This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018IR6433
Opinion of the European Committee of the Regions — A sustainable Bioeconomy for Europe: Strengthening the connection between economy, society and the environment
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: it-tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: it-tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent
COR 2018/06433
ĠU C 404, 29.11.2019, p. 24–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 404/24 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: it-tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent
(2019/C 404/05)
Relatur |
: |
Jácint HORVÁTH (HU/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Nagykanizsa |
Dokument ta’ referenza |
: |
Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: it-tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent COM(2018) 673 final |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Kummenti ġenerali
1. |
jilqa’ b’mod favorevoli l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: It-tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent, li tipproponi pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea mġedda dwar il-bijoekonomija tul is-snin li ġejjin. Il-Kumitat iqis li jista’ jaqdi rwol ewlieni fid-djalogu mal-Kummissjoni Ewropea; |
2. |
iqis li l-pjan ta’ azzjoni ppubblikat huwa ambizzjuż biżżejjed u li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li jinkludi hija essenzjali għall-iżvilupp b’rata adatta tal-bijoekonomija Ewropea; |
3. |
iqis, barra minn hekk, li l-iżvilupp tal-bijoekonomija għandu potenzjal kbir ferm għat-tkabbir u l-impjiegi, u jirrimarka li dan jista’ jinkiseb biss jekk l-atturi reġjonali u lokali jikkooperaw mill-qrib fuq il-post u jsegwu objettivi komuni. Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-importanza ta’ bijoekonomija sostenibbli għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; |
4. |
huwa konvint li l-inizjattivi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-bijoekonomija għandhom jiġu armonizzati billi jiġu sfruttati l-effetti pożittivi tal-governanza f’diversi livelli b’tali mod li jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-bijoekonomija fl-Ewropa. Barra minn hekk, u anke fir-rigward tal-bijoekonomija, il-livell lokali u reġjonali għandu rwol importanti x’jaqdi fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-industrija, il-gvern u s-soċjetà ċivili, permezz tal-mudell tal-ispiral kwadruplu (quadruple helix); |
5. |
jenfasizza l-opportunitajiet straordinarji offruti mill-perjodu 2021-2027 għall-iżvilupp tal-bijoekonomija. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u għadd kbir ta’ strateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, peress li jippermettu l-kofinanzjament ta’ programmi u proġetti li jsaħħu l-bijoekonomija; |
6. |
barra minn hekk, jinnota li, mill-2021, il-Kummissjoni qed tipprevedi wkoll l-obbligu li jitfasslu l-pjani ta’ azzjoni għall-bijoekonomija fl-aktar livell territorjali xieraq, li se jinvolvi t-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-ġestjoni tal-programmi bl-aktar mod dirett flimkien mas-setturi u ċ-ċittadini kkonċernati, skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli. Sabiex tinħoloq bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari, jeħtieġ li l-attivitajiet jiġu integrati sew fil-livell lokali u reġjonali, peress li l-popolazzjonijiet lokali jafu sew il-katini ta’ valur eżistenti fi ħdan ir-reġjuni. Ir-reġjuni jinvestu fis-servizzi u l-kapaċitajiet bażiċi, b’tali mod li l-approċċ lokali u reġjonali huwa l-garanzija ta’ rabta b’saħħitha mal-ispeċifiċitajiet u l-ispeċjalizzazzjoni reġjonali; |
7. |
iqis li tinħtieġ reviżjoni b’mod regolari tal-qafas legali sabiex jitneħħew l-ostakli legali għall-investiment, bil-għan li tinkiseb b’suċċess il-viżjoni tal-akbar espansjoni possibbli tal-bijoekonomija; |
8. |
huwa konvint li l-iżvilupp ta’ bijoekonomija Ewropea sostenibbli se joħloq l-impjiegi, b’mod partikolari fiż-żoni kostali u rurali, permezz taż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-produtturi primarji fil-bijoekonomija lokali. Huwa stmat li fis-setturi tal-bijoekonomija jistgħu jinħolqu miljun impjieg ġdid sal-2030; |
9. |
iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-UE jiżviluppaw strateġija nazzjonali dwar il-bijoekonomija sal-2021 bħala parti mill-ippjanar tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għas-snin 2021-2027, sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-programmi ta’ żvilupp; |
10. |
iħeġġeġ lir-reġjuni kollha fl-Ewropa, peress li huma wieħed mill-aktar livelli territorjali adatti għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-bijoekonomija, biex jadottaw pjani ta’ azzjoni għall-bijoekonomija, sa mhux aktar tard minn tmiem l-2024, jew jipprevedu kapitolu separat dwar il-bijoekonomija fil-qafas tal-istrateġija ta’ żvilupp ġenerali tagħhom. Il-Kumitat iqis wkoll li, peress li l-limiti ekoloġiċi tal-bijoekonomija jmorru lil hinn minn dawk amministrattivi, għandhom jiġu previsti wkoll strateġiji interreġjonali sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali (ġemellaġġ, netwerks) ma’ reġjuni bi profil simili. Fl-istess ħin, is-sħubijiet tal-bijoekonomija għandhom jiġu promossi fl-istrateġiji makroreġjonali u f’dawk tal-baċiri tal-baħar; |
11. |
jittama li t-tkabbir tal-akkwist pubbliku ekoloġiku jkun qawwi kemm jista’ jkun fil-futur fl-Unjoni Ewropea, u josserva li l-iżvilupp tal-bijoekonomija huwa prerekwiżit għal dan it-tkabbir; Josserva għalhekk li l-akkwist pubbliku huwa għodda importanti li jista’ jappoġġja l-iżvilupp ta’ prodotti u soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika. Sabiex dan ikun appoġġjat u jkun possibbli, ta’ spiss jinħtieġ appoġġ mill-UE, fil-forma ta’ rekwiżiti ta’ ekodisinn, standards, dikjarazzjonijiet dwar il-klima u dikjarazzjonijiet ambjentali dwar il-prodotti u strateġiji dwar miżuri għall-iżvilupp; |
12. |
jinnota bi tħassib li, skont dokument reċenti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, fil-perjodu 2015-2030, madwar 11 % (aktar minn 20 miljun ettaru) ta’ art agrikola fl-UE jinsabu f’riskju potenzjali għoli ta’ abbandun minħabba fatturi relatati mal-adegwatezza bijofiżika tal-art, l-istruttura tal-azjendi agrikoli u l-vijabbiltà agrikola, il-popolazzjoni u l-ispeċifiċitajiet reġjonali (1). Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat jenfasizza l-potenzjal importanti ta’ art agrikola abbandunata għaż-żieda fil-produzzjoni ta’ diversi tipi ta’ bijoriżorsi, sakemm tali użu diversifikat ma jipperikolax l-art agrikola b’Valur Naturali Għoli (HNV) u lanqas ma jnaqqas il-bijodiversità u l-potenzjal għar-ripristinar u r-restawr tal-ambjent selvaġġ tal-ħabitats; |
13. |
ifakkar li, f’Opinjoni preċedenti dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (2), fir-rigward tal-ambjent u l-ikel enfasizza l-ħtieġa tal-irduppjar, meta mqabbel mal-2017, tal-erja użata għall-produzzjoni organika fl-Istati Membri, jew mill-inqas 30 % tal-erja agrikola użata tal-Istati Membri; |
14. |
jappoġġja l-konklużjonijiet tar-rapport dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija tal-UE għall-foresti, li skonthom għandha tiġi kkoordinata r-reviżjoni tal-istrateġija għall-foresti u r-riforma tal-istrateġija dwar il-bijoekonomija. Għandha tiġi żgurata konsistenza bejn id-diversi politiki tal-UE fl-iżvilupp tal-bijoekonomija tal-foresti u l-promozzjoni tal-innovazzjoni; |
It-tisħiħ tas-setturi tal-bijoekonomija u l-iżvilupp tal-attività tagħhom, l-iżblukkar tal-investimenti u s-swieq
15. |
jemmen li l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-bijoekonomija bħalissa jattiraw investituri kummerċjali biss jekk ikunu involuti fl-iżvilupp ta’ prodotti b’valur miżjud għoli. Ikun meħtieġ li jiġu rfinati l-iskemi ta’ sostenn sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji fir-rigward ta’ prodotti b’bażi bijoloġika, b’valur tas-suq baxx iżda intiżi biex jissostitwixxu prodotti fossili. Jinħtieġu mekkaniżmi iżjed ċari għall-ipprezzar tar-riżorsi tal-bijoenerġija, mingħajr ma jiġi ddettat kif għandhom jintużaw ir-riżorsi. L-ipprezzar kif imiss tar-riżorsi fossili huwa fundamentali biex il-bijoekonomija tkun kompetittiva; |
16. |
huwa tal-fehma li l-istabbiliment ta’ sistema armonizzata għar-regolamentazzjoni tal-istandards dwar prodotti li jistgħu jiġu manifatturati b’mod sostenibbli u l-iskart tagħhom, kif ukoll il-garanzija tal-istabbiltà ta’ din is-sistema fil-livell tal-Istati Membri, ikunu pass kbir ’il quddiem għall-organizzazzjonijiet involuti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-manifattura ta’ prodotti b’bażi bijoloġika; |
17. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja l-proċessi involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti b’bażi bijoloġika fl-Istati Membri tal-UE u l-multiplikazzjoni tat-teknoloġiji fil-qasam tal-bijoekonomija sostenibbli. L-UE għandha tassumi r-rwol ta’ mexxej fis-settur billi tiżviluppa teknoloġiji avvanzati relatati mal-bijoekonomija bil-għan li jiġi promoss il-ħolqien ta’ impjiegi u li tkun assigurata l-provvista ta’ prodotti b’bażi bijoloġika; |
18. |
jenfasizza li r-regoli applikabbli għandhom jevitaw li jimponu piż amministrattiv eċċessiv fuq l-utenti tar-riżorsi bijoloġiċi. Attwalment, dawn ir-rekwiżiti ta’ rappurtar relatati mas-sostenibbiltà u mal-ekonomija (inkluż għall-imsieħba tan-negozju) jiġu kemm mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif ukoll mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II). Huwa importanti wkoll li tiġi evitata l-mikroġestjoni tal-użu tar-riżorsi tal-bijoenerġija differenti, bil-kundizzjoni li dawn ir-riżorsi jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tnaqqis tal-impatt fuq il-klima u t-titjib tas-sostenibbiltà. B’mod partikolari, fil-bijoraffineriji jintużaw flussi differenti ta’ riżorsi għal varjetà ta’ finijiet differenti, inklużi l-bijokarburanti; |
19. |
iqis li l-iżvilupp tal-bijoekonomija, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas żviluppati, huwa marbut ma’ proġetti konkreti, u li t-twettiq ta’ innovazzjonijiet ewlenin jagħmilha possibbli li jiġi segwit l-iżvilupp. Fir-rigward ta’ BIOEAST u inizjattivi simili b’aktar minn Stat Membru wieħed, il-KtR jipproponi li l-Kummissjoni tħeġġeġ it-tisħiħ ta’ sinerġiji pożittivi permezz ta’ programmi u għotjiet tematiċi. Jeħtieġ li l-interkonnessjoni bejn l-attivitajiet ta’ trasferiment tat-teknoloġija u r-riżorsi tal-bijomassa fir-reġjuni tippermetti li jinkisbu riżultati dimostrabbli għas-soċjetà wkoll, u b’hekk jintwera li l-bijoekonomija sostenibbli hija l-qalba “ekoloġika” ħajja tal-ekonomija ċirkolari; |
20. |
jemmen li, sabiex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija u sabiex l-enerġija rinnovabbli ssir aktar kompetittiva fis-suq meta mqabbla mal-karburanti fossili mingħajr ma dan jitqies bħala għajnuna mhux awtorizzata mill-Istat, għandu jiġi kkunsidrat l-aġġustament tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija u tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; |
21. |
jilqa’ l-fatt li, fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tistabbilixxi strument ta’ sostenn għall-politiki biex tindirizza l-iżbilanċi territorjali fil-bijoekonomija, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li din l-għodda tiffunzjona tal-inqas sa tmiem l-2027, sabiex jitnaqqsu b’mod effettiv id-disparitajiet territorjali li ħarġu fid-dieher preċedentement f’dan il-qasam; |
22. |
jilqa’ l-inklużjoni tal-bijoteknoloġija fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) f’diversi pajjiżi tal-UE. It-tfassil ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti kienet kundizzjoni ex-ante għall-aċċess għall-fondi Ewropej tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI) fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, u dawn l-istrateġiji huma wkoll strumenti għall-azzjoni politika li, bl-għoti ta’ stampa tal-karatteristiċi reġjonali u territorjali, tas-setturi u l-prijoritajiet teknoloġiċi, huma punti ta’ riferiment għall-implimentazzjoni tal-politiki. Iqis ukoll li l-RIS3 reġjonali relatati mal-bijoekonomija jkunu aktar effettivi jekk ikunu bbażati fuq sforzi kkoordinati, kemm bejn ir-reġjuni ġirien kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, sabiex jiġi salvagwardjat l-ambjent fit-tul, tiġi protetta l-bijodiversità u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-bijoekonomija; |
23. |
iqis li jeħtieġ li jiżdied l-appoġġ għall-bijoteknoloġija, kemm mil-lat ta’ prijoritajiet ta’ riċerka u innovazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-prijoritajiet ta’ investiment. Permezz tal-bażi ta’ għarfien u l-istrumenti tagħha, il-bijoteknoloġija tista’ mhux biss tnaqqas l-impatti negattivi fuq l-ambjent, peress li hija r-rabta bejn l-istadji tal-ipproċessar tal-bijomassa, iżda wkoll tippromovi l-iżvilupp ta’ industriji b’bażi bijoloġika b’mod sostenibbli; |
24. |
japprova l-Azzjoni 1.5 tal-Pjan ta’ Azzjoni, li tipprevedi l-iżvilupp ta’ 300 bijoraffinerija sostenibbli (3). Il-KtR jipproponi li, fil-bini ta’ bijoraffinerija ġdida, abbażi tad-data tas-sistema unika ta’ indikaturi u ta’ monitoraġġ, ir-reġjuni inqas żviluppati fis-settur tal-bijoekonomija għandhom jiġu megħjuna biex jirkupraw, b’konformità mar-regoli u l-għotjiet tal-PAK u d-Disa’ Programm Qafas. L-introduzzjoni ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi flimkien mal-iżvilupp ta’ sistemi konnessi ta’ trasferiment tal-għarfien se jiżguraw sfruttament ekoloġikament korrett tal-potenzjal tal-ekosistemi, li jista’ jwassal għal ktajjen ta’ valur sostenibbli tal-bijomassa; |
25. |
jemmen li sabiex il-ktajjen ta’ valur jiġu ottimizzati, ikkonvertiti u integrati huwa essenzjali li l-partijiet interessati lokali u reġjonali, u b’mod partikolari l-SMEs, jiġu involuti b’mod attiv sabiex tiġi involuta l-katina kummerċjali kollha lil hinn mill-produtturi primarji. Huwa essenzjali li jingħata appoġġ lill-involviment tal-SMEs fil-proċessi ta’ konverżjoni tat-teknoloġija u tan-negozju tagħhom lejn il-bijoekonomija; |
L-iskjerament rapidu tal-bijoekonomiji lokali madwar l-Ewropa
26. |
jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lill-għoti ta’ informazzjoni lil dawk responsabbli fi ħdan l-amministrazzjonijiet tal-bliet u ż-żoni rurali sabiex ikunu jistgħu jintegraw il-possibbiltajiet ta’ produzzjoni u proċessar tal-bijomassa fil-proċess ta’ pjanar strateġiku u tal-baġit fit-tul; |
27. |
jenfasizza li l-konsultazzjonijiet bejn reġjuni ġirien għandhom jagħmluha possibbli li jiġu żviluppati teknoloġiji u soluzzjonijiet għall-biedja organika u ċirkolari fil-kuntest ta’ kooperazzjoni reċiproka; |
28. |
jistma li l-bliet għandhom jiġu ttrasformati f’ċentri importanti tal-bijoekonomija ċirkolari. Il-ġestjoni ċirkolari tal-materjali u r-riċiklaġġ (jew fejn applikabbli, ir-riraffinar) tal-iskart, inkluż l-iskart organiku, fil-bliet huma ta’ importanza kbira, u l-implimentazzjoni tagħhom tirrikjedi mhux biss infrastruttura u sistemi ta’ ġbir, proċessar u riċiklaġġ (jew ir-riraffinar), iżda wkoll sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni. Il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprevedi b’mod ikkoordinat ir-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan, li jinkludi wkoll l-iżvilupp konġunt u komplementari ta’ adattamenti teknoloġiċi u sistemi ta’ trasferiment tal-għarfien; |
29. |
huwa tal-fehma, b’mod partikolari, li fil-fatt, la l-istrateġija u lanqas il-pjan ta’ azzjoni ma jindirizzaw kwistjonijiet ta’ governanza. Sabiex jinkisbu l-proċessi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni, jeħtieġ li jiġu attribwiti responsabbiltajiet ċari lill-atturi rilevanti u b’rispett sħiħ tal-governanza f’diversi livelli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ kull parti tal-istrateġija; |
30. |
iqis li jeħtieġ li tiġi armonizzata l-leġislazzjoni, peress li t-28 Stat Membru bħalissa qed japplikaw regoli differenti għall-flussi tal-bijomassa li huma l-materja prima ewlenija tal-ktajjen ta’ valur deċiżivi għall-bijoekonomija u għall-flussi ta’ skart li jirriżultaw mill-ipproċessar tagħhom; |
31. |
huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet (bħan-Netwerk Ewropew tar-Reġjuni tas-Sustanzi Kimiċi – ECRN), il-pjattaformi (bħall-Konsorzju tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika – BIC) u r-raggruppamenti ta’ negozji, li huma kapaċi jimmassimizzaw il-potenzjal tar-riżultati u l-għarfien miksub u jikkombinaw l-inizjattivi lokali u reġjonali, jistgħu jippromovu l-proċessi tal-bijoekonomija b’mod effettiv. Fil-futur, se jkun partikolarment importanti li dawn jiġu inklużi f’sistemi ta’ trasferiment tal-għarfien; |
Fehim tal-konfini ekoloġiċi tal-bijoekonomija
32. |
jipproponi li l-limiti ekoloġiċi u l-ekosistemi, aktar milli l-konfini amministrattivi, jintużaw bħala bażi għall-valutazzjoni tal-potenzjal tal-produzzjoni tal-bijomassa. Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-kwantitajiet tal-bijomassa prodotti għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa u rreġistrati f’sistema waħda. Dan jeħtieġ kooperazzjoni koordinata bejn ir-reġjuni u huwa essenzjali li jiġu żviluppati u definiti metodi standardizzati ta’ kejl u ta’ kontroll għal din il-valutazzjoni; |
33. |
jilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni, b’konformità mal-Azzjoni 3.2 tal-Pjan ta’ Azzjoni, għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ mmappjar u ta’ statistika għall-monitoraġġ tal-ekosistema. Madankollu, il-KtR jipproponi li tiġi żviluppata u implimentata sistema Ewropea uniformi ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tal-produzzjoni tal-bijomassa. Huwa essenzjali li jiġi stabbilit qafas ta’ informazzjoni uniku għall-installazzjoni ta’ teknoloġiji tal-ipproċessar downstream u l-ottimizzazzjoni tal-operat tagħhom f’termini ta’ effiċjenza enerġetika, protezzjoni ambjentali u loġistika tal-bijomassa; |
34. |
jipproponi l-iżvilupp ta’ sistema unika ta’ indikaturi li tkun kapaċi tipprovdi informazzjoni dwar l-attività tar-reġjuni permezz ta’ indikaturi bażiċi u indikaturi speċifiċi. Fir-rigward tal-indikaturi bażiċi, il-Kumitat jissuġġerixxi li jiġu mmonitorjati l-parametri li ġejjin: (1) il-PDG skont ir-reġjun (perċentwal meta mqabbel mal-PDG nazzjonali); (2) l-attività internazzjonali tar-RŻI; (3) l-iffrankar tal-enerġija fossili; (4) it-tnaqqis tal-emissjonijiet, b’mod partikolari tal-ammonijaka (NH3) u tal-gassijiet b’effett ta’ serra ewlenin (CO2, CH4); (5) il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli (f’dan il-każ, qed tiġi proposta l-istandardizzazzjoni tad-dimensjoni tal-kejl). L-indikaturi speċifiċi li jistgħu jiddefinixxu il-prestazzjoni tar-reġjuni fir-rigward tal-pjan ta’ azzjoni tal-istrateġija dwar il-bijoekonomija jkunu dawn li ġejjin: (1) in-numru ta’ impjiegi ġodda (b’rabta mal-iżvilupp tal-bijoekonomija); (2) ir-rwol tal-bijoekonomija fir-rigward tal-prestazzjoni reġjonali; (3) l-iskala tal-isforzi bil-għan li tinżamm u tiġi żviluppata l-bijodiversità (fondi allokati); (4) il-konservazzjoni tal-ambjent u t-tnaqqis tal-ammont ta’ skart; |
35. |
iqis li l-estensjoni tas-sistemi transkonfinali ta’ sostenn għal proċessi ta’ innovazzjoni u għall-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni, li b’mod speċifiku jappoġġjaw l-iżvilupp tal-bijoekonomija, tagħti kontribut effettiv għall-koordinazzjoni transkonfinali tal-istrateġiji fir-reġjuni ġirien. Il-kooperazzjoni li tiffoka fuq approċċi ekoloġiċi, soċjali u ekonomiċi simili tista’ tiggwida l-ispeċjalizzazzjoni tat-taħriġ fil-livell lokali u jkollha wkoll impatt pożittiv fuq ir-rati tal-impjiegi settorjali; |
36. |
jirrakkomanda li jiġu promossi mekkaniżmi biex jinkisbu kompromessi bejn il-bijodiversità u l-produzzjoni u li jinstabu sinerġiji bejn il-politiki differenti. L-aċċelerazzjoni tat-tibdil fil-klima twassal ukoll għal mutazzjonijiet fil-livell mikroreġjonali; |
37. |
jitlob li jiġi żviluppat qafas ta’ żvilupp komprensiv li jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni ta’ miżuri ta’ politika dwar il-klima fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu miġġielda t-telf tal-bijodiversità u t-tibdil ambjentali, waqt li jiġu ppreservati u mtejba r-riżorsi u l-fertilità tal-ħamrija; |
38. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ strateġija dwar il-bijoekonomija f’konformità mal-objettivi ta’ sostenibbiltà, akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni, li l-bażi tiegħu hija l-protezzjoni ta’ żoni ta’ produzzjoni kontra l-isfruttament eċċessiv, flimkien mat-titjib tal-potenzjal tal-bijomassa. Il-KtR jilqa’ wkoll il-protezzjoni tar-riżorsi użati bħala bażi għall-produzzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-reġjuni jkollhom aċċess ugwali aħjar għal fondi intiżi għas-sensibilizzazzjoni; |
Il-finanzjament tal-bijoekonomija
39. |
jilqa’ l-fatt li l-għan tal-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għas-snin 2021-2027 huwa li tingħata spinta sinifikanti lir-riċerka u l-innovazzjoni sistematiċi fl-oqsma u s-setturi koperti mill-bijoekonomija, b’mod partikolari b’EUR 10 biljun (4), jiġifieri madwar 10 % tal-baġit stmat għar-raggruppament “Ikel u Riżorsi Naturali” tal-programm Orizzont Ewropa (5). Il-Kumitat jilqa’ wkoll, b’mod partikolari, l-inklużjoni ta’ “Soluzzjonijiet ibbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi sostenibbli, inklużivi u ċirkolari” għat-tmien oqsma ta’ sħubija tal-programm; |
40. |
jenfasizza, madankollu, li l-iżvilupp tal-bijoekonomija jirrikjedi approċċ olistiku, li jfisser ukoll li l-finanzjament tiegħu jirrikjedi l-użu koordinat u simultanju ta’ diversi riżorsi. Il-KtR iqis li l-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha ssaħħaħ il-komplementarjetajiet ta’ għadd ta’ strumenti finanzjarji u tiżviluppa għodod adegwati għall-koordinazzjoni tar-riżorsi (taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Politika Agrikola Komuni, kif ukoll ir-riżorsi disponibbli għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-istrumenti finanzjarji tal-Programm InvestEU) sabiex tawtonomizza lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi disponibbli biex ikopru l-appoġġ għall-bijoekonomija; |
41. |
jenfasizza l-importanza li għandha tingħata lill-programm InvestEU bħala sors futur ta’ finanzjament tal-bijoekonomija; għaldaqstant jitlob li l-bijoekonomija tibqa’ żona fil-mira tal-finanzjament u tibqa’ tidher fost l-oqsma finanzjati mill-programm InvestEU; |
42. |
ifakkar li l-intenzjoni ddikjarata li 25 % tan-nefqa tal-baġit tal-UE tintuża sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi, mhijiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-KtR kien diġà stqarr fl-Opinjoni tiegħu dwar il-pakkett tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2021-2027 (6) li l-proposta dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss għandu jkollha l-għan li tippermetti li dan l-impenn ikun aktar minn 30 %, u li permezz tiegħu tikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, l-industrija u s-sistema tat-trasport u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari; dawn l-objettivi jippromovu l-iżvilupp tal-bijoekonomija b’rata adatta; |
43. |
itenni li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi “Orizzont Ewropa” – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, tinkludi l-ġustifikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni fil-qasam tal-aċċess tagħhom għall-programmi orizzontali tal-Unjoni, filwaqt li tqis is-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika tagħhom. Il-KtR jiddispjaċih li dan ir-rikonoxximent ma ġiex ikkonkretizzat fit-test propost, li se jagħmilha diffiċli għall-programm li jqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni u l-assi uniċi tagħhom bħala banek tal-ittestjar għar-riċerka u l-innovazzjoni f’oqsma bħall-bijoekonomija jew it-tibdil fil-klima, f’konformità mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom; |
Edukazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni dwar il-bijoekonomija
44. |
huwa mħasseb dwar l-istatistika li turi li l-età medja tal-produtturi u l-intraprendituri fil-bijoekonomija qed tiżdied kull sena. Jista’ jingħad li, fin-nuqqas ta’ tibdil fis-sitwazzjoni tal-popolazzjoni li qed tixjieħ u ta’ trasferiment tal-għarfien u l-kisba meħtieġa ta’ ħiliet u kompetenzi ġodda, il-provvista futura ta’ ikel ta’ kwalità u fi kwantità suffiċjenti – u li dejjem tiżdied – qed tiġi mhedda. Għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ sistemi xierqa tat-trasferiment tal-għarfien fis-setturi tal-bijoekonomija u lid-dimensjonijiet innovattivi, soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi tal-konnettività intersettorjali; |
45. |
iqis li l-forza tax-xogħol meħtieġa għal ktajjen ta’ valur b’bażi bijoloġika u sostenibbli, adatti għall-ekosistema, se tkun disponibbli fit-tul jekk isiru sforzi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tax-xogħol tas-setturi tal-bijoekonomija permezz ta’ moduli ta’ edukazzjoni progressivi u konsistenti mill-edukazzjoni primarja ’l quddiem, kif ukoll taħriġ u moduli ta’ tagħlim tul il-ħajja, li jitħejjew mill-Istati Membri abbażi tal-metodu miftuħ tal-koordinazzjoni. Il-Kumitat iqis li l-iżvilupp ta’ dawn il-moduli huwa assolutament neċessarju peress li l-għarfien dwar il-kultura u s-sostenibbiltà ambjentali jeħtieġ li jiġi trasferit f’kull livell ta’ edukazzjoni, kif ukoll fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffaċilita lill-Istati Membri ħalli flimkien jidentifikaw u jiddefinixxu objettivi komuni kif ukoll il-mezzi biex dawn jinkisbu fil-livell tal-UE; |
46. |
jenfasizza li l-ħolqien ta’ domanda tas-suq għal prodotti b’bażi bijoloġika huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-bijoekonomija; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitwettqu azzjonijiet u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, iżda wkoll li tiġi appoġġjata d-domanda, li jirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet. |
Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) “Agricultural Land Abandonment in the EU within 2015-2030” (“L-Abbandun tal-Art Agrikola fl-UE bejn l-2015 u l-2030”), Għarfien dwar il-Politika tal-JRC (Ottubru 2018), aċċessibbli hawnhttps://ec.europa.eu/jrc/sites/jrcsh/files/jrc113718.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “ir-riforma tal-PAK” (COR-2018-03637).
(3) OECD, Meeting Policy Challenges for a Sustainable Bioeconomy, (Nindirizzaw l-isfidi tal-politika għal bijoekonomija sostenibbli) 2018, ISBN 9789264292345 (mhux disponibbli bil-Malti); BIO-TIC, A roadmap to a thriving industrial biotechnology sector in Europe (Pjan direzzjonali għal settur tal-bijoteknoloġija b’saħħtu fl-Ewropa), 2015 (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) COM(2018) 435, 7.6.2018: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu.
(5) COM(2018) 321 final, 2.5.2018: Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi – Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027.
(6) COR-2018-02389