Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019TA1008(02)

    Rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għas-sena finanzjarja 2018, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni

    ĠU C 340, 8.10.2019, p. 269–298 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 340/269


    RAPPORT ANNWALI DWAR L-ATTIVITAJIET IFFINANZJATI MIT-8, MID-9, MILL-10 U MILL-11-IL FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP (FEŻ)

    (2019/C 340/02)

    WERREJ

    FEŻ —

    Rapport annwali dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) 273
    Risposti tal-Kummissjoni 295

    Rapport annwali dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2018

    WERREJ

    Introduzzjoni 1–5
    Deskrizzjoni qasira tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp 2–5
    Kapitolu I — Implimentazzjoni Finanzjarja tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ 6–9
    Kapitolu II — Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-QEA dwar il-FEŻ I–37
    Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-QEA dwar it-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport tal-awditur indipendentinti I–XXI
    Informazzjoni li tappoġġa d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni 10–37
    Ambitu u approċċ tal-awditjar 10–14
    Affidabbiltà tal-kontijiet 15
    Regolarità tat-tranżazzjonijiet 16–22
    Rapport annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza 23–37
    Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet 38–41
    Konklużjoni 38–39
    Rakkomandazzjonijiet 40–41
    Kapitolu III – Prestazzjoni 42–43

    Anness I —

    Riżultati tal-ittestjar tat-tranżazzjonijiet għall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp

    Anness II —

    Pagamenti mill-FEŻ fl-2018 skont ir-reġjun prinċipali

    Anness III —

    Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti għall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp

    Introduzzjoni

    1.

    Dan ir-rapport annwali jippreżenta s-sejbiet tagħna għat-8, id-9, l-10 u l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ). Il- Kaxxa 1 tagħti stampa ġenerali tal-attivitajiet u tal-infiq f’dan il-qasam fl-2018.

    Kaxxa 1

    Fondi Ewropej għall-Iżvilupp – stampa ġenerali finanzjarja għall-2018

    Image 1

    Image 2

    (1)

    F’konformità mad-definizzjoni armonizzata tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (ara l-paragrafu 13 tal- Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2018 tal-QEA dwar l-implimentazzjoni tal-baġit).

    Sors:

    Il-QEA, ibbażat fuq il-kontijiet konsolidati tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ għall-2018 u fuq ir-Rapport Annwali tal-Attività 2018 tad-DĠ DEVCO.

    Deskrizzjoni qasira tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp

    2.

    Imnedija fl-1959, il-FEŻ huma l-istrument prinċipali li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea (UE) tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE). Il-ftehim ta’ sħubija li ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 għal perjodu ta’ 20 sena (“il-Ftehim ta’ Cotonou”) huwa l-qafas attwali li jirregola r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi AKP u l-PTEE. L-objettiv prinċipali tiegħu huwa t-tnaqqis, u eventwalment, il-qerda tal-faqar.

    3.

    Il-FEŻ huma partikolari minħabba li:

    (a)

    huma ffinanzjati mill-Istati Membri skont kwoti, jew “koeffiċjenti tal-kontribuzzjoni”, li jiġu ssettjati mill-gvernijiet nazzjonali fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

    (b)

    huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni, barra mill-qafas tal-baġit ġenerali tal-UE, u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI);

    (c)

    minħabba n-natura intergovernattiva tal-FEŻ, il-Parlament Ewropew jeżerċita rwol aktar limitat fil-funzjonament tagħhom milli jeżerċita għall-istrumenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-UE; b’mod partikolari, huwa mhuwiex involut fl-istabbiliment u fl-allokazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ. Madankollu, il-Parlament Ewropew jibqa’ l-awtorità ta’ kwittanza, minbarra għall-Faċilità ta’ Investiment, li hija mmaniġġjata mill-BEI u li għalhekk taqa’ barra mill-ambitu tal-awditu tagħna (1) (2);

    (d)

    il-prinċipju tal-annwalità ma japplikax għall-FEŻ: ftehimiet relatati mal-FEŻ normalment jiġu konklużi għal perjodu ta’ impenn ta’ minn ħames sa seba’ snin, u l-pagamenti jistgħu jsiru fuq perjodu ta’ żmien li jkun ħafna itwal.

    4.

    Il-FEŻ huma mmaniġġjati kważi interament mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (id-DĠ DEVCO) (3).

    5.

    L-infiq kopert f’dan ir-rapport jitwassal bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ metodi ta’ twassil (4), li huma implimentati f’79 pajjiż.

    Kapitolu I — Implimentazzjoni Finanzjarja tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ

    6.

    Il-baġit tat-8 FEŻ (1995-2000) kien ta’ EUR 12 840 miljun, dak tad-9 FEŻ (2000-2007) kien ta’ EUR 13 800 miljun, u dak tal-10 FEŻ (2008-2013) kien ta’ EUR 22 682 miljun.

    7.

    Il-Ftehim Intern li jistabbilixxi l-11-il FEŻ (5) (2015-2020) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2015 (6). Il-11-il FEŻ fih EUR 30 506 miljun (7), li minnhom EUR 29 089 miljun huma allokati għall-pajjiżi AKP u EUR 364,5 miljun għall-PTEE.

    8.

    Il- Kaxxa 2 turi l-użu tar-riżorsi tal-FEŻ fl-2018 kif ukoll l-użu kumulattiv tagħhom.

    Kaxxa 2

    Użu tar-riżorsi tal-FEŻ sal-31 ta’ Diċembru 2018

    (EUR miljun)

     

     

    Sitwazzjoni fi tmiem l-2017

    Implimentazzjoni baġitarja matul is-sena finanzjarja 2018 (ammonti netti)) (13)

    Sitwazzjoni fi tmiem l-2018

     

     

     

    Ammont totali

    Rata ta’ implimentazzjoni (9)

    it-8-il FEŻ (10)

    id-9-il FEŻ (10)

    l-10 FEŻ

    il-11-il FEŻ (10)

    Ammont totali

    it-8 FEŻ

    id-9 FEŻ

    l-10 FEŻ

    il-11-il FEŻ

    Ammont totali

    Rata ta’ implimentazzjoni (9)

     

     

    A -

    RIŻORSI (8)

    76 924

     

    –7

    –40

    –65

    126

    14

    10 378

    15 390

    21 423

    29 747

    76 938

     

     

     

    B -

    UŻU

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    1.

    Impenji globali (11)

    65 852

    8,6  %

    –4

    –33

    –147

    4 332

    4 148

    10 378

    15 358

    20 905

    23 359

    70 000

    9,1  %

     

     

    2.

    Impenji individwali (12)

    59 243

    7,7  %

    0

    16

    236

    4 687

    4 939

    10 376

    15 305

    20 361

    18 140

    64 182

    8,3  %

     

     

    3.

    Pagamenti

    49 498

    6,4  %

    0

    23

    1 076

    2 970

    4 069

    10 375

    15 187

    18 829

    9 176

    53 567

    7,0  %

     

     

    C -

    Impenji pendenti (B1-B3)

    16 354

    2,1  %

     

     

     

     

     

    3

    171

    2 076

    14 183

    16 433

    2,1  %

     

     

    D -

    Bilanċ disponibbli (A-B1)

    11 072

    1,4  %

     

     

     

     

     

    0

    32

    518

    6 388

    6 938

    0,9  %

     

    Sors:

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq il-kontijiet konsolidati tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ għall-2018. Iċ-ċifri ppreżentati ma jkoprux il-parti tal-FEŻ li hija mmaniġġjata mill-BEI.

    9

    Fl-2018, id-DĠ DEVCO kompla bl-isforzi tiegħu biex inaqqas il-prefinanzjamenti antiki u l-impenji li ma ntnefqux, bl-għan li dawn jilħqu l-mira ta’ 25 % (14) (ara l- Kaxxa 3 ).

    Kaxxa 3

    KPIs relatati mat-tnaqqis tal-prefinanzjamenti antiki, l-impenji li ma ntnefqux u l-kuntratti li skadew

    Id-DĠ DEVCO qabeż il-mira tiegħu, billi naqqas il-prefinanzjamenti antiki b’43,79 % fil-qasam intier ta’ responsabbiltà tiegħu (40,33 % għall-FEŻ) u l-impenji antiki li ma ntnefqux b’39,71 % (37,10 % għall-FEŻ).

    Id-DĠ DEVCO laħaq ukoll il-mira tiegħu għall-KPI (valur fil-mira inqas minn 15 %), rigward is-sehem ta’ kuntratti antiki li skadew, li b’mod ġenerali tilħaq ir-rata ta’ 13,88 %. Għalkemm il-mira għall-FEŻ ma ntlaħqitx, il-perċentwal tjieb meta mqabbel mal-2017. Bħal fis-snin preċedenti, ir-raġuni prinċipali għad-differenza bejn il-FEŻ u l-bqija tal-qasam ta’ responsabbiltà tad-DĠ DEVCO tirriżulta mill-kumplessità teknika marbuta mal-għeluq tal-kuntratti tal-FEŻ li għandhom ordnijiet ta’ rkupru li ma jkunux issarrfu. Wara l-proċedura l-ġdida stabbilita f’Settembru 2017, id-DĠ DEVCO rnexxielu jnaqqas il-perċentwal minn 18,75 % fl-2017 għal 17,27 % fl-2018.

    Kapitolu II — Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-QEA dwar il-FEŻ

    Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-QEA dwar it-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport tal-awditur indipendenti

    Opinjoni

    I.

    Aħna awditjajna:

    (a)

    il-kontijiet annwali tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ, li jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u r-rapport dwar l-implimentazzjoni finanzjarja għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018, li ġew approvati mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 2019;

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi li l-ġestjoni finanzjarja tagħhom taqa’ taħt il-Kummissjoni (15).

    Affidabbiltà tal-kontijiet

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    II.

    Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet annwali tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2018, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ u r-regoli kontabilistiċi bbażati fuq standards tal-kontabbiltà li huma aċċettati internazzjonalment għas-settur pubbliku.

    Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    Dħul

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul

    III.

    Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    Infiq

    Opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq

    IV.

    Fl-opinjoni tagħna, minħabba s-sinifikat tal-kwistjoni deskritta taħt “Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq”, l-infiq aċċettat fil-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018 huwa milqut minn livell materjali ta’ żball.

    Bażi għal opinjoni

    V.

    Aħna wettaqna l-awditu tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC, u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAIs) tal-INTOSAI. Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards u kodiċijiet jingħataw f’aktar dettall fit-taqsima “Responsabbiltajiet tal-awditur” fir-rapport tagħna. Aħna rrispettajna wkoll ir-rekwiżiti tal-indipendenza u wettaqna l-obbligi etiċi tagħna skont il-Kodiċi ta’ Etika għall-Kontabilisti Professjonali tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Etika għall-Kontabilisti. Aħna nemmnu li l-evidenza għall-awditjar li ksibna hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.

    Bażi għal opinjoni avversa dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq

    VI.

    L-infiq irreġistrat fl-2018 taħt it-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ, huwa milqut minn livell materjali ta’ żball. Il-livell ta’ żball stmat minna għall-infiq aċċettat fil-kontijiet huwa ta’ 5,2 %.

    Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar

    VII.

    Il-kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar huma dawk li, fil-ġudizzju professjonali tagħna, kienu tal-akbar sinifikat fl-awditu li wettaqna tar-rapporti finanzjarji tal-perjodu attwali. Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati fil-kuntest tal-awditu li wettaqna tar-rapporti finanzjarji fl-intier tagħhom, u waqt li konna qed niffurmaw l-opinjoni tagħna dwarhom, iżda aħna ma nipprovdux opinjoni separata dwar dawn il-kwistjonijiet.

    Imposti dovuti

    VIII.

    Aħna vvalutajna l-imposti dovuti ppreżentati fil-kontijiet (ara n-Nota 2.8), li huma suġġetti għal livell għoli ta’ stima. Fi tmiem is-sena 2018, il-Kummissjoni stmat li l-ispejjeż eliġibbli mġarrba, iżda li kienu għadhom ma ġewx irrappurtati mill-benefiċjarji, ammontaw għal EUR 5 133 biljun (tmiem is-sena 2017: EUR 4 653 miljun).

    IX.

    Aħna eżaminajna l-kalkolu ta’ dawn l-istimi u analizzajna kampjun ta’ 30 kuntratt individwali biex nindirizzaw ir-riskju li l-ammont dovut ġie ddikjarat b’mod skorrett. Ix-xogħol imwettaq ippermettielna naslu għall-konklużjoni li l-imposti dovuti rreġistrati fil-kontijiet finali kienu xierqa.

    L-impatt potenzjali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq il-kontijiet tal-FEŻ għall-2018

    X.

    Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit (UK) innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-UE. Fid-19 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat abbozz ta’ ftehim dwar il-ħruġ li kien jiddeskrivi l-progress li sar fin-negozjati mar-Renju Unit. Dan l-abbozz ta’ ftehim dwar il-ħruġ jiddikjara li r-Renju Unit se jibqa’ jagħmel parti mill-FEŻ sal-għeluq tal-11-il FEŻ u tal-FEŻ preċedenti kollha li ma ngħalqux, u se jassumi l-istess obbligi bħall-Istati Membri taħt il-ftehim intern li permezz tiegħu ġie stabbilit il-11-il FEŻ, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw minn FEŻ preċedenti sakemm dawn jingħalqu.

    XI.

    L-abbozz ta’ ftehim dwar il-ħruġ jiddikjara wkoll li, fejn l-ammonti minn proġetti taħt l-10 FEŻ jew taħt FEŻ preċedenti ma jkunux ġew impenjati jew ikunu ġew diżimpenjati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, is-sehem ta’ dawn l-ammonti li jkun tar-Renju Unit ma jerġax jintuża. L-istess regola tapplika wkoll għas-sehem li r-Renju Unit ikollu ta’ fondi li ma jkunux ġew impenjati jew li jkunu ġew diżimpenjati taħt il-11-il FEŻ wara l-31 ta’ Diċembru 2020. In-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għadhom għaddejjin u, għalhekk, it-test finali tal-ftehim għadu ma ġiex ikkonfermat.

    XII.

    Ibbażat fuq dan, ma hemm l-ebda impatt finanzjarju fuq il-kontijiet annwali tal-FEŻ għall-2018 li jrid jiġi rrappurtat. Aħna nikkonkludu li l-kontijiet tal-FEŻ fil-31 ta’ Diċembru 2018 kienu jirriflettu b’mod korrett il-proċess tal-ħruġ sa dakinhar.

    Responsabbiltajiet tal-maniġment

    XIII.

    F’konformità mal-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u mar-Regolament Finanzjarju tal-11-il FEŻ, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tal-FEŻ abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment, u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-Kummissjoni hija fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-FEŻ.

    XIV.

    Fit-tħejjija tal-kontijiet tal-FEŻ, il-Kummissjoni hija responsabbli milli tivvaluta l-kapaċità tal-FEŻ li jkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li tiddivulga kull kwistjoni rilevanti u tuża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat, dment li ma tkunx biħsiebha tillikwida l-entità jew ittemm l-operazzjonijiet, jew inkella ma jkollha l-ebda alternattiva realistika ħlief li tagħmel dan.

    XV.

    Il-Kummissjoni hija responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-FEŻ.

    Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet tal-FEŻ u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

    XVI.

    L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet tal-FEŻ ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li l-awditu jkun neċessarjament qabad il-każijiet kollha ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw kull deċiżjoni ekonomika li tittieħed fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet tal-FEŻ.

    XVII.

    Bħala parti minn awditu u f’konformità mal-ISAs u l-ISSAIs, aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu xettiċiżmu professjonali tul l-awditu. Barra minn hekk, aħna:

    Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijet tal-FEŻ u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-FEŻ, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Aħna nfasslu u nwettqu proċeduri tal-awditjar li jirrispondu għal dawk ir-riskji, u niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet tagħna. Każijiet ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew ta’ nuqqas ta’ konformità b’riżultat ta’ frodi huma aktar diffiċli biex jinqabdu minn dawk li jkunu b’riżultat ta’ żball, billi frodi tista’ tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonali, rappreżentazzjonijiet żbaljati, jew li jinqabeż il-kontroll intern. B’konsegwenza ta’ dan, hemm riskju akbar li dawn il-każijiet ma jinqabdux.

    Niksbu fehim tal-kontroll interni rilevanti għall-awditu sabiex infasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa, iżda mhux bl-iskop li nagħtu opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll interni.

    Nevalwaw l-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru mill-maniġment.

    Nilħqu konklużjoni dwar l-adegwatezza tal-użu mill-maniġment tal-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat u, abbażi tal-evidenza għall-awditjar miksuba, dwar jekk tkunx teżisti inċertezza materjali minħabba avvenimenti jew kundizzjonijiet li jistgħu jixħtu dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-FEŻ li jkompli bħala negozju avvjat. Jekk aħna nikkonkludu li tkun teżisti inċertezza materjali bħal din, aħna meħtieġa niġbdu l-attenzjoni, fir-rapport tagħna, għad-divulgazzjonijiet relatati fil-kontijiet tal-FEŻ jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq l-evidenza għall-awditjar miksuba sad-data tar-rapport tagħna. Madankollu, avvenimenti jew kundizzjonijiet futuri jistgħu jwasslu biex l-entità ma tkomplix bħala negozju avvjat.

    Nevalwaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tal-kontijiet annwali, inklużi d-divulgazzjonijiet kollha, u nivvalutaw jekk il-kontijiet annwali jkunux jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti ta’ bażi b’mod ġust.

    XVIII.

    Aħna nikkomunikaw mal-maniġment rigward, fost oħrajn, l-ambitu u t-twaqqit ippjanati tal-awditu u dwar sejbiet sinifikanti tal-awditjar, inklużi sejbiet dwar kwalunkwe defiċjenza sinifikanti fil-kontroll intern.

    XIX.

    Għad-dħul, aħna eżaminajna l-kontribuzzjonijiet kollha mill-Istati Membri u kampjun ta’ tipi oħra ta’ tranżazzjonijiet tad-dħul.

    XX.

    Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament ladarba l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (minbarra pagamenti bil-quddiem) fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati ladarba r-riċevitur tal-fondi jkun ipprovda evidenza dwar l-użu xieraq tagħhom u l-istituzzjoni jew il-korp ikunu aċċettaw dik l-evidenza billi japprovaw il-pagament bil-quddiem, u dan jista’ jseħħ fis-sena sussegwenti.

    XXI.

    Mill-kwistjonijiet li ddiskutejna mal-Kummissjoni, aħna niddeterminaw dawk li kienu tal-akbar sinifikat fl-awditjar tal-kontijiet tal-FEŻ, u li għalhekk huma l-kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar għall-perjodu attwali. Aħna niddeskrivu dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tagħna, dment li l-liġi jew ir-regolament ma jkunux jipprekludu d-divulgazzjoni pubblika jew meta, f’każijiet rari ħafna, aħna niddeterminaw li kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata fir-rapport tagħna minħabba li l-konsegwenzi avversi jekk dan isir ikunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jkunu akbar mill-benefiċċji għall-interess pubbliku.

    il-11 ta’ Lulju 2019

    Klaus-Heiner LEHNE

    President

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

    12, rue Alcide De Gasperi, il-lussemburgu, IL-LUSSEMBURGU

    Informazzjoni li tappoġġa d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni

    Ambitu u approċċ tal-awditjar

    10.

    L- Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2018 tal-QEA dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jippreżenta l-approċċ u l-metodi tal-awditjar tagħna.

    11.

    L-osservazzjonijiet tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-FEŻ huma bbażati fuq ir-rapporti finanzjarji (16) tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ, approvati mill-Kummissjoni f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-FEŻ (17), flimkien mal-ittra tar-rappreżentazzjonijiet tal-uffiċjal tal-kontabbiltà li rċevejna fis-27 ta’ Ġunju 2019. Aħna ttestjajna l-ammonti u d-divulgazzjonijiet ipprovduti, u vvalutajna l-prinċipji kontabilistiċi użati, kif ukoll l-istimi sinifikanti kollha li saru mill-Kummissjoni u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

    12.

    Biex nawditjaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, aħna eżaminajna kampjun ta’ 125 tranżazzjoni li kien rappreżentattiv tal-firxa sħiħa tal-pagamenti li saru fi ħdan il-FEŻ, u kien jikkonsisti f’96 pagament awtorizzati minn 19-il delegazzjoni tal-UE (18) u 29 pagament approvati mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni (19). Peress li parti mill-popolazzjoni li awditjajna kienet koperta mill-istudju tal-2018 dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) imwettaq mid-DĠ DEVCO (20), fil-kampjun tagħna aħna inkludejna 14-il tranżazzjoni oħra, li għalihom applikajna, wara aġġustament, ir-riżultati (21) ta’ dan l-istudju. Id-daqs totali tal-kampjun, f’dak il-perjodu, kien ta’ 139 tranżazzjoni, li huwa konformi mal-mudell ta’ aċċertament tal-QEA. Fejn kienu nqabdu żbalji fit-tranżazzjonijiet, aħna analizzajna s-sistemi rilevanti biex nidentifikaw id-dgħufijiet.

    13.

    Fl-2018 aħna eżaminajna wkoll dan li ġej:

    (a)

    il-kontribuzzjonijiet kollha li saru mill-Istati Membri u kampjun ta’ tipi oħra ta’ tranżazzjonijiet tad-dħul;

    (b)

    ċerti sistemi użati mid-DĠ DEVCO u mid-delegazzjonijiet tal-UE, fejn koprejna: (i) kontrolli ex ante li twettqu mill-persunal tal-Kummissjoni, awdituri esterni (ikkuntrattati mill-Kummissjoni jew mill-benefiċjarji) jew superviżuri qabel ma saru l-pagamenti, (ii) monitoraġġ u superviżjoni, b’mod partikolari s-segwitu li twettaq ta’ awditi esterni u l-istudju dwar ir-RER imsemmi hawn fuq;

    (c)

    l-affidabbiltà tal-informazzjoni tar-regolarità fir-rapport annwali tal-attività (RAA) tad-DĠ DEVCO, il-konsistenza tal-metodoloġija biex jiġu stmati l-ammonti f’riskju, il-korrezzjonijiet u l-irkupri futuri, kif ukoll l-inklużjoni tagħhom fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR) tal-Kummissjoni;

    (d)

    is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna.

    14.

    Kif indikat fil-paragrafu 04, id-DĠ DEVCO jimplimenta l-biċċa l-kbira mill-istrumenti ta’ għajnuna esterna ffinanzjati kemm mill-baġit ġenerali tal-UE kif ukoll mill-FEŻ. L-osservazzjonijiet tagħna dwar is-sistemi, l-affidabbiltà tar-RAA u d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali għall-2018 jirreferu għall-qasam intier ta’ responsabbiltà tad-DĠ DEVCO.

    Affidabbiltà tal-kontijiet

    15.

    L-awditu tagħna sab li l-kontijiet ma kinux affettwati minn dikjarazzjonijiet skorretti materjali.

    Regolarità tat-tranżazzjonijiet

    Dħul

    16.

    It-tranżazzjonijiet tad-dħul ma kienx fihom livell materjali ta’ żball.

    Pagamenti

    17.

    L- Anness I jagħti stampa ġenerali tar-riżultati tal-ittestjar tal-125 tranżazzjoni ta’ pagament li eżaminajna, li minnhom 51 (41 %) kien fihom żbalji. Abbażi tad-39 żball li kkwantifikajna u tar-riżultati aġġustati tal-istudju tal-2018 dwar ir-RER (ara l-paragrafu 12), aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 5,2 % (22). Mid-39 tranżazzjoni ta’ pagament li kien fihom żbalji kwantifikabbli, 9 (23 %) kienu tranżazzjonijiet finali li ġew awtorizzati ladarba li kienu twettqu l-kontrolli ex ante kollha. Il- Kaxxa 4 tagħti ripartizzjoni tal-livell ta’ żball stmat minna għall-2018 skont it-tip ta’ żball. Il- Kaxxa 5 tippreżenta eżempji ta’ dawn l-iżbalji.

    Kaxxa 4

    Ripartizzjoni tal-livell ta’ żball stmat skont it-tip ta’ żball

    Image 3

    Sors:

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    18.

    Bħal fis-snin preċedenti, il-Kummissjoni u s-sħab tagħha inkarigati mill-implimentazzjoni wettqu aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma’ stimi ta’ programmi, ma’ għotjiet, ma’ ftehimiet ta’ kontribuzzjoni konklużi ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ma’ ftehimiet ta’ delega konklużi ma’ aġenziji ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE milli għamlu f’forom oħra ta’ appoġġ (23). Mill-61 tranżazzjoni ta’ dan it-tip li eżaminajna, 33 (54 %) kien fihom żbalji kwantifikabbli, li kienu jirrappreżentaw 62,5 % tal-livell ta’ żball stmat.

    Kaxxa 5

    Eżempji ta’ żbalji kwantifikabbli fit-tranżazzjonijiet relatati ma’ proġetti

    (a)   Infiq mhux imġarrab

    Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim ta’ kontribuzzjoni ma’ organizzazzjoni internazzjonali (OI) rigward il-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri naturali fil-Karibew. Il-kontribuzzjoni mill-UE, li tikkorrispondi għall-valur totali tal-kuntratt, kienet EUR 12,29 miljun. L-OI implimentat partijiet tal-proġett permezz ta’ sottogħotjiet mogħtija lil organizzazzjonijiet oħra. Meta eżaminajna 10 elementi individwali ta’ nfiq, aħna identifikajna 4 każijiet fejn l-organizzazzjoni internazzjonali kienet irrappurtat pagamenti bil-quddiem li saru lil organizzazzjonijiet oħra bħala spejjeż imġarrba. Aħna kkonfermajna li l-organizzazzjonijiet l-oħra kienu jew ma bdewx ix-xogħol tal-proġett jew inkella ma kinux ikkompletawh, li jfisser li l-infiq irrappurtat (EUR 573 494 ) kien għalhekk għadu ma ġġarrabx.

    (b)   Ebda dokument essenzjali ta’ sostenn

    Il-Kummissjoni approvat kuntratt ta’ għotja li ġie ffirmat ma’ assoċjazzjoni għall-implimentazzjoni ta’ proġett kulturali u edukattiv fil-Belize. Il-valur totali tal-kuntratt kien ta’ EUR 0,5 miljun; għal kontribuzzjoni massima mill-UE li ġiet stabbilita għal ammont ta’ EUR 0,4 miljun. Il-Kummissjoni, bi żball, aċċettat l-ispejjeż tal-proġett (EUR 360 000 ) qabel ma rċeviet ir-rapport finanzjarju finali, it-talba għal pagament jew ir-rapport ta’ verifikazzjoni tal-infiq, kif meħtieġ skont il-kuntratt.

    Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim ta’ amministrazzjoni ma’ OI dwar programm ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri fil-pajjiżi tal-AKP. Il-kontribuzzjoni mill-UE, li tikkorrispondi għall-valur totali tal-kuntratt kienet ta’ EUR 74,5 miljun. L-organizzazzjoni internazzjonali implimentat partijiet tal-proġett permezz ta’ għotjiet mogħtija lil partijiet terzi. Meta eżaminajna 10 elementi individwali ta’ nfiq, aħna ma rċevejniex dokumenti ta’ sostenn għal 2 każijiet ta’ nfiq li sar minn partijiet terzi (EUR 247 497 ) u ġew irrappurtati bħala spejjeż tal-proġett.

    (c)   Żball fil-qasam tal-akkwist - (deċiżjoni mhux iġġustifikata meħuda mill-kumitat ta’ evalwazzjoni)

    Il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt ta’ għotja ma’ organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) biex timplimenta proġett tas-sanità fil-Haiti. Il-valur totali tal-kuntratt kien ta’ EUR 2,86 miljun; għal kontribuzzjoni massima mill-UE li ġiet stabbilita għal ammont ta’ EUR 2 miljun. Aħna eżaminajna 10 elementi individwali ta’ nfiq, inklużi l-pagament finali (EUR 8 768 ) għall-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet sanitarji. L-NGO ħarġet sejħa għall-offerti u evalwat l-offerti riċevuti bl-applikazzjoni tal-kriterji tekniċi u finanzjarji. Il-kuntratt ingħata lill-offerent bit-tieni l-ogħla punteġġ minflok lill-offerent bl-ogħla punteġġ, mingħajr ġustifikazzjonijiet oħra.

    Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim ta’ kontribuzzjoni ma’ OI biex tappoġġa l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġamajka. Il-kontribuzzjoni mill-UE, li tikkorrispondi għall-valur totali tal-kuntratt kienet EUR 5 miljun. Waqt l-akkwist tal-provvisti (EUR 193 700 ) għall-proġett, l-OI qieset biss il-pajjiżi membri tagħha bħala fornituri eliġibbli. Dan eskluda bosta pajjiżi, inklużi xi Stati Membri tal-UE, li għandhom ikunu eliġibbli għall-proġetti ffinanzjati mill-FEŻ.

    (d)   Spejjeż indiretti ddikjarati bħala diretti

    Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim ta’ kontribuzzjoni ma’ OI li timplimenta proġetti nutrittivi ta’ benessri fil-Kenja. Il-kontribuzzjoni mill-UE, li tikkorrispondi għall-valur totali tal-kuntratt kienet ta’ EUR 19-il miljun. Meta eżaminajna 10 elementi individwali ta’ nfiq, aħna osservajna li l-ispejjeż indiretti tas-sieħeb tal-OI (EUR 24 278 ) kienu ġew irrappurtati bħala spejjeż diretti. Billi l-OI talbet ir-rimborż tal-ispejjeż indiretti, li jirrappreżenta 7 % tal-ispejjeż diretti totali rrappurtati fir-rapport finanzjarju, l-ispejjeż indiretti tas-sħab tagħha kellhom jitqiesu bir-rata fissa maqbula bejn il-Kummissjoni u l-OI.

    19.

    Għal 10 tranżazzjonijiet li ġew implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali, huma ma bagħtux dokumenti ta’ sostenn essenzjali f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Dan kellu impatt negattiv fuq l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tax-xogħol tal-awditjar tagħna; pereżempju, f’xi każijiet aħna ma rnexxilniex inwettqu żjarat fuq il-post għall-proġetti (ara l- Kaxxa 6 ). Dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni jmur kontra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (24), li jistabbilixxi d-dritt tal-QEA li tintbagħtilha l-informazzjoni mitluba. Fl-Opinjoni Nru 10/2018 tagħna (25), aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tqis li tirrinforza l-obbligu li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jibagħtu lill-QEA d-dokumenti meħtieġa biex aħna nkun nistgħu nikkompletaw l-awditi tagħna.

    Kaxxa 6

    Nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali

    F’Settembru 2018, aħna nnotifikajna lill-Kummissjoni dwar żjara fil-Mozambique, biex nawditjaw proġett tal-provvista tal-ilma u s-sanità implimentat mill-Unicef, u proġett tas-siġurtà alimentari u l-prevenzjoni tal-malnutrizzjoni implimentat mill-Programm Dinji tal-Ikel.

    Sabiex inħejju ż-żjara tal-awditjar u nippjanaw il-kontrolli fuq il-post tal-proġetti, aħna tlabna lill-organizzazzjonijiet biex jibagħtulna d-dokumentazzjoni meħtieġa dwar l-elementi ta’ nfiq ikkampjunati. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, l-informazzjoni ma ngħatatilniex qabel ma wasalna l-Mozambique f’Novembru 2018 biex nibdew l-awditu. Dan in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ma ppermettilniex inżuru l-proġetti fuq il-post. Barra minn hekk, meta wasalna l-Mozambique, id-dokumentazzjoni disponibbli fl-uffiċċji tal-organizzazzjonijiet kienet għadha inkompleta. B’riżultat ta’ dan, aħna ma stajniex nivverifikaw jekk l-elementi ikkampjunati kinux jeżistu. Barra dan, xi wħud mid-dokumenti ma ġewx ipprovduti qabel iż-żjara tagħna, u dan wassal għal dewmien sinifikanti fl-ikkompletar tax-xogħol tal-awditjar tagħna.

    Aħna ffaċċjajna wkoll nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħall-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Karibew, il-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Grupp tal-Bank Dinji.

    20.

    F’disa’ każijiet ta’ żbalji kwantifikabbli u fi tmien każijiet ta’ żbalji mhux kwantifikabbli, il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti biex tipprevieni, jew biex taqbad u tikkoreġi, l-iżball qabel ma taċċetta l-infiq. Li kieku l-Kummissjoni għamlet użu xieraq minn din l-informazzjoni kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-livell ta’ żball stmat kien ikun aktar baxx b’1,3 punti perċentwali. Aħna sibna ħames tranżazzjonijiet oħra bi żbalji li kien imisshom inqabdu mill-awdituri u s-superviżuri esterni. Dawn il-każijiet ikkontribwew 1,1 punt perċentwali għal-livell ta’ żball stmat (26).

    21.

    Barra minn hekk, 17-il tranżazzjoni li kien fihom żball kwantifikabbli (27) kienu ġew suġġetti għal awditu jew għal verifikazzjoni tal-infiq. L-informazzjoni pprovduta fir-rapporti tal-awditjar/ta’ verifikazzjoni dwar ix-xogħol li fil-fatt kien sar ma ppermettitilniex nivvalutaw jekk l-iżbalji setgħux jinqabdu u jiġu kkoreġuti matul dawn il-kontrolli ex ante.

    22.

    F’żewġ oqsma, it-tranżazzjonijiet eżaminati ma kienx fihom żbalji. L-ewwel wieħed minn dawn l-oqsma kien l-appoġġ baġitarju (28) (disa’ tranżazzjonijiet awditjati). It-tieni qasam kien jinkludi każijiet fejn l-"approċċ nozzjonali" kien ġie applikat għal proġetti ffinanzjati minn bosta donaturi u implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali (disa’ tranżazzjonijiet awditjati). Il-paragrafi 9.9 – 9.12 fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2018 tal-QEA dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jagħtu aktar dettalji dwar in-natura ta’ dawn l-oqsma.

    Rapport annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza

    23.

    F’kull rapport annwali tal-attività mill-2012 ’il hawn, id-DĠ DEVCO ħareġ riżerva dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Għaldaqstant, ġie adottat pjan ta’ azzjoni biex jindirizza d-dgħufijiet fl-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tad-DĠ DEVCO.

    24.

    Is-sena li għaddiet aħna rrappurtajna dwar il-progress sodisfaċenti li kien sar taħt il-pjan ta’ azzjoni 2016: kienu ġew ikkompletati 10 azzjonijiet, filwaqt li 2 ġew implimentati tnejn parzjalment u 2 kienu għadhom għaddejjin.

    25.

    Fil-pjan ta’ azzjoni tiegħu tal-2017, id-DĠ DEVCO kompla bl-isforzi tiegħu biex inaqqas ir-rata ta’ żball billi ħa miżuri mmirati lejn oqsma ta’ riskju għoli attwali jew li ġew identifikati preċedentement: fondi taħt ġestjoni indiretta permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u għotjiet taħt ġestjoni diretta. Fl-istess ħin, bosta azzjonijiet li kienu marbutin ma’ aġġustamenti għall-allinjament mar-Regolament Finanzjarju l-ġdid — xi wħud minnhom kellhom jiġu riportati minħabba l-adozzjoni tardiva tar-regolament innifsu. Sa April 2019, disa’ azzjonijiet kienu ġew ikkompletati, filwaqt li waħda kienet ġiet implimentata parzjalment u erbgħa kienu għadhom għaddejjin.

    26.

    Żewġ miżuri mmirati ġodda ġew miżjuda mal-pjan ta’ azzjoni 2018, u dan jirrifletti l-ħtieġa li jiġu kkjarifikati u promossi l-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati u l-finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati introdotti mir-Regolament Finanzjarju l-ġdid. Miżura li kienet teżisti qabel u li tikkjarifika l-proċeduri ta’ għotja ġiet riformulata, u oħra mmirata lejn il-valutazzjonijiet tal-pilastri mwettqa minn OI ġiet ripartita fi tliet azzjonijiet separati. B’kollox, il-pjan ta’ azzjoni 2018 kien fih 13-il miżura, li minnhom 7 kienu ġew riportati mis-snin preċedenti, filwaqt li 4 taw segwitu għal miżuri mis-snin preċedenti u 2 kienu ġodda.

    27.

    Is-sistema ta’ kontroll tad-DĠ DEVCO hija bbażata fuq kontrolli ex ante li jitwettqu qabel ma jiġi aċċettat l-infiq ikklejmjat mill-benefiċjarji. Għal darb’oħra din is-sena, il-frekwenza tal-iżbalji li nstabu – inklużi xi wħud li nstabu fil-klejms finali li kienu ġew suġġetti għal awditi esterni ex ante u verifikazzjonijiet tal-infiq ex ante – tindika li hemm dgħufijiet f’dawn il-kontrolli.

    Studju tal-2018 dwar ir-RER

    28.

    Fl-2018, id-DĠ DEVCO wettaq is-seba’ studju tiegħu dwar ir-RER biex jistma l-livell ta’ żball li l-kontrolli ta’ ġestjoni kollha għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji ma rnexxilhomx jaqbdu fil-qasam intier tar-responsabbiltà tiegħu (29). Għat-tielet sena konsekuttiva, ir-RER stmata mill-istudju kienet tinsab taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 % ssettjat mill-Kummissjoni (30).

    29.

    L-istudju dwar ir-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu; huwa bbażat fuq il-metodoloġija relatata mal-istudju dwar ir-RER u l-manwal ipprovdut mid-DĠ DEVCO. Bħal fis-snin preċedenti, aħna identifikajna limitazzjonijiet, bħall-għadd żgħir ħafna ta’ kontrolli fuq il-post imwettqa fuq it-tranżazzjonijiet (31), il-kontrolli inkompleti fuq il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u s-sejħiet għal proposti (32), kif ukoll l-istima tal-iżbalji (33). Dawn il-limitazzjonijiet kollha kkontribwew għal rata tal-iżball residwu aktar baxxa, li ma tirriflettix ir-realtà.

    30.

    Il-kuntrattur inkarigat mit-twaqqif tal-istudju dwar ir-RER għandu lok sinifikanti għal interpretazzjoni tal-metodoloġija, billi l-manwal dwar ir-RER jipprovdi primarjament gwida ġenerali aktar milli struzzjonijiet dettaljat. Barra minn hekk, il-kuntratt li jirrigwarda l-istudju dwar ir-RER jiġi konkluż għal sena waħda biss kull darba, u għalhekk il-kuntrattur u l-approċċ li jittieħed jistgħu jinbidlu kull sena. Li kieku l-metodoloġija tar-RER u l-gwida mid-DĠ DEVCO kienu aktar komprensivi, il-livell ta’ konsistenza u aċċertament jistgħu jittejbu, anke jekk il-kuntrattur jinbidel.

    31.

    L-analiżi li wettaqna tax-xogħol tal-kuntrattur inkarigat mit-twettiq tal-istudju dwar ir-RER identifikat żbalji u inkonsistenzi fil-kalkolu u l-estrapolazzjoni ta’ żbalji individwali. Aħna osservajna wkoll żbalji fid-dokumenti ta’ ħidma tal-kuntrattur, bħal żbalji aritmetiċi u l-fatt li l-kontrolli ma kinux ikopru l-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà tal-infiq. Li kieku dawn l-iżbalji kienu ġew ikkoreġuti, ir-rata ta’ żball residwu kienet tkun ogħla.

    32.

    Fir-Rapport Annwali 2017 tagħna, aħna osservajna li l-għadd ta’ tranżazzjonijiet fejn ma kienx twettaq ittestjar sostantiv minħabba li kienet tpoġġiet fiduċja sħiħa fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti kien ferm ogħla fl-istudju tal-2017 dwar ir-RER milli fi studji preċedenti. Din is-sena, aħna qed nosservaw li l-perċentwal ta’ tranżazzjonijiet li għalihom kien hemm fiduċja sħiħa reġa’ lura għal-livell tal-istudju tal-2016. Madankollu, fejn ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti vverifika biss parti mill-infiq, l-iżbalji identifikati ma jiġux estrapolati għall-parti mhux ittestjata tal-infiq. Għaldaqstant, l-istudju jassumi li l-parti mhux ittestjata hija ħielsa minn żball, li jnaqqas ir-rata tal-iżball residwu.

    Analiżi tar-Rapport Annwali tal-Attività 2018

    33.

    Fir-RAA 2018, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Ġenerali tinkludi żewġ riżervi. L-ewwel waħda hija relatata ma’ għotjiet immaniġġjati mid-DĠ NEAR f’isem id-DĠ DEVCO. It-tieni waħda tirrigwarda ġestjoni indiretta permezz ta’ organizzazzjoni internazzjonali, u tirreferi espliċitament għall-programmi mmaniġġjati mill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana li jinvolvu akkwist sinifikanti. Din it-tieni riżerva nħarġet fl-2017 u nżammet għall-2018.

    34.

    L-ambitu tal-ewwel riżerva tnaqqas b’mod sinifikanti kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li r-rata tal-iżball residwu ilha taħt is-soll ta’ materjalità għal tliet snin konsekuttivi. B’kont meħud tal-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-RER fl-2018 (ara l-paragrafi 29–32) u fi snin preċedenti, (34) it-tnaqqis fl-ambitu tal-ewwel riżerva mhuwiex iġġustifikat b’mod suffiċjenti. Billi l-istudju dwar ir-RER huwa wieħed mill-elementi ewlenin fil-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mid-DĠ DEVCO, jeħtieġ li huwa jkun appoġġat minn gwida li tkun suffiċjentement dettaljata sabiex tipprovdi bażi affidabbli għar-riżerva. Il- Kaxxa 7 turi l-evoluzzjoni tar-riżervi ppreżentati fir-rapporti annwali tal-attività mill-2011 sal-2018.

    Kaxxa 7

    Riżervi ppreżentati fir-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ DEVCO, 2011–2018

    Is-sehem tal-infiq suġġett għal riżerva naqas drastikament

    Image 4

    Sors:

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

    35.

    Skont l-istima tad-DĠ DEVCO, l-ammont kumplessiv f’riskju fl-għeluq kien ta’ EUR 49,8 miljun (35). Abbażi tal-istudju dwar ir-RER, din l-istima naqset għal 29 % mis-sena preċedenti. L-osservazzjonijiet tagħna rigward l-istudju dwar ir-RER jaffettwaw ukoll l-istimi tal-ammonti f’riskju.

    36.

    Skont l-istima tad-DĠ DEVCO, l-ammont kumplessiv f’riskju meta sar il-pagament kien ta’ EUR 64,7 miljun (36) (1 % tal-infiq tal-2018). Minn dan l-ammont, huwa jistma li EUR 14,9 miljun (23 %) se jiġu kkoreġuti permezz tal-kontrolli li se jwettaq fis-snin li ġejjin (37).

    37.

    Fl-2018, id-DĠ DEVCO ħa bosta passi biex itejjeb il-kwalità tad-data għall-kalkolu tal-kapaċità korrettivà tiegħu u biex jindirizza n-nuqqasijiet li aħna konna identifikajna fis-snin preċedenti. Huwa żied il-monitoraġġ u l-kontrolli tiegħu tal-ordnijiet ta’ rkupru u għamel aktar sforzi biex iżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-mod kif dawn jiġu kkodifikati b’mod korrett billi, pereżempju, inkluda struzzjoni speċifika dwar il-kuntest ta’ rkupru fin-nota dwar l-eżerċizzju ta’ għeluq tal-2018. Fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċità korrettiva għall-2018, aħna ma identifikajniex żbalji fil-kampjun tagħna (38).

    Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet

    Konklużjoni

    38.

    L-evidenza kumplessiva għall-awditjar tindika li l-kontijiet tal-FEŻ għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-flussi tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà.

    39.

    L-evidenza kumplessiva għall-awditjar tindika li, għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018:

    (a)

    id-dħul tal-FEŻ ma kienx milqut minn livell materjali ta’ żball;

    (b)

    it-tranżazzjonijiet ta’ pagamenti mill-FEŻ kienu milquta minn livell materjali ta’ żball (ara l-paragrafi 17 - 22). Aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 5,2 %, ibbażat fuq l-ittestjar tat-tranżazzjoni li wettaqna, inklużi r-riżultati aġġustati tal-istudju dwar ir-RER (ara l- Anness I ).

    Rakkomandazzjonijiet

    40.

    L- Anness III juri s-sejbiet tal-analiżi ta’ segwitu li wettaqna għas-sitt rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-Rapport Annwali 2015 tagħna (39), li minnhom id-DĠ DEVCO kien implimenta (40) bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjonijiet 2, 3, 4 u 6 u r-Rakkomandazzjoni 5 fil-biċċa l-kbira mill-aspetti. Ir-Rakkomandazzjoni 1 ma għadhiex applikabbli minħabba li d-DĠ DEVCO iddeċieda li jtejjeb il-kwalità tal-awditi u l-verifikazzjonijiet tal-infiq tiegħu billi jemenda t-termini ta’ referenza minflok ma juża l-grilja tal-kwalità.

    41.

    Ibbażat fuq din l-analiżi u fuq is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna għall-2018, aħna nirrakkomandaw li, sal-2020, il-Kummissjoni:

    Rakkomandazzjoni 1

    Tieħu passi biex tirrinforza l-obbligu fuq l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jibagħtu lill-QEA, fuq talba tagħha stess, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq il-kompitu tagħha, kif previst fit-TFUE (ara l-paragrafu 19);

    Rakkomandazzjoni 2

    Ittejjeb il-metodoloġija u l-manwal relatati mal-istudju dwar ir-RER biex jagħtu gwida aktar komprensiva dwar il-problemi li identifikajna f’dan ir-rapport u, għalhekk, jipprovdu appoġġ xieraq għall-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mid-DĠ DEVCO għar-riżervi (ara l-paragrafi 29 - 34);

    Kapitolu III — Prestazzjoni

    42.

    Il-kontrolli fuq il-post li wettaqna mhux biss ippermettewlna neżaminaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet iżda wkoll nagħmlu osservazzjonijiet dwar l-aspetti tat-tranżazzjonijiet magħżula relatati mal-prestazzjoni.

    43.

    Matul il-kontrolli fuq il-post li wettaqna, biex nivverifikaw l-eżistenza tal-oġġetti mixtrija, aħna osservajna każijiet fejn l-oġġetti kienu ntużaw b’mod effettiv u kkontribwew għall-ilħuq tal-objettivi tal-proġetti. Għall-kuntrarju, aħna osservajna wkoll każijiet fejn l-effiċjenza u l-effettività tal-azzjoni kienu ġew kompromessi, billi l-oġġetti mixtrija/l-installazzjonijiet ma kinux qed jintużaw kif ippjanat.

    Kaxxa 8

    Eżempji ta’ osservazzjonijiet relatati mal-prestazzjoni

    (a)   Użu effiċjenti u effettiv ta’ oġġetti mixtrija/installazzjonijiet

    F’Saint Lucia, il-Kummissjoni approvat kuntratt għall-provvista ta’ tagħmir tal-isptar u forniment ta’ servizzi relatati. Matul iż-żjara tagħna fuq il-post, aħna sibna li l-oġġetti li ntgħażlu kienu twasslu u kienu qed jiġu mmaniġġjati u użati tajjeb għall-iskop li kien intenzjonat tagħhom, b’hekk ikkontribwew biex jintlaħqu l-objettivi tal-azzjoni, u għaldaqstant il-benefiċċji għall-benefiċjarji finali kienu ċari.

    (b)   Sostenibbiltà tal-proġett kompromessa

    Il-Kummissjoni approvat kuntratt ta’ xogħlijiet għall-kostruzzjoni ta’ impjant ta’ desalinizzazzjoni fil-Djibouti. Matul il-kontroll tagħna fuq il-post, aħna sibna li ż-żona oriġinarjament iddedikata għall-proġett tnaqqset b’mod sostanzjali u minflok inbnew port ġdid u bażi militari fil-viċinanza immedjata tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni. Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-operat sussegwenti tal-port u tal-bażi militari jistgħu jaffettwaw il-kurrenti tal-baħar u l-kwalità tal-ilma kif ukoll fuq il-post tat-teħid tal-ilma. Dawn il-fatturi kollha jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-vijabbiltà tal-impjant ta’ desalinizzazzjoni u jistgħu joħolqu riskju għas-sostenibbiltà fit-tul tiegħu.

    (c)   Oġġetti mixtrija/installazzjonijiet li mhux qed jintużaw

    Il-Kummissjoni ffirmat ftehim ta’ kontribuzzjoni ma’ IO biex tappoġġa l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġamajka. L-OI implimentat il-proġett bis-sħiħ permezz tas-sħab tagħha. Matul il-kontroll fuq il-post li wettaqna fl-2019, aħna osservajna li wieħed miż-żewġ servers tal-kompjuter li nxtraw fil-bidu tal-2017 għall-proġett kien ġie installat f’uffiċċju li ma kienx qed jintuża fiż-żmien meta wettaqna l-awditu. It-tieni server kien għadu fil-kaxxa oriġinali tiegħu kważi sentejn wara li ġie riċevut.

    Fil-Haiti, il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt ta’ għotja ma’ organizzazzjoni nongovernattiva (NGO) għal proġett tas-sanità. Meta ċċekkjajna letrina pubblika li nbniet permezz tal-għotja, aħna sibna li t-tojlits ma kinux qed jiffunzjonaw sew u xi wħud ma kinux aċċessibbli.

    (d)   Prinċipju tal-ekonomija mhux irrispettat

    Fil-Mozambique, il-Kummissjoni kkonkludiet kuntratt ta’ għotja ma’ OI biex ittejjeb l-aċċess għall-ikel u n-nutrizzjoni. Wieħed mill-elementi magħżula għall-eżaminar tagħna kien pagament għal sensiela ta’ radjudramm intenzjonat biex tippromwovi bidla kontinwa fl-imġiba. L-ammont ġie ddebitat abbażi ta’ ftehim bejn l-aġenziji li ntlaħaq bejn l-OI u organizzazzjoni relatata mill-istess familja, fejn l-OI qablet li tikkontribwixxi EUR 180 000 favur l-organizzazzjoni korrispondenti tagħha. Aħna sibna li din is-somma ma kinitx iddeterminata minn analiżi tal-ispejjeż, iżda ġiet stabbilita arbitrarjament bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet internazzjonali korrispondenti fuq il-bażi ta’ finanzjament disponibbli mill-UE.


    (1)  Ara l-Artikoli 43, 48-50 u 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17).

    (2)  Fl-2012, ftehim tripartitiku bejn il-BEI, il-Kummissjoni u l-Qorti (l-Artikolu 134 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta’ Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 78, 19.3.2008, p. 1)) stabbilixxa r-regoli għall-awditjar ta’ dawn l-operazzjonijiet mill-Qorti. Il-Faċilità ta’ Investiment mhijiex koperta mid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-Qorti.

    (3)  Bl-eċċezzjoni tal-5 % tal-infiq li sar fl-2018 taħt il-FEŻ, u li kien immaniġġjat mid-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (id-DĠ ECHO).

    (4)  Bħall-finanzjament ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet/provvisti/servizzi, għotjiet, appoġġ baġitarju u stimi ta’ programmi.

    (5)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

    (6)  Bejn l-2013 u l-2015, il-fondi ġew impenjati permezz ta’ faċilità ta’ tranżizzjoni biex tiġi żgurata l-kontinwità sakemm jiġi rratifikat il-11-il FEŻ.

    (7)  Inklużi EUR 1 139 miljun immaniġġjati mill-BEI.

    (8)  Jinkludu allokazzjonijiet inizjali għat-8, għad-9, għall-10 u għall-11-il FEŻ, kofinanzjament, imgħax, riżorsi varji u trasferimenti minn FEŻ preċedenti.

    (9)  Bħala perċentwal tar-riżorsi

    (10)  Ammonti negattivi jikkorrispondu ma’ diżimpenji.

    (11)  Impenji globali huma relatati ma’ deċiżjonijiet ta’ finanzjament.

    (12)  Impenji individwali huma relatati ma’ kuntratti individwali.

    (13)  Impenji netti wara diżimpenji. Pagamenti netti wara rkupri.

    (14)  Din il-mira ġiet stabbilita kemm bħala mira kumplessiva għall-qasam intier ta’ responsabbiltà tad-DĠ DEVCO kif ukoll bħala mira speċifika għall-FEŻ.

    (15)  Skont l-Artkoli 43, 48-50 u 58 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-11-il FEŻ, din id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ma tapplikax għar-riżorsi tal-FEŻ li huma mmaniġġjati mill-BEI.

    (16)  Ara l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2018/1877.

    (17)  Ara l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) 2018/1877.

    (18)  L-Angola, Barbados, il-Botswana, il-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Djibouti, l-Etjopja, il-Guinea, il-Haiti, il-Ġamajka, il-Kenja, Madagascar, il-Malawi, il-Mozambique, in-Niġer, Sierra Leone, is-Sudan, it-Tanzanija u ż-Żimbabwe.

    (19)  Id-DĠ DEVCO: 124 pagament; id-DĠ ECHO: pagament wieħed għall-għajnuna umanitarja.

    (20)  Kull sena, id-DĠ DEVCO jikkuntratta studji dwar ir-RER biex jistma l-livell ta’ żball li l-kontrolli kollha ta’ ġestjoni għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fil-qasam intier tar-responsabbiltà tiegħu ma jkunux irnexxielhom jaqbdu. L-istudju dwar ir-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu; huwa bbażat fuq il-metodoloġija relatata mal-istudju dwar ir-RER u l-manwal ipprovdut mid-DĠ DEVCO.

    (21)  L-analiżijiet li wettaqna tal-istudji dwar ir-RER urew li, meta mqabbla max-xogħol tal-awditjar tagħna, il-metodoloġija ta’ bażi tinvolvi ferm inqas (massimu ta’ disgħa) kontrolli fuq il-post u tagħti inqas lok biex jiġu eżaminati l-proċeduri ta’ akkwist. Għalhekk, din is-sena aħna aġġustajna r-riżultati tal-istudju dwar ir-RER biex jirrifletti l-livell ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku. Is-sejbiet tal-QEA fir-rigward tad-DAS 2014-2017 għall-FEŻ kienu l-bażi għall-aġġustamenti tagħna.

    (22)  Aħna nibbażaw il-kalkolu tagħna tal-livell ta’ żball fuq kampjun rappreżentattiv. Iċ-ċifra kkwotata hija l-aħjar stima possibbli li nistgħu nagħtu. Aħna nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 %, li l-livell ta’ żball stmat fil-popolazzjoni jinsab bejn 1,2 % u 9,1 % (il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball rispettivament).

    (23)  Bħal kuntratti ta’ xogħlijiet/provvisti/servizzi.

    (24)  L-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: “Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu pagamenti mill-baġit, għandhom jgħaddu lill-Qorti tal-Awdituri, fuq talba tagħha stess, kull dokument jew informazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.”

    (25)  L-Opinjoni Nru 10/2018 tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, il-paragrafu 18.

    (26)  Għal inqas minn 0,1 punt perċentwali tar-rata ta’ żball (każ wieħed) il-Kummissjoni wettqet l-iżball hija stess u għal 2,5 punti perċentwali (11-il każ) l-iżball sar mill-benefiċjarji.

    (27)  Li jikkontribwixxu 1,7 punti perċentwali għal-livell ta’ żball stmat.

    (28)  Il-pagamenti relatati mal-appoġġ baġitarju li ġew iffinanzjati mill-FEŻ fl-2018 ammontaw għal EUR 796 miljun.

    (29)  Il-FEŻ u l-baġit ġenerali tal-UE.

    (30)  2016: 1,7 %; 2017: 1,18 % u 2018: 0,85 %.

    (31)  Fl-istudju tal-2018, ix-xogħol fuq il-post fil-pajjiż tal-implimentazzjoni tal-proġett twettaq għal 5 biss mill-219-il tranżazzjoni li ġew ittestjati.

    (32)  Ix-xogħol relatat mar-RER ma kopriex biżżejjed ċerti aspetti tal-proċeduri ta’ akkwist, bħar-raġunijiet għar-rifjut ta’ kandidati li ma ntgħażlux jew il-konformità tal-offerent magħżul mal-kriterji kollha tal-għażla u tal-għoti, u lanqas ma vverifika l-proċeduri ta’ sejħiet għal proposti jew il-ġustifikazzjonijiet għal għotjiet diretti.

    (33)  Il-metodu ta’ stima speċifiku għar-RER jippermetti marġni wiesa’ għal ġudizzju meta jkunu qed jiġu stmati żbalji individwali (eż. dokumenti neqsin u l-validità tar-raġunijiet għal dan).

    (34)  Ara r-Rapport Annwali 2017 tal-QEA dwar il-FEŻ, il-paragrafi 34-38.

    (35)  Ara r-Rapport Annwali tal-Attività 2018 tad-DĠ DEVCO, p. 69.

    (36)  Din hija l-aħjar stima konservattiva tal-ammont ta’ nfiq awtorizzat matul is-sena iżda li ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali u regolatorji applikabbli fil-ħin meta sar il-pagament.

    (37)  Ara r-Rapport Annwali tal-Attività 2018 tad-DĠ DEVCO, p. 69.

    (38)  Aħna ttestajna 12-il ordni ta’ rkupru li jammontaw għal EUR 10,5 miljun, jiġifieri 58 % tal-popolazzjoni totali (EUR 18,2 miljun).

    (39)  Aħna għażilna r-Rapport 2015 tagħna għall-eżerċizzju ta’ segwitu ta’ din is-sena billi, fil-prinċipju, il-Kummissjoni kellha biżżejjed żmien biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tagħna.

    (40)  L-għan ta’ dan is-segwitu kien biex jiġi vverifikat jekk ġewx introdotti miżuri korrettivi b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tagħna, u mhux biex tiġi vvalutata l-effettività tal-implimentazzjoni tagħhom.


    ANNESS I

    RIŻULTATI TAL-ITTESTJAR TAT-TRANŻAZZJONIJIET GĦALL-FONDI EWROPEJ GĦALL-IŻVILUPP

     

    2018

    2017

    DAQS U STRUTTURA TAL-KAMPJUN

    Total tat-tranżazzjonijiet

    139

    142

    IMPATT STMAT TA' ŻBALJI KWANTIFIKABBLI

    Livell ta’ żball stmat

    5,2 %

    4,5 %

    Limitu superjuri tal-iżball (UEL)

    9,1 %

     

    Limitu inferjuri tal-iżball (LEL)

    1,2 %

     


    ANNESS II

    PAGAMENTI MILL-FEŻ FL-2018 SKONT IR-REĠJUN PRINĊIPALI

    Pagamenti mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp - l-Afrika

    Image 5

    Sors:

    Sfond tal-mappa ©OpenStreetMap kontributuri liċenzjati taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution-ShareAlike 2.0 (CC BY-SA) u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq il-kontijiet konsolidati tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ għall-2018.

    Pagamenti mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp — il-Karibew u l-Paċifiku

    Image 6

    Sors:

    Sfond tal-mappa ©OpenStreetMap kontributuri liċenzjati taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution-ShareAlike 2.0 (CC BY-SA) u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq il-kontijiet konsolidati tat-8, tad-9, tal-10 u tal-11-il FEŻ għall-2018.

    ANNESS III

    SEGWITU TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET PREĊEDENTI GĦALL-FONDI EWROPEJ GĦALL-IŻVILUPP

    Sena

    Rakkomandazzjoni tal-Qorti

    Analiżi mill-Qorti tal-progress li sar

    Implimentata bis-sħiħ

    Qed tiġi implimentata

    Mhux implimentata

    Mhux applikabbli

    Evidenza insuffiċjenti

    Fil-biċċa l-kbira mill-aspetti

    F’xi wħud mill-aspetti

    2015

    Rakkomandazzjoni 1: jespandi l-użu tal-grilja tal-kwalità għall-awditi u l-verifikazzjonijiet tal-infiq ikkuntrattati direttament mill-benefiċjarji;

     

     

     

     

    x

     

    Rakkomandazzjoni 2: jadatta t-termini ta’ referenza tal-awditi u l-verifikazzjonijiet tal-infiq bil-ħsieb li jikseb l-informazzjoni rilevanti kollha dwar ix-xogħol li fil-fatt ikun sar, sabiex ikun jista’ jivvaluta l-kwalità tagħhom bl-użu tal-grilja tal-kwalità l-ġdida;

    x

     

     

     

     

     

    Rakkomandazzjoni 3: jivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-titjib tal-monitoraġġ tal-awditi u l-verifikazzjonijiet tal-infiq ikkuntrattati direttament mill-benefiċjarji, billi jinkludihom fl-applikazzjoni tal-awditjar il-ġdida;

    x

     

     

     

     

     

    Rakkomandazzjoni 4: japplika sanzjonijiet xierqa lil entitajiet li ma jikkonformawx mal-obbligu tagħhom li jipprovdu dokumentazzjoni essenzjali ta’ sostenn għall-awditu tal-Qorti;

    x

     

     

     

     

     

    Rakkomandazzjoni 5: għal pagamenti taħt ġestjoni indiretta ma’ pajjiżi benefiċjarji, (i) isostni d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni bl-evidenza disponibbli li tkun statistikament l-aktar affidabbli, u (ii) jiddistingwi bejn forom ta’ għajnuna bi profili differenti tar-riskju, kif isir għal pagamenti taħt ġestjoni diretta;

     

    x

     

     

     

     

    Rakkomandazzjoni 6: jirrevedi l-istima tal-kapaċità korrettiva tiegħu fil-futur billi jeskludi mill-kalkolu (i) irkupri ta’ prefinanzjament li ma ntnefaqx u ta’ mgħax iġġenerat, u (ii) kanċellazzjonijiet ta’ ordnijiet ta’ rkupru li nħarġu qabel.

    x

     

     

     

     

     


    RISPOSTI TAL-KUMMISSJONI GĦAR-RAPPORT ANNWALI TAL-QORTI TAL-AWDITURI DWAR L-ATTIVITAJIET IFFINANZJATI MIT-8, MID-9, MILL-10 U MILL-11-IL FOND EWROPEW GĦALL-IŻVILUPP (FEŻ) GĦAS-SENA FINANZJARJA 2018

    Kapitolu II — Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tal-QEA dwar il-FEŻ

    Kaxxa 6 — Nuqqas ta’ kooperazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali

    Il-Kummissjoni fittxet kuntatt mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati fil-livelli kollha biex tiffaċilita l-forniment tad-dokumenti ta’ sostenn mitluba mill-QEA. Bħalissa qed tanalizza l-każijiet speċifiċi mqajma mill-QEA.

    Il-Kummissjoni se tintroduċi sistema ta’ kuntatt immedjat ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fuq livell ċentrali kull meta l-operazzjonijiet tagħhom jittieħdu għall-kampjun mill-QEA.

    Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta’ governanza

    27.

    Fir-rigward tas-sistema ta’ kontroll tad-DĠ DEVCO, it-termini ta’ referenza riveduti (ToR) għall-verifiki tal-infiq ġew adottati fi tmiem Marzu 2018. Huma mistennija jikkontribwixxu għal prestazzjoni mtejba ta’ verifiki ex-ante.

    28.

    L-istudju dwar ir-RER huwa wieħed minn diversi elementi fil-proċess tal-bini tal-aċċertament. Il-limitazzjonijiet osservati mill-QEA huma magħrufa sew mal-Kummissjoni u jitqiesu mill-Kummissjoni meta tivvaluta l-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa tas-sistema ta’ ġestjoni tagħha. Dawn l-elementi kollha, meħudin flimkien, jiżguraw li r-Rapport ta’ Attività Annwali tad-DEVCO jippreżenta l-informazzjoni ta’ ġestjoni b’ħarsa vera u ġusta.

    30.

    Fir-rigward tal-manwal RER, il-livell ta’ dettall fil-manwal u l-metodoloġija għandu jsib bilanċ bejn kemm ikun eżawrijenti u flessibbli. L-istudju tal-RER jingħata b’kuntratt kull sena sabiex iżomm ċerta flessibbiltà fid-definizzjoni tat-termini ta’ referenza speċifiċi. F’dak il-mument jistgħu jitqiesu s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA.

    31.

    Id-differenzi fl-erruri kwantifikabbli identifikati mill-QEA se jirriżultaw tabilħaqq f’żieda fir-rata ta’ errur residwu. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta’ din iż-żieda ġejja minn operazzjoni waħda biss, li l-Kummissjoni tqis li ġiet implimentata f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-konklużjoni tal-QEA dwar dan il-każ speċifiku.

    32.

    L-approċċ ma nbidilx meta mqabbel mas-sena preċedenti. L-erruri identifikati fir-rapport ta’ ħidma ta’ kontroll preċedenti li fuqu kienet ibbażata d-dipendenza sħiħa, mhumiex estrapolati jekk hemm evidenza li l-Kummissjoni ħarġet ordnijiet ta’ rkupru relatati jew aġġustati fil-pagament finali fuq l-azzjoni abbażi tal-ammont ineliġibbli misjub.

    Ix-xogħol tal-kuntrattur jinkludi l-eżerċizzju ta’ ġudizzju professjonali li jiddetermina meta u sa liema punt hija permessa jew meħtieġa estrapolazzjoni tas-sejbiet.

    34.

    Il-Kummissjoni se tfittex modi kif tintroduċi gwida aktar komprensiva.

    Anke għal segmenti oħra li mhumiex taħt riżerva, l-isforzi ta’ kontroll ma jitnaqqsux. Fid-deskrizzjoni tar-riżerva huwa spjegat li għalkemm ir-riżerva tirrigwarda biss għotjiet b’ġestjoni diretta, ser jitkomplew ukoll l-azzjonijiet relatati mal-oqsma ta’ nfiq l-oħrajn.

    Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet

    Rakkomandazzjoni 1 (organizzazzjonijiet internazzjonali)

    Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni se tintroduċi sistema ta’ kuntatt immedjat ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fuq livell ċentrali kull meta l-operazzjonijiet tagħhom jittieħdu għall-kampjun mill-QEA.

    Rakkomandazzjoni 2 (Metodoloġija u manwal tal-istudju tal-RER)

    Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni u se tfittex modi kif tintroduċi gwida aktar komprensiva.

    Kapitolu III — Prestazzjoni

    Kaxxa 8 Eżempji ta’ osservazzjonijiet relatati mal-prestazzjoni

    (b)

    Is-sostenibbiltà tal-proġett fil-periklu Il-Kummissjoni qed tippjana awditu tekniku u evalwazzjoni biex tivvaluta l-istatus tal-proġett u tidentifika riskji potenzjali sabiex tiżgura l-vijabbiltà tal-proġett. Il-Kummissjoni tiżgura wkoll segwitu mill-qrib mal-partijiet kollha involuti.

    (c)

    Oġġetti/stallazzjonijiet mixtrija li mhux jintużaw: Il-Kummissjoni se tħares lejn iż-żewġ kwistjonijiet biex tiċċekkja l-istatus tal-użu tat-tagħmir u l-installazzjonijiet korrispondenti.

    (d)

    Il-prinċipju tal-ekonomija mhux rispettat: Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-kontribuzzjoni ġiet miftiehma f’kuntratt bejn iż-żewġ IOs u l-pagamenti ġew eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Ir-rapport ta’ progress jikkonferma riżultati pożittivi tas-serje kif analizzati minn kumpaniji ta’ riċerka tal-midja indipendenti.


    Top