Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H0826(11)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Kroazja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Kroazja 2020/C 282/11

    ĠU C 282, 26.8.2020, p. 68–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/68


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Lulju 2020

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Kroazja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Kroazja

    (2020/C 282/11)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Kroazja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

    (2)

    Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020 għall-Kroazja ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 (3) (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019”), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Kroazja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa għall-2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Kroazja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi marbuta ma’ livelli għolja ta’ dejn pubbliku, privat u estern f’kuntest ta’ tkabbir potenzjali baxx.

    (3)

    Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, toħloq volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda tkun ta’ theddida għall-impjiegi u għad-dħul tan-nies kif ukoll għan-negozju tal-kumpaniji. Hija kkawżat xokk ekonomiku kbir li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tappella għal reazzjoni ekonomika koordinata għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni.

    (4)

    Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew daħħlu miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, neċessarja, b’terminu ta’ żmien limitat, u konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għal sorveljanza demokratika u skrutinju ġudizzjarju indipendenti.

    (5)

    Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif previst fl-Artikolu 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (4), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta titqies il-kriżi ekonomika qawwija mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, il-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali kienu sodisfatti u talbet li l-Kunsill japprova din il-konklużjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Huma qablu li l-kriżi ekonomika qawwija tirrikjedi reazzjoni reżoluta, ambizzjuża u kkoordinata. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm dan ma jpoġġix fil-periklu s-sostenibbiltà fiskali fuq il-perjodu medju ta’ żmien. Fil-każ tal-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Din tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment ikunu japplikaw fil-waqt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ koordinazzjoni tal-politika fi ħdan il-qafas tal-Patt.

    (6)

    Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex jiġi limitat u kontrollat it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija permezz ta’ miżuri ta’ sostenn għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, u jiġu żgurati kondizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol bil-għan li tinbeda mill-ġdid l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex iġibu lura l-funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u t-tkabbir sostenibbli, jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu tagħlimiet mill-kriżi.

    (7)

    Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet enfasi fuq il-flessibbiltà li joffri s-suq intern ta’ adattament għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni malajr u bla xkiel lejn il-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, jenħtieġ li jitneħħew dawk il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-suq intern jiffunzjona b’mod normali hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi kurrenti evidenzjat il-ħtieġa li jkun hemm pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa. Strateġiji mtejba ta’ akkwist, katini ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali huma fost l-elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ għat-tħejjija għall-kriżijiet.

    (8)

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti permezz tar-Regolamenti (UE) 2020/460 (5) u (UE) 2020/558 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jippermetti lill-Istati Membri jattivaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawk l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri ssimplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet fuq il-flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Kroazja hija mħeġġa li tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar milquta.

    (9)

    Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 huma x’aktarx sostanzjali u ma jitqassmux b’mod uniformi fit-territorji kollha tal-Kroazja minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti. Ir-reġjuni kostali u l-gżejjer li jiddependu ħafna mit-turiżmu se jkunu affettwati b’mod partikolari. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni attwali titlob reazzjonijiet ta’ politika mfassal apposta.

    (10)

    Fit-30 ta’ April 2020, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tagħha tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

    (11)

    Bħalissa l-Kroazja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn.

    (12)

    Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 0,4 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2019 għal defiċit ta’ 6,8 % tal-PDG fl-2020 u jitjieb għal defiċit ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2021. Wara li naqas għal 73,2 % tal-PDG fl-2019, id-dejn tal-gvern estiż bħala proporzjon tal-PDG hu mistenni li jiżdied għal 86,7 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Il-prospettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata mill-inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    (13)

    B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, il-Kroazja adottat miżuri baġitarji f’waqthom biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tgħin lil dawk l-individwi u n-negozji li ġew affettwati b’mod partikolari. Skont il-Programmi ta’ Konverġenza tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji jammontaw għal 2,8 % tal-PDG. Iż-żewġ miżuri ewlenin huma s-sussidju mħallas lin-negozji biex iżommu l-impjegati u l-eżenzjonijiet mit-taxxa mogħtija lin-negozji l-aktar milquta. Barra minn hekk, l-Kroazja adottat miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu għall-għoti ta’ appoġġ ta’ likwidità lin-negozji, li l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 jistma li hu 1,3 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu d-differimenti tat-taxxa għat-taxxi korporattivi u fuq l-introjtu personali u l-kontribuzzjonijiet soċjali. B’mod ġenerali, il-miżuri li ħadet il-Kroazja huma konformi mal-linji-gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2020. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ miżuri ta’ emerġenza u ta’ miżuri fiskali ta’ appoġġ, segwita minn iffukar ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien, meta jkunu jippermettu l-kondizzjonijiet ekonomiċi, se jkunu ta’ kontribut għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien.

    (14)

    Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020, jekk ma jkun hemm ebda tibdil ta’ politika, il-bilanċ tal-gvern estiż tal-Kroazja huwa mbassar li jkun ta’ -7,1 % tal-PDG fl-2020 u -2,2 % tal-PDG fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż għandu jilħaq 88,6 % tal-PDG fl-2020 u jimmodera ruħu għal 83,4 % fl-2021.

    (15)

    Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-pjan tal-Kroazja li taqbeż il-limitu fuq id-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi mill-Kummissjoni tindika li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ma twettaqx.

    (16)

    B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-Kroazja malajr ħadet miżuri estensivi biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u trażżan il-firxa tal-virus. Il-pandemija (u l-miżuri ta’ konteniment assoċjati) wasslu għal tfixkil serju fl-attività tan-negozju, u kellha effetti negattivi fuq is-suq tax-xogħol. Il-PDG reali huwa stmat li ser jonqos b’9,1 % fl-2020 u jirkupra b’7,5 % fl-2021, filwaqt li r-rata tal-qgħad hija mbassra li tiżdied għal 10,2 % fl-2020 u titjieb għal 7,4 % fl-2021, skont it-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020. Is-settur tat-turiżmu, li jirrappreżenta sehem sinifikanti ħafna tal-ekonomija Kroata, se jintlaqat bil-kbir. Fl-istess ħin, il-Kroazja kellha tindirizza wkoll l-effetti ta’ terremot qawwi f’Zagreb fit-22 ta’ Marzu 2020. Biex jittaffa l-impatt negattiv fuq l-ekonomija, il-Kroazja wettqet sensiela ta’ miżuri ambizzjużi, fosthom miżuri ta’ appoġġ għall-pagi, eżenzjonijiet u differimenti ta’ taxxi u kontribuzzjonijiet soċjali, appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), garanziji addizzjonali għall-assigurazzjoni tal-esportazzjoni u moratorji fuq il-pagamenti ta’ self, u miżuri speċifiċi għat-turiżmu u setturi oħra affettwati ħafna.

    (17)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 hija test tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa tal-Kroazja. Għalkemm l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa ġeneralment tajjeb fil-Kroazja, il-ħtiġijiet mediċi li ma ġewx issodisfati minħabba d-distanza huma fost l-ogħla fl-Unjoni. Distribuzzjoni ġeografika aktar ibbilanċjata tal-ħaddiema tas-saħħa u l-faċilitajiet tas-saħħa tippermetti aċċess aktar faċli għas-servizzi tas-saħħa. Id-diviżjoni tar-responsabbiltà għall-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa fil-Kroazja bejn il-Gvern ċentrali u l-awtoritajiet tal-kontej tħalli lok għal titjib. Il-Gvern ċentrali jrid ikopri d-djun tal-isptarijiet li huma sjieda tal-kontej iżda għandu mezzi limitati biex jinfluwenza kif jiġu ġestiti. Huwa kruċjali li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Gvern ċentrali u l-kontej biex jiġi żgurat il-forniment tal-prodotti mediċi kritiċi u biex ikunu jistgħu jittieħdu passi biex tiġi limitata l-firxa tal-COVID-19. L-użu ta’ għodod tas-saħħa elettroniċi jippermetti tnaqqis fil-kuntatt dirett bejn il-ħaddiema tas-saħħa u l-pazjenti, u b’hekk innaqqas ukoll ir-riskju tal-infezzjonijiet. L-użu tal-preskrizzjonijiet elettroniċi huwa mifrux, iżda proporzjon baxx ħafna tar-riferimenti u tar-rekords tas-saħħa huma diġitali.

    (18)

    Minħabba tnaqqis fl-attività ekonomika, l-impjegaturi qed isibu diffikultà biex iħallsu l-pagi, u dan huwa mistenni li jirriżulta f’żieda fil-livelli tal-qgħad u tal-faqar, u saħansitra jinħassu aktar l-inugwaljanzi territorjali. Tradizzjonalment, il-parteċipazzjoni fil-miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol kienet baxxa ħafna, iżda fiċ-ċirkustanzi attwali dawn il-programmi qed isiru aktar prominenti. Sabiex jingħata sostenn lill-impjegaturi u jiġi minimizzat l-għadd ta’ sensji, jenħtieġ li dawn il-miżuri jissaħħu, kif ukoll skemi oħra ta’ appoġġ marbuta biż-żmien, b’mod partikolari l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar. Fit-terminu qasir, dawn jippreservaw l-impjiegi, iżda anki fit-terminu medju, hemm lok biex tittejjeb l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol matul il-fażi ta’ rkupru. Jenħtieġ li s-servizz pubbliku tal-impjiegi tal-Kroazja jżid l-isforzi tiegħu biex jappoġġa l-forza tax-xogħol fl-iżvilupp tal-ħtiġijiet xierqa (pereżempju l-ħiliet diġitali), jiżviluppa l-istrateġiji ta’ sensibilizzazzjoni lejn il-popolazzjoni inattiva u jgħin jiġġieled kontra x-xogħol mhux iddikjarat billi jippromwovi l-impjieg formali. Il-benefiċċju tal-qgħad ma jipprovdix xibka ta’ sikurezza adegwata għall-ħaddiema mogħtija s-sensja, billi kemm il-kopertura kif ukoll l-adegwatezza huma baxxi. Il-kapaċità tat-tnaqqis tal-faqar tal-benefiċċju tal-introjtu minimu wkoll ġiet evalwata bħala dgħajfa, f’kuntest tar-rati għoljin tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, l-inugwaljanzi territorjali u l-fatturi ta’ riskju relatati mal-età, mal-ġeneru u mad-diżabbiltà.

    (19)

    L-affidabbiltà tal-konnettività tal-Internet toħloq tħassib. L-unitajiet domestiċi fil-Kroazja ma għandhomx aċċess għal Internet b’veloċità għolja fid-dar. Madwar 70 % tal-unitajiet domestiċi għandhom użu tal-broadband fiss, u 6 % biss għandhom mill-inqas użu tal-broadband fiss ta’ 100 Mbps. Speċjalment fiż-żoni rurali, dan jista’ jipprevjeni t-telexogħol u t-tagħlim mill-bogħod, b’mod partikolari fost il-gruppi vulnerabbli, bħal studenti minn familji żvantaġġati jew dawk b’diżabbiltà. Hemm riskju li dawn il-gruppi jiġu esklużi bil-bidla għal għarrieda għal soċjetà aktar diġitalizzata. Jenħtieġ li jittejbu l-arranġamenti ta’ ħidma alternattiva li jużaw it-teknoloġija diġitali, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, billi s-sehem tal-ħaddiema li jużaw it-telexogħol (minn 6 sa 7 %) huwa nofs il-medja tal-Unjoni.

    (20)

    In-nuqqas ta’ ħaddiema kontinwament affettwa xi setturi tal-ekonomija, l-aktar minħabba li hemm diskrepanza fil-ħiliet. Il-promozzjoni tal-akkwist ta’ ħiliet adegwati, inkluż ħiliet diġitali, matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u aktar tard permezz ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, tista’ żżid il-produttività u tindirizza d-diskrepanza fil-ħiliet. Il-kwalità u l-inklużività tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ trid titjieb fil-livelli kollha, u r-riforma kurrikulari trid tkompli. L-introduzzjoni tal-edukazzjoni diġitali diġà wriet il-valur tagħha fil-kriżi tal-COVID-19; jenħtieġ li l-infrastruttura u l-materjal għall-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali u tal-ħiliet diġitali tal-għalliema, tal-istudenti u tal-adulti jkunu żviluppati aktar.

    (21)

    Jenħtieġ li l-Kroazja tappoġġa l-fluss kontinwu ta’ kreditu u ta’ finanzjament ieħor, inkluż il-finanzjament mhux bankarju, għall-mutwatarji vijabbli li huma affettwati b’mod negattiv mill-kriżi tal-COVID-19. Il-Kroazja adottat għadd ta’ skemi ta’ stimolu u ta’ appoġġ għall-SMEs. Jenħtieġ li l-isforzi jkomplu jipprovdu appoġġ rapidu u kontinwu ta’ likwidità lin-negozji permezz ta’ self u garanziji, b’mod partikolari garanziji tal-Gvern, b’enfasi fuq l-SMEs, biex jegħlbu l-kriżi u titwitta t-triq lejn l-irkupru. In-negozji fil-Kroazja jiddependu ħafna fuq il-finanzjament bankarju u l-fluss tal-flus biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom. Jenħtieġ li s-sistema bankarja tiġi appoġġata b’garanziji sabiex tinfetaħ għal finanzjamenti ġodda għall-SMEs u ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Il-likwidità tan-negozji tjiebet ukoll bis-saħħa tal-eżenzjonijiet u l-possibbiltà ta’ pagamenti differiti tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali.

    (22)

    Kien hemm sforz imġedded biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u r-restrizzjonijiet regolatorji. Madankollu, l-operazzjoni tan-negozji b’mod ġenerali għadha qed tinżamm lura bil-piż regolatorju u amministrattiv li għadu għoli, pereżempju fir-rigward tal-permessi, ir-rekwiżiti tar-rappurtar, sa ċertu punt, u l-proċeduri tat-taxxa. L-identifikazzjoni tal-piżijiet amministrattivi u finanzjarji qed timxi ’l quddiem permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u permezz ta’ sit web apposta, u qed jiġu introdotti miżuri biex jitnaqqsu l-obbligi li fihom l-aktar piż. L-iżgurar ta’ aċċess bla xkiel għall-professjonijiet u l-eżerċizzju tagħhom, permezz ta’ simplifikazzjoni tal-oqfsa regolatorji tagħhom u proċeduri amministrattivi relatati, huwa ukoll ta’ importanza kruċjali, speċjalment għall-SMEs u għall-mikroimpriżi, inkluż il-prattikanti waħidhom. Sar rieżami tal-imposti parafiskali u f’Mejju 2020 il-Gvern adotta l-ewwel pjan ta’ azzjoni.

    (23)

    Biex jiġi mbuttat l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati fil-bidu tal-perjodu tagħhom, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Jenħtieġ li l-Kroazja tippromwovi l-investiment fis-setturi li jtejbu t-tkabbir u tikkontribwixxi għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Infrastruttura diġitali moderna u b’saħħitha hija kruċjali għat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika u tan-negozji. Fil-kuntest tat-tranżizzjoni diġitali, l-investimenti f’networks b’kapaċità għolja ħafna, inkluż il-5G, huwa prerekwiżit. Jenħtieġ li l-investiment jappoġġa l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni u tat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Kroazja deskritti fil-Pjan Nazzjonali tal-Kroazja għall-Enerġija u l-Klima. Hemm lok u opportunità partikolari biex il-Kroazja tinvesti fi trasport urban u ferrovjarju sostenibbli, effiċjenza enerġetika, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura ambjentali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-immaniġġar tal-ilma u tal-iskart, il-Kroazja għadha lura ħafna mill-medja tal-Unjoni u l-investiment huwa meħtieġ biex isostni l-iżvilupp ekonomiku tal-Kroazja. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li huwa s-suġġett ta’ proposta tal-Kummissjoni, għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Kroazja tindirizza xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti fl-Anness D tar-rapport dwar il-pajjiż għall-2020. Dan jippermetti lill-Kroazja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-Fond.

    (24)

    L-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika fil-Kroazja tinsab taħt il-medja tal-Unjoni. Il-kapaċità baxxa tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politiki u tal-proġetti tfixkel l-effettività u l-veloċità, inkluż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, li għall-Kroazja jippreżentaw opportunità kbira biex itaffu l-konsegwenzi tal-kriżi u jappoġġaw l-irkupru tal-ekonomija. L-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida tal-ippjanar strateġiku, flimkien mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp li tħabbret, mhijiex miexja ’l quddiem. Barra minn hekk, hemm frammentazzjoni territorjali kbira tal-amministrazzjoni pubblika u żbilanċ bejn ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi fil-livell lokali. Dan jikkontribwixxi għal kwalità mhux uniformi tas-servizzi pubbliċi pprovduti fil-pajjiż u tgħolli l-ispejjeż amministrattivi.

    (25)

    L-għadd sostanzjali ta’ kawżi pendenti u proċeduri twal fil-qrati ċivili u kummerċjali għadhom jaffettwaw l-ambjent tan-negozju u r-riżoluzzjoni effettiva tal-insolvenzi, filwaqt li l-isfidi għall-kwalità u l-effiċjenza tal-ġustizzja kriminali jfixklu l-ġlieda kontra r-reati ekonomiċi u finanzjarji. Sar progress fir-riżoluzzjoni tal-aktar kawżi antiki pendenti fil-qorti u fl-użu tal-komunikazzjoni elettronika fil-qrati, iżda għad hemm lok għal titjib.

    (26)

    Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż magħmulin f’din ir-Rakkomandazzjoni (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020”) jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttrattati l-isfidi strutturali fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu monitorjati matul is-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan jinkludi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 fir-rigward tal-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Jenħtieġ li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet kollha speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi kurrenti.

    (27)

    Is-settur finanzjarju tal-Kroazja huwa kapitalizzat sew u qiegħed jagħmel profitt, filwaqt li l-kwalità tal-assi fis-settur bankarju tjieb matul dawn l-aħħar snin. Madankollu, l-istituzzjonijiet finanzjarji aktarx se jħabbtu wiċċhom ma’ xi stress minħabba l-esponimenti tagħhom għal setturi li huma l-aktar vulnerabbli għat-tifqigħa tal-COVID-19. Ġew introdotti miżuri biex itaffu l-impatt negattiv tal-miżuri ta’ konteniment fuq in-negozji. Huwa kruċjali li dawn il-miżuri jkunu temporanji, strettament marbuta mat-tifqigħa u adegwati biex jgħinu lin-negozji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji jirritornaw għall-vijabbiltà. Dan l-approċċ se jappoġġa lin-negozji mingħajr ma jimmina l-progress li għamlet il-Kroazja biex ittejjeb l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tagħha.

    (28)

    L-isforzi kontinwi biex jissaħħaħ il-qafas li jipprevjeni u jissanzjona l-korruzzjoni huma kruċjali biex jiġi żgurat l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 u biex tinkiseb allokazzjoni u distribuzzjoni tal-fondi u tar-riżorsi effiċjenti, responsabbli u trasparenti. Minkejja l-implimentazzjoni parzjali ta’ diversi Pjanijiet ta’ Azzjoni, il-kwistjonijiet ta’ korruzzjoni u l-kunflitti ta’ interess għadhom mifruxa għan-negozji. Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jissaħħaħ il-qafas li jipprevjeni u jissanzjona l-korruzzjoni biex jiġi żgurat l-użu trasparenti u effiċjenti tal-fondi pubbliċi. Jenħtieġu għodod aktar effettivi li jipprevjenu u jissanzjonaw il-korruzzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali. Il-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza għall-uffiċjali lokali u l-persuni maħtura għall-kumpaniji pubbliċi lokali għadha preżenti, l-istess bħall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Kummissjoni dwar il-Kunflitti ta’ Interess tista’ twettaq ir-rwol essenzjali tagħha ta’ prevenzjoni. L-inizjattivi biex tiżdied it-trasparenza, bħall-pubblikazzjoni tal-assi tal-imħallfin u tal-prosekuturi, huma mistennija li jibdew fl-2020.

    (29)

    Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. Fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom, l-Istati Membri evalwaw il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020, il-Kroazja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

    (30)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Kroazja u ppubblikatha fir-rapport dwar il-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Kroazja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni ħadet kont mhux biss tar-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Kroazja, iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata input, fuq livell tal-Unjoni, f’deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (31)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020 u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (32)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020 iqisu l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19 u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020 li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4) hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

    1.

    Tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kondizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa. Tippromwovi distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata tal-ħaddiema u l-faċilitajiet tas-saħħa, kooperazzjoni aktar mil-qrib bejn il-livelli kollha tal-amministrazzjoni u l-investimenti fis-saħħa elettronika.

    2.

    Issaħħaħ il-miżuri tas-suq tax-xogħol u l-istituzzjonijiet u ttejjeb l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-qgħad u l-iskemi ta’ introjtu minimu. Iżżid l-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi diġitali. Tippromwovi l-akkwist ta’ ħiliet.

    3.

    Iżżomm miżuri li jipprovdu likwidità lill-SMEs u lill-ħaddiema għal rashom. Tkompli tnaqqas l-imposti parafiskali u r-restrizzjonijiet fir-regolamentazzjoni tas-suq tal-prodotti u s-servizzi. Tiffinanzja b’mod sostanzjali fil-bidu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-infrastruttura ambjentali, trasport urban u ferrovjarju sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu nadif u effiċjenti tal-enerġija u l-broadband b’veloċità għolja.

    4.

    Issaħħaħ il-kapaċità u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika biex tfassal u timplimenta proġetti pubbliċi u politiki fil-livelli ċentrali u lokali. Ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KLOECKNER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 301, 5.9.2019, p. 64.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (5)  Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).

    (6)  Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

    (7)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top