Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0291

Kawża T-291/20: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2020 – Yanukovych vs Il-Kunsill

ĠU C 222, 6.7.2020, p. 41–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 222/41


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2020 – Yanukovych vs Il-Kunsill

(Kawża T-291/20)

(2020/C 222/45)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Viktor Fedorovych Yanukovych (Rostov on Don, ir-Russja) (rappreżentant: M. Anderson, Solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/373 (1), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (EU) 2020/370 (2), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrent ma kienx jissodisfa l-kriterji indikati biex persuna tiġi elenkata fiż-żmien rilevanti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta inkluda lir-rikorrent fil-miżuri kkontestati. Il-Kunsill naqas milli jiżgura li kien hemm bażi fattwali soda biżżejjed għall-inklużjoni tar-rikorrent u naqas milli jivverifika li d-deċiżjonijet tal-awtoritajiet tal-Ukrajna li huwa bbaża ruħu fuqhom ittieħdu b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill naqas milli jidentifika r-raġunijiet konkreti u speċifiċi għall-inklużjoni tar-rikorrent. Il-Kunsill naqas ukoll milli jidentifika r-raġunijiet għalfejn huwa jikkunsidra li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Ukrajna li huwa jibbaża ruħu fuqhom ġew adottati b’rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrent inkisru u/jew li huwa ġie nnegat protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-Kunsill naqas milli jikkonsulta lir-rikorrent qabel l-inklużjoni mill-ġdid, naqas milli jipprovdi lir-rikorrent il-materjal kollu li huwa bbaża ruħu fuqu, u naqas milli jagħti lir-rikorrent opportunità xierqa u ġusta sabiex jikkoreġi żbalji u jipproduċi informazzjoni. F’ebda stadju r-rikorrent ma ġie pprovdut b’evidenza serja, kredibbli jew konkreta u raġunijiet biex tiġi ġġustifikata l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi u ma teżisti l-ebda indikazzjoni li l-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrent qabel t-teħid tad-deċiżjoni tiegħu.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill ma kellux bażi legali xierqa għat-Tmien Strumenti li jemendaw.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill għamel użu ħażin mill-poteri tiegħu.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-drittijiet tar-rikorrent għall-proprjetà taħt l-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkisru sa fejn, fost oħrajn, il-miżuri ristrettivi huma restrizzjoni mhux iġġustifikata u sproporzjonata fuq dawk id-drittijiet, għaliex inter alia: (i) ma hemm xejn li jindika li xi fondi allegatament approprjati indebitament mir-rikorrent jitqiesu li ġew ittrasferiti barra mill-Ukrajna; u (ii) ma huwa la neċessarju u lanqas xieraq li l-assi kollha tar-rikorrent jiġu ffriżati billi l-awtoritajiet tal-Ukrajna issa kkwantifikaw il-valur tat-telf li allegatament mitlub f’kawżi kriminali sottostanti kontra r-rikorrent.


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/373 tal-5 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESKdwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2020, L 71, p. 10).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/370 tal-5 ta’ Marzu 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2020, L 71, p. 1).


Top