Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IP0101

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja fl-UE (2017/2210(INI))

    ĠU C 390, 18.11.2019, p. 19–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 390/19


    P8_TA(2018)0101

    Ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja fl-UE

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur tal-midja fl-UE (2017/2210(INI))

    (2019/C 390/03)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (2),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta' April 2017 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (COM(2017)0253),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-tielet programm ta' azzjoni tal-Komunità fuq perjodu ta' żmien medju dwar l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel 1991-1995 (COM(90)0449),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 1995 dwar l-immaġni tan-nisa u tal-irġiel murija fir-reklamar u fil-midja (3),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2000 bit-titolu "Lejn strateġija qafas tal-Komunità dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (2001-2005)" (COM(2000)0335),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2008 dwar it-tneħħija tal-istereotipi tas-sessi fis-soċjetà,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 bit-titolu "Immexxu 'l quddiem ir-rwoli tan-nisa bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-mezzi tax-xandir",

    wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill f'Marzu 2011,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 tal-1 ta' Marzu 2006 (COM(2006)0092),

    wara li kkunsidra l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 tal-21 ta' Settembru 2010 (COM(2010)0491),

    wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 dwar l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 (SWD(2015)0278),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Lulju 1997 dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fir-reklamar (4),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar kif il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar jaffettwaw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (5),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa fl-era diġitali (7),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-ħolqien ta' kundizzjonijiet fis-suq tax-xogħol favorevoli għal bilanċ bejn il-ħajja u dik tax-xogħol (8),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ("Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi") (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju (11),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE (12),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE (13),

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tal-10 ta' Lulju 2013 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-midja,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1555 tal-24 ta' April 2002 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Immaġni tan-nisa fil-midja,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 1799 tas-26 ta' Ġunju 2007 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-immaġni tan-nisa fir-reklamar,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-27 ta' Settembru 2017 lill-Istati Membri dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur awdjoviżiv,

    wara li kkunsidra l-istudju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) tal-2013 intitolat "Rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE: In-nisa u l-Mezzi tax-Xandir - l-Avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet f'organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir", [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għall-Azzjoni u l-annessi tagħha, adottati waqt ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Settembru 1995,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2013 dwar il-Midja u l-immaġni tan-nisa,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0031/2018),

    A.

    billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif minqux fit-Trattati fl-Artikolu 8 tat-TFUE, li jiddikjara li, fl-attivitajiet kollha tagħha, l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-politiki tal-UE biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi għenu biex jagħmlu l-ħajja aħjar għal bosta ċittadini Ewropej;

    B.

    billi l-midja taġixxi bħala r-raba' setgħa, għandha l-kapaċità li tinfluwenza u, fl-aħħar mill-aħħar, li tifforma l-opinjoni pubblika; billi l-midja hija waħda mis-sisien ewlenin ta' soċjetajiet demokratiċi u, bħala tali, għandha d-dmir li tiżgura libertà ta' informazzjoni, diversità ta' opinjoni u pluraliżmu tal-midja, biex tippromwovi r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u biex tiġġieled il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi billi, fost affarijiet oħra, turi mudelli soċjali differenti; billi, għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet tal-midja għandhom jiġu sensitizzati;

    C.

    billi r-raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa, li saret f'Beijing fl-1995 irrikonoxxiet l-importanza tar-relazzjoni bejn in-nisa u l-midja fil-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u inkludiet żewġ objettivi strateġiċi fil-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (BPfA):

    (a)

    iż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa u l-aċċess tagħhom għall-espressjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet fil-midja u t-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni u permezz tagħhom;

    (b)

    il-promozzjoni ta' rappreżentazzjoni bblilanċjata u mingħajr stereotipi tan-nisa fil-midja;

    D.

    billi l-immaġni tan-nisa u l-irġiel fil-midja tista' twassal għal rappreżentanza mhux ugwali f'diversi kuntesti, inkluż kuntesti politiċi, ekonomiċi, soċjali, akkademiċi, reliġjużi, kulturali u sportivi, — billi l-irġiel jidhru l-aktar fi rwoli soċjali attivi u n-nisa jiġu limitati għal rwoli aktar passivi; billi mill-istereotipi kollha li jaffettwaw l-immaġni tan-nisa u l-irġiel, l-eżempju ewlieni huwa s-sesswalizzazzjoni tal-ġisem tal-mara, li tista' tidher bl-iktar mod ċar fl-istampa sensazzjonali u fir-reklamar; billi erotiċizzazzjoni tal-vjolenza u l-oġġettifikazzjoni tan-nisa fil-midja għandhom effett negattiv fuq il-ġlieda kontra l-qerda tal-vjolenza kontra n-nisa; billi ta' spiss l-istereotipi tas-sessi jiġu kkombinati ma' stereotipi oħra li jinvolvu diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi;

    E.

    billi l-midja għandha impatt sinifikanti fuq in-normi kulturali bejn is-sessi u fuq kif jiġu ffurmati u jevolvu r-rappreżentazzjonijiet soċjali assoċjati kemm man-nisa kif ukoll mal-irġiel, u tinfluwenza lill-udjenza b'immaġnijiet tal-ġisem u ideat stereotipati tal-maskulinità u l-femminilità, pereżempju, ir-rappreżentazzjoni tan-nisa fir-reklamar u l-mod ta' kif il-prodotti jimmiraw konsumaturi potenzjali għandhom tendenza li jipperpetwaw in-normi tradizzjonali bejn is-sessi; billi f'każijiet fejn il-midja tkompli tippreżenta rappreżentazzjonijiet stereotipati tan-nisa u tal-irġiel, inkluż dawk ta' individwi LGBTI, in-nies ta' spiss jaraw dawn l-immaġnijiet bħala leġittimi, u għaldaqstant ikun diffiċli jew impossibbli li jinxteħet dubju fuqhom;

    F.

    billi f'soċjetajiet moderni l-industrija tar-reklamar taqdi rwol ewlieni fix-xena tal-midja, għaliex tikkomunika bl-użu ta' immaġnijiet u ideat li għandhom effett fuq l-emozzjonijiet tagħna u għalhekk jistgħu jiffurmaw il-valuri, l-attitudnijiet u l-perċezzjonijiet tad-dinja tagħna; billi, meta jittrażmetti immaġni distorta tas-sessi, ir-reklamar jaf jirrikorri għas-sessiżmu u jirreplika prattiki diskriminatorji; billi reklam jista' jitqies bħala diskriminatorju jew sessist jekk ġeneru jkun irrappreżentat b'mod degradanti u insolenti, jew bħala li huwa inqas kapaċi, inqas intelliġenti jew inferjuri;

    G.

    billi teknoloġiji ġodda qed jibdlu l-mudelli kummerċjali tradizzjonali tal-midja; billi s-settur awdjoviżiv huwa industrija importanti ħafna ta' valur ekonomiku, li waħdu jimpjega b'mod dirett aktar minn miljun persuna fl-UE; billi, sabiex wieħed ikun jista' jlaħħaq ma' sistemi ġodda online ta' komunikazzjoni u multimedjali, iridu jsiru l-aġġustamenti meħtieġa għas-sorveljanza tal-arranġamenti fil-livell nazzjonali, kif ukoll għal skemi ta' awtoregolamentazzjoni mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati dwar id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva;

    H.

    billi għandha titqies b'mod ekwu l-perspettiva kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel sabiex tinkiseb stampa sħiħa u diversifikata ta' kull aspett tar-realtà soċjali; billi huwa importanti li ma jintilfux il-potenzjal u l-ħiliet tan-nisa fil-komunikazzjoni ta' informazzjoni, fatti u opinjonijiet dwar l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa fil-midja, filwaqt li jiġi rikonoxxut li n-nisa ma jistgħux jiġu trattati bħala grupp omoġenju;

    I.

    billi trid tinbidel il-projezzjoni kontinwa ta' immaġnijiet negattivi u degradanti tan-nisa fil-komunikazzjonijiet tal-midja elettronika, stampata, viżiva u bl-awdjo; billi l-inugwaljanzi bejn is-sessi huma wkoll maħluqa u riprodotti permezz tal-lingwaġġ u tal-immaġini mxerrda mill-midja; billi t-tfal jiġu kkonfrontati b'inugwaljanzi bejn is-sessi sa minn età żgħira ħafna permezz ta' mudelli promossi minn serjejiet u programmi televiżivi, diskussjonijiet, logħob, videogames u reklami; billi r-rwoli tas-sessi jiġu ffurmati l-aktar matul it-tfulija u l-adolexxenza u għandhom impatt tul il-ħajja; billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' professjonisti tal-midja huma għodod b'saħħithom biex jiġu miġġielda u eradikati l-istereotipi, permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza;

    J.

    billi n-nisa ammontaw għal 68 % tal-persuni gradwati fil-ġurnaliżmu u l-informazzjoni fl-UE-28 fl-2015 (14), filwaqt li d-data dwar l-impjiegi għall-UE-28 matul il-perjodu 2008-2015 turi li l-perċentwali ta' nisa impjegati fis-settur tal-midja bħala medja baqa' ta' madwar 40 % biss;

    K.

    billi, barra minn hekk, is-sehem tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-midja fl-UE-28 fl-2015 kien għadu taħt iż-żona ta' bilanċ bejn is-sessi (bejn l-40 % u s-60 %) u kien biss 32 %, filwaqt li s-sehem ta' nisa bħala presidenti tal-bordijiet kien biss ta' 22 % (15);

    L.

    billi d-differenzi fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi huma problema persistenti fl-UE, u huma evidenti f'setturi ekonomiċi differenti, inkluż fil-midja, fejn id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija ta' 17 %;

    M.

    billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' saqaf tal-ħġieġ fil-midja u jista' ma jkollhomx opportunitajiet indaqs għall-promozzjoni jew għall-avvanz fil-karriera minħabba varjetà ta' fatturi, inklużi l-proċeduri ta' kultura organizzattiva li ta' spiss mhijiex favorevoli għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata b'ambjent kompetittiv, ikkaratterizzat minn stress, skadenzi inflessibbli u sigħat twal ta' xogħol; billi n-nisa għandhom inqas setgħa deċiżjonali fl-istabbiliment tal-aġenda tal-aħbarijiet minħabba li mhumiex rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet ta' maniġment superjuri;

    N.

    billi l-organizzazzjonijiet tal-midja fl-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-politiki ta' ugwaljanza tagħhom stess, u dan iwassal għal firxa wiesgħa ta' prattiki fl-UE: minn oqfsa tal-politika komprensivi ħafna li jkopru l-kontenut tal-midja u jipprevedu rappreżentanza bbilanċjata ta' rġiel u nisa fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sa nuqqas totali ta' politika tali;

    O.

    billi r-riċerka wriet li 4 % biss tal-kopertura tal-aħbarijiet hija kontra l-immaġni stereotipika; billi n-nisa jammontaw għal 24 % biss tan-nies li nisimgħu bihom jew naqraw dwarhom fl-aħbarjiet (16); billi madwar 37 % tal-istejjer kemm f'sorsi tal-aħbarijiet online kif ukoll offline huma rrappurtati minn nisa, sitwazzjoni li ma wriet l-ebda prospett ta' titjib f'dawn l-aħħar 10 snin (17); billi n-nisa huma mitluba l-aktar biex jagħtu opinjoni popolari (41 %) jew esperjenza personali (38 %) u rarament jiġu kkwotati bħala esperti (17 % biss tal-istejjer); billi r-riċerka wriet ukoll li inqas minn wieħed minn kull ħames esperti jew kummentaturi huma nisa (18 %) (18);

    P.

    billi n-nisa huma sottorappreżentati b'mod sproporzjonat fl-aħbarijiet u fil-mezzi ta' informazzjoni u huma saħansitra inqas viżibbli fl-oqsma tal-isport, il-politika, l-ekonomija u l-finanzi, minkejja l-varjetà ta' organizzazzjonijiet tal-midja fl-Istati Membri; billi n-nisa tal-istorja huma kważi totalment nieqsa minn kontenut ta' midja relatat, bħal pereżempju dokumentarji bijografiċi;

    Q.

    billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fuq livell ugwali mal-irġiel f'kontenut ta' rappurtar u f'servizz bħala sorsi ta' informazzjoni hija kruċjali mhux biss għal raġunijiet ta' rappreżentanza, iżda wkoll għal raġunijiet ta' opportunitajiet indaqs u r-rikonoxximent sħiħ tal-kompetenza u l-għarfien tagħhom; billi, fi ħdan il-pajsaġġ tal-midja Ewropea, hemm ostakli għal involviment f'approċċ responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi, minħabba l-limitazzjonijiet finanzjarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż l-impjieg prekarju u l-livelli ta' esperjenza professjonali, flimkien ma' veloċità dejjem akbar ta' informazzjoni u kunsiderazzjonijiet kummerċjali;

    R.

    billi hemm nisa fil-midja li jaħdmu fil-livell professjonali għoli, inklużi diretturi magħrufa tal-films, ġurnalisti u korrispondenti, li, minkejja li l-prestazzjoni tagħhom hija daqs dik tal-irġiel, huma aktar esposti għal vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, u jistgħu ma jingħatawx l-istess livell ta' apprezzament daqs il-kontropartijiet maskili tagħhom;

    S.

    billi n-nisa li jiktbu fil-midja soċjali qed iħabbtu wiċċhom ma' livelli dejjem ogħla ta' fastidju; billi dan il-fastidju għandu l-potenzjal li jsikket il-vuċi tan-nisa u jdgħajjef il-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà; billi data miġbura globalment turi li nofs in-nisa impjegati fil-midja esperjenzaw abbuż sesswali, kwart minnhom esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika u tliet kwarti sofrew intimidazzjoni, theddid jew abbuż (19); billi hemm tħassib dejjem jikber dwar il-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa u l-bniet, u huwa stmat li waħda minn kull għaxar nisa fl-UE esperjenzat xi forma ta' vjolenza ċibernetika minn mindu għalqet il-15-il sena; billi hemm nuqqas ta' data u riċerka dwar il-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa u l-bniet fil-livell tal-UE; billi l-fastidju psikoloġiku u sesswali jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-midja u r-regolaturi nazzjonali u internazzjonali għandhom jistabbilixxu regoli, inklużi sanzjonijiet, li għandhom jiġu applikati minn organizzazzjonijiet tal-midja, biex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet;

    T.

    billi l-ġurnalisti investigattivi nisa b'mod partikulari sikwit jiġu suġġetti għal vjolenza u jkunu l-mira ta' attakki fatali, kif muri permezz tal-każijiet ta' Veronica Guerin jew Daphne Caruana Galizia;

    U.

    billi skont studju tan-Netwerk Awdjoviżiv Ewropew tan-Nisa (EWA) (20), wieħed biss minn kull ħames films fis-seba' pajjiżi Ewropej eżaminati huwa dirett minn mara, u l-biċċa l-kbira tar-riżorsi ta' finanzjament imorru f'films li mhumiex diretti minn nisa, anke jekk madwar nofs il-gradwati tal-iskejjel kollha tal-films huma nisa;

    V.

    billi l-kumpaniji tal-midja għandhom jadottaw sistemi ta' awtoregolamentazzjoni u kodiċijiet ta' kondotta li jistabbilixxu regoli proċedurali u kriterji dwar il-karrieri u l-kopertura tal-midja biex jissalvagwardjaw u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; billi awtoregolamentazzjoni u kodiċijiet ta' kondotta ta' dan it-tip għandhom jitfasslu f'kollaborazzjoni mas-sindakati tal-industrija, skont politika ċara dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

    Il-preżenza tan-nisa fil-midja

    1.

    Jenfasizza l-fatt li minkejja li n-nisa f'dan il-qasam f'livell universitarju jikkostitwixxu forza tax-xogħol sostanzjali, huma sottorappreżentati fil-karigi ta' ġestjoni u dawk ta' livell għoli; iqis li s-servizzi tal-midja kemm pubbliċi kif ukoll privati għandhom ir-responsabilità li jiżguraw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw inċentivi ta' politika biex jitnaqqsu l-ostakli għall-aċċess tan-nisa għal karigi ta' maniġment u tmexxija f'organizzazzjonijiet tal-midja;

    2.

    Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rappreżentanza tan-nisa f'midja ta' servizz pubbliku fl-UE hija baxxa bħala medja, f'karigi ta' livell għoli kemm strateġiċi kif ukoll operattivi u fuq bordijiet (fl-2017: 35,8 % għal karigi eżekuttivi, 37,7 % għal karigi mhux eżekuttivi u 33,3 % bħala membri ta' bordijiet) (21);

    3.

    Ifakkar li, bil-ħsieb li jsir monitoraġġ tal-oqsma kritiċi tal-BPfA dwar in-nisa fil-midja, l-EIGE żviluppa l-indikaturi li ġejjin:

    il-proporzjon ta' nisa u rġiel f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u fuq bordijiet ta' organizzazzjonijiet tal-midja fl-UE,

    il-proporzjon ta' nisa u rġiel fuq bordijiet ta' organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir fl-UE,

    politiki għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir;

    4.

    Ifakkar li filwaqt li d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżivi tistipula li l-objettivi tagħha "ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni", hija ma tinkludi ebda riferiment għal rappreżentazzjoni ugwali f'organizzazzjonijiet tal-midja;

    5.

    Jinnota li minkejja li mhumiex rappreżentati biżżejjed fihom fil-preżent, xorta waħda teżisti probabilità akbar li n-nisa jiġu reklutati jew promossi għal karigi f'livell għoli fil-midja tas-servizz pubbliku milli fl-organizzazzjonijiet tal-midja privati (22);

    6.

    Jappella lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tal-midja biex jappoġġaw u jiżviluppaw miżuri ta' inċentiv, inklużi kwoti, għal rappreżentanza ugwali ta' nisa u rġiel f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u biex il-monitoraġġ effettiv ta' dawn l-isforzi jingħata prominenza akbar f'dawn l-organizzazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tiżblokka d-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet, li ilha ffriżata fil-Kunsill mill-2013;

    7.

    Jieħu nota tat-tradizzjoni twila, li jiġu impjegati kemm staff freelance kif ukoll permanenti, li teżisti fis-settur tal-midja u tad-diġitizzazzjoni kontinwa tiegħu li wasslet għal tnaqqis fiċ-ċirkolazzjoni tradizzjonali u fid-dħul mir-reklamar, li kellu impatt fuq it-tip ta' kuntratti ta' impjieg offrut f'dan is-settur; jirrimarka, barra minn hekk, li n-nisa huma rappreżentati żżejjed f'ħafna forom atipiċi ta' xogħol fis-suq tax-xogħol kollu; jinnota li l-pressjonijiet dejjem akbar fuq is-settur tal-midja biex iżomm il-vijabilità ekonomika tiegħu x'aktarx se twassal għal għadd dejjem ikbar ta' dawn it-tipi ta' kuntratti;

    8.

    Iqis li l-istereotipi jistgħu jwasslu għal ambjent soċjali negattiv għan-nisa u jistgħu jikkontribwixxu għad-diskriminazzjoni bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol; jinnota l-importanza ta' ambjent soċjali pożittiv biex il-ħaddiema jiġu megħjuna jlaħħqu ma' livelli għolja ta' intensità fix-xogħol;

    9.

    Ifakkar li l-organizzazzjonijiet tal-midja huma liberi li jiddeterminaw ir-rwoli għall-impjegati tagħhom, kemm irġiel kif ukoll nisa, iżda jħeġġiġhom jagħmlu dan bl-akbar rispett lejn id-dinjità personali u l-kwalità professjonali; josserva, f'dan il-kuntest, sitwazzjonijiet inkwetanti ta' reporters nisa meqjusa aktar xierqa għall-ġurnaliżmu televiżiv minħabba li jitqiesu attraenti għall-udjenza, u sussegwentement posthom jittieħed minn kollegi iżgħar fl-età meta dawn jikbru;

    10.

    Jikkundanna, barra minn hekk, l-okkorrenza wiesgħa ta' fastidju sesswali u tipi oħra ta' abbuż, b'mod partikolari fil-logħob online u fil-midja soċjali, u jinkoraġġixxi lill-kumpaniji tal-midja joħolqu ambjenti sikuri li jirreaġixxu għal kwalunkwe każ ta' fastidju; jitlob, għalhekk, għal miżuri differenti, inklużi s-sensibilizzazzjoni, regoli interni dwar sanzjonijiet dixxiplinari fil-konfront ta' min iwettaq il-fastidju, u appoġġ psikoloġiku u/jew legali għall-vittmi ta' dawn il-prattiki, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-bullying u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll f'ambjenti online;

    11.

    Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra ġurnalisti nisa li jirrappurtaw bla biża' dwar kwistjonijiet politiċi u kriminali ewlenin, u jitlob għall-akbar sforzi possibbli biex tkun żgurata l-protezzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti kollha;

    12.

    Iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-midja pubbliċi u privati jadottaw politiki interni bħal opportunitajiet indaqs u politiki ta' diversità li jinkludu miżuri kontra l-fastidju, skemi ta' liv tal-maternità jew tal-ġenituri, arranġamenti flessibbli tax-xogħol li jappoġġaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata biex in-nisa u l-irġiel jibbenefikaw b'mod ekwu minn liv tal-ġenituri u l-irġiel jitħeġġu jieħdu liv tal-paternità, biex jiġi żgurat it-tqassim ġust tal-kura tat-tfal, kif ukoll programmi ta' taħriġ fl-ikkowċjar u l-maniġment, l-użu tat-telexogħol u arranġamenti ta' xogħol flessibbli kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, fuq bażi volontarja u mingħajr preġudizzju għall-avvanz fil-karriera;

    13.

    Jistieden lill-midja tirrispetta d-dritt tan-nisa u tal-irġiel li jibbenefikaw bl-istess mod mil-liv tal-maternità, tal-paternità jew tal-ġenituri; jirrimarka li l-ebda mara tqila ma għandha tiġi diskriminata minħabba l-kundizzjoni tagħha, u l-ebda mara ma għandha tiġi miċħuda impjieg minħabba li hija tista' tiddeċiedi li tinqabad tqila; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-midja u lill-awtoritajiet regolatorji biex jiddivulgaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, jistabbilixxu obbligi tat-trasparenza tal-pagi u jimplimentaw il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali permezz ta' miżuri vinkolanti;

    14.

    Jissuġġerixxi li l-organizzazzjonijiet tal-midja jistabbilixxu bażijiet tad-data ta' nisa esperti f'għadd ta' oqsma, b'mod partikolari dawk fejn in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed, bil-ħsieb li dawn jintużaw meta jkun xieraq; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, il-ġbir ta' data diżaggregata skont is-sessi dwar il-kontenut tal-midja kollu possibbli;

    15.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni u l-aċċess tan-nisa għall-espressjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet permezz tal-midja u t-teknoloġiji l-ġodda ta' komunikazzjoni;

    16.

    Iqis li t-titjib ġenerali tal-kundizzjonijiet tan-nisa fuq il-post tax-xogħol jista' jkun ta' benefiċċju għal dawk kollha li jaħdmu fil-midja; iqis, madankollu, li ma sarx biżżejjed titjib u li għad hemm l-inugwaljanzi; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu u jiżguraw il-prinċipju ta' paga ugwali skont l-Artikolu 157 tat-TFUE, inkluż billi tiġi miġġielda d-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa, jitnaqqas ix-xogħol prekarju (23), jiġu żgurati l-aċċessibbiltà għal indukrar ta' kwalità u bi prezz raġonevoli għat-tfal u politiki ta' bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jiġu żgurati wkoll id-drittijiet ta' negozjar kollettiv;

    17.

    Itenni li l-midja għandha, bħala kwistjoni ta' urġenza, timplimenta politika ta' paga ugwali għal xogħol ugwali, inklużi obbligi ta' trasparenza fil-pagi, filwaqt li tippermetti li n-nisa jkollhom l-istess opportunitajiet ta' promozzjoni u ta' taħriġ u kwalunkwe benefiċċju addizzjonali f'termini ugwali bħall-irġiel;

    18.

    Jinnota r-rwol pożittiv tal-kunsilli tan-nisa u l-uffiċjali tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-postijiet tax-xogħol; jappella sabiex l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi promossa bħala politika trażversali tar-riżorsi umani fi ħdan il-midja; jikkunsidra li l-ilħiq fil-midja tal-ugwaljanza tan-nisa fil-livelli kollha, u b'mod partikolari fil-livelli deċiżjonali, jirrikjedi kultura ffukata fuq l-impjegat u tim ta' diriġenti sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi; jirrakkomanda li entitajiet regolatorji u organizzazzjonijiet tal-midja nazzjonali jsegwu r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2014/124/UE dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza (24), ifasslu gwida dwar proċeduri ta' selezzjoni ġusti, jistabbilixxu politiki ta' ugwaljanza komprensivi, li jkopru l-kontenut tal-midja u jipprevedu l-progress tan-nisa f'korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jistabbilixxu proċeduri interni li jittrattaw il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-applikazzjoni u l-infurzar xierqa tad-Direttiva 2006/54/KE li ddawwar l-oneru tal-provi f'każijiet ta' diskriminazzjoni sessista;

    Il-kontenut tal-midja u n-nisa

    19.

    Jenfasizza r-rwol tal-midja bħala aġent tal-bidla soċjali u l-influwenza tagħha fl-iffurmar tal-opinjoni pubblika, u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu kontenut dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-midja pubblika; jirrimarka li s'issa kull azzjoni regolatorja dwar sessiżmu u immaġni stereotipika tas-sessi fil-kontenut tal-midja kienet kompetenza tal-Istati Membri; ifakkar fil-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess fil-midja skont id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva; jenfasizza, barra minn hekk, li filwaqt li azzjoni regolatorja tkun soġġetta għal konsiderazzjonijiet xierqa tal-prinċipju ta' libertà ta' espressjoni, il-libertà editorjali fl-ebda ċirkustanza m'għandha sservi biex tħeġġeġ jew tilleġittimizza immaġnijiet degradanti ta' nisa u ta' persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-Istati Membri, fis-salvagwardja tal-libertajiet imsemmija hawn fuq, jirregolaw l-aċċess għall-videogames b'kontenut online li jagħmel il-ħsara, u għall-pornografija fuq l-internet;

    20.

    Jenfasizza li l-argumenti ekonomiċi ma jistgħux jintużaw bħala skuża għall-persistenza tal-istereotipizzazzjoni tas-sessi fil-kontenut tal-midja;

    21.

    Jenfasizza li kontenut tal-midja vjolenti u sessista qed jaffettwa b'mod negattiv lin-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà; jesprimi tħassib dwar ċerti komunikazzjonijiet awdjoviżivi kummerċjali li qed joħolqu ħsara psikoloġika u fiżika lit-tfal u ż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-partijiet interessati rilevanti u lill-awtoritajiet jindirizzaw il-kwistjoni ta' reklamar li indirettament jinkoraġġixxi d-disturbi alimentari bħall-anoressija, u jieħdu passi oħrajn biex jipproteġu persuni partikolarment vulnerabbli, inklużi l-bniet u n-nisa żgħażagħ, kontra tali kontenut;

    22.

    Iħeġġeġ li l-kontenut tal-midja, inkluż ir-reklamar, relatati mal-ippjanar tal-familja, id-drittijiet sesswali u riproduttivi, is-saħħa tal-omm u tat-tfal u l-edukazzjoni jkun immirat kemm lejn l-irġiel kif ukoll lejn in-nisa;

    23.

    Jenfasizza l-importanza li jitrawwem litteriżmu tal-midja u li l-partijiet interessati kollha jingħataw inizjattivi ta' edukazzjoni tal-midja sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneri,, sabiex jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet ta' ħsieb kritiku, u jgħinuhom jidentifikaw u jitkellmu kontra immaġnijiet sessisti u diskriminazzjoni, vjolenza sessista, bullying ċibernetiku, diskorsi ta' mibgħeda u vjolenza motivata mill-ġeneru, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali jew il-karatteristiċi sesswali ta' persuna; jenfasizza l-ħtieġa ta' miżuri preventivi inklużi l-kriptaġġ u l-kontroll tal-ġenituri bil-ħsieb li jiġi żgurat użu tal-internet aktar sikur u litteriżmu diġitali u medjatiku; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istereotipi fir-reklamar u fi prodotti oħra tal-midja għandhom impatt potenzjali fuq is-soċjalizzazzjoni tat-tfal u, sussegwentement, fuq il-mod kif dawn iqisu lilhom innifishom, il-membri tal-familja tagħhom u d-dinja ta' barra; jirrimarka li r-reklamar jista' jkun għodda effettiva biex jiġu sfidati l-istereotipi, bħall-istereotipi tal-ġeneri u l-istereotipi kontra l-persuni LGBTI; jitlob, għalhekk, li tingħata aktar attenzjoni lill-attivitajiet professjonali ta' taħriġ u ta' edukazzjoni bħala mod biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-persuni LGBTI;;

    24.

    Jirrakkomanda li miżuri mhux vinkolanti bħal pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jew linji gwida għandhom jingħataw saħansitra aktar prominenza f'organizzazzjonijiet tal-midja, u jirrakkomanda li dawn il-protokolli jistabbilixxu l-istandards għal immaġni pożittiva tan-nisa fir-reklamar, l-aħbarijiet, ir-rappurtar, il-produzzjoni jew ix-xandir u jkopru l-oqsma kollha ta' kontenut sensittiv, bħar-rappreżentazzjoni tas-setgħa u tal-awtorità, il-kompetenza, it-teħid ta' deċiżjonijiet, is-sesswalità, il-vjolenza, id-diversità tar-rwoli u l-użu ta' diskors mhux sessista; iħeġġeġ barra minn hekk lill-organizzazzjonijiet tal-midja pubbliċi u privati jintegraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kontenut kollu tagħhom u jadottaw pjanijiet ta' ugwaljanza sabiex jirriflettu d-diversità soċjali;

    25.

    Jirrakkomanda li regolamenti maħruġa minn awtoritajiet kompetenti għal midja u komunikazzjoni jistabbilixxu l-kriterji li jiggarantixxu immaġnijiet mingħajr stereotipi tan-nisa u l-bniet, u li jinkludu l-possibilità li jitneħħa jew jiġi sospiż kontenut offensiv; jirrakkomanda ulterjorment li l-organizzazzjonijiet speċjalizzati, bħall-korpi ta' ugwaljanza nazzjonali u l-NGOs tan-nisa, jiġu involuti fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-regolamenti;

    26.

    Jirrimarka li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, bil-mezzi kollha xierqa, li l-midja, inkluż il-midja online u l-midja soċjali, kif ukoll ir-reklamar, ikunu ħielsa minn kwalunkwe inċitament għall-vjolenza jew mibegħda kontra kwalunkwe persuna jew grupp ta' persuni; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar data segregata skont il-ġeneri u li ssir riċerka, f'kooperazzjoni mal-EIGE, biex jiġu indirizzati l-vjolenza ċibernetika, il-fastidju sesswali online, it-theddid, ir-rimarki sessisti u d-diskors ta' mibegħda kontra n-nisa u l-bniet, inklużi dawk li huma LGBTI; jenfasizza li jeħtieġ tingħata attenzjoni speċjali lil taħriġ dwar kif il-midja tirrapporta każijiet ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, inkluża vjolenza kontra persuni LGBTI;; jissuġġerixxi li taħriġ kontinwu dwar rappreżentazzjonijiet tal-ġeneri fil-kontenut tal-midja jkun disponibbli għall-professjonisti tal-midja, inklużi dawk f'pożizzjonijiet ta' tmexxija; jirrakkomanda li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi riflessa f'moduli ta' tagħlim fil-korsijiet tal-ġurnaliżmu u tax-xjenzi tal-komunikazzjoni universitarji u postgradwatorji;

    27.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu l-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni fil-midja permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta;

    Eżempji ta' prattika tajba

    28.

    Jinnota b'entużjażmu d-diversi eżempji ta' prattika tajba li jistgħu jiġu osservati fl-Istati Membri kollha, inkluż: kampanji fil-midja, leġiżlazzjoni speċifika, premji jew anti-premji għal reklamar sessista u stereotipat, bażijiet tad-data ta' nisa esperti, korsijiet ta' taħriġ għal professjonisti tal-industrija, u pjanijiet ta' ugwaljanza tal-organizzazzjonijiet tal-midja, kodiċijiet ta' kondotta u opportunitajiet indaqs u politiki ta' diversità, u l-limiti minimi stabbiliti għar-rappreżentazzjoni tas-sessi fil-korpi governattivi tar-regolaturi tal-midja;

    29.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw kampanji bħall-għodda Expertalia tal-Belġju, il-premji "Sexist Piggy" tar-Repubblika Ċeka jew l-inizjattiva #TackaNej ("Le, grazzi") Żvediża, fost l-oħrajn; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod regolari jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni dwar kontenut diskriminatorju bbażat fuq is-sess fil-midja, u jirrappurtaw b'mod regolari dwar xejriet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-midja; jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi speċjali għal sottoprogrammi b'enfasi fuq l-avvanz tan-nisa fl-industrija tal-midja u tappoġġa l-assoċjazzjonijiet u n-netwerks tal-midja li qed jimplimentaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubbliċi u settorjali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi premju tal-UE għal studenti fil-qasam tal-midja għal ħidma relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi;

    30.

    Jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jfasslu strateġiji ta' komunikazzjoni, mhux biss għall-midja tradizzjonali, iżda wkoll għall-midja online, sabiex jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni biex tiġi influwenzata u monitorjata l-aġenda tal-midja;

    Aktar rakkomandazzjonijiet

    31.

    Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien ma' korpi tal-ugwaljanza, jimplimentaw bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni eżistenti li tindirizza l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jinkoraġġixxu lill-korpi regolatorji jagħtu attenzjoni lill-preżenza u l-avvanz tan-nisa u lill-kontenut tal-midja mhux stereotipiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu evalwazzjonijiet regolari fl-oqsma msemmija hawn fuq u jiżviluppaw, jekk dan għadu ma sarx, leġiżlazzjoni li tiffoka fuq kontenut tal-midja mhux stereotipiku; jenfasizza r-rwol tal-Istati Membri biex isir użu aħjar mir-riżorsi eżistenti fil-midja fil-kompetenza tagħhom biex iwettqu r-rwol tagħhom ta' servizz pubbliku filwaqt li jirriflettu soċjetà aktar ibbilanċjata bejn is-sessi u aktar demokratika;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni twettaq aktar riċerka dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet għolja fil-midja; ifaħħar lill-EIGE għall-ħidma tiegħu fil-qasam u jistiednu jkompli jiżviluppa u jimmonitorja s-sett ta' indikaturi rilevanti, inkluż iżda mhux limitat għall-preżenza tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kontenut tal-midja, filwaqt li jestendi l-attenzjoni tiegħu għat-tekonoloġiji ġodda ta' midja soċjali sabiex jiżviluppa metodoloġiji biex jiġu evitati l-vjolenza bbażata fuq is-sess u l-fastidju fil-midja soċjali;

    33.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jippromovu l-organizzazzjonijiet tan-nisa li huma attivi fil-qasam tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-midja, inklużi organizzazzjonijiet li jappoġġaw lin-nisa u lit-tfajliet vittmi ta' vjolenza sessista, diskriminazzjoni intersezzjonali jew fastidju sesswali;

    34.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi ta' azzjoni li jiżguraw l-involviment tan-nisa fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki u programmi effikaċi u effiċjenti fir-rigward tas-sensittività għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi fl-organizzazzjonijiet medjatiċi;

    35.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi biex jippromwovu l-ħiliet tan-nisa fix-xjenza, it-teknolġija, l-inġinerija u l-matematika (is-suġġetti STEM), li huma importanti għal karriera ta' natura aktar teknika fis-settur tal-midja, bħal dik ta' tekniku tas-sound jew tekniku awdjoviżiv; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fid-diversifikazzjoni tal-għażla tal-karriera u l-introduzzjoni tan-nisa u l-irġiel għal opportunitajiet ta' karrieri mhux tradizzjonali biex tingħeleb l-esklużjoni orizzontali u vertikali;

    o

    o o

    36.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

    (2)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

    (3)  ĠU C 296, 10.11.1995, p. 15.

    (4)  ĠU C 304, 6.10.1997, p. 60.

    (5)  ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 43.

    (6)  ĠU C 36, 29.1.2016, p. 18.

    (7)  ĠU C 66, 21.2.2018, p. 44.

    (8)  Testi adottati, P8_TA(2016)0338.

    (9)  Testi adottati, P8_TA(2016)0360.

    (10)  Testi adottati, P8_TA(2017)0260.

    (11)  Testi adottati, P8_TA(2017)0290.

    (12)  Testi adottati, P8_TA(2017)0364.

    (13)  Testi adottati, P8_TA(2017)0417.

    (14)  Ġbir ta' data konġunt bejn UNESCO, OECD u Eurostat, disponibbli fuq: http://eige.europa.eu/gender-statistics/dgs/indicator/ta_educ_part_grad__educ_uoe_grad02

    (15)  Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-EIGE, 2017.

    (16)  https://www.womenlobby.org/IMG/pdf/factsheet_women_and_media.pdf

    (17)  Lenka Vochocová, seduta pubblika tal-FEMM "L-ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur tal-midja fl-UE", 26 ta' Ġunju 2017, disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu/ep-live/mt/committees/video?event=20170626-1500-COMMITTEE-FEMM

    (18)  Il-proġett ta' monitoraġġ tal-midja globali (Global Media Monitoring), ir-rapport reġjonali għall-Ewropa (2015), disponibbli fuq http://cdn.agilitycms.com/who-makes-the-news/Imported/reports_2015/regional/Europe.pdf

    (19)  International Federation of Journalists (IFJ), kampanja dwar il-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-post tax-xogħol, https://www.ifj-stop-gender-based-violence.org/

    (20)  "Fejn huma d-diretturi nisa fil-films Ewropej? Rapport dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi dwar diretturi nisa (2006–2013) flimkien mal-aqwa prattika u rakkomandazzjonijiet ta' politika", http://www.ewawomen.com/en/research-.html

    (21)  L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Poter u t-Teħid ta' Deċiżjonijiet. Reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE, 2017 (Sors: Bażi tad-Data bl-Istatistika dwar il-Ġeneri tal-EIGE — In-Nisa u l-Irġiel fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet).

    (22)  Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE): Reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE: In-nisa u l-Mezzi tax-Xandir — Immexxu 'l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet fl-organizzazzjonijiet tal-midja (2013).

    (23)  Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju.

    (24)  ĠU L 69, 8.3.2014, p. 112.


    Top