This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52019AE0443
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on certain aspects of aviation safety with regard to the withdrawal of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland from the Union’ (COM(2018) 894 final – 2018/0434 (COD))
Opinjoni tal-KumitatEkonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigwardtal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni” (COM(2018) 894 final – 2018/0434 (COD))
Opinjoni tal-KumitatEkonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigwardtal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni” (COM(2018) 894 final – 2018/0434 (COD))
EESC 2019/00443
ĠU C 190, 5.6.2019, p. 37–41
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 190/37 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni”
(COM(2018) 894 final – 2018/0434 (COD))
(2019/C 190/06)
Rapporteur-general: Thomas McDONOGH
Konsultazzjoni |
Il-Parlament Ewropew, 14.1.2019 Il-Kunsill, 14.1.2019 |
Bażi legali |
Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni responsabbli |
Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni |
Deċiżjoni tal-Bureau |
22.1.2019 |
Adottata fil-plenarja |
20.2.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
541 |
Riżultat (favur/kontra/astensjonijiet) |
79/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE kemm-il darba enfasizza li l-avjazzjoni internazzjonali tista’ biss tassumi r-rwol tagħha bħala faċilitatur għat-tkabbir ekonomiku b’mod sostenibbli, jekk jinżammu l-ogħla livelli ta’ sikurezza. Prerekwiżiti għas-sigurtà huma standards uniformi li huma implimentati mill-partijiet interessati kollha u mmonitorjati minn aġenziji awtorizzati. Il-Brexit jista’ jipperikola tali standards u applikazzjoni uniformi fl-Ewropa fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, minħabba li r-regolamenti rilevanti tal-UE ma jistgħux jibqgħu japplikaw għall-partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni tar-Renju Unit minn Marzu 2019. |
1.2 |
L-Abbozz ta’ Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) biex tiġi żgurata konnettività bażika tal-ajru (TEN/689), u din l-Opinjoni għandha titqies bħala evalwazzjoni ta’ aspetti speċifiċi tal-istess inizjattiva regolatorja tal-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni). Is-suppożizzjoni sottostanti taż-żewġ Abbozzi ta’ Opinjonijiet hija li l-bażi legali għall-attività tal-avjazzjoni fis-Suq Uniku tal-Avjazzjoni, ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u Regolamenti oħra tal-UE li jirregolaw aspetti differenti rilevanti għall-avjazzjoni, bħal b’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), kif ukoll atti adottati skont ir-Regolament (KE) 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), mhux se jibqgħu japplikaw għal-linji tal-ajru rreġistrati fir-Renju Unit wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea (Brexit). |
1.3 |
Sabiex wara d-29 ta’ Marzu 2019 titnaqqas l-inċertezza legali u l-instabbiltà tal-ippjanar, ġie nnegozjat Ftehim dwar il-Ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit sabiex il-gvern tar-Renju Unit ikun jista’ jistabbilixxi liġi nazzjonali u miżuri regolatorji bħala l-qafas regolatorju futur għas-settur tal-avjazzjoni tar-Renju Unit. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, madankollu, għadu ma ġiex ratifikat mill-Parlament tar-Renju Unit. Fil-kuntest ta’ pjan ta’ azzjoni ta’ kontinġenza żviluppat fis-sajf tal-2018, il-Kummissjoni għalhekk abbozzat, fost l-oħrajn, Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni (Regolament). |
1.4 |
Fil-każ ta’ nuqqas ta’ kwalunkwe bażi legali oħra, mhuwiex ċar jekk iċ-ċertifikati maħruġa mir-Renju Unit skont il-liġi tal-UE humiex se jibqgħu validi, kif il-linji tal-ajru rreġistrati fir-Renju Unit jistgħu jiksbu ċ-ċertifikazzjoni meħtieġa mit-30 ta’ Marzu 2019, u kif il-kumpaniji tat-tiswija u l-manutenzjoni fir-Renju Unit jistgħu jkomplu jwasslu l-partijiet tal-bdil u s-servizzi bil-liċenzjar kif meħtieġ mil-liġi tal-UE. Sabiex jiġu solvuti dawn il-kwistjonijiet u tiġi stabbilita bażi legali biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-applikazzjoni tal-liġi tar-Renju Unit, huwa meħtieġ b’mod urġenti Regolament ta’ kontinġenza, jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix adottat. |
1.5 |
Għalkemm il-partijiet interessati jistgħu, f’ħafna każijiet, isolvu kwistjonijiet relatati mal-validità kontinwa taċ-ċertifikati billi jirrikorru għal awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-UE27, jew japplikaw għal ċertifikat ta’ pajjiż terz maħruġ mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), hemm każijiet fejn tali mitigazzjoni mhijiex possibbli. Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jiġu solvuti biss jekk tiġi stabbilita bażi legali. |
1.6 |
Miżuri ta’ kontinġenza huma meħtieġa bħala kwistjoni ta’ urġenza, iżda r-regolament tal-UE għandu jsir effettiv biss biex isolvi kwistjonijiet ta’ sikurezza relatati mal-avjazzjoni li altrimenti ma setgħux jiġu solvuti. Ir-Regolament għandu għalhekk ikun ta’ natura temporanja sakemm ir-Renju Unit ikun stabbilixxa aġenziji nazzjonali u leġislazzjoni nazzjonali li tassumi r-rwol ta’ aġenzija tas-sikurezza. |
1.7 |
Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni għal din l-inizjattiva regolatorja li tirrikonoxxi problemi speċifiċi li jistgħu jinqalgħu f’każ ta’ xenarju mingħajr ebda ftehim fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Ir-Regolament se jipprovdi lis-settur bil-garanziji meħtieġa li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma jkunx ipperikolat waqt it-tranżizzjoni tar-Renju Unit minn Stat Membru għall-istatus ta’ pajjiż terz. Bl-istess mod, il-pubbliku li jivvjaġġa se jingħata l-assigurazzjoni, li l-operazzjonijiet sikuri se jiġu pprovduti għal wara d-29 ta’ Marzu 2019. |
1.8 |
Il-KESE jaqbel mal-argument tal-Kummissjoni li l-għan tar-Regolament mhuwiex li jiġi estiż l-istatus quo, iżda li jiġu previsti miżuri ta’ kontinġenza li huma meqjusa bħala urġenti sabiex tittaffa l-ħsara possibbli fl-ivvjaġġar bl-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit. Ir-Regolament propost japplika biss b’mod temporanju biex is-settur ikun jista’ jkompli jaderixxi mal-ogħla standards ta’ sikurezza. |
1.9 |
Il-KESE jħeġġeġ lir-Renju Unit jikkonkludi ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza kemm jista’ jkun malajr mal-UE u ma’ pajjiżi terzi oħra sabiex jiġi stabbilit il-kunsens meħtieġ dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ċertifikati maħruġa mir-Renju Unit u minn dawn il-partijiet l-oħra. |
2. Kuntest regolatorju
2.1 Ftehimiet internazzjonali
2.1.1 |
Għadd ta’ ftehimiet relatati mal-avjazzjoni mdaħħla mill-UE f’isem l-Istati Membri għandhom bżonn jiġu replikati mir-Renju Unit wara l-Brexit. Fir-rigward tal-MRO (manutenzjoni, tiswija u tiġdid), il-manifattura tal-avjazzjoni, il-faċilitajiet ta’ tiswija kif ukoll l-istandards tas-sikurezza, l-aktar ftehim importanti huwa l-ftehim bilaterali dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti (BASA). |
2.1.2 |
Skont dan il-ftehim l-aġenziji tas-sigurtà taż-żewġ naħat, l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA) u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) rispettivament, jaċċettaw b’mod reċiproku l-proċessi taċ-ċertifikazzjoni u tal-approvazzjoni ta’ xulxin; hemm bżonn approvazzjoni waħda biss. Fil-każ tar-Renju Unit, l-FAA mhux se tkun tista’ tiddependi fuq spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili (CAA) tar-Renju Unit ta’ stazzjonijiet tat-tiswija liċenzjati tal-FAA fir-Renju Unit. Ikunu meħtieġa spezzjonijiet tal-FAA, kif ukoll l-approvazzjoni tas-CAA. |
2.1.3 |
Peress li l-BASA spiss jirreferi għall-Istati Membri tal-UE, ir-Renju Unit jista’ biss jippreżerva l-istatus quo jekk l-Istati Uniti jaqblu li jittrattaw lir-Renju Unit daqslikieku kien għadu membru tal-UE matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jikkonkludu BASA separat mar-Renju Unit. Għalkemm legalment għadu qed jiġi diskuss, ftehim bħal dan ikun jeħtieġ il-kunsens tal-UE, jekk se tidħol fis-seħħ matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni - Deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore: distinzjoni bejn ftehimiet dwar it-trasport ta’ passiġġieri u merkanzija, minn ftehimiet dwar servizzi bħall-manutenzjoni u t-tiswija. Ftehimiet dwar dan tal-aħħar jaqgħu taħt il-politika kummerċjali komuni, u għalhekk kompetenza esklużiva tal-UE: għalhekk, sostituzzjoni tal-BASA bejn l-UE u l-Istati Uniti minn UK-US BASA teħtieġ il-kunsens tal-UE. Dan x’aktarx li jiġri, minħabba li l-għan tal-Ftehim dwar il-Ħruġ kien li jiffaċilita t-tranżizzjoni b’mod ordnat. |
2.1.4 |
Ir-Renju Unit ħabbar li għaddejjin negozjati mal-Istati Uniti, il-Brażil u l-Kanada dwar il-BASA bilaterali; il-finalizzazzjoni ta’ dawn se tkun diffiċli fin-nuqqas ta’ ftehim ta’ sikurezza bejn l-UE u r-Renju Unit, partikolarment kwalunkwe ftehim dwar l-istatus tar-Renju Unit fl-EASA. |
2.2 EASA
2.2.1 |
Wara l-Brexit, ir-Renju Unit jista’ japplika għal xi forma ta’ sħubija assoċjata mal-EASA biex iżomm il-vantaġġi tar-rikonoxximent reċiproku bejn l-UE u l-Istati Uniti u biex jiżgura ċ-ċarezza fir-rigward tal-istandards tas-sikurezza li għandhom jiġu applikati mir-Renju Unit. Bħala parti mill-Konvenzjoni ta’ Chicago, ir-Renju Unit ikun applikant validu għas-sħubija assoċjata mal-EASA; madankollu jkollu japplika l-liġi tal-avjazzjoni rilevanti tal-UE. |
2.3 Is-sikurezza tal-avjazzjoni f’każ ta’ “hard Brexit”
2.3.1 |
Biex ittaffi l-possibbiltà ta’ interruzzjonijiet sħaħ ta’ traffiku tal-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit fix-xenarju mingħajr ftehim dwar il-Ħruġ irratifikat, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti għal regolamenti: l-ewwel nett tiżgura l-forniment ta’ ċerti servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-UE u testendi l-validità ta’ ċerti liċenzji eżistenti, rispettivament. L-ambitu tal-konnettività bażika bl-ajru huwa indirizzat f’Opinjoni oħra tal-KESE – TEN/689. |
2.3.2 |
It-tieni proposta għal Regolament dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-Brexit tikkonċerna l-estensjoni tal-validità għaċ-ċertifikati għal ċerti prodotti, partijiet, tagħmir u kumpaniji ajrunawtiċi. Filwaqt li xi rimedji huma applikabbli għall-partijiet interessati f’dan ir-rigward fil-forma ta’ bdil għal AAK tal-UE jew it-tressiq ta’ applikazzjoni bikrija lill-EASA għal ċertifikati ta’ pajjiżi terzi, mhux it-tfixkil possibbli kollu jista’ jittaffa minn dawk il-miżuri. |
2.3.3 |
L-urġenza li jiġu pprovduti perjodi ta’ validità estiża hija marbuta mill-qrib mal-fatt li r-Renju Unit ikollu jieħu f’idejh ir-responsabbiltajiet li qabel kienu mogħtija lill-EASA, sabiex ikun jista’ joħroġ liċenzji mill-ġdid. Min-naħa tagħha, l-EASA tista’ toħroġ biss ċerti ċertifikati abbażi ta’ liċenzja ta’ pajjiż terz (4). Għalhekk, il-validità estiża sservi biex tagħlaq il-ħin li tieħu biex l-EASA u l-operaturi joħorġu ċerti ċertifikati skont l-istatus tal-pajjiż terz il-ġdid tar-Renju Unit. |
3. Kontenut tar-Regolament propost
3.1 |
Ir-Regolament propost ikopri firxa ta’ ċertifikati validi qabel id-data tal-ħruġ, iżda ġeneralment jagħmel differenza bejn iċ-ċertifikati maħruġa mill-EASA lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi bil-post ewlieni tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit, u dawk maħruġa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ċċertifikati mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit (5). |
3.2 |
L-ewwel ċertifikati huma prinċipalment ċertifikati tat-tip u ċertifikati ristretti tat-tip, approvazzjoni tal-bidliet jew supplimenti għal dawk iċ-ċertifikati, approvazzjonijiet ta’ tiswija, awtorizzazzjonijiet ta’ Ordni ta’ Standard Tekniku Ewropew, kif ukoll approvazzjonijiet ta’ organizzazzjoni tad-disinn (6). Dawn iċ-ċertifikati se jibqgħu validi għal 9 xhur, bil-possibbiltà ta’ estensjoni skont aktar atti delegati mill-Kummissjoni (7). |
3.3 |
Iċ-ċertifikati tal-aħħar għandhom x’jaqsmu l-aktar ma’ ċertifikati ta’ rilaxx għall-prodotti, partijiet u tagħmir, it-tlestija tal-manutenzjoni, u reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà (8). Dawk iċ-ċertifikati jibqgħu validi biex jiżguraw l-użu kontinwu tal-partijiet u t-tagħmir tal-prodotti f’inġenji tal-ajru jew bħala inġenji tal-ajru (9). Barra minn hekk, ir-regolament propost jiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE jew l-EASA jikkunsidraw l-eżamijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ taħriġ li qabel kienu sorveljati mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit (10). |
3.4 |
Minħabba li l-invalidità taċ-ċertifikati ma tħallix impatt biss fuq it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-avjazzjoni iżda l-użu attwali tagħhom, il-validità kontinwa tal-liċenzji hija imperattiva, fejn l-unika alternattiva vijabbli hija li tirriloka, pereżempju, il-produzzjoni ta’ prodotti tal-avjazzjoni lejn il-ġurisdizzjonijiet tal-UE biex jiġi evitat l-intervall taż-żmien għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi. |
3.5 |
L-importanza tal-miżura hija enfasizzata aktar minn għadd li huwa ta’ spiss limitat ta’ produtturi għal ċerti komponenti ta’ inġenji tal-ajru. Madankollu, il-fatt li mhux se jkun hemm ħruġ ta’ ċertifikati tat-tip ġodda, eż. ċertifikati tat-tip, li jistgħu jfixklu b’mod sinifikanti l-operazzjonijiet ta’ dawk il-kumpaniji li ma jistgħux ibiddlu ċ-ċertifikazzjoni lejn il-ġurisdizzjonijiet tal-UE, u b’hekk il-klijenti tagħhom li jistgħu jkunu dipendenti fuq prodotti speċifiċi u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom, jibqa’ fattur li jista’ jikkawża tfixkil. |
4. Osservazzjonijiet speċifiċi
4.1 Tħassib imqajjem mill-partijiet interessati
4.1.1 |
Il-partijiet interessati tal-avjazzjoni jirrikonoxxu l-ħtieġa urġenti li jiżguraw li dan is-settur ikun jista’ jkompli jopera b’mod sikur. Ir-Regolament propost jipprovdi kontinġenza suffiċjenti; pjattaforma ta’ tranżizzjoni ffukata sew u għal żmien limitat. |
4.1.2 |
Skont xi partijiet interessati msemmija waqt it-tħejjija ta’ din l-Opinjoni, l-Artikoli 5, 6, 7 u 8 tar-Regolament għandhom jirreferu mhux biss għad-detenturi taċ-ċertifikati iżda għall-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li joħorġu ċ-ċertifikati. Dan jipprovdi ċertezza legali lill-partijiet kollha involuti fil-proċess ta’ ċertifikazzjoni, li l-istatus quo jiġi estiż lil hinn mid-29 ta’ Marzu 2019. |
4.1.3 |
Il-KESE jaqbel mal-argument tal-Kummissjoni li l-għan tar-Regolament mhuwiex li jiġi estiż l-istatus quo, iżda li jiġu previsti miżuri ta’ kontinġenza li huma meqjusa bħala urġenti sabiex tittaffa l-ħsara possibbli għas-settur. Il-partijiet interessati kienu konxji mid-diskussjonijiet dwar il-Brexit, iżda f’kull każ ma jistgħux jirrikorru huma stess għal azzjonijiet alternattivi biex itaffu l-effetti tal-Brexit fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni. Għalhekk huma jeħtieġu assigurazzjonijiet ta’ ċertezza legali. Dan mhuwiex il-każ għall-emittenti taċ-ċertifikati fil-forma ta’ Regolament tal-UE biex dawn jingħataw b’mod espliċitu ċ-ċertezza legali taċ-ċertifikazzjoni kontinwa. Din iċ-ċertezza se tiġi pprovduta permezz ta’ leġislazzjoni nazzjonali ġdida fir-Renju Unit. |
4.1.4 |
Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni għal din l-inizjattiva regolatorja li tirrikonoxxi problemi speċifiċi li jistgħu jinqalgħu f’każ ta’ xenarju mingħajr ħruġ fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni. Ir-Regolament se jipprovdi lis-settur bil-garanziji meħtieġa li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma jkunx ipperikolat waqt it-tranżizzjoni tar-Renju Unit minn Stat Membru għall-istatus ta’ pajjiż terz. Bl-istess mod, il-pubbliku li jivvjaġġa se jingħata l-assigurazzjoni, li l-operazzjonijiet sikuri se jiġu pprovduti għal wara d-29 ta’ Marzu 2019. |
4.1.5 |
Il-KESE japprova bis-sħiħ dan l-approċċ u jħeġġeġ lill-Partijiet biex jikkonkludu malajr kemm jista’ jkun ftehim bilaterali dwar is-sikurezza tal-ajru biex jikkonkludu b’kunsens reċiproku kif l-aġenziji tas-sikurezza taż-żewġ naħat se jikkooperaw fil-futur biex jiżguraw implimentazzjoni armonizzata tal-miżuri tas-sikurezza madwar l-Ewropa. |
4.1.6 |
Il-KESE jħeġġeġ ukoll lir-Renju Unit biex jikkonkludi BASA bis-setgħat ekonomiċi ewlenin, b’mod partikolari l-Istati Uniti, sabiex tinżamm il-kontinwità u l-koerenza mal-miżuri ta’ sikurezza segwiti s’issa fis-suq tal-Atlantiku tat-Tramuntana. |
Brussell, l-20 ta’ Frar 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta' l-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).
(4) Ir-Regolament 2018/1139, Artikolu 68.
(5) COM(2018) 894 final, Artikolu 1(2).
(6) COM(2018) 894 final, Anness I Taqsima 1.
(7) COM(2018) 894 final, Artikolu 3.
(8) COM(2018) 894 final, Anness I Taqsima 2.
(9) COM(2018) 894 final, Artikolu 4.
(10) COM(2018) 894 final, Artikolu 5.