Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR6141

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Programm Ewropew ġdid biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp tal-industriji marittimi

COR 2018/06141

ĠU C 404, 29.11.2019, p. 44–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 404/44


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Programm Ewropew ġdid biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp tal-industriji marittimi

(2019/C 404/09)

Relatur

:

Is-Sur CLERGEAU (FR/PSE), Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Pays-de-la-Loire

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

I)   Rakkomandazzjonijiet ta’ politika ewlenin biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp tal-industriji marittimi Ewropej

Nirrikonoxxu l-isfidi u nagħżlu politika industrijali ġdida u aktar proattiva

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jappella għal sensibilizzazzjoni kemm għall-opportunitajiet ta’ żvilupp kif ukoll għat-theddid fir-rigward tal-industriji marittimi Ewropej, li jeħtieġ jimmobilizzaw ruħhom flimkien, bl-appoġġ tal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali, biex it-tranżizzjoni ekoloġika u enerġetika tagħhom tkun ta’ suċċess, biex it-trasformazzjoni diġitali u r-rivoluzzjoni industrijali tagħhom jirnexxu wkoll u biex jiżviluppaw attraenza ġdida għall-impjiegi fil-qasam. Dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati hekk kif l-industriji marittimi qed jiġu mhedda minn kompetizzjoni ġdida mill-Asja, fir-rigward ta’ bastimenti b’valur miżjud għoli, fejn l-Ewropa tinsab fuq quddiem nett. Din il-kompetizzjoni, li qed tipprova taħkem it-teknoloġiji Ewropej, hija kompetizzjoni inġusta karatterizzata mid-dumping soċjali u ambjentali u ffinanzjata fil-biċċa l-kbira minn għajnuna pubblika, li jmur kontra r-regoli tal-kummerċ internazzjonali. Din hija kwistjoni li l-awtoritajiet Ewropej jeħtieġ jindirizzaw fl-interess tal-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi. Għandu jiġi nnutat li din il-kompetizzjoni inġusta issa tapplika wkoll għas-settur tas-sajd;

2.

jenfasizza d-diversità tas-setturi fi ħdan l-industriji marittimi, li hija assi fl-għoti ta’ spinta lis-sinerġiji bejn is-setturi u l-impatt territorjali: il-bini, it-tiswija u l-iskrappjar ta’ bastimenti ċivili u militari (minn bastimenti tal-kruċieri għal inġenji tal-baħar għar-rikreazzjoni, u minn dgħajjes tas-sajd għal bastimenti li jagħtu servizz u bastimenti tal-passiġġieri, biex ma nsemmux il-flotot militari), enerġiji rinnovabbli marittimi, industriji taż-żejt u tal-gass, infrastruttura tal-port, kostali u offshore, sajd, akkwakultura, sajd għall-frott tal-baħar bil-qoxra u l-bijoekonomija blu;

3.

jappella għal impenn kontinwu għall-iżvilupp tas-sajd, tas-sajd għall-frott tal-baħar bil-qoxra u għall-akkwakultura, kemm f’termini ta’ bilanċ kif ukoll tas-sostenibbiltà ambjentali, soċjali u ekonomika; bl-istess mod jenfasizza l-ħtieġa tat-tiġdid ġenerazzjonali, li ż-żewġ komponenti ewlenin tagħhom huma t-taħriġ u t-titjib tal-kundizzjonijiet abbord.

4.

iqis li l-industriji marittimi, bħall-industriji spazjali u tal-aeronawtika, jeħtieġu strateġija industrijali ambizzjuża u qafas ta’ implimentazzjoni konkret imfassal għall-karatteristiċi speċifiċi tagħhom: il-kwistjoni tas-sovranità, intensità ta’ kapital għoli, produzzjoni ta’ serje qosra, ċikli twal u livelli ta’ riskju għoli, u ħtiġijiet sinifikanti ta’ riċerka, innovazzjoni u taħriġ;

5.

jirrimarka l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-enerġija mir-riħ offshore f’baħar fond bħala mezz biex titnaqqas l-okkupazzjoni ta’ żoni kostali mhux fondi favur attivitajiet oħrajn, speċifikament tal-ekonomija blu;

6.

jirrimarka li l-industriji marittimi huma t-tieni l-akbar settur fi ħdan l-ekonomija blu f’termini ta’ impjiegi: f’kuntest ta’ tkabbir globali, l-Ewropa tinsab f’pożizzjoni minn ta’ quddiem nett f’għadd ta’ oqsma, u qed toħloq bosta impjiegi industrijali sostenibbli u b’livell għoli ta’ ħiliet;

7.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni tal-portijiet, li huma infrastrutturi strateġiċi li ma jservux biss bħala ċentri ta’ kummerċ u ta’ trasport, iżda li qed jistabbilixxu ruħhom dejjem aktar bħala pjattaformi industrijali u ta’ innovazzjoni fejn l-interfaċċa mal-bliet ġirien tista’ tiġi sfruttata aħjar. Għalhekk huwa importanti li jiġi ppjanat appoġġ xieraq għan-negozji kollha fuq l-art (1) li diġà jwettqu attivitajiet b’rabta mal-ekonomija blu jew jistgħu jiżviluppawhom permezz ta’ metodi ta’ diversifikazzjoni ppruvati.

8.

jirrimarka l-importanza soċjoekonomika tal-attivitajiet tas-sajd u dawk marittimi għall-forniment ta’ ikel sigur u ta’ kwalità tajba; jinnota l-importanza tad-dimensjoni kulturali tagħhom b’rabta mal-patrimonju, li hija fundamentali għall-għoti ta’ spinta lit-turiżmu; jenfasizza s-sinerġiji meħtieġa u l-aspetti komplimentari bejn dawn l-attivitajiet tradizzjonali u s-setturi ġodda li jridu jiġu żviluppati, għall-benefiċċju tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli;

9.

iqis li l-industriji marittimi huma waħda mill-lievi ewlenin fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) stabbiliti fl-Ewropa, peress li l-prodotti, is-servizzi u l-innovazzjonijiet tagħhom jagħtu kontribut kruċjali għall-appoġġ tal-attivitajiet meħtieġa għal tranżizzjonijiet b’suċċess, b’mod partikolari:—

l-esplorazzjoni tal-oċeani, l-iżvilupp tal-għarfien tal-baħar u qiegħ il-baħar;

li jsir aktar biex ikun miġġieled it-tibdil fil-klima, b’mod partikolari permezz tat-trasport marittimu;

l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli mill-baħar u l-enerġija mir-riħ offshore, kif ukoll l-interkonnessjonijiet tal-elettriku bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea sabiex jiżdied is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fit-taħlita tal-elettriku u l-integrazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew;

il-preżenza fuq il-baħar, sorveljanza u sigurtà; inizjattivi tal-oċeani, inklużi sforzi biex tkun miġġielda l-preżenza tal-plastik;

l-għarfien u l-iżvilupp ta’ riżorsi bijoloġiċi marittimi, l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd, l-akkwakultura u l-ekonomija blu ċirkolari;

10.

jikkondividi l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-inizjattiva LeaderSHIP 2020 adottata fl-2018 mill-KESE (2), li jenfasizzaw l-limitazzjonijiet iffaċċjati fl-implimentazzjoni u n-nuqqas ta’ objettivi preċiżi u kwantifikabbli;

11.

jappella għall-istabbiliment ta’ approċċ ġdid u rivedut fil-fond ta’ “LeaderSHIP 2030”, li jistabbilixxi “European Blue New Deal” li jinkorpora tliet elementi: politika kummerċjali u ta’ kompetizzjoni bil-għan li tissalvagwardja l-interessi tagħna u toħloq promoturi Ewropej; il-mobilizzazzjoni u l-adattament tal-politiki Ewropej kollha sabiex jissodifaw il-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tal-industriji marittimi, u l-adozzjoni ta’ sitt objettivi operazzjonali li madwarhom jistgħu jiġu mmobilizzati l-atturi lokali, nazzjonali u Ewropej matul il-perjodu 2020–2027:

id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu u l-kostruzzjoni ta’ bastimenti nodfa: b’emissjonijiet żero, bl-ebda rimi fil-baħar u li ma jagħmlux storbju;

l-eliminazzjoni tal-iskart mill-baħar, b’mod partikolari tal-plastik;

l-industriji marittimi 4.0, approċċ trasversali għat-titjib tal-prestazzjoni u l-kwalità tal-impjiegi fl-industriji marittimi kollha;

it-tmexxija dinjija tal-Ewropa fit-teknoloġiji kollha tal-enerġija rinnovabbli tal-baħar;

strateġija Ewropea għal bijoekonomija blu ġdida li tagħti ħajja ġdida lis-sajd, l-akkwakultura u l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

it-tnedija ta’ missjoni Ewropea ta’ esplorazzjoni tal-oċeani biex ittejjeb l-għarfien tagħna tal-ambjent tal-baħar madwar id-dinja kollha;

Dawn is-sitt objettivi jinvolvu sfidi industrijali speċifiċi u jridu jitqiesu wkoll fid-dibattitu miftuħ dwar il-missjoni marittima taħt l-Orizzont Ewropa.

12.

Iħeġġeġ l-adozzjoni ta’ strateġiji għall-industriji marittimi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer tal-Ewropa, bil-għan li jitħaffef il-progress fi tliet direzzjonijiet ta’ prijorità: il-portijiet, l-awtonomija enerġetika dekarbonizzata bi spiża minima u l-bijoekonomija blu, inklużi s-sajd u l-akkwakultura;

13.

ifakkar li għall-ġejjieni tal-industriji marittimi huwa importanti li l-isfidi marittimi jitqiegħdu fil-qalba tal-politiki futuri tal-Unjoni Ewropea u fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-politika reġjonali;

European Sea Tech: il-bini ta’ netwerks Ewropej biex jingħaqdu l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni, u l-mobilizzazzjoni tar-reġjuni biex jiġu strutturati l-ktajjen ta’ valur industrijali

14.

huwa tal-fehma li l-industriji marittimi l-ewwel u qabel kollox huma kkaratterizzati mill-għeruq lokali tagħhom fir-reġjuni marittimi, li żviluppaw ekosistemi ta’ eċċellenza u innovazzjoni reġjonali ddedikati għal dawn l-industriji. Il-politiki nazzjonali u Ewropej jeħtieġ li jibbażaw primarjament fuq dawn l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti relatati biex ikunu flessibbli u effettivi;

15.

jipproponi li titnieda skema “European Sea Tech” biex jingħaqdu l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni filwaqt li jinħolqu għadd ta’ netwerks ta’ kooperazzjoni:

biex jiġu promossi sottosetturi u jiġu strutturati l-ktajjen ta’ valur Ewropej;

biex jiġu identifikati u appoġġjati aħjar l-isfidi tal-bidla industrijali, inluż fir-rigward tal-ambjent, l-enerġija u d-diġitalizzazzjoni;

biex jiġu żviluppati servizzi, prodotti u mudelli ekonomiċi ġodda li jkunu aktar integrati u mgħammra aħjar biex jaffrontaw il-kompetizzjoni dinjija.

Il-Kummissjoni għandha tniedi sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess fit-twaqqif ta’ netwerks tematiċi, u kull ekosistema reġjonali (jew interreġjonali) tista’ tapplika biex tingħaqad ma’ għadd ta’ netwerks skont l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tar-reġjun. L-ekosistemi li jikkombinaw diversi kompetenzi u li jiġbru diversi netwerks jiffurmaw l-“ekosistemi ċentrali” tal-iskema “European Sea Tech”.

Kull netwerk għandu jkollu l-għan li jkun inklużiv kemm jista’ jkun, filwaqt li jinvolvi l-kompetenzi kollha tar-reġjuni diversi Ewropej. Fi ħdan in-netwerks, il-kwistjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, ir-R&Ż, il-prestazzjoni industrijali, il-finanzjament u l-ħiliet se jiġu indirizzati b’mod sistematiku.

Dawn in-netwerks ikunu aktar effettivi minn pjattaforma Ewropea ċentralizzata biex tipprovdi pedament għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni intrareġjonali u għall-istabbiliment ta’ proġetti operazzjonali ta’ rilevanza għad-diversi politiki tal-UE.

Ir-rwol tal-“European Sea Tech” għandu jkun ukoll li jagħti spinta lit-trasferiment tat-teknoloġiji, l-esperjenzi u l-ħiliet bejn id-diversi netwerks u setturi tal-industriji marittimi;

16.

jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-istrument European Sea Tech biex jittieħed approċċ trasversali għall-industriji marittimi u biex jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet għal industriji marittimi ekoloġiċi u diġitali, billi jiġu mobilizzati t-teknoloġiji u l-ħiliet kollha tal-industriji marittimi sabiex ikunu disponibbli għal setturi oħrajn;

17.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-proġett ta’ Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni Marittima, iżda jinnota li dan il-proġett jiffoka fuq il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi marittimi u għalhekk jista’ biss ikun wieħed min-netwerks li jsawru l-iskema “European Sea Tech”;

18.

jittama li l-proġetti mwettqa min-netwerks tal-European Sea Tech b’rabta mal-ekosistema tal-innovazzjoni jkunu jistgħu jiġu appoġġjati mis-sħubijiet Ewropej u kofinanzjati mill-Orizzont Ewropa u l-fondi l-oħra li jistgħu jiġu mobilizzati. Dawn il-proġetti għandhom ikunu jistgħu jinkludu l-finanzjament ta’ linji pilota, prototipi u dimostraturi;

19.

itenni wkoll it-talba tiegħu għal pjan direzzjonali marittimu fi ħdan l-Orizzont Ewropa, għal inklużjoni espliċita tal-isfidi xjentifiċi u teknoloġiċi tal-industriji marittimi fil-Pilastru 2, u għal mira ta’ mobilizzazzjoni ta’ 10 % tal-Orizzont Ewropa biex jiġu ffinanzjati proġetti b’impatt sinifikanti fuq l-ekonomija blu u l-industriji marittimi;

II)   Proposti prattiċi għall-isfruttar u l-adattament tal-politiki ta’ wara l-2020 tal-Unjoni Ewropea għas-servizz tal-industriji marittimi

Il-kummerċ internazzjonali u l-kompetizzjoni

20.

jenfasizza li, fir-rigward tal-industriji u s-servizzi marittimi, tinħtieġ politika kummerċjali ġdida li tkun “realistika” u bbażata fuq ir-reċiproċità sabiex jiġu difiżi l-impjiegi u s-sovranità Ewropea fil-konfront tal-istrateġiji aggressivi u inġusti tal-pajjiżi marittimi l-kbar, b’mod partikolari fl-Asja. Kull meta tkun possibbli u effettiva, din il-politika għandha tippromovi sistema ta’ skambju stabbli u multilaterali bbażata fuq regoli ġusti u trasparenti li jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta, tfittex ftehimiet mal-imsieħba kummerċjali li jħallu l-frott, u tibni fuq ir-rwol tad-WTO;

21.

iqis li, fir-rigward tas-swieq dinjija u globalizzati, il-politika tal-kompetizzjoni għandha tippermetti l-ħolqien ta’ promoturi Ewropej, filwaqt li dejjem tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u bbilanċjata fi ħdan l-Unjoni, u jafferma mill-ġdid il-valur miżjud tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu u l-ħtieġa ta’ qafas tat-taxxa sempliċi, stabbli u kompetittiv biex jintlaħaq dan l-għan;

22.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-importanza li jiġu kkontrollati aħjar il-flussi ta’ investimenti barranin u li jiġu limitati u mnaqqsa l-effetti possibbli ta’ ħsara li t-trasferimenti tat-teknoloġiji jista’ jkollhom fuq l-industrija Ewropea, b’mod partikolari dawk inklużi fil-kuntratti internazzjonali kbar;

23.

jappella li jittieħdu impenji preċiżi fil-ġestjoni tal-akkwist pubbliku ċivili u militari, pereżempju permezz ta’ rekwiżiti stretti għall-forniment ta’ ċerti prodotti u servizzi identifikati minn qabel bħala strateġiċi jew partikolarment vulnerabbli minħabba l-kompetizzjoni globali.

Finanzjament tal-proġetti

24.

jappella għat-tlestija malajr tal-abbozz ta’ pjattaforma ta’ finanzjament tal-proġetti tal-ekonomija blu, li għandu jinkludi strument ta’ assistenza iżda wkoll fond ta’ investiment speċifiku biex jiġu ffinanzjati proġetti innovattivi u ta’ riskju għoli. Il-pjattaforma għandha tiffoka primarjament fuq li tagħmel disponibbli finanzjament b’rati preferenzjali għal proġetti li jitqiesu bħala riskjużi wisq mill-atturi tradizzjonali, u għalhekk tikkoreġi falliment fis-suq. Dan l-istrument se jkollu jopera mill-qrib ħafna mal-Istati Membri u r-reġjuni, sabiex tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-istrumenti ta’ politika u l-kontinwità fl-appoġġ tal-proġett. Din il-pjattaforma għandha, b’mod partikolari, tibbaża fuq in-netwerks u l-“ekosistemi ċentrali” tal-iskema “European Sea Tech”;

25.

jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi objettiv u metodu biex jiġu sfruttati l-vetturi ta’ investiment Ewropej għall-benefiċċju tal-ekonomija blu u l-industriji marittimi, li għandhom jitnedew taħt InvestEU, b’rabta mal-programm Orizzont Ewropa;

26.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ għodod li jippermettu li titnaqqas l-ispiża finanzjarja tal-proġetti strutturali u li jippermettu prefinanzjament effiċjenti tax-xiri u l-investimenti l-aktar għoljin (bastimenti tal-kruċieri, tagħmir tal-LNG, enerġija rinnovabbli tal-baħar, eċċ.);

27.

itenni l-ħtieġa ta’ finanzjament speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Dawn ir-reġjuni jagħtu lill-Ewropa dimensjoni marittima u tal-oċeani eċċezzjonali, bis-saħħa tal-pożizzjoni strateġika tagħhom fl-Oċean Atlantiku, fl-Oċean Indjan u fil-Baħar Karibew, u huma assi naturali uniċi, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni Ewropea stess;

28.

jirrimarka li jkun ta’ benefiċċju li jiġi appoġġjat l-akkwist innovattiv, li jippermetti regoli aktar flessibbli dwar l-offerti meta tinxtara teknoloġija emerġenti li għadha mhijiex disponibbli f’forma standardizzata fis-suq. It-teknoloġiji innovattivi jistgħu għalhekk jitqiegħdu fis-suq aktar malajr peress li l-kumpaniji li jipprovdu servizzi u prodotti ġodda jkunu jistgħu jidentifikaw l-ewwel klijenti tagħhom aktar malajr;

29.

jenfasizza li r-restrizzjonijiet regolatorji speċifiċi stabbiliti fis-settur marittimu u l-ħin meħtieġ għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet huma ostaklu ewlieni biex isiru t-testijiet u l-provi fuq il-baħar; jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma Ewropew li jlaqqa’ flimkien lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-atturi ekonomiċi biex ixerrdu l-aħjar prattiki u jippromovu żviluppi pożittivi fl-oqfsa ta’ referenza nazzjonali;

30.

iqis li jkun jaqbel li ssir aktar ħidma u eventwalment tinħoloq “Aġenzija għall-Proġetti ta’ Riċerka Avvanzata Marittima”, ibbażata fuq l-Aġenzija għall-Proġetti tar-Riċerka Avvanzata fid-Difiża (DARPA) tal-Istati Uniti, u b’hekk jingħata appoġġ f’qafas ta’ finanzjament iddedikat għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja, filwaqt li jiġi rikonoxxut id-dritt għall-falliment u b’kunsiderazzjoni sħiħa tar-restrizzjonijiet ta’ żvilupp tal-SMEs u tal-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja.

31.

jipproponi li, f’kuntest ta’ wara l-Brexit, parti mill-fondi speċifiċi allokati għall-appoġġ tal-aktar żoni milquta tingħata lill-partijiet interessati fl-industriji marittimi sabiex jinħolqu prospetti ġodda għall-iżvilupp u l-impjiegi;

32.

jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-inizjattiva European Sea Tech biex jittieħed approċċ trasversali għall-industriji marittimi u biex jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet għal industriji marittimi ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li jiġu sfruttati t-teknoloġiji u l-ħiliet kollha fis-setturi kollha tal-industrija marittima sabiex isiru disponibbli għal setturi oħrajn. Dan l-approċċ trasversali għandu jitħeġġeġ ukoll bejn l-attivitajiet marittimi u kostali, u setturi industrijali u diġitali oħrajn li jġibu magħhom innovazzjonijiet li jistgħu jiġu sfruttati direttament jew jiġu adattati b’mod utli għad-dinja marittima;

Industriji marittimi 4.0

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi li qed tiffaċċja l-Industrija 4.0 fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika u enerġetika, il-prestazzjoni industrijali, id-diġitalizzazzjoni (inklużi l-proċessi ta’ produzzjoni), u l-kooperazzjoni fi ħdan il-katini ta’ valur lokali u Ewropej; f’dan ir-rigward jappoġġja l-objettiv Green Shipyard 2050 għal tarzni eżemplari fit-tranżizzjoni ekoloġika u enerġetika;

34.

jirrimarka wkoll li t-tagħlim tul il-ħajja, l-iżvilupp u l-kwalità tal-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-isfruttar tal-esperjenza u l-kreattività tal-impjegati huma lkoll elementi intrinsiċi ta’ din it-trasformazzjoni industrijali;

35.

iqis li l-innovazzjonijiet u l-investimenti produttivi f’dan il-qasam għandhom ikunu prijorità ħalli l-politika Ewropea tappoġġja lill-industriji marittimi, u għandhom jiffukaw b’mod partikolari fuq l-SMEs;

36.

jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn is-setturi ċivili u militari hija xprun għall-progress kondiviż billi tiffaċilita b’mod partikolari, it-trasferiment – fiż-żewġ direzzjonijiet – tat-teknoloġija u l-għarfien espert flimkien mal-mobbiltà għal persuni tas-sengħa;

37.

jenfasizza l-benefiċċji li l-kumpaniji taż-żejt u tal-gass offshore jiġu mħeġġa biex iwettqu t-tranżizzjoni u jiżviluppaw strateġiji għad-diversifikazzjoni f’setturi oħrajn fi ħdan l-ekonomija blu; dawn il-kumpaniji għandhom għarfien espert marittimu konsiderevoli, esperjenza fit-twettiq ta’ proġetti twal u kumplessi, u ħiliet siewja li jistgħu jkunu utli għall-iżvilupp tal-industriji marittimi (bastimenti tal-provvista, robotika ta’ taħt l-ilma, sistemi ta’ ankraġġ, applikazzjonijiet awtomatizzati, eċċ.). Dawn jistgħu, b’mod siewi u kollettiv, jerġgħu jinvestu parti mill-profitti mill-idrokarburi fil-fondi ta’ investiment fl-ekonomija blu u fl-enerġija rinnovabbli tal-baħar.

38.

jinnota li r-rivoluzzjoni teknoloġika tfisser li l-bastimenti qed jinbidlu minn unitajiet analoġiċi għal pjattaformi diġitalizzati ta’ trasport, filwaqt li joħolqu opportunitajiet għal aktar integrazzjoni u interkonnessjoni ma’ sistemi diġitali differenti. Il-metodi ta’ ħidma fis-settur qed jinbidlu b’riżultat ta’ dan, eż. l-interazzjoni bejn bastimenti u uffiċċji bbażati fuq l-art, il-kuntatti bejn il-bastimenti nfushom, u bejn il-bastimenti u l-awtoritajiet. Huwa importanti f’dan ir-rigward li l-industrija marittima Ewropea u l-awtoritajiet jaħtfu l-opportunitajiet li d-diġitalizzazzjoni ġġib magħha fil-kompetizzjoni internazzjonali;

39.

jenfasizza l-ħtieġa assoluta li tiġi kkunsidrata u appoġġjata d-diġitalizzazzjoni u, b’mod aktar ġenerali, il-forom ġodda tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fl-innovazzjoni marittima;

40.

jissuġġerixxi li l-programmi ta’ appoġġ u finanzjament għandhom iqisu firxa ta’ suġġetti li mhumiex ta’ natura purament teknoloġika, iżda għandhom ukoll x’jaqsmu mal-iżvilupp ta’ servizzi ġodda, bħall-vetturi awtonomi ta’ taħt l-ilma (AUVs), is-sorveljanza marittima u l-manutenzjoni predittiva, fejn l-impenji kuntrattwali għar-riżultati u l-prestazzjoni qegħdin dejjem aktar jieħdu prijorità fuq l-impenji tal-fondi. Għandu jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ pjattaformi biex tinkiseb il-konverġenza ta’ teknoloġiji ta’ sorveljanza differenti fl-użu fid-diversi Stati Membri, sabiex tiżdied l-interoperabbiltà ta’ dawn l-attivitajiet, tiżdied l-effiċjenza tal-operazzjonijiet fuq il-baħar, tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-politiki tal-UE f’dan il-qasam u, bħala riżultat, jiġi promoss monitoraġġ aħjar taż-żona marittima Ewropea;

L-impjieg, il-ħiliet u t-taħriġ

41.

jirrikonoxxi l-importanza li jiġi stimulat id-djalogu soċjali settorjali u li tiġi organizzata r-relazzjoni bejn l-impjiegi u t-taħriġ fl-industriji marittimi; jappella li l-pjattaformi speċifiċi jridu jissodisfaw dawn il-kompiti mhux biss fit-trasport marittimu u l-bijoriżorsi iżda wkoll fl-industrija tal-manifattura u l-bini tal-bastimenti. B’mod partikolari, qed tinġibed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss taħriġ imfassal apposta għall-industriji marittimi u dawk tas-sajd sabiex jiġi appoġġjat it-tiġdid ġenerazzjonali fis-sajd, l-akkwakultura u s-sajd għall-frott tal-baħar bil-qoxra, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu promossi korsijiet ta’ livell universitarju mfasslin apposta li jirrelataw mat-trasport marittimu merkantili. Bl-istess mod, hemm il-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema li tiżgura li l-programmi ta’ taħriġ ikunu effiċjenti u li min iħarreġ ikun kwalifikat biżżejjed;

42.

jenfasizza li t-tkabbir tal-attivitajiet offshore jinvolvi l-mobilizzazzjoni tal-impjegati b’ħiliet marittimi sodi jew l-għoti ta’ taħriġ addizzjonali sinifikanti lil dawk li mhumiex familjari mal-ħajja fuq il-baħar. F’dan ir-rigward, huwa ċar li jeħtieġ li jsiru kampanji fost iż-żgħażagħ sabiex jiġi attirat it-talent u jiġu inkorporati professjonisti ġodda fis-settur tal-industriji marittimi, it-trasport marittimu merkantili u s-sajd, għal operazzjonijiet kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar;

43.

jilqa’ l-progress li sar bl-adozzjoni tad-Direttivi reċenti dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema, li huma rilevanti ferm fis-settur marittimu, u jappella għall-ħolqien ta’ sistema għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (mhux biss id-diplomi u ċ-ċertifikati) sabiex jiġi implimentat bis-sħiħ il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali;

44.

iqis li l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE hija element pożittiv sabiex il-ktajjen ta’ valur fl-industriji marittimi jiġu strutturati b’mod effettiv kemm jista’ jkun u jlaħħqu mal-iżviluppi fis-setturi varji. Dan l-objettiv għandu jiġi indirizzat filwaqt li jinżammu u jissaħħu l-ħiliet meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kumpaniji, l-ewwel fil-livell lokali, u mbagħad fil-livell Ewropew;

III)   Approċċ u proposti speċifiċi għas-setturi ewlenin fi ħdan l-industriji marittimi

Id-diġitalizzazzjoni tal-industriji marittimi

45.

jenfasizza l-ħtieġa assoluta li jiġu kkunsidrati u appoġġjati d-diġitalizzazzjoni u, b’mod aktar ġenerali, it-teknoloġiji ġodda tal-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fl-innovazzjoni marittima;

jissuġġerixxi li l-programmi ta’ appoġġ u finanzjament għandhom iqisu firxa ta’ suġġetti li mhumiex ta’ natura purament teknoloġika, iżda għandhom ukoll x’jaqsmu mal-iżvilupp ta’ servizzi ġodda, bħall-vetturi awtonomi ta’ taħt l-ilma (AUVs), is-sorveljanza marittima u l-manutenzjoni predittiva;

Il-bijoekonomija blu

46.

jenfasizza l-potenzjal promettenti, iżda li għadu ma ġiex sfruttat sew, tas-settur tal-bijoekonomija blu, li għandu bosta applikazzjonijiet fis-swieq (ikel u għalf, farmakoloġija, kożmetiċi, enerġija) u impatt lokali sinifikanti; jenfasizza li għandha tingħata prijorità lill-aktar setturi ekonomiċi żviluppati u dawk l-aktar importanti: is-sajd, l-akkwakultura u l-kulturi tal-baħar.

47.

jilqa’ l-mobilizzazzjoni madwar dan is-settur emerġenti, b’mod partikolari permezz tal-Forum dwar il-Bijoekonomija Blu mmexxi mid-DĠ MARE; huwa tal-fehma li, wara fażi ta’ investiment maġġuri fir-riċerka u l-iżvilupp, għandha tingħata prijorità lill-industrijalizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ proċessi ġodda li ġew ippruvati u ttestjati fuq skala żgħira;

48.

jittama li tingħata prijorità ġdida lil dan is-settur billi jsir investiment fil-katina tal-valur kollha kemm hi, mill-estrazzjoni jew il-produzzjoni kkontrollata tar-riżorsi bijoloġiċi sal-ipproċessar u l-promozzjoni tal-prodotti;

49.

jipproponi, għal dan il-għan, li jiġu stabbiliti rabtiet mal-aktar setturi marittimi maturi bħas-sajd u l-akkwakultura, bil-perspettiva tal-proċess iktar ’l isfel fil-katina tal-valorizzazzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd li jiġġeneraw l-akbar valur miżjud;

50.

jenfasizza l-importanza tal-ekonomija ċirkolari marittima biex tappoġġja l-iżvilupp tal-bijoekonomija blu (applikazzjoni tal-prinċipju tal-ebda rimi mis-sajd, irkupru miż-żoni tal-marea, residwi mill-esplojtazzjoni tal-alga, trattament tal-iskart u tal-plastik, eċċ.);

51.

jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-esplorazzjoni tal-ibħra u l-oċeani kollha fid-dinja, b’mod partikolari bil-għan li jissaħħu l-għarfien dwar l-ambjent tal-baħar u x-xjenza tal-klima (iċ-ċiklu tal-karbonju u l-assorbiment tas-CO2, l-aċidifikazzjoni u ż-żieda fil-livell tal-baħar, eċċ.) jew biex jiġu identifikati d-diversi depożiti tal-enerġija u dawk mhux tal-enerġija sabiex jiġi vvalutat aħjar l-użu tal-potenzjal tar-riżorsi tal-baħar (l-enerġija ġeotermali, il-minerali strateġiċi, eċċ.);

Bini ta’ bastimenti militari u ċivili

52.

jenfasizza n-natura strateġika tal-investiment Ewropew fil-fatturi ta’ distinzjoni fis-settur tal-bini tal-bastimenti, b’mod partikolari fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika u enerġetika. Permezz tal-innovazzjoni, nistgħu ntejbu l-kompetittività tagħna u nerġgħu niksbu s-sehem mis-suq. Il-kwistjonijiet ta’ finanzjament huma essenzjali wkoll għall-bini tal-bastimenti;

53.

jiġbed l-attenzjoni lejn is-swieq ġodda relatati ma’ dawn it-tranżizzjonijiet: integrazzjoni ta’ propulsjoni nadifa fil-bastimenti, sistemi innovattivi ta’ propulsjoni dekarbonizzata (kunċetti ġodda ta’ qlugħ), bastimenti tal-forniment, laneċ elettriċi għall-ġarr tal-passiġġieri, bastimenti speċifiċi għall-ġarr tal-merkanzija fuq distanzi qosra, bastimenti ta’ servizzi portwarji u kostali, eċċ.;

54.

jenfasizza li huwa importanti li jissaħħu r-rabtiet u l-kooperazzjoni lokali bejn it-tarzni u l-ktajjen ta’ kokuntrattar tagħhom fil-qafas ta’ raggruppamenti marittimi; jenfasizza wkoll l-ħtieġa li jiġu appoġġjati r-reġjuni tal-bini tal-bastimenti u tat-tiswija tal-bastimenti, fejn joperaw għadd kbir ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju; jixtieq jara appoġġ speċifiku għall-ktajjen tal-valur fis-settur tal-manifattura tal-parts, li jammonta għal 50 % tas-sehem globali u għandu d-doppju tal-fatturat tal-bini tal-bastimenti stess; Fil-politika tagħha dwar il-kummerċ u l-finanzjament, l-UE għandha tippromovi wkoll l-użu ta’ parts Ewropej fil-bastimenti mibnija barra mill-UE;

55.

jenfasizza li għandhom isiru sforzi sistematiċi taħt European Sea Tech biex jinkludu atturi ġodda fil-ktajjen tal-valur tal-bini tal-bastimenti li jistgħu jgħinu biex jagħtu spinta lill-kapaċità tal-produzzjoni, jimmobilizzaw il-ħiliet u jżidu l-kompetittività Ewropea;

56.

jenfasizza li t-tiswija u l-kostruzzjoni ta’ bastimenti żgħar jikkostitwixxu industriji strateġiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, peress li l-flotot u l-istrutturi galleġġanti li joperaw fl-ilmijiet tagħhom huma soġġetti għar-restrizzjonijiet tal-lokazzjoni ta’ gżirithom u d-distanza remota tagħhom mill-Ewropea kontinentali. Dan għandu effett kruċjali fuq il-loġistika, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ bastimenti żgħar: b’konsegwenza, għandu jingħata appoġġ speċifiku lil dawn l-industriji sabiex jappoġġjaw it-tkabbir effiċjenti tal-attività marittima f’dawn ir-reġjuni;

57.

huwa tal-fehma li l-kwistjonijiet marittimi għandhom jitpoġġew fil-qalba tal-politiki l-ġodda tad-difiża u s-sigurtà, li se jeħtieġu l-għoti ta’ attenzjoni partikolari lill-bini tal-bastimenti militari; għal dan il-għan, jissuġġerixxi li jitqies aktar l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji doppji li jistgħu jintużaw fis-setturi ċiviċi u militari;

58.

jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-flotot li jwettqu kompiti sovrani ta’ sorveljanza u sigurtà, jemmen li dawn il-kompiti sovrani jeħtieġ jitwettqu minn bastimenti mibnija fl-Ewropa, u huwa tal-fehma li, speċjalment fid-dawl tal-Brexit u l-isfidi tal-migrazzjoni, l-organizzazzjoni xierqa ta’ dawn il-kompiti timplika dipendenza mill-flotot nazzjonali eżistenti fi sħubija mill-qrib mal-Frontex, u tirrikjedi sforz ta’ solidarjetà Ewropea biex jiġu appoġġati l-pajjiżi l-aktar involuti f’dawn il-missjonijiet ta’ interess komuni kbir;

L-enerġija rinnovabbli tal-baħar

59.

iqis l-enerġija rinnovabbli tal-baħar bħala settur b’potenzjal sostanzjali biex jagħti kontribut sinifikanti għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li fl-istess ħin joħloq katina ta’ valur industrijali li tiġġenera impjiegi lokali sostenibbli f’diversi reġjuni u jikseb suċċess fis-swieq tal-esportazzjoni, u jenfasizza li għandha tiġi żviluppata b’mod li jirrispetta l-ambjent li jkun kompatibbli, jew anke f’sinerġija, ma’ attivitajiet li jkunu jeżistu minn qabel;

60.

jenfasizza li l-ispejjeż qed jonqsu b’rata partikolarment impressjonanti fil-parks eoliċi fuq il-baħar b’bażi fissa fl-Ewropa, mill-installazzjoni tal-ewwel parks fl-1991 lil hawn u, l-iżjed, b’riżultat tas-settur industrijali effiċjenti Ewropew li ġie stabbilit matul l-aħħar deċennju;

61.

ifakkar fl-importanza tat-tiswijiet u tal-kontrolli li huma soġġetti għalihom il-bastimenti u li dawn għandhom jiġu skrappjati meta tintemm il-ħajja operattiva tagħhom. Għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tfassal pjan speċifiku, bil-ħsieb li l-UE tiġi attrezzata b’faċilitajiet adegwati għat-twettiq xieraq ta’ dawn il-kompiti, inklużi l-impenji baġitarji meħtieġa għal dan l-għan;

62.

jirrimarka li l-iżvilupp ulterjuri ta’ dan is-settur se jinvolvi li jitkomplew l-isforzi li qed isiru fil-livell Ewropew, b’mod partikolari fir-R&Ż (aktar minn EUR 3 biljun ta’ investiment), iżda issa jirrikjedi għażliet ċari ta’ politika li primarjament huma f’idejn l-Istati Membri: l-istabbiliment ta’ volumi u skedi ta’ żmien ambizzjużi għas-sejħiet tal-offerti, mhux biss għall-enerġija mir-riħ b’bażi fissa, li bħalissa huwa s-sottosettur l-aktar żviluppat, iżda wkoll għal teknoloġiji ġodda bħat-turbini galleġġanti, l-enerġija mill-marea u l-enerġija mill-mewġ, li għandhom bżonn urġenti ta’ redditi suffiċjenti u garantiti biex jiskattaw l-investiment u tinbeda l-industrijalizzazzjoni tagħhom;

63.

jappella sabiex fil-livell Ewropew jiġu stabbiliti għodod ta’ appoġġ apposta għall-investiment, kif ukoll għodod ta’ assigurazzjoni tal-proġetti u ta’ ġestjoni tar-riskji. Il-ħolqien ta’ dawn l-għodod jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-finanzjament b’mod sinifikanti u għalhekk inaqqas il-kost tal-elettriku prodott;

64.

jilqa’ l-progress sinifikanti li sar f’dawn l-aħħar snin fl-ittestjar ta’ prototipi u dimostraturi għal teknoloġiji emerġenti f’kundizzjonijiet ta’ użu reali, b’mod partikolari fir-rigward tal-enerġija mill-marea. L-ispejjeż huma mistennija li jonqsu peress li qed jiġu ġestiti sew u qed isiru aktar kredibbli, u dan għandu jippermetti li s-suq jinfetaħ tabilħaqq bis-saħħa ta’ tariffi feed-in adattati u li l-atturi Ewropej jibqgħu mexxejja b’saħħithom fuq livell globali;

65.

jinsisti li l-Ewropa għandha timmira li ssir mexxej dinji fil-qasam tat-turbini eoliċi galleġġanti u jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex janalizzaw sejħiet koordinati jew konġunti għall-offerti sabiex jipprovdu volum akbar u viżibilità ogħla. Jista’ jiġi żviluppat approċċ simili għall-enerġija mill-marea u l-enerġija mill-mewġ għall-farms pilota prekummerċjali;

66.

jenfasizza l-importanza li jittieħed approċċ speċifiku fiż-żoni mhux interkonnessi, speċjalment fir-reġjuni tal-gżejjer, li jippermetti li jiġu proposti soluzzjonijiet globali għall-awtonomija tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’taħlita ta’ teknoloġiji – inkluża l-enerġija rinnovabbli tal-baħar – f’modi differenti skont il-karatteristiċi ta’ kull territorju; fid-dawl ta’ dan, għandhom jiżdiedu l-isforzi biex jiġu żviluppati l-magni b’qawwa medja;

67.

jipproponi li dawn is-soluzzjonijiet awtonomi tal-enerġija għandhom jiġu ttestjati u ppruvati li huma effettivi f’faċilitajiet offshore ippjanati b’użijiet diversi, peress li tali faċilitajiet huma prekursuri ta’ orjentazzjoni dejjem aktar marittima tal-attivitajiet industrijali u, fil-perjodu twil, tal-ħajja tal-bniedem fis-sens usa’ tal-kelma. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li dawn il-perspettivi aktar fit-tul se jkollhom jikkonformaw ma’ kriterji stretti fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-ġestjoni tal-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġetti;

IV)   Il-portijiet – element ewlieni għal industriji marittimi dinamiċi

Pjattaformi portwarji u infrastrutturi portwarji, kostali u offshore

68.

jiġbed l-attenzjoni lejn il-kapaċità tal-portijiet bħala oqsma għall-iżvilupp ta’ proġetti tat-Tkabbir Blu, minħabba t-taħlita tal-attivitajiet u l-potenzjal tagħhom. Dawn jistgħu jservu wkoll bħala eżempju li jista’ jiġi estiż għar-reġjuni kostali kollha;

69.

jenfasizza li, irrispettivament mill-istatus tagħhom, il-portijiet għandhom ikomplu jitqiesu bħala assi strateġiċi li fihom l-awtoritajiet pubbliċi għandhom responsabbiltà li jinvestu, u li l-kompetizzjoni u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat iridu jippermettu dawn l-investimenti;

70.

jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura tal-portijiet fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li dawn ma għandhomx alternattivi għat-trasport tal-merkanzija u minħabba l-fatt li n-natura purament lokali tagħhom tfisser li l-għajnuna mogħtija mill-Istat lil din l-infrastruttura ma twassalx għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern Ewropew;

71.

jenfasizza li l-funzjoni ta’ port hija kemm bħala ċentru tat-trasport marittimu, kif ukoll li jospita industriji marittimi u attivitajiet assoċjati ta’ innovazzjoni u taħriġ; jiġbed l-attenzjoni għall-fattur ta’ attraenza reġjonali li l-portijiet jipprovdu biex jattiraw attivitajiet industrijali ġodda lejn l-art u ż-żona tal-madwar tagħhom stess;

72.

jenfasizza l-importanza tas-setturi tal-loġistika u tas-servizzi marittimi fi ħdan il-portijiet u l-ħtieġa li, minbarra l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, jiġu żviluppati mudelli kummerċjali u ta’ servizzi ġodda fil-portijiet, ibbażati, pereżempju, fuq id-diġitalizzazzjoni gradwali tagħhom (portijiet intelliġenti), u biex jiġi żviluppat il-potenzjal għat-titjib u l-ottimizzazzjoni tal-proċessi permezz tal-ipproċessar tad-data (big data);

73.

jirrakkomanda li titħeġġeġ koordinazzjoni aħjar bejn il-portijiet u l-ambjent urban tagħhom, filwaqt li tissaħħaħ l-awtonomija deċiżjonali tal-komunitajiet tal-port u jiġi żgurat li l-art tal-port tiġi ppreservata biex tippermetti żviluppi futuri;

74.

jissuġġerixxi l-ħolqien, fi ħdan l-iskema European Sea Tech, ta’ netwerk ta’ portijiet involuti fit-tkabbir tal-ekonomija blu, li jibni fuq il-ħidma tal-Forum Ewropew tal-Portijiet u l-“portijiet bħala ċentri ta’ tkabbir blu” u s-sottogruppi tal-“portijiet ekoloġiċi”;

75.

jenfasizza l-importanza tas-setturi tal-inġinerija ċivili u ambjentali fil-portijiet u ż-żoni kostali fl-iżvilupp tas-siti u x-xtut u fl-appoġġ għall-adattament għat-tibdil fil-klima;

76.

jipproponi li l-portijiet isiru l-post ta’ inkubazzjoni u eventwalment l-operaturi ta’ proġetti ta’ infrastrutturi ġodda fuq il-baħar, sew fil-każ ta’ portijiet offshore kif ukoll, b’mod aktar ġenerali, fil-każ ta’ ċentri kondiviżi għall-attivitajiet tal-ekonomija blu (trasbord, ċentri tal-loġistika, produzzjoni ta’ enerġija tal-baħar rinnovabbli, akkwakultura, tiswija tal-bastimenti, bażijiet tax-xjenza, eċċ.);

77.

jipproponi li titnieda diskussjoni dwar ir-rwol funzjonali tal-portijiet imsejħa “sekondarji”, li tiffoka fuq l-ispeċjalizzazzjoni fis-swieq ta’ volum baxx u fuq li ssaħħaħ/tikkomplementa portijiet industrijali kbar ġirien;

Id-dekarbonizzazzjoni tal-portijiet u t-trasport marittimu

78.

iqis li jeħtieġ li jissaħħaħ l-appoġġ għall-investiment fil-portijiet għall-bunkering tal-LNG u b’mod aktar wiesa’ għall-infrastruttura li tgħin biex titnaqqas il-marka tal-karbonju (konnessjoni elettrika bejn ix-xatt u l-art ibbażata fuq teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi) bħala kwistjoni ta’ urġenza; iqis li t-tranżizzjoni lejn karburanti aktar nodfa u vettur ġdid tal-enerġija bħala prijorità, bil-ħsieb li jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u gassijiet li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem, u jqis li s-sidien tal-bastimenti għandhom jingħataw appoġġ sabiex jaddattaw u jġeddu l-flotot tagħhom; jenfasizza li l-bijogass prodott minn bijoriżorsi (pjanti, agrikoltura u ikel) jista’ wkoll jikkontribwixxi għall-katina tal-valur tal-LNG, billi jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra saħansitra aktar mis-soluzzjonijiet attwali;

79.

jipproponi li ssir valutazzjoni tal-possibbiltà li jiġi stabbilit kuritur blu għal-LNG għall-gżejjer Ewropej u r-reġjuni ultraperiferiċi, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2018 dwar il-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fl-Unjoni Ewropea: wasal iż-żmien li naġixxu! (2018/2023(INI));

ifakkar, f’dan il-kuntest, fil-ħtieġa għal strumenti finanzjarji adegwati biex jappoġġjaw investimenti bħal dawn, li għadhom relattivament għoljin f’dawn l-oqsma;

80.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp tal-akkwakultura offshore, billi jiġi integrat l-għarfien attwali tal-inġinerija tal-oċeani ma’ dak tal-industrija 4.0, bħala mezz biex titnaqqas il-preżenza ta’ farms tal-akkwakultura fiż-żoni kostali favur attivitajiet oħrajn speċifiċi tal-ekonomija blu li jeħtieġ li jużaw l-istess żoni tal-baħar;

81.

jindika li ħidma tar-R&Ż tiftaħ triq possibbli għal karburanti sintetiċi likwidi prodotti bl-użu tal-katina tal-valur tal-karbonju u l-enerġija rinnovabbli; iħoss li din it-triq għandha tiġi esplorata b’kawtela u li dawn it-teknoloġiji jridu jagħtu prova li huma kompetittivi meta mqabbla ma’ alternattivi oħra, ikollhom impatt ambjentali baxx u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-effett serra matul iċ-ċiklu kollu. F’dan l-istadju, din il-prova għadha ma ġietx provduta;

82.

jirrikonoxxi li l-użu tal-LNG jista’ jkun biss soluzzjoni temporanja, u jappella sabiex jiġu żviluppati l-użijiet għall-provvista tal-elettriku lill-bastimenti fil-port, għall-bastimenti tal-elettriku, għall-enerġija solari u tar-riħ abbord il-bastimenti, u għall-kisba ta’produzzjoni kompetittiva u tal-użu tal-idroġenu rinnovabbli fit-trasport marittimu (flimkien mal-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mill-baħar, u b’mod partikolari s-setturi b’potenzjal kbir ta’ produzzjoni bħal parks eoliċi fuq il-baħar b’bażi fissa u dawk galleġġanti);

83.

jappella biex fil-portijiet tiġi stabbilita l-infrastruttura meħtieġa ta’ netwerks intelliġenti biex jiġu integrati s-sorsi distribwiti tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, jitnedew sistemi ta’ provvista tal-enerġija max-xatt, il-mobbiltà elettrika u t-teknoloġiji l-oħrajn kollha b’rabta man-netwerks intelliġenti;

Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  NAT-V-044 – “L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir”, relatur: Adam Banaszak.

(2)  https://www.eesc.europa.eu/mt/node/56116


Top