Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR0845

    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE

    COR 2019/00845

    ĠU C 404, 29.11.2019, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 404/6


    Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE

    (2019/C 404/02)

    Relatur

    :

    Christophe ROUILLON (FR/PSE), Sindku ta’ Coulaines

    Dokument ta’ referenza

    :

    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill — Lejn teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti u demokratiku fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni tal-UE, 15 ta’ Jannar 2019

    COM(2019) 8 final

    RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

    1.

    jaqbel mal-Kummissjoni li l-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija tas-servizzi qegħdin jibdlu t-tassazzjoni b’mod dinamiku ħafna;

    2.

    ifakkar li diġà ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrikorri għall-klawsola “passerelle” sabiex tapplika l-vot b’maġġoranza kwalifikata, b’mod partikolari fil-qasam tat-tassazzjoni (1); Jilqa’ f’dan il-kuntest ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Marzu 2019 dwar ir-reati finanzjarji, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa (ir-rapport tal-kummitat TAX3), li tistieden lill-Kummissjoni biex tuża, jekk ikun meħtieġ, il-proċedura prevista fl-Artikolu 116 tat-TFUE;

    3.

    jenfasizza li skont l-Artikolu 4(2) tat-TFUE, is-suq intern huwa qasam ta’ kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, u l-Artikolu 113 tat-TFUE jipprevedi mekkaniżmi li jippermettu l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-politiki fiskali fost l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern u tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Iqis li l-proposta dwar l-introduzzjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fuq din il-bażi, li f’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni m’għandhiex tinterferixxi mal-prerogattivi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu rati tat-taxxa diretti tal-individwi jew tal-kumpaniji, għandha timxi id f’id ma’ involviment akbar tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali — peress li hemm reġjuni b’setgħat leġislattivi fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni;

    4.

    jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni m’għandhiex l-għan li tagħti kompetenzi ġodda lill-UE; Il-Kummissjoni lanqas ma qiegħda tipproponi li tinterferixxi fil-prerogattivi tal-Istati Membri fir-rigward tal-iffissar tat-tassazzjoni diretta tal-persuni jew tal-kumpaniji;

    5.

    Ifakkar li l-kooperazzjoni msaħħa (Artikoli 326-334 tat-TFUE) tista’ tiġi applikata għal kwistjonijiet ta’ taxxa u tippermetti mill-inqas 9 Stati Membri li jaqblu dwar leġislazzjoni komuni, kif kien il-każ fir-rigward tal-abbozz ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Madankollu, il-kooperazzjoni msaħħa għandha tkun biss l-aħħar għażla wara l-eżawriment tal-possibbiltajiet offruti mit-tħaddim normali tal-istituzzjonijiet, peress li l-kooperazzjoni msaħħa tista’ twassal għal frammentazzjoni tas-suq intern u hija bbażata fuq approċċ essenzjalment intergovernattiv;

    6.

    jilqa’ l-fatt li, matul il-mandat attwali tagħha, il-Kummissjoni ressqet 26 proposta leġislattiva mmirati biex isaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa (2), kif ukoll biex jitjiebu l-ġbir tat-taxxa u t-tassazzjoni ġusta; jenfasizza li l-Kunsill għamel xi progress f’dak li jirrigwarda l-inizjattivi maġġuri ta’ riforma tat-tassazzjoni korporattiva li madankollu għadhom ma ġewx finalizzati;

    7.

    jinnota wkoll il-fatt li inizjattivi oħrajn minbarra dawk relatati mal-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa, fosthom il-proposti ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji ppreżentati sa mill-2011 u ta’ tassazzjoni fuq is-servizzi diġitali, li l-KtR kien appoġġja, ġew imblukkati minn minoranza ta’ Stati Membri fil-Kunsill;

    Tassazzjoni u demokrazija Ewropej

    8.

    jinnota r-rabta intrinsika bejn it-tassazzjoni u d-demokrazija peress li l-istorja tad-demokraziji liberali hija marbuta mill-qrib mat-tfittxija tal-kunsens tal-kontribwenti għas-soġġettar tar-riżorsi u tal-infiq tat-taxxa għal kontroll demokratiku, bħalma tgħid il-frażi “No taxation without representation”;

    9.

    jenfasizza li skont stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru (3), għal tliet kwarti tar-rispondenti, il-ġlieda kontra l-abbuż tat-taxxa hija qasam prijoritarju għall-azzjoni tal-UE; iqis għalhekk li l-Kummissjoni għażlet il-mument opportun biex tippubblika l-proposta tagħha sabiex tqajjem id-dibattitu demokratiku qabel l-elezzjonijiet Ewropej; iqis ukoll li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ trażżan aktar il-populiżmu anti-Ewropew jekk il-politika Ewropea dwar it-tassazzjoni tkun ġestita b’mod aktar trasparenti u aktar demokratiku (“Take back control”);

    10.

    jinnota li l-evitar tat-taxxa minn kumpaniji multinazzjonali għadha kwistjoni fl-UE, u jemmen li għandhom jissaħħu investigazzjonijiet individwali peress li l-għemil ħażin ta’ entità waħda ma jiddefinixxix l-imġiba ta’ kollha;

    Il-kost tal-unanimità fit-tassazzjoni

    11.

    jenfasizza li fl-istess qafas ekonomiku, jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn, minn naħa, ir-regolamentazzjoni tal-kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri, u xi kultant fi ħdanhom, u l-ħtieġa li jiġi evitat li s-sovranità fiskali nazzjonali ta’ Stat Membru tinterferixxi mas-sovranità fiskali ta’ Stat Membru ieħor, pereżempju minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ differenza massima xierqa bejn ir-rati tat-taxxa rispettivi jew l-eżistenza ta’ skemi ta’ taxxa aggressivi. Id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa ta’ Stat Membru jistgħu tabilħaqq jaffettwaw ħafna d-dħul tal-Istati l-oħrajn u jaffettwaw ukoll l-ambitu biex jagħmlu l-għażliet ta’ politika tagħhom. Barra minn hekk, is-sovranità fiskali nazzjonali tiġi limitata malli l-bażi tat-taxxa ssir aktar mobbli. Il-KtR iqis għalhekk li jkun aħjar li jiġi propost il-kunċett ta’ sovranità fiskali kondiviża fil-livell Ewropew;

    12.

    jinnota li, b’mod parallel mal-progress tal-integrazzjoni Ewropea u t-trasformazzjoni sinifikanti u rapida tal-ekonomija, inħoloq żbilanċ ta’ integrazzjoni, bil-kapital u s-servizzi jiċċirkolaw liberament fl-UE waqt li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli tat-taxxa tagħhom b’mod indipendenti. Fil-fatt, f’kuntest fejn l-iżvilupp tas-suq intern kien essenzjalment limitat għall-kummerċ tal-merkanzija, l-effetti transfruntiera tat-tassazzjoni kienu ferm aktar limitati mil-lum billi l-kumpaniji jiddependu ħafna fuq assi intanġibbli, data u awtomatizzazzjoni li l-valur miżjud tagħhom huwa diffiċli jiġi kkwantifikat;

    13.

    jargumenta li huma essenzjali sforzi konġunti fil-livelli Ewropej u nazzjonali biex iħarsu l-baġits tal-Unjoni u tal-Istati Membri mit-telf dovut għall-frodi fiskali u għat-taxxi mhux imħallsa; josserva li d-dħul mit-taxxa miġbur kollu u b’mod effiċjenti biss jippermetti lill-Istati u lill-awtoritajiet lokali u indirettament lill-Unjoni Ewropea li jipprovdu, fost l-oħrajn, servizzi pubbliċi ta’ kwalità u kosteffiċjenti, b’mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-akkomodazzjoni affordabbli, tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, u li jiffinanzjaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jippromovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-trasport pubbliku u l-infrastrutturi essenzjali sabiex jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli; dan jista’ jwassal għal tnaqqis eventwali tal-piż tat-taxxa globali fuq iċ-ċittadini u l-kumapaniji Ewropej;

    14.

    iqis li l-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni xekklet ukoll l-implimentazzjoni ta’ kisbiet oħrajn tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-Qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, inkluż ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-taxxa fuq l-enerġija li kellha tinkludi l-emissjonijiet tas-CO2 fir-rata tat-taxxa tal-fjuwil, l-ekonomija ċirkolari u r-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji;

    15.

    jinnota li skont studju reċenti, l-għadd kbir ta’ strateġiji tal-kumpaniji biex jevitaw it-taxxa huwa stmat li kkawża telf fid-dħul fl-Unjoni ta’ bejn EUR 50 u 70 biljun, li jirrappreżenta biss it-telf ta’ qligħ dovut għat-trasferimenti tal-profitti u huwa ekwivalenti għal mill-anqas 17 % tat-taxxi fuq id-dħul tal-kumpaniji miġbura fl-2013, u bejn EUR 160 u 190 biljun meta jinkludi t-telf stmat minħabba l-arranġamenti fiskali individwali tal-kumpaniji multinazzjonali l-kbar;

    16.

    ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma wkoll vittmi tal-evitar tat-taxxa peress li t-taxxi lokali jew reġjonali jinġabru skont il-bażi tat-taxxa nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-maġġoranza tal-Istati Membri jirċievu sehem mid-dħul mit-taxxa korporattiva nazzjonali;

    17.

    jenfasizza li r-regolamentazzjoni tal-UE dwar il-VAT tmur lura għall-1993 meta din kellha tkun biss tranżitorja. Ir-rekwiżit tal-unanimità għamilha impossibbli li ssir kwalunkwe riforma sostanzjali minkejja l-iżviluppi teknoloġiċi riċenti u l-bidliet fis-suq. F’ħafna każijiet, l-Istati Membri għadhom japplikaw regoli differenti għat-tranżazzjonijiet nazzjonali u transfruntiera. Il-KtR jenfasizza li dan huwa xkiel kbir għall-kisba tas-suq uniku u jirriżulta fi proċeduri għaljin għall-kumpaniji Ewropej li joperaw lil hinn mill-fruntieri u li dejjem qegħdin jiżdiedu. Is-semplifikazzjoni u l-immodernizzar tar-regoli tal-VAT fl-UE jnaqqsu l-piż amministrattiv tal-kumpaniji transfruntiera, u b’hekk jiġġeneraw iffrankar globali għall-kumpaniji ta’ EUR 15-il biljun fis-sena. Is-sitwazzjoni attwali qiegħda tippenalizza b’mod partikolari lill-SMEs li m’għandhomx riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex jiffaċċjaw il-kumplikazzjonijiet legali tar-regolamenti fiskali;

    18.

    iqis li t-tneħħija tar-rekwiżit tal-unanimità fil-qasam tat-tassazzjoni tippermetti li l-Unjoni Ewropea ma tiddefendix biss il-pożizzjoni tad-denominatur komuni Ewropew l-aktar baxx u b’hekk tkun aktar ambizzjuża fil-kuntest tar-riflessjonijiet internazzjonali tat-tassazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ħidma tal-OECD fuq it-tassazzjoni diġitali u t-trasferiment tal-profitt (BEPS);

    Rigward il-pjan direzzjonali

    19.

    jappoġġja l-prinċipju ta’ sistema progressiva proposta mill-Kummissjoni u jqis li din is-sistema għandha tkun akkumpanjata fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u tippermetti li jiġu indirizzati b’mod partikolari s-sistemi ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa;

    20.

    jittama li, bħala l-ewwel pass, tiġi introdotta votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-inizjattivi li ma jkollhomx impatt dirett fuq id-drittijiet tal-intaxxar, il-bażijiet jew ir-rati tat-taxxa tal-Istati Membri, iżda li huma meħtieġa biex itejbu l-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Il-KtR jittama wkoll li l-ewwel stadju jkopri wkoll l-inizjattivi li jiffaċilitaw il-konformità fiskali tal-kumpaniji tal-UE;

    21.

    jistaqsi għalfejn il-Kummissjoni qed tipproponi li ma tużax il-klawsola speċifika “passerelle” tal-Artikolu 192(2) tat-TFUE fil-qasam tal-ambjent qabel it-tieni stadju meta t-tassazzjoni hija element essenzjali tal-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli mill-Unjoni Ewropea; għaldaqstant jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-użu tal-klawsola “passerelle” għat-tassazzjoni ambjentali sa mill-ewwel stadju. B’mod partikolari hemm ħtieġa urġenti li tiġi introdotta sistema ta’ tassazzjoni Ewropea koordinata fis-settur tal-avjazzjoni, li attwalment ma huwa soġġett għal ebda skema fiskali Ewropea, pereżempju f’dan li jirrigwarda l-introduzzjoni ta’ VAT fuq il-biljetti tal-ajru jew it-tassazzjoni fuq il-pitrolju.

    Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

    Karl-Heinz LAMBERTZ


    (1)  Ara l-punt 6 tar-Riżoluzzjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-2019 tal-Kummissjoni Ewropea (RESOL-VI/33) adottata fis-6 ta’ Frar 2019.

    (2)  Il-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi l-ippjanar aggressiv tat-taxxa bħala dak fejn “wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta’ sistema fiskali jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl-iskop ta’ tnaqqis fit-taxxa dovuta.”

    https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/taxation_papers_71_atp_.pdf

    (3)  http://www.europarl.europa.eu/news/mt/headlines/economy/20160707STO36204/frodi-tat-taxxa-75-tal-ewropej-jixtiequ-li-l-ue-tistinka-aktar-biex-tiggelidha.


    Top