EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AG0008(02)

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-iffaċilitar tal-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088

ĠU C 184, 3.6.2020, p. 34–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/34


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-iffaċilitar tal-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088

(2020/C 184/02)

I.   INTRODUZZJONI

Fit-8 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli”, li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzi sostenibbli. Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni huwa li jorjenta mill-ġdid il-flussi kapitali lejn l-investiment sostenibbli biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv.

F’dan il-kuntest, fl-24 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill pakkett ta’ proposti leġiżlattivi:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-iffaċilitar tal-investiment sostenibbli, imsejjaħ ukoll “ir-Regolament tat-Tassonomija”;

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar divulgazzjonijiet relatati ma’ investimenti sostenibbli u riskji għas-sostenibbiltà u li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/2341, imsejjaħ ukoll “ir-Regolament dwar Divulgazzjonijiet”; u

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar il-parametri referenzjarji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u parametri referenzjarji ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju, imsejjaħ ukoll “ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji”.

Ir-Regolamenti dwar Divulgazzjonijiet u l-Parametri Referenzjarji ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea bħala r-Regolamenti (UE) 2019/2088 (1) u (UE) 2019/2089 (2), rispettivament.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar it-Tassonomija fl-ewwel qari fis-sessjoni plenarja tiegħu fit-28 ta’ Marzu 2019.

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Servizzi Finanzjarji eżamina r-Regolament dwar it-Tassonomija propost f’għadd ta’ laqgħat taħt diversi Presidenzi.

Fil-25 ta’ Settembru 2019, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 2) qabel dwar il-mandat ta’ negozjar inizjali. Dan il-mandat ġie rivedut fis-16 ta’ Diċembru 2019.

Fis-16 ta’ Diċembru 2019, intlaħaq kompromess finali mal-Parlament Ewropew, li ppermetta l-konklużjoni tan-negozjati.

Fit-23 ta’ Jannar 2020, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) u l-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) tal-Parlament Ewropew approvaw l-eżitu tan-negozjati tat-trilogu. Fl-24 ta’ Jannar 2020, il-Presidenti ta’ dawk il-Kumitati indirizzaw ittra lill-Presidenza fejn indikaw li huma jirrakkomandaw lill-Plenarja sabiex il-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata, soġġetta għal verifika mill-ġuristi-lingwisti, fit-tieni qari tal-Parlament.

Fit-18 ta’ Frar 2020, il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar it-test rivedut.

B’kont meħud tal-qbil imsemmi hawn fuq u wara reviżjoni mill-ġuristi lingwisti, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-15 ta’ April 2020, f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

II.   OBJETTIV

Wieħed mill-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli” huwa l-orjentament mill-ġdid tal-flussi tal-kapital lejn l-investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklussiv. L-adozzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija li ser jistabbilixxi sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata għall-attivitajiet sostenibbli hija l-aktar azzjoni importanti u urġenti għal dan il-għan. Gwida ċara dwar l-attivitajiet li jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali ser tgħin biex l-investituri jiġu infurmati dwar l-investimenti li jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Il-kriterji biex jiġi determinat jekk attività ekonomika tikkwalifikax bħala ambjentalment sostenibbli jenħtieġ li jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni sabiex jitneħħew l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-ġenerazzjoni ta’ fondi għal proġetti ta’ sostenibbiltà, u biex jiġi evitat li ‘l quddiem jerġgħu jitfaċċaw ostakli għal proġetti bħal dawn. B’din l-armonizzazzjoni, l-operaturi ekonomiċi ser isibuha aktar faċli biex jiġġeneraw finanzjament transfruntier għall-attivitajiet ekonomikament sostenibbli tagħhom, peress li l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ikunu jistgħu jitqabblu ma’ kriterji uniformi sabiex jintgħażlu bħala assi sottostanti għal investimenti ambjentalment sostenibbli. Għalhekk, din l-armonizzazzjoni ser tiffaċilita l-investiment sostenibbli transfruntier fl-Unjoni.

Sabiex tiġi ddeterminata s-sostenibbiltà ambjentali ta’ attività ekonomika partikolari, ir-Regolament dwar it-Tassonomija ser jistabbilixxi lista eżawrjenti tas-sitt objettivi ambjentali li ġejjin: il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; l-adattament għat-tibdil fil-klima; l-użu sostenibbli u l-protezzjoni tal-ilma u r-riżorsi tal-baħar; it-transizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis; u l-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ekosistemi.

Għal kull objettiv ambjentali, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi kriterji ta’ skrinjar tekniċi u uniformi f’atti delegati biex jiġi determinat jekk l-attivitajiet ekonomiċi jikkontribwixxux b’mod sostanzjali għal dak l-objettiv. Element ewlieni tal-kriterji uniformi huwa wkoll li tiġi evitata milli ssir ħsara sinifikanti lil kwalunkwe objettiv ambjentali sabiex jiġi evitat li l-investimenti jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli f’każijiet fejn l-attivitajiet ekonomiċi li jibbenefikaw minn dawk l-investimenti jikkawżaw ħsara sinifikanti lill-ambjent li tiżboq il-kontribut tagħhom għal objettiv ambjentali. Barra minn hekk, il-konformità mas-salvagwardji minimi hija kondizzjoni oħra biex l-attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala ambjentalment sostenibbli.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

(a)   Kamp ta’ applikazzjoni materjali

It-test tal-Kunsill iżomm l-attenzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija fuq id-definizzjoni ta’ attivitajiet ambjentalment sostenibbli b’impatt sostanzjali fuq is-sostenibbiltà ambjentali u b’hekk iwieġeb għall-aktar ħtieġa urġenti li jiġi definit fil-livell tal-Unjoni liema attivitajiet għandhom jitqiesu ekoloġiċi. Minbarra dan, it-test tal-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex, sal-31 ta’ Diċembru 2021, tippubblika rapport li jiddeskrivi d-dispożizzjonijiet li jkunu meħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġu koperti attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli li ma jkollhomx impatt sostanzjali fuq is-sostenibbiltà ambjentali, attivitajiet ekonomiċi li jagħmlu ħsara sinifikanti għas-sostenibbiltà ambjentali, kif ukoll biex jiġu koperti objettivi ta’ sostenibbiltà oħra, bħal objettivi soċjali.

Barra minn hekk, biex tissaħħaħ it-trasparenza u jiġi pprovdut punt ta’ tqabbil oġġettiv mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għall-investituri aħħarin dwar il-proporzjon ta’ investimenti li jiffinanzjaw attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli, ir-Regolament dwar it-Tassonomija ser jissupplimenta r-regoli dwar it-trasparenza f’divulgazzjonijiet prekuntrattwali u f’rapporti perjodiċi stabbiliti fir-Regolament dwar id-Divulgazzjonijiet mhux biss fir-rigward ta’ prodotti finanzjarji konformi mat-tassonomija, iżda wkoll prodotti finanzjarji oħra, inkluż obbligu li l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjonijiet fattwali.

(b)   Kamp ta’ applikazzjoni personali

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tipprevedi li kumpanniji kbar li huma soġġetti għal obbligu li jippubblikaw informazzjoni mhux finanzjarja skont l-Artikolu 19a jew l-Artikolu 29a tad-Direttiva 2013/34/UE fid-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji jew fid-dikjarazzjonijiet mhux finanzjarji konsolidati tagħhom ser jirrapportaw dwar ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni relatati mal-klima li huma bbażati fuq il-qafas stabbilit mir-Regolament dwar it-Tassonomija. Dan ser jipprovdi informazzjoni utli lill-investituri li huma interessati f’kumpanniji li l-prodotti u s-servizzi tagħhom jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għal wieħed mill-objettivi ambjentali stabbiliti fir-Regolament dwar it-Tassonomija.

(c)   Governanza

Minħabba d-dettalji tekniċi speċifiċi meħtieġa biex jiġi vvalutat l-impatt ambjentali ta’ attività ekonomika u n-natura ta’ tibdil rapidu kemm tax-xjenza kif ukoll tat-teknoloġija, il-kriterji ta’ skrinjar tekniċi għall-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli ser jiġu stabbiliti u adattati regolarment mill-Kummissjoni f’atti delegati f’konformità mal-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, permezz tal-involviment tal-Grupp ta’ Esperti tal-Istati Membri dwar il-Finanzi Sostenibbli u tal-Pjattaforma dwar Finanzi Sostenibbli. Il-Kummissjoni ser twaqqaf il-Pjattaforma bl-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ esperti li jirrappreżentaw kemm is-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll is-soċjetà ċivili.

(d)   Newtralità klimatika

It-test tal-Kunsill jistabbilixxi rekwiżiti ċari għall-kriterji ta’ skrinjar tekniċi li l-Kummissjoni ser ikollha tirrispetta meta tkun qed tiżviluppa dawk il-kriterji permezz ta’ atti delegati. Dawk ir-rekwiżiti, fost affarijiet oħra, jirrikonoxxu l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika fl-istabbiliment ta’ kriterji ta’ skrinjar tekniċi u jipprevedu li l-kriterji ta’ skrinjar tekniċi ser jiżguraw li l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw karburanti fossili solidi ma jikkwalifikawx bħala attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli. Barra minn hekk, it-test tal-Kunsill jistabbilixxi rekwiżiti għal attivitajiet tranżizzjonali u abilitanti.

(e)   Skedi ta’ żmien għall-implimentazzjoni

It-test tal-Kunsill jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħti prijorità lil atti delegati li jsegwu objettivi relatati mal-klima billi tadottahom mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020, bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2022. L-adozzjoni ta’ atti delegati li jsegwu l-bqija tal-objettivi taħt ir-Regolament dwar it-Tassonomija hija ppjanata li ssir mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2021, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2023.

Il-Parlament Ewropew jista’ jaċċetta dawn il-bidliet.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess milħuq fin-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tirrappreżenta pakkett ibbilanċjat u li, ladarba jiġi adottat, ir-Regolament dwar it-Tassonomija ser ikollu rwol ewlieni fl-orjentazzjoni mill-ġdid tal-flussi kapitali lejn l-investiment sostenibbli sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv u li għalhekk jirrappreżenta pass importanti lejn l-objettiv ġenerali li tinkiseb Unjoni Ewropea b’impatt newtrali fuq il-klima sal-2050.


(1)  ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1.

(2)  ĠU L 317, 9.12.2019, p. 17.


Top