numru ta’ professjonijiet regolati fl-Unjoni. Is-servizzi professjonali se jkollhom rwol importanti fl-iffaċilitar tal-ħruġ mill-kriżi u fl-irkupru warajha. Għaldaqstant, l-iżgurar ta’ aċċess bla xkiel għall-professjonijiet u l-eżerċizzju tagħhom, permezz ta’ simplifikazzjoni tal-oqfsa regolatorji tagħhom u proċeduri amministrattivi relatati, huwa ta’ importanza kruċjali, speċjalment għall-impriżi żgħar u medji (SMEs) u għall-mikroimpriżi, fosthom il-prattikanti waħidhom, li ntlaqtu b’mod partikolari mill-kriżi. L-appoġġ ta’ likwidità għan-negozji permezz ta’ self u garanziji, b’enfasi fuq l-SMEs, huwa ta’ importanza kruċjali, u d-distribuzzjoni tal-appoġġ ta’ likwidità lid-ditti trid tkun implimentata b’mod effettiv u rapidu mill-intermedjarji. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Il-fluss tal-flus tal-SMEs jista’ jittejjeb ukoll billi jiġu permessi pagamenti differiti ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali u jitħaffew il-pagamenti kuntrattwali mill-awtoritajiet pubbliċi. Negozji ġodda li għadhom kemm bdew u dawk li qed jespandu jeħtieġu appoġġ speċifiku, pereżempju inċentivi għal fondi ta’ kapital ta’ riskju biex jiżdiedu l-investimenti tagħhom f’dawn id-ditti. Dawn il-miżuri ta’ appoġġ se jgħinu wkoll biex jiġi evitat bejgħ bl-għaġla ta’ ditti Ewropej strateġikament importanti.

    (25)

    Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fattur kritiku għat-tkabbir u l-kompetittività fit-tul. L-Ungerija hija meqjusa bħala innovatur moderat. In-nuqqas ta’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet huwa ta’ xkiel kbir għall-innovazzjoni. L-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) qiegħed jiżdied bil-mod u ngħata spinta prinċipalment mis-settur tan-negozji, li jibbenefika mill-akbar appoġġ pubbliku fl-Unjoni. Madankollu, l-infiq fir-R&Ż fis-settur pubbliku naqas matul dan l-aħħar deċennju. L-investiment fl-SMEs innovattivi, kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn in-negozji, ir-riċerka, l-akkademja u s-settur pubbliku, iżidu l-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-pajjiż li titlob il-kriżi tal-COVID-19. Għall-irkupru jenħtieġu investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni pubbliċi, u ambjent tar-riċerka li jagħti appoġġ.

    (26)

    Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati b’mod aktar qawwi fil-bidu, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Il-Pjan Nazzjonali tal-Ungerija għall-Enerġija u l-Klima jidentifika l-investiment meħtieġ biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni għall-klima u l-enerġija. Flimkien mal-investiment fid-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika, dawn se jagħmlu l-ekonomija Ungeriża aktar sostenibbli u reżiljenti ladarba l-pajjiż jirkupra mill-kriżi. Attwalment, l-effiċjenza enerġetika fis-settur residenzjali hija baxxa, u dan jikkontribwixxi wkoll għat-tniġġis tal-arja. Il-ksur persistenti tal-istandards tal-kwalità tal-arja għandu riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa u l-ambjent. Is-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja jinkludu l-kombustjoni residenzjali ta’ fjuwil solidu, l-emissjonijiet mill-agrikoltura u mit-trasport. Huwa biss 1 % mill-konsum gross domestiku tal-enerġija li huwa kopert minn sorsi rinnovabbli b’livell baxx ta’ karbonju, u l-bijomassa li tniġġes ħafna tikkontribwixxi għal madwar 10 %. Minn bażi baxxa, l-installazzjonijiet solari bdew jiżdiedu b’mod rapidu. Skont il-Pjan Nazzjonali tagħha għall-Enerġija u l-Klima u n-newtralità klimatika fit-tul, l-Ungerija beħsiebha tiddependi aktar fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, partikolarment l-enerġija solari. Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali, il-politika dwar l-enerġija tista’ tiġġenera tkabbir ekoloġiku u tista’ tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku. Il-konġestjoni fit-toroq kienet sfida li kienet qed tikber sat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, u dan iħalli impatti ekonomiċi negattivi u żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u fit-tniġġis tal-arja. Opportunitajiet aktar mifruxa ta’ telexogħol u sistemi aktar attraenti ta’ trasport pubbliku jgħinu wkoll biex jittaffa l-impatt ambjentali tat-trasport. L-ekonomija ċirkolari għadha f’fażi inizjali, ir-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali huwa sottożviluppat u l-istrumenti ekonomiċi ma jipprovdux biżżejjed inċentivi. Ir-rimi fil-landfills għadu l-metodu predominanti tal-immaniġġar tal-iskart. Il-kwalità u l-provvista tal-ilma għadhom ta’ tħassib. Il-ħiliet diġitali tal-Ungeriżi u l-użu tat-teknoloġiji diġitali mid-ditti u mis-servizzi pubbliċi għadhom taħt il-medja tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkomplu jsiru sforzi biex iċ-ċittadini u n-negozji jiġu offruti servizzi pubbliċi diġitali effiċjenti. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li huwa s-suġġett ta’ proposta tal-Kummissjoni, għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Ungerija tindirizza xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport dwar il-pajjiż għall-2020. Dan jippermetti li l-Ungerija tagħmel l-aħjar użu minn dak il-Fond.

    (27)

    It-tul ta’ żmien tas-“sitwazzjoni ta’ periklu” ddikjarata fil-11 ta’ Marzu 2020 mhuwiex predefinit u l-gvern għandu setgħa diskrezzjonali biex iżommha jew itemmha. Il-miżuri konkreti li ħa l-Gvern idumu sa ma tintemm is-sitwazzjoni ta’ periklu. Fit-30 ta’ Marzu 2020, il-Parlament Ungeriż għadda liġi ġdida li tippermetti li l-Gvern iqis bla effett kwalunkwe liġi, b’digriet. Is-setgħat ta’ emerġenza mogħtija jidher li huma aktar estensivi minn dawk adottati fi Stati Membri oħra, fid-dawl tal-effett ikkombinat ta’ setgħat b’definizzjoni wiesgħa u n-nuqqas ta’ limitu ta’ żmien ċar. Ċerti miżuri ta’ emerġenza li jużaw dawn is-setgħat iqajmu dubji dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħhom u jinterferixxu mal-attivitajiet tan-negozju u mal-istabbiltà tal-ambjent regolatorju. Dawn il-miżuri jinkludu l-possibbiltà ta’ deroga mil-liġijiet tax-xogħol, l-iskjerament ta’ uffiċjali ta’ kollegament militari f’kumpaniji strateġiċi u t-tqegħid ta’ kumpanija elenkata fil-Borża taħt is-superviżjoni tal-Istat. Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-gvern ressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament Ungeriż li ssejjaħ biex il-gvern itemm is-sitwazzjoni ta’ periklu u tħassar il-liġi tat-30 ta’ Marzu 2020 fi tmiem is-sitwazzjoni ta’ periklu. Skont il-liġi fundamentali, id-deċiżjoni li tintemm is-sitwazzjoni ta’ periklu tibqa’ l-prerogattiva tal-gvern. It-tisħiħ tal-indipendenza ġudizzjarja wkoll ikun kruċjali għal sorveljanza effettiva fuq il-miżuri ta’ emerġenza kkonċernati.

    (28)

    L-involviment tas-sħab soċjali fl-inizjattivi ta’ politika u fl-implimentazzjoni ma kienx biżżejjed f’dawn l-aħħar snin, u dan dgħajjef il-kwalità u l-prevedibbiltà tat-tfassil tal-politika u żied l-opportunitajiet għal żbalji fil-politika. Il-konsultazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt ġew evitati b’mod rikorrenti billi ġew applikati proċeduri leġiżlattivi speċjali, bħal abbozzi ta’ liġijiet u proċeduri urġenti ta’ membru individwali. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati kompla jiddgħajjef matul is-sistema attwali ta’ tmexxija b’digriet mill-Gvern, speċjalment fid-dawl tad-digriet tal-Gvern tat-18 ta’ Marzu 2020 li jippermetti derogi bilaterali mill-Kodiċi tax-Xogħol.

    (29)

    In-nuqqas ta’ kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku għadu ta’ tħassib serju, billi aktar ftuħ tal-kompetizzjoni huwa soluzzjoni ewlenija biex tiġi ffaċċjata l-kriżi, jerġa’ jqum fuq saqajh is-settur tan-negozji ż-żgħar u tiġi megħjuna l-ekonomija biex terġa’ tibda. Minkejja l-bidliet leġiżlattivi ġodda u d-diġitalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, kważi nofs l-offerti pubbliċi kollha jirriżultaw fi proċedura ta’ offerta waħda. L-għadd kbir ta’ offerti uniċi jimmina l-effettività tas-sistema tal-akkwist pubbliku. Il-professjonalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku tista’ tgħin biex tittejjeb il-konformità mar-regoli tal-Unjoni u tippermetti l-akkwist strateġiku. L-awditi tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku relatati mal-proġetti kkofinanzjati mill-Unjoni u li saru f’dawn l-aħħar snin identifikaw nuqqasijiet sistemiċi u wrew dgħufijiet fis-sistema tal-kontroll tal-akkwist pubbliku. Fl-2019, il-Kummissjoni imponiet madwar EUR 1 biljun f’korrezzjonijiet finanzjarji fuq l-Ungerija minħabba dawn in-nuqqasijiet.

    (30)

    Huwa importanti li jiġi indirizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa biex tittejjeb l-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi tat-taxxa. L-effetti sekondarji ta’ strateġiji tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa mill-kontribwenti bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkomplementaw il-leġislazzjoni tal-Unjoni. L-Ungerija ħadet miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa billi implimentat inizjattivi internazzjonali u Ewropej li kien hemm qbil fuqhom minn qabel, iżda n-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fl-Ungerija fuq l-introjtu li joħroġ għal ċentri finanzjarji offshore jista’ joffri rotta ta’ ħruġ biex il-profitti joħorġu mill-Unjoni mingħajr ma jħallsu sehemhom mit-taxxi. Filwaqt li l-flussi tal-introjtu li joħroġ bħar-royalties, l-imgħax u d-dividendi lejn ċentri finanzjarji offshore kienu relattivament żgħar fl-2013-2017, l-Ungerija rreġistrat flussi ta’ dħul u ħruġ ta’ kapital volatili u relattivament għolja permezz ta’ entitajiet bi skop speċjali u dan jissuġġerixxi vulnerabbiltà potenzjali għall-prattiki ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa.

    (31)

    Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż magħmulin f’din ir-Rakkomandazzjoni (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020”) jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 u fuq il-faċilitazzjoni tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 ukoll koprew riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 jibqgħu pertinenti u ser ikomplu jiġu monitorjati matul is-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan jinkludi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 fir-rigward tal-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 kollha għandhom jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi kurrenti.

    (32)

    Il-korruzzjoni, l-aċċess għall-informazzjoni pubblika u l-libertà tal-media qajmu tħassib saħansitra qabel il-kriżi. Dawn l-oqsma huma saħansitra aktar esposti għal deterjorament ulterjuri fis-sitwazzjoni ta’ periklu billi ddgħajfu l-mekkaniżmi ta’ kontroll. Jidher li l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni huma inqas effettivi fl-Ungerija milli fi Stati Membri oħrajn. Hemm nuqqas ta’ azzjoni sistematika determinata biex issir prosekuzzjoni tal-korruzzjoni fil-livelli għolja. Ir-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet biex jingħalqu l-investigazzjonijiet hija kwistjoni ta’ tħassib billi ma hemm l-ebda rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni li ma ssirx prosekuzzjoni ta’ allegazzjonijiet ta’ attivitajiet kriminali. Ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-informazzjoni għadhom ifixklu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-prattiki dissważivi għall-aċċess ta’ informazzjoni pubblika jistgħu jiskoraġġixxu liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi milli jeżerċitaw id-drittijiet kostituzzjonali tagħhom.

    (33)

    Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. Fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom, l-Istati Membri evalwaw il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Billi tkun qed tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020, l-Ungerija ser tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

    (34)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ungerija u ppubblikatha fir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Ungerija fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni ħadet kont mhux biss tar-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija, iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata input, fuq livell tal-Unjoni, f’deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (35)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu (11) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

    1.

    Tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politiki fiskali li għandhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Tindirizza n-nuqqasijiet tal-ħaddiema tas-saħħa u tiżgura provvista adegwata ta’ prodotti mediċi kritiċi u infrastruttura biex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. Ittejjeb l-aċċess għas-servizzi preventivi u tal-kura primarja ta’ kwalità.

    2.

    Tipproteġi l-impjiegi permezz ta’ arranġamenti tax-xogħol għal żmien qasir u politiki attivi tas-suq tax-xogħol effettivi u testendi t-tul ta’ żmien tal-benefiċċji tal-qgħad. Ittejjeb l-adegwatezza tal-assistenza soċjali u tiżgura l-aċċess għas-servizzi essenzjali u għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd.

    3.

    Tiżgura appoġġ ta’ likwidità lill-SMEs. Tiffinanzja b’mod sostanzjali fil-bidu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari il-produzzjoni u l-użu nadif u effiċjenti tal-enerġija, trasport sostenibbli, l-immaniġġar tal-ilma u tal-iskart, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-infrastruttura diġitali għall-iskejjel.

    4.

    Tiżgura li kull miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, limitata fiż-żmien u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali u ma tinterferix mal-attivitajiet kummerċjali u mal-istabbiltà tal-ambjent regolatorju. Tiżgura involviment effettiv tas-sħab soċjali u tal-partijiet ikkonċernati fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Ittejjeb il-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku.

    5.

    Issaħħaħ is-sistema fiskali kontra r-riskju ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KLOECKNER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  ĠU C 301, 5.9.2019, p. 101

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (5)  Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).

    (6)  Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

    (7)  L-infiq pubbliku primarju nett hu magħmul mill-infiq pubbliku totali mingħajr in-nefqa marbuta mal-imgħax, in-nefqa marbuta mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fuq livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

    (8)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 210, 21.6.2019, p. 4).

    (9)  ĠU L 329, 19.12.2019, p. 91.

    (10)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2019 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 420, 13.12.2019, p. 1).

    (11)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top