EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0166

Kawża T-166/20: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2020 – JD vs BEI

ĠU C 201, 15.6.2020, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 201/34


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2020 – JD vs BEI

(Kawża T-166/20)

(2020/C 201/46)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: JD (rappreżentant: H. Hansen, avukat)

Konvenut: BEI

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannula d-deċiżjoni (i) li tirrikjedi li r-rikorrent jiffirma addendum għall-kuntratt tax-xogħol tiegħu b’tali mod li jirrinunzja għal ċerti drittijiet tas-sigurtà soċjali u (ii) li r-rikorrent ma jitħalliex jidħol fis-servizz tal-BEI sakemm ma jiffirmax l-imsemmi addendum;

tordna lill-konvenut jirtira l-ittra li tipproponi l-imsemmi addendum u t-talba assoċjata li r-rikorrent jiffirma l-addendum inkwistjoni bħala kundizzjon minn qabel għad-dħul fis-servizz;

tordna li l-konvenut jħalli lir-rikorrent jidħol fis-servizz tal-BEI b’remunerazzjoni u benefiċċji retroattivi b’effett mid-data ta’ dħul fis-servizz stabbilita fil-kuntratt;

tordna li l-ispejjeż kollha jiġu sostnuti mill-konvenut; u

tirriżerva d-drittijiet kollha tar-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data

Ir-rikorrent jargument li l-konvenut kiser l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1725 (1). Il-konvenut uża r-risposti għal kwestjonarju mediku sabiex jirrestinġil-kopertura fil-każ ta’ mewt jew invalidità, minkejja li l-avviż ta’ protezzjoni tad-data fil-kwestjonarju ma kienx jiddikjata li dan jista jintuża għal dan il-għan.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni li ma hemmx bażi legali għall-esklużjoni mill-kopertura mfittxija mill-BEI.

Ir-rikorrent jargumenta li l-konvenut kiser l-Artikolu 33d tar-Regolamenti tal-Persunal II u l-Artikolu 9.1.2 tar-Regoli tal-Persunal. Il-bażi legali invokata mill-BEI (l-Artikolu 6-1 tar-Regolamenti dwar l-Iskema tal-Pensjoni) ma tistax raġonevolment titqies bħala li hija proposta mill-BEI. Tali argumentazzjoni tonqos milli tiħu inkunsiderazzjoni id-definizzjoni u l-għan iddikjarat tal-evalwazzjoni medika ta’ qabel l-impjieg kif iddefinita fl-Artikolu 2.1.1.A tal-Anness X tar-Regoli tal-Persunal.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni li ma hemmx bażi legali għar-rekwiżit li jiġi ffirmat l-addendum.

Ir-rikorrent jargumenta li l-konvenut kiser l-Artikolu 13 tar-Regolamenti tal-Persunal II. Ma hemm ebda regola fill-korp tar-regolamenti tal-BEI li tirrikjedi li persuna li kkonkludiet kuntratt ta’ xogħol mal-BEI u li ħiet iddikjarata tajba għax-xogħol mit-tabib tax-xogħol tal-BEI tiffirma addendum għall-kuntratt tax-xogħol tagħha b’tali mod li tirrinunzja għal ċerti drittijiet tas-sigurtà soċjali (f’dan il-każ kopertura għal mewt u invalidità).

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni u b’mod partikolari ksur tal-Artikoli 21(1) u 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrent jargumenta li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-konvenut qed jipprova jċaħħdu minn ċerti drittijiet essenzjali tas-sigurtà soċjali (f’dan il-każ kopertura għal mewt u invalidità) fuq il-bażi ta’ perċezzjoni ta’ ċerti fatturi ġenetiċi u/jew allegata diżabbiltà. Il-BEI, billi jeżiġi li r-rikorrent jirrinunzja għall-imsemmija drittijiet tas-sigurtà soċjali taħt it-theddida ta’ terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, aġixxa bi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent. L-aġir tal-konvenut huwa diskriminatorju sa fejn dan jipprova jirrestrinġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali fundamentali tar-rikorrent abbażi ta’ raġunijiet arbitrarji (l-eżistenza “baxxa ħafna jew estremament baxxa” ta’ riskju ta’ invalidità fil-ġejjieni) u għal perijodu ta’ żmien arbitrarju (5 snin).


(1)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39)


Top