Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0218

Kawża T-218/20: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2020 – Alkattan vs Il-Kunsill

ĠU C 201, 15.6.2020, p. 49–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 201/49


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2020 – Alkattan vs Il-Kunsill

(Kawża T-218/20)

(2020/C 201/63)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Waseem Alkattan (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: G. Karouni, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent:

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/212 tas-17 ta’ Frar 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/211 tas-17 ta’ Frar 2020 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas is-somma ta’ EUR 500 000,00 (ħames mitt elf) bħala danni b’kumpens għad-danni kollha sostnuti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u ta’ smigħ xieraq, ibbażati fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-rikorrent iqis li huwa kellu jinstema’ qabel ma l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-miżuri restrittivi kontra tiegħu u li konsegwentement id-drittijiet tad-difiża tiegħu ma ġewx irrispettati.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE). Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li għamel biss kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali mingħajr ma semma, b’mod speċifiku u konkret, ir-raġunijiet li għalihom huwa qies, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li r-rikorrent kellu jiġi ssuġġettat għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Ebda element konkret u oġġettiv li bih jista’ jiġi kkritikat ir-rikorrent u li jista’ jiġġustifika l-miżuri inkwistjoni ma ġie invokat u l-motivazzjoni tal-Kunsill ma tipprovdi ebda indikazzjoni suffiċjenti għar-rikorrent u hija tal-inqas vaga, ġenerali u impreċiża.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill li kkonstata fil-motivazzjoni tiegħu, insostenn tal-miżura restrittiva, elementi li huma manifestament nieqsa minn bażi fattwali, billi l-fatti invokati huma fil-fehma tiegħu nieqsa minn kull bażi serja.

4.

Ir-raba’ motiv, relatat mat-talba għad-danni bħala kumpens għad-danni sostnuti u bbażat fuq l-imputazzjoni kontra r-rikorrent ta’ ċerti fatti gravi, li jesponu lilu personalment u kif ukoll lill-familja tiegħu għal perikli u juru l-kobor tad-dannu sostnut, tiġġustifika t-talba tiegħu għad-danni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu huma ppreġudikati b’mod gravi u għal żmien twil.


Top