Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0346

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha (2018/2842(RSP))

    ĠU C 433, 23.12.2019, p. 128–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 433/128


    P8_TA(2018)0346

    Il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2018 dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha (2018/2842(RSP))

    (2019/C 433/16)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017 (1) u tal-14 ta' Diċembru 2017 (2),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kambodja tas-26 ta' Frar 2018,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-30 ta' Lulju 2018 dwar l-elezzjonijiet ġenerali fil-Kambodja,

    wara li kkunsidra l-missjoni ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fil-Kambodja mill-5 sal-11 ta' Lulju 2018,

    wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tas-16 ta' Novembru 2017 dwar ix-xoljiment tal-Cambodian National Rescue Party,

    wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-22 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja, u d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tad-Delegazzjoni tal-UE tal-25 ta' Awwissu 2017 u tat-3 ta' Settembru 2017 dwar restrizzjonijiet tax-xena politika fil-Kambodja,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 36/32 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-29 ta' Settembru 2017 u r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tat-2 ta' Frar 2018,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-Deputati u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Unjoni Interparlamentari ta' Marzu 2018,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/53/144 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-8 ta' Marzu 1999 dwar id-dritt u r-responsabbiltà ta' individwi, gruppi u organi tas-soċjetà li jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti universalment,

    wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, anke min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,

    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Kambodja, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fiha huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u ta' għaqda, l-Artikolu 35 dwar id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 dwar l-immunità parlamentari,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fit-3 ta' Settembru 2017, Kem Sokha, il-President tal-Cambodia National Rescue Party (CNRP), ġie arrestat, u billi fis-16 ta' Novembru 2017, il-Qorti Suprema ħabbret ix-xoljiment tas-CNRP, fi tmiem seduta ta' smigħ ta' ġurnata; billi l-Qorti Suprema ppprojbiet ukoll lil 118-il politiku tas-CNRP milli jkunu attivi politikament għal ħames snin;

    B.

    billi l-Cambodian People's Party (CPP) li qiegħed fil-gvern kiseb 100 % tas-siġġijiet ikkontestati fl-elezzjoni tal-Assemblea Nazzjonali li saret fid-29 ta' Lulju 2018 u fl-elezzjoni tas-Senat li saret fil-25 ta' Frar 2018;

    C.

    billi d-dritt ta' parteċipazzjoni politika huwa minqux fl-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja; billi l-Liġi emendata tal-2017 dwar il-Partiti Politiċi tinkludi bosta restrizzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni, inkluż ix-xoljiment tal-partiti jekk il-mexxejja tagħhom ikollhom fedina penali;

    D.

    billi l-elezzjonijiet tal-2018 fil-Kambodja kienu de facto nonkompetittivi u naqsu milli jissodisfaw l-istandards internazzjonali minimi għal elezzjonijiet demokratiċi; billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka ssospendew l-assistenza finanzjarja tagħhom lill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali tal-Kambodja u rrifjutaw li josservaw l-elezzjonijiet;

    E.

    billi d-deċiżjoni biex is-CNRP jiġi xolt kienet pass sinifikanti lejn il-ħolqien ta' stat awtoritarju; billi l-istruttura politika tal-Kambodja ma tistax tibqa' titqies bħala demokrazija;

    F.

    billi l-Gvern tal-Kambodja ħa firxa wiesgħa ta' miżuri biex jiżgura li s-CPP fil-gvern jikkontesta prattikament mingħajr oppożizzjoni kemm fl-elezzjonijiet tas-Senat kif ukoll f'dawk tal-Assemblea Nazzjonali;

    G.

    billi, wara li ġie arrestat fit-3 ta' Settembru 2017, Kem Sokha kien akkużat bi tradiment skont l-Artikolu 443 tal-Kodiċi Penali tal-Kambodja, minkejja l-immunità parlamentari tiegħu; billi dikjarazzjonijiet tal-Gvern tal-Kambodja kkompromettew id-dritt tiegħu għal proċess ġust kif ukoll il-preżunzjoni ta' innoċenza; billi jista' jeħel sa 30 sena ħabs jekk jinstab ħati; billi l-President tal-Qorti, Dith Munty, huwa membru tal-kumitat permanenti tal-partit fil-gvern;

    H.

    billi fit-28 ta' Awwissu 2018, l-awtoritajiet Kambodjani ħelsu lil 14-il membru tas-CNRP wara li ngħataw maħfra rjali; billi din il-maħfra hija marbuta mal-ħelsien ta' sitt attivisti u ġurnalisti;

    I.

    billi Kem Sokha ġie detenut għal aktar minn sena mingħajr proċess; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddikjara li d-detenzjoni qabel il-proċess tas-Sur Sokha kienet "arbitrarja"u "motivata politikament"; billi nħeles b'kawzjoni fl-10 ta' Settembru 2018; billi ma jistax jitbiegħed mill-viċinanzi ta' daru u m'għandux permess jikkomunika ma' membri oħra tal-oppożizzjoni jew tal-media;

    J.

    billi l-arrest u d-detenzjoni ta' Kem Sokha seħħew fost repressjoni mifruxa u sistematika tad-drittijiet politiċi u elettorali fil-Kambodja; billi kien hemm żieda kostanti fin-numru ta' każijiet ta' arrest u detenzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni politika u ta' opinjonisti politiċi; billi l-President preċedenti tas-CNRP, Sam Rainsy, instab ħati ta' diffamazzjoni kriminali u issa jgħix eżiljat;

    K.

    billi l-awtoritajiet Kambodjani rażżnu wkoll lill-ġurnalisti u lir-reporters li kienu qed ikopru l-attakki fuq il-partiti tal-oppożizzjoni; billi James Ricketson, produttur tal-films ta' 69 sena u li rebaħ diversi premji, huwa waħda mill-vittmi ta' dawn l-attakki fuq il-media; billi s-Sur Ricketson ġie arrestat talli tajjar drone fuq rally ta' partit tal-oppożizzjoni f'Ġunju 2017; billi s-Sur Ricketson ġie kkundannat għal sitt snin ħabs fil-kapitali, Phnom Penh, fuq akkużi ta' spjunaġġ;

    L.

    billi kien hemm trażżin gravi tal-media indipendenti; billi n-netwerks tal-media soċjali ġew attakkati wkoll; billi f'Mejju 2018, il-Gvern ħareġ regolament li jirrestrinġi d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni u li jagħti s-setgħa lill-Gvern jissorvelja n-netwerks tal-media soċjali biex jiskopri u jsikket id-dissens online fil-Kambodja;

    M.

    billi s-sindakalisti, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed joperaw fi spazju dejjem aktar ristrett fil-Kambodja u jħabbtu wiċċhom ma' fastidju, atti ta' intimidazzjoni u arrest arbitrarju; billi l-Liġi emendata tal-2015 dwar l-Assoċjazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (LANGO) tirrestrinġi severament il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, anke billi tistabbilixxi kontroll u ċensura tal-gvern fuq il-ħidma tal-NGOs; billi l-Liġi dwar it-Trade Unions tirrestrinġi l-libertà ta' assoċjazzjoni u toħloq ostakli u piżijiet mhux meħtieġa fir-rigward tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni u tal-operat tat-trade unions;

    N.

    billi ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem affiljati mal-Assoċjazzjoni Kambodjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp (ADHOC), Nay Vanda, Ny Sokha, Yi Soksan, Lim Mony u Ny Chakrya, qed jiffaċċjaw akkużi li xaħħmu lil xhud u li huma kompliċi ta' tixħim ta' xhud; billi l-ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għamlu 14-il xahar f'detenzjoni qabel il-proċess, qabel ma nħelsu b'kawzjoni;

    O.

    billi l-Kambodja tibbenefika mill-iktar skema favorevoli disponibbli taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), jiġifieri l-iskema Kollox Barra l-Armi (EBA); billi l-UE allokat sa EUR 140 miljun lill-Kambodja għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu finanzjarju 2014-2020, li minnhom EUR 10 miljun huma għas-sostenn tal-proċess ta' riforma elettorali fil-Kambodja u bħalissa huma sospiżi;

    P.

    billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU fakkar fid-dikjarazzjoni tiegħu ta' Lulju li proċess politiku inklużiv u pluralistiku jibqa' essenzjali għas-salvagwardja tal-progress li sar mill-Kambodja fil-konsolidament tal-paċi;

    Q.

    billi l-kunflitti rigward il-pjantaġġuni taz-zokkor għadhom ma ġewx solvuti; billi hemm tħassib kontinwu dwar evizzjonijiet mill-artijiet, dwar impunità kontinwa għal atti bħal dawn u dwar is-sitwazzjoni terribbli tal-komunitajiet milquta; billi l-Gvern tal-Kambodja għadu ma ffirmax it-Termini ta' Referenza tal-UE għall-Proċess ta' Awditjar tal-Kannamiela;

    1.

    Jiinota li Kem Sokha nħeles mill-ħabs b'kawzjoni taħt kundizzjonijiet stretti; jiddenunzja l-fatt li Kem Sokha tqiegħed taħt arrest domiċiljari; jitlob li l-akkużi kollha kontra Kem Sokha jitwaqqgħu u li jinħeles minnufih u kompletament; barra minn hekk, jitlob li akkużi u sentenzi oħra motivati politikament kontra politiċi tal-oppożizzjoni, inkluż Sam Rainsy, jitwaqqgħu minnufih;

    2.

    Huwa preokkupat dwar il-kundizzjoni tas-saħħa ta' Kem Sokha, u jistieden lill-awtoritajiet Kambodjani jħalluh jingħata trattament mediku xieraq; jitlob lill-Gvern jippermetti lil Kem Sokha jiltaqa' ma' membri barranin tal-korp diplomatiku, ma' uffiċjali tan-NU u ma' osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem;

    3.

    Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-elezzjonijiet fil-Kambodja ma jistgħux jitqiesu bħala liberi u ġusti; jesprimi tħassib serju dwar it-tmexxija u r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2018 fil-Kambodja, li naqsu milli jipproduċu proċess kredibbli u li ġew ikkundannati b'mod wiesa' mill-komunità internazzjonali;

    4.

    Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li jfisser ukoll konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni; barra minn hekk, jitlob lill-Gvern tal-Kambodja jħassar l-emendi reċenti kollha għall-Kostituzzjoni, il-Kodiċi Penali, il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, il-Liġi dwar it-Trade Unions, il-Liġi dwar l-NGOs u l-biċċiet l-oħra kollha ta' leġiżlazzjoni li jillimitaw il-libertà tal-kelma u l-libertajiet politiċi li mhumiex għalkollox konformi mal-obbligi tal-Kambodja u mal-istandards internazzjonali;

    5.

    Jenfasizza li proċess demokratiku kredibbli jirrikjedi ambjent li fih il-partiti politiċi, is-soċjetà ċivili u l-media jistgħu jwettqu r-rwoli leġittimi tagħhom mingħar biża', theddid jew restrizzjonijiet arbitrarji; jistieden lill-Gvern jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li x-xoljiment tas-CNRP jitreġġa' lura malajr;

    6.

    Itenni l-istedina tiegħu lill-Gvern tal-Kambodja biex itemm kull forma ta' fastidju, abbuż u akkużi kriminali motivati politikament kontra membri tal-oppożizzjoni politika, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, sindakalisti u sostenituri tad-drittijiet tal-ħaddiema, attivisti favur id-drittijiet tal-art u attivisti oħra tas-soċjetà ċivili, u ġurnalisti, fost oħrajn; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jeħles, mingħajr dewmien, liċ-ċittadini kollha li ġew detenuti talli eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inkluż James Ricketson, u jwaqqa' l-akkużi kollha kontrihom;

    7.

    Jappoġġa d-deċiżjoni li jiġi sospiż is-sostenn elettorali tal-UE lill-Kambodja; ifakkar fl-obbligi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li l-Kambodja impenjat ruħha li tirrispetta; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jwettaq riformi sabiex isaħħaħ id-demokrazija u japplika standards minimi rikonoxxuti internazzjonalment għal proċessi elettorali futuri, inklużi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet multipartitiċi, liberi u ġusti, l-istabbiliment ta' Kummissjoni Elettorali Nazzjonali tassew indipendenti u l-involviment tal-NGOs u tal-media indipendenti fil-monitoraġġ u fir-rappurtar tal-elezzjonijiet;

    8.

    Ifakkar lill-Gvern tal-Kambodja li jrid jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Kambodja u l-kundizzjonijiet fl-ambitu tal-EBA;

    9.

    Jilqa' l-missjoni riċenti tal-UE ta' ġbir ta' informazzjoni fil-Kambodja fir-rigward tal-EBA u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta l-konklużjonijiet lill-Parlament mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-konsegwenzi possibbli fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li tgawdi l-Kambodja, inkluż il-varar ta' investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fil-qafas tal-EBA;

    10.

    Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jħejju lista ta' individwi responsabbli mix-xoljiment tal-oppożizzjoni u minn ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, bil-ħsieb li jiġu imposti fuqhom restrizzjonijiet possibbli tal-viża u ffriżar tal-assi;

    11.

    Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tissorvelja s-sitwazzjoni fil-Kambodja mill-qrib; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni u jmexxu l-isforzi fid-39 sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU lejn l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni b'saħħitha li tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

    12.

    Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jġedded il-Memorandum ta' Qbil (MtQ) mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-NU fil-Kambodja hekk kif jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018;

    13.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.

    (1)  Testi adottati, P8_TA(2017)0348.

    (2)  Testi adottati, P8_TA(2017)0497.


    Top