EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0138

Kawża T-138/20: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2020 – PT Ciliandra Perkasa vs Il-Kummissjoni

ĠU C 129, 20.4.2020, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/26


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2020 – PT Ciliandra Perkasa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-138/20)

(2020/C 129/32)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PT Ciliandra Perkasa (Ġakarta tal-Punent, l-Indoneżja) (rappreżentanti: F. Graafsma, J. Cornelis u E. Rogiest, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2092 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 8(1) u 8(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) meta ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz sa fejn hija naqset milli teżamina l-provi rilevanti kollha u naqset milli tistabbilixxi t-twaqqigħ tal-prezz għall-prodott fl-intier tiegħu;

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku sa fejn hija bbażat l-analiżi tagħha tal-kawżalità fuq il-konklużjoni żbaljata ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet;

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku meta kkonkludiet, minn naħa, li l-ħlasijiet mill-Fond għall-Pjantaġġuni tal-Palm taż-Żejt (iktar ’il quddiem l-“OPPF”) għandhom jiġu kklassifikati bħala għotjiet u mhux ħlasijiet għax-xiri tal-bijodiżil u, min-naħa l-oħra, li l-ħlasijiet mill-OPPF jagħtu vantaġġ lill-produtturi tal-bijodiżil, sa fejn il-Kummissjoni (i) ibbażat ruħha fuq xenarju kontrofattwali manifestament żbaljat u (ii) naqset milli tqis li l-vantaġġ, jekk kien hemm, ingħadda lill-blenders tal-bijodiżil.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament bażiku billi kkalkolat l-ammont tal-vantaġġ fl-ambitu tas-sistema tal-OPPF.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(8) tar-Regolament bażiku sa fejn naqset milli tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar it-theddida ta’ dannu fuq provi pożittivi u fuq eżami oġġettiv tal-fatturi rilevanti kollha.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża sa fejn inkludiet ċerti kunsiderazzjonijiet essenzjali dwar l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz biss fir-regolament ikkontestat, b’mod li r-rikorrenti ġiet imċaħħda milli tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq din il-kwistjoni.


Top