Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0146

    Kawża T-146/20: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2020 – Csordas et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 201, 15.6.2020, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 201/26


    Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2020 – Csordas et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-146/20)

    (2020/C 201/38)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Annamaria Csordas (il-Lussemburgu, il-Lussemburgu), Adrian Sorin Cristescu (il-Lussemburgu), Jean Putz (Esch-sur-Alzette, il-Lussemburgu), Miguel Vicente-Nunez (il-Lussemburgu) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    qabel ma tiddeċiedi,

    tistieden, abbażi ta’ miżura istruttorja jew miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, lill-Kummissjoni tindika, wara li tiġbor l-informazzjoni mingħand l-OSPs li ppreżentaw il-lista 3, in-numru ta’ kandidati ta’ din il-lista ppreżentat minn kull waħda minnhom, billi tagħmel distinzjoni bejn il-membri u s-sostituti, kif ukoll il-gwida ta’ tqassim bejn membru u sostitut tar-rappreżentattività ta’ koppja ta’ kandidati;

    meta tiddeċiedi dwar ir-rikors:

    tikkonstata l-illegalità tal-ommissjoni tal-Kummissjoni li tipprevjeni jew tiċċensura:

    r-rifjut tat-28 ta’ Ottubru 2019 tal-President tal-post tal-votazzjoni li tipprubblika komunikazzjoni li tinforma lill-persunal bil-ftehim konkluż fl-14 ta’ Ottubru 2019 bejn FFPE, R&D, Solidarité européenne, TAO-AFI, USF-L u U4U għat-tqassim tar-rappreżentattività tal-lista komuni tagħhom “Ensemble au Luxembourg”;

    il-pubblikazzjoni mill-post tal-votazzjoni, f’data mhux speċifikata matul il-votazzjoni, ta’ dan il-ftehim, li ma kinitx tindika li ċerti OSPs kienu ngħaqdu jew ifformaw gruppi u n-numru ta’ kandidati ppreżentati minn kull waħda minnhom;

    l-assenza ta’ indikazzjoni tal-OSP irrappreżentata minn kull wieħed mill-kandidati tal-lista Nru 3“Ensemble au Luxembourg” filwaqt li l-OSPs li ppreżentawha kienu jappartjenu għal familji sindikali differenti u li uħud minnhom kienu stabbiliti fi Brussell u ma kinux sostnew tali lista;

    ir-riżultati tal-elezzjonijiet ippubblikati permezz ta’ nota tas-26 ta’ Novembru 2019 mill-post tal-votazzjoni;

    il-kostituzzjoni tat-taqsima lokali tal-Lussemburgu tal-Kumitat tal-Persunal li rriżultat mill-elezzjonijiet ta’ Novembru 2019;

    id-deċiżjonijiet ta’ ħatra mit-taqsima lokali tal-Lussemburgu tal-Kumitat tal-Persunal tar-rappreżentanti tagħha fi ħdan il-Kumitat Ċentrali;

    tannulla l-adattament tar-rappreżentattività tal-OSPs li ppreżentaw ruħhom għall-elezzjonijiet ta’ Novembru 2019 taċ-CLPL deċiż mill-Kummissjoni wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-riżultati abbażi tal-ftehim għat-tqassim tar-rappreżentattività tal-14 ta’ Ottubru 2019;

    tannulla kull deċiżjoni ta’ allokazzjoni għall-OSPs firmatarji tal-ftehim tal-14 ta’ Ottubru 2019 ta’ riżorsi supplimentari fir-rigward ta’ dawk il huma kellhom abbażi tar-rappreżentattività li ngħatatilhom wara l-elezzjonijiet tal-2016 taċ-CLPL;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ elezzjonijiet liberi u demokratiċi, inkwantu, peress li l-post tal-votazzjoni ma kienx ippubblika qabel il-bidu tal-votazzjoni l-ftehim għat-tqassim tar-rapreżentattività, il-logos li kienu jinsabu fuq il-manifest elettorali tal-lista Nru 3 “Ensemble Luxembourg” kienu tali li l-votanti ħasbu li din il-lista kienet ippreżentata minn ħames organizzazzjonijiet sindikali professjonali (OSPs) hekk imsejħa, irrappreżentati b’partijiet ugwali minn 20 koppja ta’ kandidati, filwaqt li kien irriżulta mill-ftehim li hija kienet ippreżentata minn sitt OSPs, tnejn fosthom mhux hekk imsejħa, u rrappreżentati b’mod mhux ugwali.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ elezzjonijiet liberi u demokratiċi, inkwantu l-pubblikazzjoni, matul il-votazzjoni, mill-post tal-votazzjoni tal-ftehim għat-tqassim tar-rapreżentattività, kienet tali li uħud mill-votanti ħasbu li l-lista Nru 3 kienet ippreżentata minn sitt OSPs irrappreżentati minn 20 koppja ta’ kandidati ta’ din il-lista fil-proporzjonijiet indikati mill-ftehim, filwaqt li hija kienet ippreżentata minn tliet OSPs u grupp ta’ tlieta oħra, fejn waħda minn dawn tal-aħħar setgħet tirrappreżenta lit-tnejn l-oħra, għaldaqstant mhux irrappreżentati minn kandidati tal-lista, tal-inqas mhux fil-proporzjon indikat.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-libertà ta’ għażla bejn il-kandidati tal-lista Nru 3 u fuq ir-riskju ta’ konfużjoni rigward l-OSP hekk sostnuta, inkwantu la l-lista Nru 3 “Ensemble Luxembourg” u lanqas il-manifest elettorali korrispondenti ma kienu jsemmu l-OSP irrappreżentata minn kull wieħed mill-kandidati ppreżentati fuq din il-lista filwaqt li kienet lista ppreżentata minn sitt OSPs differenti, jew minn tliet OSPs u grupp jew assoċjazzjoni ta’ tlieta oħra, li kienu jappartjenu għal familji sindikali differenti, kienu stabbiliti fil-Lussemburgu iżda wkoll fi Brussell u ma kinux kollha wrew is-sostenn tagħhom għal-lista komuni.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ elezzjonijiet liberi u demokratiċi, inkwantu l-pubblikazzjoni, matul il-votazzjoni, mill-post tal-votazzjoni tal-ftehim għat-tqassim tar-rapreżentattività, kienet tali li l-votanti ħasbu li l-OSPs li kienu ppreżentaw il-lista Nru 3 kienu rrappreżentati minn numru ta’ kandidati li jikkorrispondi għall-parti indikata għal kull wieħed minnhom, filwaqt li dan ma kienx il-każ, jew tal-inqas R&D kien ibbenefika minn parti tar-rappreżentattività ta’ Solidarité européenne, filwaqt li kienu l-USF-L kif ukoll FFPE u U4U li kienu ċedew lil R&D parti mir-rappreżentattività tagħhom.


    Top