Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H0826(06)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Estonja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Estonja tal-2020 2020/C 282/06

    ĠU C 282, 26.8.2020, p. 33–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.8.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 282/33


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-20 ta’ Lulju 2020

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Estonja tal-2020 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Estonja tal-2020

    (2020/C 282/06)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lill-Estonja bħala wieħed mill-Istati Membri li jirrikjedi li jsirlu rieżami fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

    (2)

    Ir-rapport tal-pajjiż għall-Estonja tal-2020 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Estonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 (3) (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2019”), is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Estonja lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa għall-2020.

    (3)

    Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi lis-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, toħloq volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda tkun ta’ theddida għall-impjiegi u għad-dħul tan-nies kif ukoll għan-negozju tal-kumpaniji. Hija kkawżat xokk ekonomiku kbir li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tappella għal reazzjoni ekonomika koordinata għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni.

    (4)

    Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew daħħlu miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, neċessarja, b’terminu ta’ żmien limitat, u konformi ma’ standards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għal sorveljanza demokratika u skrutinju ġudizzjarju indipendenti.

    (5)

    Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif previst fl-Artikolu 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (4), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta titqies il-kriżi ekonomika qawwija mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, il-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawsola liberatorja ġenerali kienu sodisfatti u talbet li l-Kunsill japprova din il-konklużjoni. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-finanzi tal-Istati Membri qablu mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Huma qablu li l-kriżi ekonomika qawwija tirrikjedi reazzjoni reżoluta, ambizzjuża u kkoordinata. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm dan ma jpoġġix fil-periklu s-sostenibbiltà fiskali fuq il-perjodu medju ta’ żmien. Fil-każ tal-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ wkoll jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Din tippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment ikunu japplikaw fil-waqt li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ koordinazzjoni tal-politika fi ħdan il-qafas tal-Patt.

    (6)

    Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex jiġi limitat u kontrollat it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija permezz ta’ miżuri ta’ sostenn għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, u jiġu żgurati kondizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol bil-għan li tinbeda mill-ġdid l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex iġibu lura l-funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u t-tkabbir sostenibbli, jintegraw fost l-oħrajn it-transizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu tagħlimiet mill-kriżi.

    (7)

    Il-kriżi tal-COVID-19 tefgħet enfasi fuq il-flessibbiltà li joffri s-suq intern ta’ adattament għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata transizzjoni malajr u bla xkiel lejn il-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, jenħtieġ li jitneħħew dawk il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-suq intern jiffunzjona b’mod normali hekk kif dawn ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi kurrenti evidenzjat il-ħtieġa li jkun hemm pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa. Strateġiji mtejba ta’ akkwist, katini ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali huma fost l-elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ għat-tħejjija għall-kriżijiet.

    (8)

    Il-leġislatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġislattivi rilevanti permezz tar-Regolamenti (UE) 2020/460 (5) u (UE) 2020/558 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jippermetti lill-Istati Membri jattivaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawk l-emendi ser jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri ssimplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ nuqqas fil-flussi ta’ flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. L-Estonja hija mħeġġa li tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet sabiex tingħata għajnuna lill-individwi u s-setturi l-aktar milquta.

    (9)

    Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 x’aktarx li jkunu mqassma b’mod irregolari madwar is-setturi u r-reġjuni minħabba l-profili differenti ta’ speċjalizzazzjoni. Dan jinvolvi riskju li jinfirxu aktar l-inugwaljanzi fl-Estonja. Flimkien mar-riskju li l-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri jisfaxxa temporanjament, is-sitwazzjoni attwali titlob risposti mmirati ta’ politika.

    (10)

    L-Estonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħha fit-30 ta’ April 2020 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tagħha fit-28 ta’ Aprill 2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew evalwati fl-istess ħin.

    (11)

    Attwalment, l-Estonja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (7), il-Kunsill irrakkomanda lis-Slovenja biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta (8) ma taqbiżx l-4,1 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG). Il-valutazzjoni kumplessiva tal-Kummissjoni tikkonferma devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju ta’ żmien medju fl-2019. Madankollu, fid-dawl tal-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali, mhumiex iġġustifikati passi ulterjuri bil-proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti.

    (12)

    Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn defiċit ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 10,1 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa pprojettat li jonqos għal 3,8 % tal-PDG fl-2021. Wara li naqas għal 8,4 % tal-PDG fl-2019, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 21,9 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-prospettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata mill-inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    (13)

    Bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-Unjoni, l-Estonja adottat miżuri baġitarji f’waqthom sabiex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi solliev lil dawk l-individwi u setturi li jkunu ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawk il-miżuri baġitarji ammontaw għal 4,3 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu t-tisħiħ tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-għajnuna ta’ emerġenza għall-kumpaniji f’diffikultà, sussidji temporanji għall-pagi u investimenti pubbliċi akbar. Barra minn hekk, l-Estonja ħabbret miżuri li, filwaqt li ma jkollhomx impatt baġitarju dirett, ser jikkontribwixxu fl-għoti ta’ sostenn għal-likwidità tan-negozji. Dawn il-miżuri jinkludu garanziji ta’ self u self lin-negozji li jammontaw għal 8,7 % tal-PDG. B’mod ġenerali, il-miżuri li ħadet l-Estonja huma konformi mal-linji-gwida stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2020. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ miżuri ta’ emerġenza u ta’ miżuri fiskali ta’ appoġġ, segwita minn iffukar ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien, meta jkunu jippermettu l-kondizzjonijiet ekonomiċi, ser ikunu ta’ kontribut għall-preservazzjoni tas-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien.

    (14)

    Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020, jekk ma jkun hemm ebda tibdil ta’ politika, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Estonja huwa mbassar li jkun ta’ -8,3 % tal-PDG fl-2020 u -3,4 % tal-PDG fl-2021. Il-projezzjoni tal-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika hija li jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021, u jilħaq it-22,6 % tal-PDG fl-2021. It-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2020 jipprojetta defiċit tal-Gvern għall-2020 aktar baxx mill-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, li jirrifletti d-differenzi fil-projezzjonijiet makroekonomiċi.

    (15)

    Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba li l-Estonja qiegħda tippjana li taqbeż il-limitu fuq id-defiċi ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi mill-Kummissjoni tindika li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ma twettaqx.

    (16)

    Bejn it-12 ta’ Marzu 2020 u s-17 ta’ Mejju 2020, il-Gvern tal-Estonja ddikjara sitwazzjoni ta’ emerġenza minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Ir-rispons immedjat tal-Gvern kellu t-tir li l-virus ma jibqax jinfirex u li jiġi żgurat li l-ekonomija tal-Estonja tkun tista’ taħdem normali kemm jista’ jkun. Ir-restrizzjonijiet biex titwaqqaf l-imxija tal-pandemija kellhom impatt serju fuq l-ekonomija. Minn mindu ġiet iddikjarata s-sitwazzjoni ta’ emerġenza, l-għadd ta’ persuni qiegħda rreġistrati żdied b’35 %. L-akbar għadd ta’ persuni qiegħda ġodda ġie rreġistrat fis-servizz tan-negozju bl-imnut u tal-konsumatur, il-kostruzzjoni, il-catering, l-akkomodazzjoni, u l-ġestjoni tal-avvenimenti. Ir-rata tal-qgħad hija mistennija li tiżdied għal 9,2 % fl-2020 u tirkupra għal 6,5 % fl-2021. Fil-15 ta’ April 2020, il-Parlament tal-Estonja approva l-baġit supplimentari tal-2020. Ġew introdotti miżuri ġodda bit-tir li jiġu ppreservati l-impjiegi, jiġu evitati s-sensji f’daqqa u tiġi żgurata l-likwidità tan-negozji. Il-baġit fih sensiela mifruxa ta’ miżuri fosthom l-appoġġ għas-settur tal-kura tas-saħħa, għall-muniċipalitajiet, xi programmi ta’ investiment, u sostenn mhux immirat ta’ likwidità għall-kumpaniji (bħall-iskemi ta’ garanzija u d-differimenti ta’ taxxa). Xi miżuri speċifiċi huma mfassla għall-mikrokumpaniji u s-settur tat-turiżmu, inkluż xi miżuri mmirati għall-aktar reġjuni li ntlaqtu bl-aħrax. Ġew introdotti miżuri addizzjonali li jirrigwardaw it-taxxi, bħad-dazji tas-sisa fuq id-diesel, il-gass naturali u l-elettriku li tbaxxew temporanjament. Il-pakkett ta’ miżuri jipprevedi sospensjoni temporanja tal-kontribuzzjonijiet tal-Istat fl-iskema tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru.

    (17)

    L-Estonja ħadet miżuri notevoli biex trażżan l-imxija u l-impatt fuq is-saħħa tal-COVID-19. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 żvelat xi dgħufijiet strutturali fis-sistema tas-saħħa relatati mar-riżorsi umani u finanzjarji limitati disponibbli. Ir-reżiljenza tas-sistema ġiet kompromessa minn nuqqas ta’ ħaddiema tas-settur tas-saħħa u minn aċċess żbilanċjat għall-kura tas-saħħa primarja u d-disponibbiltà ta’ prodotti mediċi kritiċi. L-Estonja qed tiffaċċa wkoll diffikultà biex tlaħħaq mal-ammont ta’ trattamenti posposti u inaċċessibbli li għandha b’lura kaġun tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza. Barra minn hekk, anki qabel il-pandemija tal-COVID-19, il-ħtiġijiet mhux moqdija għall-kura tas-saħħa fl-Estonja rrapportati minnha kienu fost l-ogħla fl-Unjoni minħabba ħinijiet ta’ stennija twal kemm għall-kura tas-saħħa primarja kif ukoll dik speċjalizzata. Dawn il-fatturi u riskji relatati mal-istil ta’ ħajja jgħinu biex wieħed jifhem l-istat ta’ saħħa batut tal-popolazzjoni. It-titjib tal-aċċessibbiltà u tar-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa huma prekundizzjonijiet biex jiġi aċċertat rispons effiċjenti għal imxijiet pandemiċi u biex jiġu indirizzati diffikultajiet marbuta mal-istat ta’ saħħa tal-popolazzjoni.

    (18)

    It-titjib tal-adegwatezza tax-xibka ta’ sikurezza soċjali minn dejjem kien jirrappreżenta sfida fl-Estonja. Anki qabel l-aktar kriżi reċenti, il-benefiċċji soċjali fl-Estonja kienu vvalutati bħala anqas effettivi mill-medja tal-UE biex inaqqsu l-inċidenza tal-faqar. Barra minn hekk, hemm lakuni fil-kopertura tas-sistema ta’ benefiċċji tal-qgħad għal dawk li jagħmlu xogħol mhux standard u dawk li jaħdmu għal perjodi qosra. L-effett negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-impjiegi u l-introjti, flimkien man-nuqqas ta’ kopertura adegwata, jista’ jżid il-faqar, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi bla impjieg. L-Estonja introduċiet skema temporanja ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar bħala sussidju speċjali għall-kumpaniji milquta biex iżommu l-impjiegi. Din il-miżura hija limitata għal perjodu ta’ xahrejn, li jaf ma jkunx biżżejjed biex itaffi l-impatt tal-kriżi billi d-diffikultajiet jaf idumu aktar u jittardjaw biex jaslu f’xi setturi ekonomiċi. Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tiggrava d-diffikultajiet fl-għoti ta’ servizzi soċjali li jkunu disponibbli u li jinfelħu mill-pajjiż, inklużi s-servizzi ta’ kura fit-tul, speċjalment għall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u min għandu introjtu baxx. Jekk jinżamm il-pjan biex jiġi żviluppat forniment integrat tas-servizzi soċjali u tas-saħħa, dan jgħin biex dawn l-isfidi jiġu trattati. Huwa importanti li jkun żgurat l-involviment sinifikattiv u f’waqtu tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-proċess ta’ ħruġ u ta’ rkupru filwaqt li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jagħmlu dan.

    (19)

    Il-kriżi tal-COVID-19 laqtet lill-kumpaniji tal-Estonja f’diversi setturi, iżda l-aktar li ntlaqtu kienu l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-impatt negattiv tal-attivitajiet ekonomiċi kien xprunat mhux biss mir-restrizzjonijiet, iżda wkoll mid-domanda li naqset fis-swieq tal-esportazzjoni u mill-intoppi għall-katini ta’ valur mondjali. Il-miżuri ta’ sostenn għal-likwidità meħuda mill-Gvern huma mfassla biex jgħinu jtaffu l-impatt, iżda l-implimentazzjoni f’qasir żmien u effettiva tagħhom ser tkun fundamentali biex issostni lill-intrapriżi vijabbli fis-setturi kollha milquta filwaqt li tirfed ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Id-differimenti tat-taxxi kif ukoll il-moratorji fuq il-kreditu jistgħu wkoll jgħinu biex jittejjeb il-fluss tal-flus tal-SMEs. Barra minn hekk, il-proċess ta’ rkupru ser jiddependi fuq kemm l-investimenti ser ikunu mmirati sew. Il-kriżi attwali ħarġet fil-beraħ l-importanza ta’ soluzzjonijiet diġitali u innovattivi sabiex ir-rota tal-ekonomija tibqa’ ddur. Filwaqt li s-sistema tal-gvern elettroniku ħadmet sew, aktar diġitalizzazzjoni tal-SMEs iżżid ir-reżiljenza tagħhom u tgħin biex l-irkupru jitħaffef, u fi żmien medju dan iwassal għal gwadanji fil-produttività. F’dawn l-aħħar snin, l-ekonomija fl-intier tagħha saret dejjem aktar diġitalizzata. Madankollu, l-assorbiment tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fil-manifattura sa issa sar b’pass kajman. Filwaqt li l-prestazzjoni kumplessiva tal-Estonja fl-innovazzjoni tjiebet fl-2019, il-livelli ta’ kapaċità u attività ta’ innovazzjoni bbażati fuq ir-riċerka fis-settur tan-negozju baqgħu baxxi. L-innovazzjoni bbażata fuq ir-riċerka u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-kumpaniji jistgħu jtejbu l-pożizzjoni kompetittiva tal-pajjiż u jagħtu spinta lill-ekonomija. Sabiex il-kumpaniji jiġu megħjuna biex jirkupraw mill-kriżi, ser ikun importanti li jiġi żgurat aċċess tajjeb għall-finanzjament, inkluż għall-finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma għall-istart-ups.

    (20)

    Biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku, ser ikun importanti li l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku jiġu ffinanzjati b’mod aktar sostanzjali fil-bidu tagħhom, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz tar-riformi rilevanti. Kif jidher partikolarment fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħha, it-tkabbir sostenibbli tal-Estonja jiddependi fuq il-progress fid-direzzjoni tad-dekarbonizzazzjoni permezz tat-tnaqqis tal-intensità tal-karbonju fis-setturi tal-enerġija, it-trasport u l-bini, ir-ristrutturar tal-industrija tax-shale bituminuż u t-titjib tal-produttività tar-riżorsi, inkluż l-implimentazzjoni tal-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija ċirkolari. Il-produttività tar-riżorsi tal-Estonja hija waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni, filwaqt li l-livelli tal-konsum tal-enerġija huma ’l fuq mill-medja tal-UE. Li l-Estonja jkollha strateġija kumplessiva għal ekonomija ċirkolari bħala komplement għall-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jista’ jgħin it-transizzjoni għad-dekarbonizzazzjoni, inaqqas l-impatt ambjentali negattivi tal-industrija tax-shale bituminuż u jagħti spinta lill-ekonomija. Bħala pajjiż periferali b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, sistema tat-trasport interkonnessa u li taħdem tajjeb hija kruċjali għall-attivitajiet ekonomiċi u l-esportazzjonijiet tal-Estonja. L-infrastruttura tat-trasport tal-Estonja qed tiffaċċa xi nuqqasijiet f’termini ta’ konnettività u sostenibbiltà. It-trasport bil-ferrovija u intermodali għadu mhux żviluppat biżżejjed. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu f’dawn l-aħħar snin, u l-enerġija rinnovabbli fit-trasport għadha ma laħqitx il-miri nazzjonali. Il-proġett Rail Baltica u l-proġetti tal-interkonnessjoni tal-enerġija huma fost il-prijoritajiet ewlenin ta’ investiment tal-Estonja bit-tir li jitjiebu s-sikurezza u l-integrazzjoni tagħha fis-suq intern. Sabiex ikun hemm irkupru ekonomiku sostenibbli u jitnaqqsu l-inugwaljanzi reġjonali huwa essenzjali li jiġu promossi proġetti ta’ investiment li jqisu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali u klimatiċi. L-ipprogrammar tal-Fond għal Transizzjoni Ġusta, li huwa s-suġġett ta’ proposta tal-Kummissjoni, għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Estonja tindirizza xi wħud mill-isfidi li toffri t-transizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, kif deskritt fl-Anness D tar-rapport tal-pajjiż għall-2020. Dan jippermetti lill-Estonja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-Fond.

    (21)

    Is-settur bankarju tal-Estonja huwa kumplessivament sod iżda għad hemm riskji ta’ ħasil tal-flus. Filwaqt li ttieħdu miżuri biex jiġi limitat l-esponiment għar-riskju billi tnaqqsu d-depożiti mhux tar-residenti, il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali ma tkoprix prodotti oħra li jaf ikunu ta’ riskju, bħas-servizzi ta’ kustodja għall-klijenti mhux residenti. Aġġornament tal-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali jiżgura l-identifikazzjoni adegwata tar-riskji u jagħti lok għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa. Filwaqt li ttieħdu azzjonijiet ta’ superviżjoni kontra l-banek u l-istituzzjonijiet ta’ pagament mhux konformi, hemm lok biex tittejjeb aktar l-effettività tas-superviżjoni u tal-infurzar. B’mod partikolari, għadu ma ġiex adottat sett ta’ atti leġislattivi biex jissaħħu l-qafas leġislattiv u l-konfiska u biex jiżdiedu s-sanzjonijiet amministrattivi. L-investigazzjonijiet dwar il-każijiet ta’ ħasil tal-flus mexjin bil-mod. Il-kapaċità tal-Awtorità Superviżorja Finanzjarja Estonjana ma ssaħħitx biżżejjed u l-approċċ abbażi tar-riskju fil-konfront tas-superviżjoni għadu ma ġiex implimentat għalkollox, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispezzjonijiet tematiċi fuq il-post. L-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u l-infurzar tal-liġi mhuwiex proattiv biżżejjed.

    (22)

    Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi magħmulin f’din ir-Rakkomandazzjoni (“ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2020”) jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fuq perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 jibqgħu pertinenti u ser ikomplu jiġu monitorjati matul is-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan jinkludi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 fir-rigward tal-politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 kollha għandhom jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi kurrenti.

    (23)

    Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. Fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom, l-Istati Membri vvalutaw il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Billi tkun qed tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2020, l-Estonja ser tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

    (24)

    Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali fil-kisba ta’ rkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. Jenħtieġ li, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, l-Estonja tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-2020 għaż-żona tal-euro u jibqgħu kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra li l-munita tagħhom hija l-euro, filwaqt li jittieħed kont tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro.

    (25)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Estonja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Estonja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni ħadet kont mhux biss tar-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Estonja, iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata input, fuq livell tal-Unjoni, f’deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (26)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu (9) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Estonja tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

    1.

    Tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija tal-COVID-19, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kondizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju ta’ żmien u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, inkluż billi tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema tas-saħħa, it-tisħiħ tal-kura tas-saħħa primarja u tiżgura l-provvista ta’ prodotti mediċi kritiċi.

    2.

    Issaħħaħ l-adegwatezza tas-salvagwardja tal-protezzjoni soċjali, inkluż billi twessa’ l-kopertura tal-benefiċċji għall-qgħad.

    3.

    Tiffinanzja b’mod sostanzjali fil-bidu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġi stimulat l-irkupru ekonomiku. Tikkonċentra l-investiment fuq il-bidla diġitali u t-transizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari fuq id-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-użu u l-produzzjoni b’mod nadif u effiċjenti tal-enerġija, l-effiċjenza fir-riżorsi, u t-trasport sostenibbli, li jikkontribwixxu għal dekarbonizzazzjoni progressiva tal-ekonomija. Tappoġġa l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u tiżgura biżżejjed aċċess għal finanzjament.

    4.

    Iżżid l-isforzi biex tiżgura superviżjoni effettiva u infurzar tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KLOECKNER


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  ĠU C 301, 5.9.2019, p. 30.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (5)  Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5).

    (6)  Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

    (7)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 24.

    (8)  In-nefqa primarja netta tal-Gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-Gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata f’livell nazzjonali hija mifruxa tul perjodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

    (9)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top