Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR3332

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ewropa Diġitali għal kulħadd: noffru soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi fil-prattika

    ĠU C 39, 5.2.2020, p. 83–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 39/83


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Ewropa Diġitali għal kulħadd: noffru soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi fil-prattika

    (2020/C 39/18)

    Relatur

    :

    Anne Karjalainen (FI/PSE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Kerava

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

    Introduzzjoni

    1.

    ifassal, fuq talba tal-Presidenza tal-Finlandja tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, proposti sodi dwar kif il-komunitajiet lokali u reġjonali jistgħu jiżviluppaw u jimplimentaw soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u inklużivi għal kull ċittadin, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-Unjoni Ewropea;

    2.

    jieħu nota tal-proposti li saru mill-President u l-ewwel Viċi President tal-KtR fid-dokument ta’ strateġija “Ewropa Diġitali għal Kulħadd” (1) biex jiġu inklużi fl-aġenda strateġika li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali;

    3.

    jixtieq li l-proposti jikkontribwixxu għall-approċċi strateġiċi tal-programm ta’ tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ewropa Diġitali, li għandhom jiddeterminaw il-kontenut tal-programmi ta’ ħidma u tal-applikazzjonijiet għall-finanzjamenti speċifiċi għall-perjodu 2021-2022; jixtieq jikkontribwixxi għall-prijoritajiet ta’ investiment tal-programm Ewropa Diġitali: il-computing bi prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-ħiliet diġitali avvanzati u l-appoġġ għall-aktar użu mifrux possibbli tat-teknoloġiji diġitali fis-setturi differenti tas-soċjetà.

    Sfidi soċjetali li għandhom jiġu indirizzati minn soluzzjonijiet diġitali

    4.

    jinsab imħasseb li, filwaqt li l-prijoritajiet tal-aġenda politika futura tal-Kummissjoni jissottolinjaw il-ħtieġa li jiġu promossi teknoloġiji bejn il-fruntieri, bħall-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija tal-pjattaformi, dawn ma jenfasizzawx biżżejjed Suq Uniku Diġitali inklużiv;

    5.

    jenfasizza li s-suċċess sostenibbli tas-Suq Uniku Diġitali jirrikjedi li ċ-ċittadini kollha jibbenefikaw minnu fl-Unjoni Ewropea kollha;

    6.

    japprova l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal programm sod ta’ Ewropa Diġitali, li, madankollu, għandu jiġi estiż fl-Unjoni Ewropea kollha permezz ta’ netwerk ta’ ċentri ta’ innovazzjoni diġitali reġjonali ffinanzjati mill-programm, sabiex kulħadd ikollu opportunità raġonevoli li jibbenefika mill-iskambju ta’ informazzjoni, it-tagħlim bejn il-pari u l-iżvilupp ta’ sħubijiet interreġjonali;

    7.

    iqis li l-aċċess għall-ekonomija diġitali u l-parteċipazzjoni attiva fiha huma essenzjali għas-suċċess tal-iżvilupp lokali u reġjonali fil-futur;

    8.

    iqis li t-terminu “koeżjoni diġitali” huwa dimensjoni addizzjonali importanti tal-kunċett tradizzjonali ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali definit fit-Trattat tal-UE. Għalhekk il-KtR jipproponi dibattitu miftuħ dwar ir-rwol futur tad-diġitalizzazzjoni fil-promozzjoni tal-“koeżjoni” fl-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali, bħall-isfidi demografiċi, it-tibdil fil-klima u l-ambjent tax-xogħol li qed jinbidel, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda persuna jew reġjun ma jiġu esklużi;

    9.

    jilqa’ l-approċċ ibbażat fuq il-fenomenu użat mill-Kummissjoni biex jiġu sfruttati r-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għal sfidi globali. It-teknoloġiji diġitali huma faċilitatur ewlieni fl-isforzi tal-Istati Membri tal-UE biex jindirizzaw l-isfidi soċjetali sinifikanti li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE f’oqsma bħat-tibdil fil-klima, it-tibdil demografiku u t-tibdil fis-suq tax-xogħol;

    10.

    jenfasizza, b’mod partikolari, il-potenzjal tat-teknoloġiji eżistenti u emerġenti fis-settur pubbliku sabiex jitnaqqsu l-piżijiet u l-ħela amministrattivi, jinġabru l-kisbiet fl-effiċjenza u jiġu pprovduti soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi soċejtali;

    11.

    japprova viżjoni tal-Ewropa fejn it-teknoloġiji diġitali, l-innovazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali jistgħu jipprovdu lin-nies tal-Ewropa b’impjiegi kompetittivi, saħħa u kwalità tal-ħajja aħjar, servizzi pubbliċi aħjar u l-aċċess għall-flussi internazzjonali ta’ għarfien;

    12.

    jitlob li jkun hemm kooperazzjoni Ewropea b’saħħitha bejn il-livelli kollha ta’ gvern fl-UE biex jinkiseb użu aħjar, aktar titjib u tisħiħ ta’ trasformazzjoni diġitali mmexxija miċ-ċittadini fil-bliet u l-komunitajiet;

    13.

    jinnota li huwa essenzjali, minn perspettiva ta’ politika tal-UE, li jsir investiment fil-ħolqien ta’ ekosistemi innovattivi, filwaqt li tittejjeb l-innovazzjoni f’teknoloġiji kruċjali bħall-IA, l-Internet tal-Oġġetti u l-5G fil-livell lokali u reġjonali madwar l-UE, u li jiġu identifikati strateġiji reġjonali tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti taħt il-fondi rilevanti tal-UE bħala opportunità ewlenija;

    14.

    iqis li huwa importanti li r-reġjuni jkunu jistgħu jevalwaw l-istatus taċ-ċentri eżistenti fid-dawl tal-kriterji għal ċentri ta’ innovazzjoni diġitali u l-kompiti futuri tagħhom. Sabiex l-SMEs u l-gvernijiet lokali jibbenefikaw tassew mill-għarfien espert taċ-ċentri, iċ-ċentri u n-netwerks tagħhom għandhom jiffunzjonaw b’mod effiċjenti abbażi ta’ livell għoli ta’ għarfien espert u ta’ servizz. Il-kopertura reġjonali u tematika taċ-ċentri u l-kooperazzjoni mal-iskejjel lokali u l-universitajiet u ma’ ekosistemi reġjonali huma importanti biex jintlaħaq l-objettiv;

    15.

    jenfasizza li n-netwerk taċ-ċentri ta’ innovazzjoni diġitali għandu jiġi promoss madwar l-UE, bil-ħsieb li jiġi żgurat li kull reġjun NUTS2 ikollu ċentru wieħed, stabbilit bl-appoġġ tal-programm Ewropa Diġitali;

    16.

    jinnota li s-saħħa tal-Ewropa għandha tkun fil-kapaċità tagħha li tidentifika l-opportunitajiet ipprovduti mill-intelliġenza artifiċjali u l-kwistjonijiet etiċi, u li dawn jiġu rikonċiljati. Il-valuri komuni ewlenin tal-Ewropa jipprovdu opportunitajiet tajbin sabiex id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem jitqabblu mal-intelliġenza artifiċjali. Huma meħtieġa linji gwida etiċi u qafas legali għall-intelliġenza artifiċjali;

    17.

    jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jimpenjaw ruħhom f’kooperazzjoni wiesgħa biex itejbu l-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u jtejbu t-twassil tas-servizzi pubbliċi. L-iżvilupp ta’ infrastrutturi transkonfinali, tal-interoperabbiltà u ta’ standards komuni huwa wieħed mill-elementi tal-programm Ewropa Diġitali li jista’ jwassal għal valur miżjud Ewropew reali. L-interkonnessjoni ta’ infrastrutturi elettroniċi kbar Ewropej, nazzjonali u reġjonali għandha tissokta; Għal dan il-għan, jappella għall-kontinwazzjoni tal-programm ISA2 (Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej) lil hinn mill-2020;

    Tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali

    18.

    ifakkar li l-bliet u r-reġjuni – ta’ kull daqs u madwar l-Ewropa kollha – għandhom ikunu parti mit-trasformazzjoni diġitali Ewropea. Ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet iridu jieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rivalutazzjoni amministrattiva, l-infrastruttura teknika, is-servizzi u l-politika dwar id-data. Il-programm Ewropa Diġitali għandu jipprovdi programmi ta’ taħriġ settorjali għal ħiliet diġitali avvanzati lill-amministraturi reġjonali u lokali;

    19.

    japprova d-dikjarazzjoni li jmiss tal-Eurocities “Collaborate, Empower, Sustain” (Ikkollabora, Agħti s-Setgħa, Appoġġja) fejn il-forzi għandhom jingħaqdu biex tiġi promossa t-trasformazzjoni diġitali fil-bliet u l-komunitajiet tal-Ewropa, bil-għan li titrawwem kooperazzjoni Ewropea b’saħħitha bejn il-livelli kollha tal-gvern fl-UE biex jinkiseb użu aħjar, aktar titjib u tisħiħ ta’ trasformazzjoni diġitali mmexxija miċ-ċittadini fil-bliet u l-komunitajiet;

    20.

    jaqbel mal-Eurocities li l-bliet u l-komunitajiet huma l-post ideali fejn jiġu ttestjati s-soluzzjonijiet diġitali, fejn jiġu żgurati l-parteċipazzjoni kkoordinata tal-partijiet interessati u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini;

    21.

    jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jrawmu d-djalogu bejn il-livelli kollha tal-gvern u l-industrija, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-impjegati f’ambjent tax-xogħol dejjem aktar diġitalizzat, waqt li jerġgħu jitqiesu l-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri tal-UE b’mod konsistenti mal-aħħar sfidi ikkawżati mit-teknoloġija;

    22.

    jinnota li l-iżgurar ta’ provvista ta’ riżorsi naturali u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju huma aspetti ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli. Huwa possibbli li jiġi aċċellerat l-iżvilupp sostenibbli permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet intelliġenti fin-negozju, fil-ħajja ta’ kuljum u fis-servizzi pubbliċi, b’mod partikolari l-effiċjenza tat-trasport u l-enerġija;

    23.

    jistieden lill-atturi reġjonali u lokali jużaw kemm jista’ jkun liċenzji minn sorsi miftuħa. Is-softwer u l-komponenti tas-softwer ikkummissjonati mill-gvern lokali għall-ħtiġijiet tiegħu stess għandhom, fil-prinċipju, jiġu prodotti taħt liċenzja ta’ softwer li tippermetti lill-klijent, skont ix-xewqat u l-ħtiġijiet tiegħu, jeditja, jiżviluppa u jiddistribwixxi l-prodott jew li dan ikun jista’ jsir minn parti terza. Dan jinkoraġġixxi l-ħolqien ġenwin ta’ ekosistemi u kompetizzjoni miftuħa bbażata fuq l-għarfien. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-kumpens tal-proġetti b’sors miftuħ jitħallas lil atturi reġjonali u lokali, mhux lil partijiet barra mill-UE. Is-soluzzjonijiet li jistgħu jerġgħu jintużaw iżidu l-fiduċja u jiżguraw it-trasparenza, u b’hekk jiġu aċċettati miċ-ċittadini;

    24.

    jenfasizza li, fil-kuntest tas-servizzi pubbliċi interoperabbli, l-informazzjoni diġitali pproċessata mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tista’ ssir f’konformità ma’ speċifikazzjonijiet/standards miftuħa u tkun disponibbli għall-aċċess u l-użu mill-ġdid bħala data miftuħa, sakemm ma jkunux japplikaw restrizzjonijiet speċifiċi (pereżempju għall-protezzjoni tad-data personali, il-kunfidenzjalità jew id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) (2). Jaqbel, b’rabta ma’ dan, dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal softwer b’sors miftuħ u li tingħata kunsiderazzjoni attiva u ġusta tal-użu ta’ softwer b’sors miftuħ, b’kont meħud tal-ispiża totali tas-sjieda tas-soluzzjoni (3), filwaqt li tingħata preferenza lill-ispeċifikazzjonijiet miftuħa;

    25.

    jappoġġja l-proposta magħmula mid-DĠ CNECT waqt l-Assemblea Diġitali 2019 biex jiġi prodott “DESI lokali” biex jiġi kkompletat l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) eżistenti li jiġi prodott kull sena fil-livell nazzjonali; jirrakkomanda kooperazzjoni mill-qrib bejn id-DĠ CNECT, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-programm ESPON (in-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji) u inizjattivi u istituzzjonijiet oħra biex jiġi żviluppat il-kunċett għal tali indiċi, li mbagħad għandu jiġi prodott fuq bażi annwali mid-DĠ CNECT flimkien mal-indiċi nazzjonali tad-DESI;

    26.

    jara d-DESI lokali bħala għodda importanti biex jiġi vvalutat l-impatt territorjali u t-tmexxija tal-politiki futuri tal-UE biex tiġi promossa inklużività diġitali aktar b’saħħitha u biex jiġu identifikati sfidi speċifiċi ta’ inugwaljanzi diġitali. Il-KtR jenfasizza li d-DESI lokali jkun utli wkoll għall-bliet u r-reġjuni Ewropej biex jidentifikaw l-isfidi komuni u l-prattiki ta’ suċċess u jippromovu t-tagħlim bejn il-pari u l-kooperazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni;

    27.

    jissuġġerixxi – abbażi tal-esperjenza pożittiva bl-inizjattiva WIFI4EU – li jiġu żviluppati inizjattivi simili li huma faċli biex jintużaw b’piż amministrattiv limitat għall-benefiċjarji. Tista’ tiġi introdotta skema ta’ vouchers simili għall-awditi diġitali fil-livell lokali fejn l-awtoritajiet lokali parteċipanti jirċievu voucher għal valutazzjoni inizjali tad-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi diġitali fil-komunità, u mbagħad is-sejbiet jintużaw għal dibattitu infurmat fil-kunsill lokali u maċ-ċittadini lokali. Dawn ir-rapporti ta’ awditi għandhom jintużaw ukoll biex jipprovdu xi pariri biex ikun hemm rabta ma’ inizjattivi simili f’awtoritajiet lokali oħra fl-UE u biex jiġi aċċessat appoġġ addizzjonali tal-UE jekk ikun meħtieġ.

    28.

    jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali jeħtieġ li tinbena fuq ekonomija ta’ data sostenibbli, kompetittiva u mmexxija mill-bniedem fl-UE, li għandha tkun ibbażata fuq il-kwalità tad-data u għandha tirrispetta d-drittijiet u l-privatezza tal-individwu. L-Ewropa għandha tiżviluppa approċċ globali u toħloq qafas għall-governanza tad-data – billi tqis id-data bħala beni u riżorsi pubbliċi għad-demokrazija u l-iżvilupp lokali – kif ukoll tiggwida l-prinċipji tad-data biex jiġu indirizzati l-inkonsistenza u l-frammentazzjoni;

    29.

    jitlob li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-data personali, filwaqt li tiġi indirizzata b’mod partikolari l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-GDPR (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) f’oqsma ta’ interess ġenerali, u jenfasizza l-ħtieġa għal definizzjoni Ewropea tal-kunċett ta’ data ta’ interess ġenerali fil-livell territorjali;

    30.

    jissottolinja l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni kruċjali tad-data, fiha nnifisha u fil-kuntest tal-Intelliġenza Artifiċjali, u l-mod kif tiġi ttrattata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Kumitat jista’ jikkontribwixxi f’dan ir-rigward billi jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-approfondiment tar-riflessjoni dwar il-ġestjoni ta’ data personali u pubblika mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KtR jenfasizza wkoll ir-rwol tad-data miftuħa fit-tixrid tal-innovazzjonijiet diġitali għat-territorji, bħala kontroparti demokratika u sors ta’ tiġdid tal-impenn taċ-ċittadini. Fl-istess ħin, jappella għal riflessjoni serja dwar il-prinċipji taċ-ċirkolazzjoni tad-data fid-dawl tal-isfidi tal-protezzjoni u s-sovranità tad-data ta’ interess ġenerali fir-rigward tal-ġganti diġitali;

    Enfasi fuq iċ-ċittadin

    31.

    jistieden lil-livelli kollha tal-gvern jaħdmu biex iżidu l-involviment u l-għoti tas-setgħa taċ-ċittadini fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni, li jippermettulhom li jkollhom rwol fil-ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet diġitali ġodda li jindirizzaw varjetà ta’ ħtiġijiet taċ-ċittadini, speċjalment fil-kuntest ta’ bliet aktar intelliġenti u proġetti komunitarji. Minflok l-iżvilupp tal-prodotti mmexxi mit-teknoloġija, jeħtieġ li tingħata attenzjoni biex jiġu żviluppati tekniki, servizzi u prodotti ffukati fuq il-bniedem, inkluż id-disinn iċċentrat fuq l-utent, il-kokreazzjoni u l-pilotaġġ rapidu;

    32.

    jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni hija kwistjoni ta’ fiduċja, li mingħajrha ma jkunx possibbli li jiġu żviluppati servizzi elettroniċi pubbliċi jew tiġi pprovduta l-protezzjoni meħtieġa għall-konsumaturi;

    33.

    jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati kapaċitajiet pubbliċi lokali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi diġitali u biex tinbena l-awtonomija tal-awtoritajiet lokali fid-dawl tal-ġganti diġitali. Il-ħolqien ta’ pjattaformi pubbliċi lokali u tas-soċjetà ċivili li jipprovdu, fost l-oħrajn, taħriġ diġitali huwa pass fid-direzzjoni t-tajba;

    34.

    jinnota li, filwaqt li jinfetħu opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini biex jikkollegaw u jxerrdu l-informazzjoni, it-teknoloġiji diġitali ġabu wkoll magħhom riskji ġodda. Dawn jinkludu attakki ċibernetiċi u frodi, serq ta’ data, theddid għal-libertajiet ċivili u għal azzjoni pubblika speċjalment fil-livell lokali, u attentati biex jiġu distabbilizzati d-demokraziji tagħna. Huwa kruċjali li jsir investiment fiċ-ċibersigurtà, peress li l-fiduċja u l-għarfien huma l-pedament għal Ewropa Diġitali għal Kulħadd;

    35.

    jenfasizza l-importanza tal-litteriżmu tal-IA, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu soċjetali dwar l-IA u jevalwaw b’mod kritiku kwalunkwe pretensjoni li tkun saret;

    36.

    jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tas-servizzi diġitali. L-infurzar u l-għarfien tar-regoli eżistenti jistgħu jtejbu l-aċċess tan-nies għall-ġustizzja u jżidu l-fiduċja tagħhom fis-settur tal-kummerċ elettroniku. L-Att ippjanat dwar is-Servizzi Diġitali, pereżempju, għandu jgħin biex tittaffa s-sitwazzjoni;

    37.

    ifakkar li fl-2017, 43 % tal-popolazzjoni tal-UE ma kellhiex biżżejjed ħiliet diġitali (4) u waħda minn kull ħames kumpaniji biss qalu li kienu offrew taħriġ fl-ICT lill-persunal tagħhom (5). Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li l-atturi lokali u reġjonali għandhom jiżguraw li l-ħiliet diġitali jiġu żviluppati b’mod sistematiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, mill-edukazzjoni bikrija sal-istudju li jwassal għal kwalifika vokazzjonali jew akkademika, u bħala parti essenzjali mit-tagħlim tul il-ħajja, bl-użu tal-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp) u oqfsa simili oħra tal-kwalifiki għall-ħiliet diġitali; Il-Kumitat jenfasizza li l-edukazzjoni diġitali għandha fl-istess ħin tiżviluppa ħiliet ta’ ħsieb kritiku sabiex l-utenti tat-teknoloġija diġitali jkunu inqas passivi fil-konsum tagħhom tal-kontenut u biex jagħtuhom is-setgħa li jindirizzaw użi soċjali tat-teknoloġiji diġitali b’mod razzjonali;

    38.

    jitlob li jkun hemm kondiviżjoni ta’ prattiki tajba għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali, b’mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, billi, fost affarijiet oħra, isir użu aħjar minn inizjattivi ta’ ħiliet diġitali bħall-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar, l-inizjattiva Jum l-Internet Aktar Sigur, l-inizjattiva Koalizzjoni Nazzjonali għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali u l-għodda CV tal-Europass;

    39.

    jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali qed tbiddel l-abitudnijiet tax-xogħol, il-kontenut tal-impjiegi u l-professjonijiet, u dan inevitabbilment ifisser li ċerti impjiegi ma jibqgħux validi, u għalhekk is-settur pubbliku u n-negozji jridu jkunu kapaċi jinħolqu mill-ġdid u jħarrġu mill-ġdid il-forza tax-xogħol. Hemm bżonn varjetà ta’ miżuri u mekkaniżmi biex kontinwament itejbu l-ħiliet tan-nies fil-ħajja tax-xogħol;

    40.

    jenfasizza li s-servizzi pubbliċi onlajn u l-applikazzjonijiet tal-mowbajl li huma aċċessibbli jridu jkunu b’tali mod li kull tip ta’ utent fis-sitwazzjonijiet kollha jista’ jużahom, anke jekk ikunu jbatu minn xi żvantaġġ jew diżabilità. Id-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għandha tiġi implimentata mingħajr dewmien;

    41.

    ifakkar li d-diġitalizzazzjoni ttejjeb l-aċċessibilità tas-servizzi pubbliċi għall-persuni li huma kapaċi u li huma lesti jużaw l-Internet. Fl-istess ħin, id-diġitalizzazzjoni tista’ tkun sfida għal dawk il-persuni li jistgħu jeħtieġu l-aktar is-servizzi diġitali, u b’hekk jiżdiedu r-riskji tal-inugwaljanza diġitali. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali jenħtieġ li jimmonitorjaw l-iżvilupp tal-inugwaljanza diġitali u jfittxu modi biex tiġi prevenuta l-esklużjoni diġitali;

    42.

    jitlob li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkluża fil-miżuri diġitali kollha. Jilqa’ inizjattivi bħad-dikjarazzjoni Digital4Her, li tippromovi l-integrazzjoni tan-nisa fis-setturi tat-teknoloġija.

    Infrastruttura

    43.

    jenfasizza d-dritt għall-konnettività għal kull ċittadin Ewropew, li jippermetti l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà diġitali u li jipprovdi aċċess għas-servizzi diġitali. Infrastruttura diġitali inkorporata u prevalenti ser tippermetti lil kulħadd, irrispettivament mill-post fejn jinsab, biex jaħsad il-benefiċċji tal-era diġitali. Il-politika tal-UE għandha fil-futur tkun immirata lejn li titnaqqas l-ispiża tat-tifrix effettiv u l-użu tan-netwerk tal-broadband fil-komunitajiet lokali, irrispettivament mid-daqs u d-densità tal-popolazzjoni tagħhom;

    44.

    jJiġbed l-attenzjoni dwar id-diffikultà biex tiġi implimentata infrastruttura diġitali fir-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-limitazzjonijiet tagħhom u d-distanza tagħhom mill-kontinent Ewropew. Għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn ir-reġjuni, bħal reġjuni Ewropej oħra inklużi dawk remoti, ikollhom dritt sħiħ għall-konnettività;

    45.

    jenfasizza li s-servizzi diġitali u s-servizzi tal-gvern elettroniku jeħtieġu broadband b’veloċità għolja u mingħajr interruzzjoni, li għandha tkun disponibbli wkoll f’oqsma fejn il-kundizzjonijiet kummerċjali attwali ma jappoġġjawx il-bini ta’ konnessjonijiet. In-netwerks tal-fibra għandhom preferibbilment jinbnew fuq bażi ta’ aċċess miftuħ, fejn is-sid tan-netwerk, pereżempju kooperattiva reġjonali, jippermetti lill-operaturi interessati kollha biex joffru s-servizzi tagħhom lill-utenti finali. In-netwerk tal-fibra ottika attwali għandhom ikunu miftuħin għall-kompetizzjoni;

    46.

    jilqa’ l-investimenti tal-programm Ewropa Diġitali f’infrastruttura diġitali avvanzata ta’ kapaċità għolja bħan-netwerks 5G, li huma neċessarji sabiex is-servizzi u t-teknoloġiji diġitali jkunu jistgħu jintużaw b’mod effettiv kullimkien fl-Ewropa. Il-Kumitat iqis li, f’dan il-kuntest, il-broadband għandu rwol strumentali fl-iżvilupp ta’ servizzi diġitali innovattivi u kompetittivi, sakemm l-istandardizzazzjoni rapida tal-5G tkun tista’ tiżgura l-interoperabbiltà tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni;

    47.

    jenfasizza l-ħtieġa għal konnessjonijiet ta’ data affidabbli u b’veloċità għolja fl-Ewropa, mhux biss biex jiġu appoġġjati s-servizzi diġitali u l-ekonomija tad-data iżda wkoll biex jintuża bis-sħiħ il-potenzjal tat-teknoloġiji avvanzati f’oqsma bħall-awtomatizzazzjoni u l-biedja intelliġenti. Fir-rigward tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni għal sistemi u servizzi intelliġenti u interoperabbli, il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika għandhom jiġu appoġġjati.

    Il-finanzjament u s-sinerġiji ma’ politiki oħra tal-UE

    48.

    jistenna li l-programm il-ġdid Ewropa Diġitali jalloka biżżejjed fondi għall-ħiliet, il-computing ta’ prestazzjoni għolja, iċ-ċentri ta’ innovazzjoni u t-tisħiħ tal-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-IA;

    49.

    jipproponi li l-programm Ewropa Diġitali jiġi implimentat permezz ta’ netwerks estensivi ta’ ċentri tal-innovazzjoni diġitali reġjonali, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-programm u inklużi fi strateġiji diġitali ferm reġjonali li jilħqu lis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà (u ffinanzjati mill-programmi tal-FSIE);

    50.

    iqis li huwa importanti li l-programm Ewropa Diġitali u programmi Ewropej oħra li jinvolvu miżuri diġitali, bħall-Orizzont Ewropa, Nikkollegaw l-Ewropa u l-FSE+, jinġabru flimkien bl-iktar mod ċar u komplementari kemm jista’ jkun, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jinkisbu sinerġiji.

    Brussell, id-9 ta’ Ottubru 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  COR-2019-03082-00-00-TCD-TRA.

    (2)  New European Interoperability Framework- Promoting seamless services and data flows for European public administrations (Qafas Ewropew ġdid għall-Interoperabbiltà – Promozzjoni ta’ servizzi u ta’ flussi ta’ data mingħajr xkiel għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej) (https://ec.europa.eu/isa2/sites/isa/files/eif_brochure_final.pdf)

    (3)  Idem.

    (4)  DESI 2019.

    (5)  Enterprises providing training to their personnel to develop their ICT skills, 2017. (Intrapriżi li jipprovdu taħriġ lill-persunal tagħhom biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom tal-ICT, 2017).


    Top