EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR6435

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tat-tagħlim tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, (l-arti) u l-matematika [STE(A)M] fl-Unjoni Ewropea

COR 2018/06435

ĠU C 404, 29.11.2019, p. 30–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 404/30


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tisħiħ tat-tagħlim tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, (l-arti) u l-matematika [STE(A)M] fl-Unjoni Ewropea

(2019/C 404/06)

Relatur

:

Csaba BORBOLY (RO/PPE), President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Harghita

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ r-rikonoxximent minn proporzjon sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa tal-fatt li hemm opportunitajiet u responsabbiltajiet importanti għalihom fid-definizzjoni ta’ approċċ koerenti u integrat għat-tagħlim tas-STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi assoċjati ma’ dawn id-dixxiplini dejjem aktar mifruxa madwar id-dinja fil-livelli differenti ta’ tagħlim;

2.

jirrimarka li filwaqt li t-tkabbir ta’ setturi ekonomiċi intensivi fl-innovazzjoni bħal ICT, robotika, awtomazzjoni, riċerka u żvilupp tekniċi, loġistika u diversi attivitajiet ta’ inġinerija huwa mistenni li jkompli b’mod sostnut, dan jista’ jkun imxekkel minn implimentazzjoni mhux xierqa tal-edukazzjoni STEM;

3.

huwa tal-fehma li, fil-każ tas-STEM, għalkemm huwa ċertament possibbli li wieħed jitkellem dwar metodu ppruvat ta’ tagħlim li ilu fis-seħħ għal għexieren ta’ snin u li l-kundizzjonijiet materjali tiegħu huma diġà fis-seħħ, għad hemm bżonn li jittieħdu miżuri ġodda, fid-dawl tal-importanza li jkun hemm aktar għalliema li jkunu jistgħu jmorru lil hinn mill-fruntieri tradizzjonali bejn id-dixxiplini differenti u jagħtu prijorità lil approċċ interdixxiplinari ta’ tagħlim ibbażat fuq ir-riċerka applikata, il-metodu xjentifiku u proġetti, u fid-dawl tal-fatt li, f’ħafna każijiet, il-ħtieġa li jsir investiment f’dan il-qasam s’issa għadha ma ġietx rikonoxxuta fil-politiki nazzjonali tal-edukazzjoni fid-diversi Stati Membri;

4.

jenfasizza li l-edukazzjoni STEM ma tfissirx biss li wieħed jgħaddi lil ħaddieħor diversi suġġetti jew dixxiplini xjentifiċi b’mod separat. Wieħed mill-prinċipji bażiċi huwa li t-tagħlim tagħhom irid ikun ippjanat u mwassal mhux f’iżolament, iżda bħala parti minn approċċ koerenti u trasversali taħt sistema li fil-prattika tkun multidixxiplinarja;

5.

jinnota li skont diversi studji, l-għadd ta’ impjiegi se jiżdied b’mod sinifikanti, inkluż fil-perjodu medju, fis-setturi relatati mas-STEM, u huwa f’dawn l-oqsma li l-qgħad jinsab fl-aktar livell baxx fi kważi l-Istati Membri kollha;

6.

iwissi li, skont il-Forum Ekonomiku Dinji (1), id-dikotomija bejn l-Istudji Umanistiċi u x-Xjenzi ma tippreparax lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda għal rwoli ġodda multifunzjonali li għalihom il-ħaddiema se jeħtieġu ħiliet tekniċi, kif ukoll soċjali u analitiċi. Għalhekk, jappella għal enfasi b’saħħitha fuq is-suġġetti STEAM, biex l-istudenti jiġu mgħammra b’ħiliet li jsolvu problemi kumplessi, kreattività, ħsieb kritiku, ġestjoni tal-persuni u flessibbiltà konjittiva;

7.

iqis li huwa importanti li jiġi ddikjarat li, fuq il-bażi tar-riżultati fil-qasam tas-STEM fil-livell internazzjonali, ikun jaqbel li dan mhux biss jitqies fl-edukazzjoni għolja, iżda li jiġu introdotti l-bażijiet fil-livelli kollha mill-edukazzjoni primarja ’l quddiem. Dan jista’ jinkiseb billi titwessa’ l-firxa tal-ħiliet bażiċi li għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd sabiex jiġu inklużi l-ħiliet bażiċi STEM, u speċjalment il-litteriżmu tekniku u xjentifiku;

8.

iqis li, f’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, jeħtieġ li jiġi eżaminat kif il-livell lokali u reġjonali jista’ jgħin, abbażi tal-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni, biex jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet u l-ispariġġi eżistenti bejn it-taħriġ, il-forza tax-xogħol u l-impjiegi relatati mas-STEM permezz ta’ koordinazzjoni, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwi Ewropej;

9.

ifakkar li, fl-interess tas-sussidjarjetà u d-deċentralizzazzjoni fl-Istati Membri, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut bis-sħiħ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jiffinanzjaw l-iskejjel jew jappoġġjaw b’modi oħra n-netwerk edukattiv, bla dubju ta’ xejn għandhom post f’dan il-proċess peress li jaqdu rwol deċiżiv fil-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE;

10.

iqis li l-inizjattivi, l-istrateġiji, il-pjani ta’ azzjoni u s-sħubijiet pubbliċi-privati implimentati fil-livell lokali u reġjonali fil-qasam tas-STEM jistgħu jaqdu rwol importanti biex inaqqsu d-differenzi fl-iżvilupp bejn reġjuni differenti. F’ħafna każijiet, it-titjib tal-kompetenzi marbuta ma’ impjiegi relatati mas-STEM ma jiddependix minn infrastruttura edukattiva tradizzjonali li tiswa ħafna, u barra minn hekk, b’mod partikolari fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tal-adulti, hemm ukoll ħafna opportunitajiet biex jiġu organizzati korsijiet speċjalizzati ta’ ċiklu qasir, xi drabi ta’ ftit xhur biss. Il-preżenza ta’ ħaddiema kompetenti b’rabta mas-STEM fit-territorju tagħhom hija fattur deċiżiv għall-kompetittività tar-reġjuni, u l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali differenti f’dan il-qasam jista’ jkun partikolarment effikaċi. Meta s-suġġetti STEM jiġu kkunsidrati bħala prijorità edukattiva fil-livell lokali u reġjonali, l-istess bħal investimenti u inizjattivi miftiehma għall-iżvilupp, dawn jistgħu jikkontribwixxu ħafna biex irażżnu l-effetti dannużi tal-eżodu ta’ mħuħ għax fil-livell lokali jipprovdu opportunitajiet ta’ karrieri adattati għall-forza tax-xogħol attiva fil-qasam tas-STEM;

11.

iqis li meta l-kmamar u l-organizzazzjonijiet tal-professjonijiet li huma wkoll attivi u stabbiliti sew fil-livell lokali u reġjonali jiġu assoċjati fl-ippjanar tat-taħriġ u fl-attivitajiet ta’ taħriġ proprji, dan jiffavorixxi l-effiċjenza tal-approċċ tas-STEM, u b’hekk jippermetti li jiġu espressi aħjar u promossi l-valur miżjud u l-interessi lokali u reġjonali;

12.

fid-dawl tal-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021–2027 u f’konformità mar-Rapporti tal-Pajjiżi tas-Semestru Ewropew, li joħorġu gwida għal dan l-għan, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità xierqa biex jappoġġjaw inizjattivi relatati mas-STEM fil-livell lokali u reġjonali u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-investimenti meħtieġa jsiru minn fondi tal-Istati Membri jew tal-Unjoni, u li l-ippjanar tal-politika ta’ koeżjoni jkollu approċċ aktar immirat lejn in-nuqqas tal-ħiliet STEM. Iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex, meta tfassal il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u fl-ambitu tat-“Tisħiħ tal-provvista tax-xogħol u tal-ħiliet”, li jindirizza d-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw kif xieraq l-inizjattivi relatati mas-STEM peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu għaż-żamma ta’ mudell ekonomiku Ewropew ibbażat fuq l-għarfien li jista’ jiġi żviluppat b’suċċess filwaqt li jkun inklużiv u jippromovi l-opportunitajiet indaqs;

13.

iqis li issa huwa ż-żmien għall-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-pjani ambizzjużi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, biex tiżgura li l-prijoritajiet kollha relatati mas-STEM jiġu indirizzati fil-ġestjoni diretta tagħha ta’ programmi rilevanti tal-UE; jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni trawwem il-wiri u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam STEM anke permezz ta’ portal iddedikat tal-UE;

14.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi koordinati biex jiżguraw

approċċ mingħajr preġudizzju tal-ġeneru fl-edukazzjoni, il-konsulenza u l-iżvilupp tal-kurrikulu tas-STEM,

it-tabella ta’ valutazzjoni “Nisa fis-settur Diġitali” (Women in Digital (WID)), li hija t-tabella ta’ valutazzjoni annwali tal-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali, tiġi estiża biex tivvaluta wkoll l-akkwist ta’ ħiliet STEM min-nisa u l-inklużjoni tan-nisa fl-impjiegi STEM,

li d-drittijiet lingwistiċi tal-minoranzi etniċi u lingwistiċi jkunu wkoll protetti fi sforzi edukattivi innovattivi, għalhekk il-materjali edukattivi u l-kurrikuli tagħhom ma għandhomx jaqgħu lura,

azzjoni diretta u effettiva u skambju ta’ prattiki tajba sabiex iż-żgħażagħ jintlaħqu fis-sistema edukattiva u sabiex in-NEETs jiġu attirati lejn impjiegi u korsijiet STEM;

jappella wkoll sabiex jittieħdu azzjonijiet konkreti għal dan l-għan biex jiġu indirizzati l-isterjotipi tal-ġeneri, jiġu promossi l-ħiliet u t-tagħlim STEM tan-nisa u jiġi appoġġjat l-involviment ta’ aktar nisa f’impjiegi u intraprenditorija relatati mas-STEM;

15.

jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li, matul l-aħħar ftit għexieren ta’ snin, kien hemm tliet lakuni inkwetanti fil-qasam tas-STEM:

i.

madwar l-Ewropa, hemm nuqqas ta’ għalliema speċjalizzati fis-STEM fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

ii.

f’ħafna każijiet, qed jonqos l-interess li l-istudenti juru fis-STEM;

iii.

ir-riżultati miksuba mis-sistema edukattiva mhux dejjem ikunu jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

16.

iqis, madankollu, li dawn il-kwistjonijiet m’għandhomx jitqiesu bħala problema, iżda bħala sfida konkreta li għandha tiġi indirizzata, u li biex jiġu indirizzati b’mod effettiv bilfors hemm bżonn ta’ pjanar xieraq, it-twaqqif ta’ sħubijiet lokali u reġjonali u kooperazzjoni ma’ min iħaddem; barra minn hekk, il-fatt li attwalment disa’ Stati Membri biss għandhom strateġija nazzjonali fir-rigward tas-STEM jenfasizza l-urġenza li l-kwistjoni tiġi indirizzata mill-Istati Membri kollha u bl-aħjar mod possibbli permezz ta’ strateġiji lokali u reġjonali;

17.

jenfasizza li l-proporzjon ta’ nisa f’dan it-tip ta’ taħriġ u xogħol għadu baxx, li jfisser li għad hemm ħafna xogħol xi jsir f’termini ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda wkoll li dan il-qasam u dawn il-professjonijiet għandhom potenzjal għat-tkabbir. Fil-każ ta’ bniet żgħar, mudelli eżemplari jista’ jkollhom rwol importanti biex iħeġġuhom jikkunsidraw is-settur STEAM. Għall-etajiet kollha, huwa meħtieġ li jiġu introdotti għadd ta’ miżuri, inklużi programmi ta’ gwida vokazzjonali u għotjiet immirati ta’ studju u apprendistat. L-istudji juru li l-eliminazzjoni tad-disparità bejn is-sessi fis-STEM tikkontribwixxi għal żieda fil-PDG per capita tal-UE minn 2,2 % għal 3,0 % u żżid l-impjiegi fl-UE minn 850 000 impjieg għal 1 200 000 impjieg sal-2050, filwaqt li l-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa fis-settur tal-ICT, li qed jikber b’mod rapidu iżda li għadu ferm segregat, twassal għal gwadann ta’ madwar EUR 9 biljuni fil-PDG tal-UE kull sena (2);

18.

jinnota li bħalissa, f’madwar 35 pajjiż Ewropew, inqas minn persuna minn kull ħames gradwati fix-xjenza tal-kompjuter huma nisa (3). Jirrimarka li, l-indirizzar tad-diskrepanza bejn is-sessi fir-rigward tal-ħiliet relatati ma’ STEM, hija ferm aktar kruċjali peress li l-ħolqien tal-impjiegi huwa dejjem aktar ikkonċentrat fis-setturi relatati mas-STEM, bil-ħolqien ta’ madwar 120 000 impjieg ġdid fl-ICT kull sena. Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-Ewropa tista’ tiffiċċja nuqqas li jista’ jammonta sa 900 000 ħaddiem tas-sengħa fl-ICT sal-2020 (4). Jenfasizza għal dan l-għan, li l-għajnuna lil aktar bniet u nisa biex iħaddnu s-setturi STEM tirrikjedi sħubija bejn il-ġenituri, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-livelli kollha governattivi u tal-industrija, bl-inkoraġġiment u l-mentoring u l-promozzjoni ta’ mudelli eżemplari femminili bħala komponenti ewlenin;

19.

jinnota wkoll opportunitajiet sinifikanti għal universitajiet reġjonali u ċiviċi fit-tixrid ta’ STEM, peress li korsijiet u dixxiplini universitarji relatati ma’ STEM jistgħu jiġu internazzjonalizzati, li jistgħu jagħmluhom partikolarment attraenti għal universitajiet ambizzjużi. Dan huwa wkoll minħabba l-fatt li l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’ STEM, jiġifieri l-iżvilupp ta’ ħidma f’tim, il-faċilitazzjoni ta’ sinerġiji interprofessjonali, l-appoġġ u ż-żieda fid-disponibbiltà ta’ internships, it-tisħiħ tal-edukazzjoni bbażata fuq il-proġetti u ż-żieda tal-parteċipazzjoni ta’ studenti żvantaġġati jew b’diżabilità jew dawk minn sfondi minoritarji fl-edukazzjoni u l-attivitajiet ta’ taħriġ, tista’ tittrasforma r-reġjuni, l-universitajiet u l-iskejjel vokazzjonali f’pijunieri meta jiġi żgurat li dawn ikunu kapaċi jaħtfu l-opportunitajiet offruti minn STEM fi stadju bikri;

20.

jenfasizza li fejn il-moduli tas-STEM jiġu organizzati fil-livell lokali u reġjonali, l-għarfien lokali speċifiku jista’ jiġi integrat fl-offerta ta’ taħriġ, u dan ifisser li jkomplu jitwessgħu l-possibbiltajiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-qasam ukoll;

21.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li meta mas-STEM jiżdied komponent marbut mal-arti, mal-kreazzjoni u mad-disinn, dan jippermetti li jiġu sfruttati soluzzjonijiet u tradizzjonijiet lokali u reġjonali speċifiċi, u li, fl-istess ħin, tali estensjoni tas-STEM tipprovdi lis-STEAM b’opportunitajiet reali għal innovazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ li, jekk jintużaw b’suċċess, jippermettu wkoll li r-reġjuni Ewropej jagħtu eżempju tajjeb madwar id-dinja, li jista’ jagħti spinta addizzjonali lill-kapaċitajiet tagħhom ta’ innovazzjoni li qed jikbru, peress li l-inklużjoni tal-arti tista’ twassal għal żieda sinifikanti fil-kreattività f’dan il-qasam; Ifakkar li, skont l-istudju reċenti tal-OECD (5), l-edukazzjoni artistika hija dejjem aktar importanti għal soċjetajiet xprunati mill-innovazzjoni, b’għadd dejjem jikber ta’ universitajiet li jiżviluppaw tipi ġodda ta’ kurrikuli interdixxiplinari;

22.

iqis, minn naħa waħda, li jkun utli li l-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ persważjoni relatati mas-STEM u s-STEAM jiġu estiżi wkoll għall-ġenituri, u, min-naħa l-oħra, li huwa essenzjali li jinstabu metodi xierqa biex jiġbdu l-attenzjoni tat-tfal b’mod adatt u attraenti għall-komponenti STEM fi stadju bikri ħafna, sa mill-programmi preskolastiċi;

23.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri meħtieġa fil-kuntest tal-kontinwazzjoni u t-tiġdid tal-proċess ta’ Bolonja u fil-kuntest tal-proċess li jwassal għar-rikonoxximent awtomatiku ta’ diplomi, u jħeġġiġha tiżgura li l-kwistjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u taħriġ fl-oqsma tas-STEM u tal-arti tiġi indirizzata kemm jista’ jkun malajr bħala kwistjoni ta’ prijorità u b’mod xieraq;

24.

iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex, billi jużaw l-għodod disponibbli u bi qbil mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u billi jinvolvu wkoll universitajiet reġjonali u ċiviċi, jidentifikaw kurrikuli għal STEM u STE(A)M f’livelli differenti ta’ edukazzjoni. Dan jagħmilha possibbli li tiġi introdotta STEM b’mod aktar faċli u flessibbli, anki bħala programm ta’ edukazzjoni lokali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi qafas integrat ta’ kompetenza STEM bil-ħsieb li jittejbu l-komparabilità u l-istandards ta’ kisba fl-UE;

25.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Eurostat jirfinaw il-metodu ta’ ġbir ta’ data skont ir-rilevanza tagħha, biex jiġi żgurat li s-sistemi ta’ tagħlim tas-STEM bħala dixxiplini separati u s-sistemi bbażati fuq interpretazzjoni olistika tas-STEM ikunu jistgħu jiġu distinti b’mod ċar, u biex tiġi kjarifikata d-dimensjoni reġjonali globali, li jiffaċilita wkoll l-iżvilupp ta’ strateġiji lokali u reġjonali fir-rigward tas-STEM.

Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  Forum Ekonomiku Dinji, Global Challenge Insight Report, Jannar 2016 (Mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), 2017: Il-benefiċċji ekonomiċi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE

(3)  OECD Gender Data Portal, Where are tomorrow’s female scientists (https://www.oecd.org/gender/data/wherearetomorrowsfemalescientists.htm) (Mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  Digital skills, jobs and the need to get more Europeans online (https://ec.europa.eu/commission/commissioners/2014-2019/ansip/blog/digital-skills-jobs-and-need-get-more-europeans-online_en) (Mhux disponibbli bil-Malti)

(5)  Art for Art’s Sake? The impact of Arts education (https://read.oecd-ilibrary.org/education/art-for-art-s-sake_9789264180789-en#page1) (Mhux disponibbli bil-Malti)


Top