Scegli le funzioni sperimentali da provare

Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.

Documento 62017CA0370

    Kawżi Magħquda C-370/17 u C-37/18: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ April 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal de grande instance de Bobigny, Cour de cassation – Franza) – Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC) vs Vueling Airlines SA (C-370/17), Vueling Airlines SA vs Jean-Luc Poignant (C-37/18) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ħaddiema migranti – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 – Ħaddiema kkollokati – Il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 – Persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew ta’ iktar u hija impjegata minn fergħa jew rappreżentanza permanenti li l-impriża għandha fit-territorju ta’ Stat Membru barra minn dak li fih għandha s-sede tagħha – Regolament (KEE) Nru 574/72 – Artikolu 11(1)(a) – Artikolu 12a(1a) – Ċertifikat E 101 – Effett vinkolanti – Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tikkonstata l-frodi u tinjora ċ-ċertifikat – Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 – Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti – Awtorità ta’ res judicata minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni)

    ĠU C 222, 6.7.2020, pagg. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 222/2


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ April 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal de grande instance de Bobigny, Cour de cassation – Franza) – Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC) vs Vueling Airlines SA (C-370/17), Vueling Airlines SA vs Jean-Luc Poignant (C-37/18)

    (Kawżi Magħquda C-370/17 u C-37/18) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ħaddiema migranti - Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Leġiżlazzjoni applikabbli - Il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 - Ħaddiema kkollokati - Il-punt 2(a)(i) tal-Artikolu 14 - Persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew ta’ iktar u hija impjegata minn fergħa jew rappreżentanza permanenti li l-impriża għandha fit-territorju ta’ Stat Membru barra minn dak li fih għandha s-sede tagħha - Regolament (KEE) Nru 574/72 - Artikolu 11(1)(a) - Artikolu 12a(1a) - Ċertifikat E 101 - Effett vinkolanti - Ċertifikat miksub jew invokat b’mod frawdolenti - Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ospitanti sabiex tikkonstata l-frodi u tinjora ċ-ċertifikat - Artikolu 84a(3) tar-Regolament Nru 1408/71 - Kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti - Awtorità ta’ res judicata minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili - Supremazija tad-dritt tal-Unjoni)

    (2020/C 222/02)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Qorti tar-rinviju

    Tribunal de grande instance de Bobigny, Cour de cassation

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Caisse de retraite du personnel navigant professionnel de l’aéronautique civile (CRPNPAC) C-370/17), Vueling Airlines SA (C-37/18)

    Konvenuti: Vueling Airlines SA (C-370/17, Jean-Luc Poignant (C-37/18)

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72 tal-21 ta’ Marzu 1972 li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru, aditi fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mnedija kontra persuna li timpjega għal fatti ta’ natura li jiżvelaw kisba jew użu frawdolenti ta’ ċertifikati E 101 maħruġa skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu minn post għal ieħor ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 631/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, fil-konfront ta’ ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’dan l-Istat Membru, jistgħu jikkonstataw l-eżistenza ta’ frodi u konsegwentement jinjoraw dawn iċ-ċertifkati biss wara li jkunu żguraw:

    minn naħa, li l-proċedura prevista fl-Artikolu 84a(3) ta’ dan ir-regolament ġiet imnedija fil-pront u li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti għaldaqstant kienet f’pożizzjoni li teżamina mill-ġdid il-fondatezza tal-ħruġ tal-imsemmija ċertifikati fid-dawl tal-punti konkreti sottomessi mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jagħtuhom x’jaħsbu li l-istess ċertifikati inkisbu jew ġew invokati b’mod frawdolenti, u

    min-naħa l-oħra, li l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru emittenti naqset milli tipproċedi għal tali eżami mill-ġdid u li tieħu pożizzjoni, f’terminu raġonevoli, fuq dawn il-punti, skont il-każ, billi tannulla jew billi tirtira ċ-ċertifikati inkwistjoni.

    2)

    L-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005, u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu, fil-każ li persuna li timpjega kienet is-suġġett, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ kundanna kriminali bbażata fuq konstatazzjoni definittiva ta’ frodi magħmula bi ksur ta’ dan id-dritt, li qorti ċivili ta’ dan l-Istat Membru, marbuta bil-prinċipju ta’ dritt nazzjonali tal-awtorità ta’ res judicata, minn qorti kriminali fuq il-qorti ċivili, tikkundanna lil din il-persuna li timpjega, minħabba l-fatt biss ta’ din il-kundanna kriminali, tħallas danni intiżi li jikkumpensaw lill-ħaddiema jew lil organizzazzjoni tal-irtirar ta’ dan l-istess Stat Membru vittmi ta’ din il-frodi.


    (1)  ĠU C 283, 28.8.2017

    ĠU C 112, 26.3.2018.


    In alto