Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0301

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar ir-rakkomandazzjoni, tal-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)0809 – 2018/2066(INI))

    ĠU C 118, 8.4.2020, p. 99–103 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 118/99


    P8_TA(2018)0301

    Il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim UE-Eġittu dwar l-iskambju ta' data personali fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2018 dwar ir-rakkomandazzjoni, tal-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)0809 – 2018/2066(INI))

    (2020/C 118/15)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu (COM(2017)0809),

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

    wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 16 u 218 tiegħu,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (1),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (2),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (3),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (4),

    wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (5),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tad-Data (ETS Nru 108) u l-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Proċessar Awtomatiku tad-Data Personali fir-rigward l-awtoritajiet superviżorji u l-flussi transfruntieri tad-data (ETS Nru 181),

    wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/2018 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar tmien mandati ta' negozjar sabiex jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali li jippermettu l-iskambju ta' data bejn il-Europol u l-pajjiżi terzi,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (6),

    wara li kkunsidra l-ftehim milħuq mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-proposta għal regolament dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (COM(2017)0008), u b'mod partikolari l-Kapitolu dwar l-ipproċessar ta' data personali operazzjonali li japplika għall-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni meta jwettqu l-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 108(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0236/2018),

    A.

    billi r-Regolament (UE) 2016/794 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jippermetti t-trasferiment ta' data personali lil awtorità ta' pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, sa fejn tali trasferiment hu neċessarju għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tal-Kummissjoni skont id-Direttiva (UE) 2016/680, ftehim internazzjonali skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi salvagwardji adegwati, jew ftehimiet ta' kooperazzjoni li jippermettu l-iskambju ta' data personali konklużi qabel l-1 ta' Mejju 2017, u, f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, fuq bażi ta' każ b'każ taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2016/794 u dment li jkunu żgurati salvagwardji adegwati;

    B.

    billi l-ftehimiet internazzjonali li jippermettu lill-Europol u lil pajjiżi terzi jikkooperaw u jiskambjaw data personali għandhom jirrispettaw l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-TFUE, u b'hekk jirrispettaw il-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop, id-dritt għal aċċess, id-dritt għal rettifika u jkunu soġġetti għal monitoraġġ minn awtorità indipendenti stipulata speċifikament mill-Karta, u jkunu meħtieġa u proporzjonati għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol;

    C.

    billi tali trasferiment huwa bbażat fuq ftehim internazzjonali konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprevedi garanziji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi;

    D.

    billi f'dawn l-aħħar snin inkixfu bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu; billi, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' qbil ġie mrażżan b'mod qawwi, u l-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kienu fost dawk fil-mira; billi komplew jiġu rrappurtati każijiet ta' tortura; billi l-impunità ġenerali impediet kwalunkwe investigazzjoni effikaċi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-uffiċjali tal-istat;

    E.

    billi d-dokument ta' programmazzjoni tal-Europol 2018/2020 (7) jirrileva r-rilevanza dejjem tikber ta' approċċ multidixxiplinari msaħħaħ, inkluża l-aggregazzjoni tal-għarfien espert u tal-informazzjoni meħtieġa minn firxa titwessa' ta' sħab, għat-twettiq tal-missjoni tal-Europol;

    F.

    billi l-Parlament, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, issottolinja li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni strateġiċi u operazzjonali bejn il-Europol u pajjiżi terzi jiffaċilitaw kemm l-iskambju ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni prattika fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

    G.

    billi l-Europol diġà stabbilixxa diversi ftehimiet dwar l-iskambju ta' data ma' pajjiżi terzi fil-passat, bħall-Albanija, l-Awstralja, il-Bożnija-Ħerżegovina, il-Kanada, il-Kolombja, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera, l-Ukrajna u l-Istati Uniti tal-Amerka;

    H.

    billi l-KEPD ilu l-kontrollur tal-Europol mill-1 ta' Mejju 2017, u huwa wkoll il-konsulent tal-istituzzjonijiet tal-UE għal dak li jikkonċerna l-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

    1.

    Iqis li n-neċessità tal-kooperazzjoni mar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fil-qasam tal-infurzar tal-liġi għall-interessi tas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-proporzjonalità tagħha, jeħtieġ li jiġu vvalutati kif xieraq; jitlob li l-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, twettaq valutazzjoni tal-impatt eżawrjenti; jirrileva li hemm bżonn ta' kawtela xierqa fid-definizzjoni ta' mandat ta' negozjar għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu dwar l-iskambju ta' data personali bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-awtoritajiet kompetenti tal-Eġittu fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu;

    2.

    Iqis li l-konsistenza sħiħa mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, kif ukoll ma' drittijiet u libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta, għandha tkun żgurata fil-pajjiżi terzi riċeventi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill biex jikkompleta l-linji gwida tan-negozjar proposti mill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati f'din ir-riżoluzzjoni;

    3.

    Iqis li hemm tħassib kbir dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, b'mod partikolari fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon u d-dritt li wieħed ma jkunx soġġett għal tortura jew trattament inuman, kif minqux fil-Karta u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

    4.

    Jinnota li sal-lum ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex jiġu vvalutati r-riskji li jirriżultaw mit-trasferimenti ta' data personali lir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fir-rigward tad-drittijiet ta' individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, iżda wkoll għal drittijiet u libertajiet fundamentali oħra protetti mill-Karta; jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex tiddefinixxi s-salvagwardji meħtieġa li għandhom jiġu integrati fil-ftehim;

    5.

    Jinsisti li l-livell ta' protezzjoni li jirriżulta mill-ftehim għandu jkun essenzjalment ekwivalenti għal-livell ta' protezzjoni fid-dritt tal-UE; jenfasizza li, jekk tali livell ma jistax jiġi ggarantit, kemm fil-liġi u kemm fil-prattika, il-ftehim ma jistax jiġi konkluż;

    6.

    Jitlob li, sabiex jirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 8 tal-Karta u l-Artikolu 16 tat-TFUE u sabiex tiġi evitata kwalunkwe responsabbiltà potenzjali mill-Europol fir-rigward ta' ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data li jirriżulta minn trasferiment ta' data personali mingħajr is-salvagwardji meħtieġa u xierqa, il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet stretti u speċifiċi li jimponu r-rispett tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop b'kundizzjonijiet ċari għall-ipproċessar tad-data personali trażmessa;

    7.

    Jitlob li l-Linja Gwida B tiġi kkompletata biex tindika espressament il-ftehim li l-Europol, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament dwar il-Europol, għandu jirrispetta kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq data personali trażmessa lill-Europol mill-Istati Membri jew minn fornituri oħra fir-rigward tal-użu u l-aċċess għad-data li se tiġi ttrasferita lir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu;

    8.

    Jitlob li l-ftehim jipprevedi b'mod ċar li kwalunkwe pproċessar ulterjuri għandu dejjem jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel u bil-miktub mill-Europol; jenfasizza li dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu dokumentati mill-Europol u jkunu magħmula disponibbli lill-KEPD fuq talba tiegħu; jitlob li l-ftehim ikun fih ukoll dispożizzjoni li tobbliga lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu jirrispettaw dawn ir-restrizzjonijiet u jispeċifikaw kif il-konformità ma' dawn ir-restrizzjonijiet se tiġi infurzata;

    9.

    Jinsisti li l-ftehim jinkludi dispożizzjoni ċara u preċiża li tistipula l-perjodu taż-żamma tad-data għad-data personali li tkun ġiet trasferita u li tirrikjedi t-tħassir tad-data personali ttrasferita fi tmiem il-perjodu taż-żamma tad-data; jitlob li jiġu stipulati miżuri proċedurali fil-ftehim biex tiġi żgurata l-konformità; jinsisti li, f'każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm raġunijiet debitament ġustifikati biex id-data tinħażen għal perjodu estiż, wara l-iskadenza tal-perjodu taż-żamma tad-data, dawn ir-raġunijiet u d-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament jiġu kkomunikati lill-Europol u lill-KEPD;

    10.

    Jistenna li l-kriterji inklużi fil-Premessa 71 tad-Direttiva (UE) 2016/680 jiġu applikati, jiġifieri t-trasferimenti ta' data personali għandhom ikunu suġġetti għall-obbligi ta' kunfidenzjalità mill-awtoritajiet kompetenti Eġizzjani li jirċievu data personali mill-Europol, il-prinċipju tal-ispeċifiċità, u li d-data personali mhi se tintuża f'ebda każ biex tintalab, tingħata jew tiġi eżegwita piena tal-mewt jew kwalunkwe għamla oħra ta' trattament krudili u inuman;

    11.

    Iqis li l-kategoriji ta' reati li għalihom id-data personali se tiġi skambjata jeħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar u mniżżla fil-ftehim internazzjonali stess, f'konformità mad-definizzjonijiet ta' reati kriminali tal-UE meta jkunu disponibbli; jenfasizza li din il-lista għandha tiddefinixxi b'mod ċar u preċiż l-attivitajiet koperti minn tali reati, u l-persuni, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet li aktarx jiġu affettwati mit-trasferiment;

    12.

    Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiddefinixxu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u fis-sens tal-Artikolu 8(3) tal-Karta, mal-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, liema awtorità superviżjorja indipendenti għandha tkun responsabbli biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali; iħeġġeġ li tali awtorità tkun identifikata u stabbilita qabel ma jidħol fis-seħħ il-ftehim internazzjonali; jinsisti li l-isem ta' din l-awtorità jiġi espressament inkluż f'anness mal-ftehim;

    13.

    Iqis li għandu jkun possibbli għal kull parti kontraenti li tissospendi jew tirrevoka l-ftehim internazzjonali jekk ikun hemm ksur tiegħu, u li l-korp superviżorju indipendenti għandu jkollu wkoll is-setgħa li jissuġġerixxi li l-ftehim jiġi sospiż jew itterminat f'każ ta' ksur tiegħu; iqis li kwalunkwe data personali li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim li tkun ġiet ittrasferita qabel is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tagħha tista' tkompli tiġi pproċessata f'konformità mal-ftehim; iqis li evalwazzjoni perjodika tal-ftehim għandha tkun stabbilita sabiex tevalwa l-konformità tas-sħab mal-ftehim;

    14.

    Huwa tal-fehma li hija meħtieġa definizzjoni ċara tal-kunċett ta' każijiet individwali, minħabba li dan il-kunċett huwa neċessarju biex jiġu vvalutati n-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trasferimenti tad-data; jirrileva li din id-definizzjoni għandha tirreferi għal investigazzjonijiet kriminali reali;

    15.

    Huwa tal-fehma li l-kunċett ta' raġunijiet raġonevoli jeħtieġ li jiġi ddefinit għall-valutazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tat-trasferimenti ta' data; jirrileva li din id-definizzjoni għandha tirreferi għal investigazzjonijiet kriminali reali;

    16.

    Jenfasizza li d-data trasferita lil awtorità riċeventi qatt ma tista' tiġi pproċessata ulterjorment minn awtoritajiet oħra u li, għal dan il-għan, għandha titfassal lista eżawrjenti tal-awtoritajiet kompetenti fir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu li lilhom il-Europol jista' jittrasferixxi d-data, inkluża deskrizzjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet; iqis li kwalunkwe modifika għal tali lista li tissostitwixxi jew iżżid awtorità kompetenti ġdida tkun teħtieġ reviżjoni tal-ftehim internazzjonali;

    17.

    Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi indikat espressament li t-trasferimenti suċċessivi ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu lil awtoritajiet oħra fir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu jistgħu jiġu permessi biss biex jiġi ssodisfat l-għan oriġinali tat-trasferiment mill-Europol u dawn għandhom dejjem jiġu kkomunikati lill-awtorità indipendenti, lill-KEPD u lill-Europol;

    18.

    Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indikat espressament li t-trasferimenti suċċessivi ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu lil pajjiżi oħra huma projbiti u jirriżultaw fit-terminazzjoni immedjata tal-ftehim internazzjonali;

    19.

    Iqis li l-ftehim internazzjonali mar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu għandu jinkludi d-dritt tas-suġġetti tad-data għal informazzjoni, rettifika u tħassir kif previst f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

    20.

    Jinnota li t-trasferiment ta' data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, id-data ġenetika jew id-data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali huwa estremament sensittiv u jagħti lok għal tħassib profond fid-dawl tal-qafas legali, il-karatteristiċi tas-soċjetà u l-isfond kulturali differenti tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu meta mqabbla mal-Unjoni Ewropea; jirreleva l-fatt li atti kriminali huma definiti b'mod differenti fl-Unjoni u fir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu; huwa tal-fehma li tali trasferiment ta' data għandu, għalhekk, iseħħ biss f'każijiet verament eċċezzjonali u b'salvagwardji ċari għas-suġġett tad-data u l-persuni marbuta mas-suġġett tad-data; iqis li jeħtieġ li jiġu ddefiniti salvagwardji speċifiċi li jkunu jridu jiġu rrispettati mir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluż ir-rispett tal-libertà ta' espressjoni, tal-libertà ta' reliġjon u tad-dinjità tal-bniedem;

    21.

    Jemmen li fil-ftehim għandu jiġi inkluż mekkaniżmu ta' monitoraġġ u li l-ftehim għandu jkun suġġett għal valutazzjonijiet perjodiċi biex jiġu evalwati kemm il-funzjonament tiegħu b'rabta mal-ħtiġijiet operazzjonali tal-Europol kif ukoll il-konformità tiegħu mad-drittijiet u mal-prinċipji Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data;

    22.

    Jistieden lill-Kummissjoni tfittex il-parir tal-KEPD qabel il-finalizzazzjoni tal-ftehim internazzjonali bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 2016/794 u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001;

    23.

    Jisħaq fuq il-punt li l-kunsens tal-Parlament għall-konklużjoni tal-ftehim se jkun kondizzjonali fuq l-involviment sodisfaċenti tal-Parlament fl-istadji kollha tal-proċedura skont l-Artikolu 218 tat-TFUE;

    24.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu.

    (1)  ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53.

    (2)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

    (3)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

    (4)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

    (5)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

    (6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0366.

    (7)  Id-Dokument ta' Programmazzjoni tal-Europol 2018-2020 adottat mill-Bord Amministrattiv tal-Europol fit-30 ta' Novembru 2017, EDOC# 856927v18.


    Top