This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52018AE5434
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Central Bank, the European Economic and Social Committee, the Committee of the Regions and the European Investment Bank — Annual Growth Survey 2019: For a stronger Europe in the face of global uncertainty’ (COM(2018) 770 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali” COM(2018) 770 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali” COM(2018) 770 final
EESC 2018/05434
ĠU C 190, 5.6.2019, p. 24–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 190/24 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b’saħħitha quddiem l-inċertezza globali”
COM(2018) 770 final
(2019/C 190/04)
Relatur: Anne DEMELENNE
Konsultazzjoni |
Il-Kummissjoni Ewropea, 18.2.2019 |
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali |
Adottata fis-sezzjoni |
1.2.2019 |
Adottata fil-plenarja |
20.2.2019 |
Sessjoni plenarja Nru |
541 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
Text to be inserted |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) jagħti valutazzjoni ġeneralment pożittiva tal-progress ekonomiku u soċjali fil-passat, b’rabta mat-tkabbir ekonomiku, l-investiment u l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol. Minkejja li kien hemm titjib pożittiv mill-2014 ’il hawn, id-data ppreżentata turi li l-prestazzjoni ma kinitx impressjonanti meta mqabbla ma’ dik ta’ ekonomiji avvanzati oħra. |
1.2. |
Is-SAT isemmi perikli minn avvenimenti esterni, iżda ma jipproponix kontromiżuri adegwati. It-theddid estern għandu jindika l-ħtieġa li jitħejjew politiki ta’ stimolu għaż-żamma tal-livelli ta’ tkabbir u ta’ impjieg. Dan għandu implikazzjonijiet għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri. |
1.3. |
Produttività aħjar hija kruċjali biex tinżamm il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE u biex jitjieb il-benessri. Riformi li jistgħu jwasslu għal produttività aħjar għandhom jintlaqgħu tajjeb. Madankollu, tinħtieġ evalwazzjoni approfondita tal-politiki tal-passat, fid-dawl tar-riżultati mħallta sa issa, inklużi l-pass bil-mod tal-irkupru ekonomiku, it-tħassib kontinwu dwar il-produttività relattiva għall-kompetituri, u ż-żieda fl-impjieg prekarju. |
1.4. |
Produttività ogħla tiddependi mit-titjib f-edukazzjoni u t-taħriġ, kif enfasizzat fis-SAT. Dan għandu jkun appoġġjat mill-imsieħba soċjali, mis-soċjetà ċivili u mill-investiment pubbliku u privat, inkluż l-investiment appoġġjat mill-Fondi Strutturali tal-UE. |
1.5. |
Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Pilastru Soċjali jingħata prominenza. Għandu jkun aktar ċar kif se jaħdem fil-prattika, kif ir-riżorsi jistgħu jsiru disponibbli permezz tal-Fondi Soċjali Ewropej u strumenti Ewropej oħra, u kif dan se jiġi ffinanzjat fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. |
1.6. |
Hemm referenzi għal oqsma fejn ġew proposti politiki ġodda, inklużi tassazzjoni ġusta, l-unjoni bankarja u l-funzjonament taż-żona tal-euro. Il-progress miexi bil-mod ħafna u l-proposti spiss ikunu pjuttost modesti. L-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili jkun ta’ benefiċċju. |
1.7. |
L-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima hija msemmija fil-qosor, iżda, minħabba r-riskji assoċjati għall-ekonomija kif stabbilit fir-Rapport dwar ir-Riskji Globali (1) għall-Forum Ekonomiku Dinji, tingħata qasma qasira ħafna. U lanqas ma huma indirizzati l-ispejjeż esterni tal-ekonomija bbażata fuq il-karbonju. Il-miżuri għall-ħarsien tal-klima adottati s’issa għadhom insuffiċjenti. Pass importanti jkun li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jingħata l-isem il-ġdid ta’ Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli. Minbarra li jirrikonoxxi l-importanza tat-tibdil fil-klima dan jirrikonoxxi wkoll l-importanza tas-sostenibbiltà tar-riżorsi limitati, il-protezzjoni tal-ambjent u għalhekk il-ħarsien tal-interessi tal-ekonomija u tal-ġenerazzjonijiet futuri. |
1.8. |
F’ħafna oqsma, l-implimentazzjoni tal-politika tiddependi minn ċertu finanzjament mis-settur privat u mis-settur pubbliku wkoll. Din għandha tiġi ffaċilitata kemm permezz ta’ riformi biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-investiment fis-settur privat, kif ukoll permezz ta’ baġit tal-UE adegwat u b’impenn fil-konfront tar-“regola tad-deheb”li jippermetti finanzjament mill-baġits tal-Istati Membri għal investiment soċjalment u ekonomikament produttiv li ma jheddidx is-sostenibbiltà tal-baġit fil-futur. |
2. Il-prijoritajiet wiesgħa tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) 2019
2.1. |
L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 huwa stabbilit fil-kuntest usa’ ta’ 22 kwart konsekuttiv ta’ tkabbir ekonomiku, b’hekk jipprovdi l-opportunità li jiġu implimentati r-riformi meħtieġa biex wieħed ikampa mal-inċertezzi globali li dejjem jiżdiedu kif ukoll ma’ riskji interni possibbli, fi kliem ieħor:
|
3. Kummenti ġenerali dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea
3.1. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn kontinwu ta’ appoġġ għar-riformi li għandhom l-għan li jżidu l-investiment ta’ kwalità għolja u t-tkabbir tal-produttività, l-inklużività u l-kwalità istituzzjonali, u li jibqgħu jiġu żgurati stabbiltà makrofinanzjarja u finanzi pubbliċi sodi. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa għal investiment iffukat fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u r-rikonoxximent akbar tal-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE, li jiġu ttrattati l-inugwaljanzi ġewwa u bejn ir-reġjuni u mil-lat tal-aċċess għall-edukazzjoni, u li tinkiseb koordinazzjoni bejn l-istrumenti ta’ politika. Madankollu, għad irid jiġi speċifikat kif se jintlaħqu dawn l-objettivi u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ekonomika ma taqbilx mad-data mehmuża fl-oqsma kollha, u tibqa’ kompjaċenti dwar ċerti punti, teżaġera karatteristiċi pożittivi u, f’ċerti każijiet, tagħmel dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati dwar l-effetti pożittivi ta’ politiki preċedenti. |
3.2. |
Issir referenza għall-perikli u l-inċertezzi, inklużi bidliet fl-ekonomija globali, il-politika kummerċjali tal-Istati Uniti u l-inċertezzi fir-relazzjonijiet mar-Renju Unit fil-futur. Ir-riskju ta’ riċessjoni fil-futur qarib u fuq perjodu medju ta’ żmien jindika l-ħtieġa li jitħejjew miżuri ta’ stimolu biex jinżammu l-livelli ta’ tkabbir u ta’ impjieg, kif irrakkomandat mill-OECD (2). Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat l-istabbiliment, fil-baġit tal-UE, ta’ funzjoni għall-istabilizzazzjoni makroekonomika, li tippermetti li tiżdied ir-reżiljenza ekonomika tal-qasam. Din tista’ jservi ta’ lqugħ kontra l-iskossi u tista’ tippermetti li ż-żona tal-euro topera l-pożizzjoni fiskali pożittiva mitluba mill-KESE (3) anke jekk l-Istati Membri individwali ma jużawx l-ispazju fiskali disponibbli għalihom f’konformità mal-objettivi Ewropej. |
3.3. |
Hemm ukoll riskji minn żviluppi politiċi interni wara l-prestazzjoni ekonomika u soċjali relattivament diżappuntanti tal-perjodu ta’ wara l-2008. Dan jenfasizza wkoll l-importanza kemm ta’ riformi kif ukoll ta’ miżuri ta’ politika li jwasslu għal produttività u tkabbir ekonomiku mtejba, u għat-tisħiħ tal-koeżjoni u d-dimensjoni soċjali tal-politiki. |
3.4. Tkabbir
3.4.1. |
L-UE esperjenzat ħames snin ta’ tkabbir ekonomiku mill-2014 ’l hawn, b’livelli ogħla mill-medja tal-UE f’għadd ta’ pajjiżi b’introjtu aktar baxx. Sa ċertu punt, dan naqqas id-diverġenzi eżistenti bejn l-ogħla introjti u dawk l-aktar baxxi madwar l-UE fl-intier tagħha, għalkemm xi pajjiżi oħra waqgħu lura u ħolqu dimensjonijiet ta’ diverġenza ġodda. |
3.4.2. |
Mill-2017 ’il hawn, kien hemm xi tkabbir fl-Istati Membri kollha tal-UE għall-ewwel darba minn qabel il-kriżi. Madankollu, fl-UE kollha, it-tkabbir għadu aktar kajman milli fil-perjodu ta’ qabel il-kriżi, u mhuwiex impressjonanti meta mqabbel ma’ tkabbir reċenti f’ekonomiji avvanzati oħra. Fid-dawl tat-tul eċċezzjonali tad-dipressjoni ta’ wara l-2008, l-UE għad trid tlaħħaq ma’ dewmien sostanzjali. |
3.5. Aspetti soċjali
3.5.1. |
Kemm il-livell ta’ impjieg kif ukoll ir-rata tal-impjieg urew irkupru sostanzjali mis-snin ta’ dipressjoni wara l-2008. Għalkemm, kif indikat minn data annessa għas-SAT, ix-xejra fil-ħolqien tal-impjiegi ġodda kienet orjentata lejn livelli ogħla ta’ ħiliet, dan kien akkumpanjat minn tnaqqis fil-kwalità ta’ ħafna mill-impjieg ġdid li nħoloq. |
3.5.2. |
Aktar ma jmur iż-żmien, aktar qed jiġu impjegati persuni fuq kuntratti temporanji u part time, u l-biċċa l-kbira minnhom kieku jippreferu kuntratt full time standard (4). Il-proporzjon ta’ ħaddiema part time żdied minn 16,8 % għal 18,7 % ta’ dawk kollha impjegati bejn l-2008 u l-2017, b’livelli ogħla u żieda akbar għaż-żgħażagħ. Għalkemm issa qed jaħdmu aktar persuni, l-għadd totali ta’ sigħat maħduma fl-2017 kien għadu kemxejn taħt il-livell tal-2008 (5). |
3.5.3. |
Kif ġie rrikonoxxut fis-SAT, l-għadd ta’ persuni impjegati u f’riskju ta’ faqar huwa għoli u dejjem jogħla f’għadd ta’ Stati Membri (2008, 8,6 %, 2017, 9,6 % tal-popolazzjoni attiva (6)). Livell ogħla ta’ impjieg totali – għalkemm l-impjieg huwa preferibbli għall-qgħad – mhuwiex prova ta’ tkabbir inklużiv. |
3.5.4. |
Ħafna drabi l-gruppi, bħal dawk li jirċievu benefiċċji tad-diżabilità, ma jiġux magħduda fir-rati tal-qgħad (7). Dan għandu jitqies fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ flessibilità u sigurtà lil gruppi bħal dawn biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol miftuħ mingħajr it-telf ta’ intitolamenti sussegwenti għall-benefiċċji. |
3.5.5. |
Għandha tingħata wkoll attenzjoni biex jiġi żgurat li dawk f’kuntratti ta’ xogħol atipiku, bħal dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema part-time, jew dawk involuti fl-impjieg ta’ pjattaformi, ikollhom aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata. Ta’ tħassib ukoll huma l-persuni li l-ispejjeż tagħhom dovuti għal kundizzjoni sottostanti ta’ saħħa jew diżabilità, jagħmluha impossibbli għalihom li jlaħħqu mal-ispejjeż, u li xi drabi jitilfu assistenza finanzjarja adegwata għal spejjeż relatati ladarba jsibu impjieg bi ħlas. |
3.5.6. |
Il-Kummissjoni tipproponi l-adattament tal-protezzjoni soċjali bbażat fuq il-forom il-ġodda ta’ impjieg. Huwa minnu li se jinħtieġ li jinstabu sorsi ta’ finanzjament ġodda, iżda t-triq ’il quddiem hija ritorn għal impjiegi ta’ kwalità tajba li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u għal kuntratti ta’ impjieg sostenibbli, li jagħtu lin-nies id-dritt għal protezzjoni soċjali adegwata. Se jinħtieġ ukoll li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni ta’ ċerti gruppi fis-suq tax-xogħol – persuni ta’ età avvanzata, dawk ta’ oriġini barranija, persuni b’diżabbiltà, żgħażagħ u nisa – li ħafna minnhom spiss ikollhom kwalifiki għoljin. |
3.5.7. |
Għandhom jintlaqgħu b’sodisfazzjon referenzi għall-iżgurar ta’ aċċess usa’ għal servizzi ta’ kwalità tajba u għat-titjib tal-aċċess tal-ġenituri (u b’mod partikolari tan-nisa) għas-suq tax-xogħol, minħabba l-effetti pożittivi tagħhom fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u anke fit-titjib tal-provvista ta’ ħaddiema. Għandhom jiġu promossi wkoll il-politiki biex tiġi appoġġjata l-integrazzjoni soċjali tal-immigranti, bħala parti minn politika ta’ migrazzjoni li tirrifletti l-valuri Ewropej tas-solidarjetà u t-tolleranza u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. |
3.6. Pagi u produttività
3.6.1. |
It-tkabbir fil-pagi kien żgħir ħafna u d-diverġenzi bejn il-pajjiżi, anke għall-istess xogħol, għadhom sostanzjali. It-tkabbir fil-pagi għall-UE fl-intier tagħha għadu taħt il-livell tat-tkabbir tal-produttività. |
3.6.2. |
Dan ifisser li l-pagi jirrappreżentaw sehem iżgħar mill-introjtu nazzjonali. Il-punt sa fejn il-benefiċċji ta’ produttività ogħla jiġu kondiviżi b’mod ugwali jvarja fost l-Istati Membri, skont il-possibbiltà li jkun hemm negozjar kollettiv ta’ suċċess u politiki biex jitħeġġeġ it-tkabbir fil-pagi. Għalkemm il-produttività ogħla normalment għandha titqies bħala l-prekundizzjoni neċessarja għal pagi ogħla, għalkemm mhux l-unika waħda, ir-rabta sistematika bejn il-produttività (li tiddependi wkoll mill-investimenti) u l-pagi ma għandhiex toskura ż-żidiet fl-għoli tal-ħajja meta jiġu stabbiliti l-pagi; inkella dan jista’ jwassal għal tensjonijiet soċjali kbar. |
3.6.3. |
Il-pagi baxxi huma wkoll ostaklu għal produttività ogħla f’pajjiżi b’pagi aktar baxxi u jħeġġu lill-persuni bl-aħjar kwalifiki biex ifittxu impjieg fi bnadi oħra. Il-mobilità tal-forza tax-xogħol għandha tintlaqa’ b’sodisfazzjon fejn tirrifletti l-ewwel għażliet tal-individwi. Tippermetti wkoll il-kisba ta’ ħiliet u esperjenza li jistgħu jittieħdu lura lejn pajjiż ta’ oriġini. Madankollu, il-migrazzjoni esterna ta’ dawk l-aktar kwalifikati skuraġġiet ukoll l-investiment f’attivitajiet li jirrikjedu livelli għoljin ta’ ħiliet, li jwassal biex il-pajjiżi b’pagi aktar baxxi ma jkunux jistgħu jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi l-aktar impenjattivi. |
3.6.4. |
Livelli ta’ pagi ogħla f’għadd ta’ Stati Membri (fil-biċċa l-kbira fl-Ewropa tal-Lvant u fl-Ewropa Ċentrali) ġew wara żidiet fil-pagi minimi u pagi ogħla fis-settur pubbliku. Il-konsum ogħla kkontribwixxa għal PDG ogħla. Bl-istess mod, il-miżuri biex jiġu żgurati paga minima u introjtu minimu, bħala parti minn proċess ta’ konverġenza soċjali fl-UE, jistgħu jikkostitwixxu element importanti ta’ protezzjoni soċjali u ta’ kisba ta’ standard deċenti ta’ għajxien fil-pajjiżi kollha filwaqt li jgħinu wkoll biex jiġi appoġġjat it-tkabbir. |
3.7. Produttività u ħiliet
3.7.1. |
Id-dewmien fit-tkabbir tal-produttività b’relazzjoni għall-kompetituri globali ewlenin seħħ wara dipressjoni twila wara l-2008, kif jidher fil-Graff 3 (8). Id-dewmien kien partikolarment evidenti fiż-żona tal-euro. It-tnaqqis ta’ dan id-distakk se jeħtieġ l-iżvilupp ta’ ambjent li jwassal għal investiment privat akbar u għall-applikazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan jitlob ukoll l-użu tal-potenzjal sħiħ tal-popolazzjoni tal-UE, it-tnaqqis tas-suq tax-xogħol u l-esklużjoni soċjali u l-investiment f’mezzi biex jassistu r-reklutaġġ ta’ dawk qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol. |
3.7.2. |
It-titjib tal-għarfien, il-ħiliet, u il-kwalifiki, l-imġiba u l-kreattività jibqa’ prekundizzjoni assoluta għat-titjib għaż-żieda tal-produttività. Dan jikkontribwixxi wkoll għad-demokrazija u l-iżvilupp sostenibbli. Is-SAT jenfasizza b’mod korrett l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp ta’ ħiliet, edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja. 40 % tal-impjegaturi jirrappurtaw diffikultajiet fir-reklutaġġ ta’ persunal kwalifikat b’mod adegwat. Ħafna impjegati prospettivi jsibuha wkoll diffiċli li japplikaw il-kwalifiki fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom. |
3.7.3. |
Huwa essenzjali li jiġu żviluppati strateġiji biex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet futuri b’rabta mal-ħiliet, flimkien ma’ sistemi adatti għall-validazzjoni tal-ħiliet, u biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjieg. L-għoti ta’ appoġġ lill-impjegaturi fl-akkwist ta’ impjegati disponibbli b’ħiliet u kwalifiki adegwati għandu jiġi żgurat ukoll, permezz ta’ investiment f’servizzi ta’ appoġġ biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola, speċjalment fost gruppi diskriminati, bħal persuni b’diżabbiltà jew persuni ta’ sfond migratorju, u biex jingħata appoġġ fil-kontinwazzjoni ta’ edukazzjoni għolja (9). Hemm responsabbiltà konsiderevoli fuq l-impjegaturi biex jagħmlu possibbli u jiffaċilitaw it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kwalifiki – dan ivarja b’mod enormi fost l-Istati Membri – u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ suċċess huma inimmaġinabbli mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali, tas-soċjetà ċivili, tal-istabbilimenti edukattivi u tal-kumpaniji tat-taħriġ. Kif jargumenta wkoll is-SAT, l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità “jirrikjedi investiment adegwat”, li għandu jinkludi investiment pubbliku appoġġjat mill-UE permezz ta’ CSRs u parteċipazzjoni adatta minn Fondi Strutturali u l-Pjan ta’ Investiment tagħha. |
3.8. Sfida tal-klima
3.8.1. |
Is-SAT huwa vag ħafna u dgħajjef wisq fir-rigward tal-perikli marbutin mat-tibdil fil-klima u fir-rigward tal-progress tal-UE biex jintlaħqu l-miri ta’ Pariġi. Meta mqabbel mar-Rapport dwar ir-Riskji Globali (10), li ġie ppreżentat lill-parteċipanti tal-Forum Ekonomiku Dinji f’Jannar 2019, ir-rilevanza tal-bidla fil-klima għat-tkabbir u l-ekonomija qed tingħata kunsiderazzjoni marġinali. Ir-rapport dwar ir-Riskji Globali, b’kuntrast, juri li t-tliet (!) l-akbar theddidiet għall-ekonomija globali huma marbuta mat-tibdil fil-klima u azzjoni ta’ politika b’kawtela kbira biex tiġi dekarbonizzata l-ekonomija. Il-protezzjoni tal-klima għalhekk m’għadhiex sempliċement kwistjoni ta’ ħarsien ambjentali, iżda hija meħtieġa biex l-ekonomija tibqa’ ħajja. Ir-rapporti regolari prodotti minn Bloomberg NEF juru li l-investimenti fl-enerġiji nodfa naqsu mill-2011 ’l hawn (11). L-UE ma tistax tiddikjara li hija mexxej dinji f’dan il-qasam jew f’innovazzjonijiet li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra. |
3.8.2. |
Ir-rapport mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jenfasizza l-urġenza tal-azzjonijiet kontra t-tibdil fil-klima, li jista’ jsir irriversibbli fi żmien tliet snin. Fil-livelli kollha ta’ governanza, għandhom isiru disponibbli baġits (kemm investiment pubbliku kif ukoll privat) biex jiġu mmodernizzati u dekarbonizzati l-industrija, it-trasport u l-enerġija. |
3.8.3. |
Dan huwa wkoll rakkomandabbli mil-lat ta’ politika fiskali, minħabba l-ispejjeż esterni għoljin ħafna fl-ekonomija tal-lum. Madankollu, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fil-biċċa l-kbira jinjora din il-kwistjoni, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat ċifri bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien bħall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li juri li, fl-2017, diżastri relatati mat-temp biss ikkawżaw EUR 283 biljun f’danni ekonomiċi (12). Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni li l-Fond Monetarju Internazzjonali jistma s-sussidji diretti u indiretti għall-produzzjoni tal-enerġija bbażata fuq il-karbonju fl-UE għal USD 330 biljun fis-sena. Huwa għalhekk nuqqas tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jonqos milli jindirizza l-kwistjoni tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jew id-dibattitu dwar “lil hinn mill-PDG”. |
3.9. Investiment
3.9.1. |
L-investiment huwa kruċjali għat-tkabbir fil-produttività. Din il-kwistjoni hija urġenti għall-UE, meta jitqies li qiegħda lura meta mqabbla mal-kompetituri ewlenin tagħha fil-fergħat kruċjali tal-iżjed teknoloġija moderna u fl-iżvilupp ta’ teknoloġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Ekonomija li titjieb b’mod kontinwu hija bażi kruċjali għall-finanzjament ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali u tal-kura tas-saħħa fil-livell mixtieq miċ-ċittadini Ewropej. Fil-fatt, it-titjib fil-benesseri, il-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali huwa kompatibbli għalkollox mat-tkabbir ekonomiku u tal-produttività (13). |
3.9.2. |
Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi akbar fl-eliminazzjoni tal-ostakli għall-investiment u fil-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-investiment. L-ikkompletar tal-Unjoni tal-Enerġija, l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari kollha jistgħu jippreżentaw opportunitajiet għal investiment. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqiesu opportunitajiet ġodda għal investiment ekoloġiku biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima. |
3.9.3. |
Ftehimiet kummerċjali internazzjonali jistgħu joffru wkoll xi prospetti għall-istimulazzjoni tat-tkabbir ekonomiku. Il-kwistjoni hija urġenti b’mod partikolari fid-dawl tal-perikli ppreżentati mill-ħruġ possibbli tar-Renju Unit mill-UE, kif ukoll tal-kunflitti kummerċjali li jinvolvu lill-Istati Uniti. L-UE għandha tappoġġja sistema ta’ relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali bbażata fuq ir-regoli, issupplimentata minn negozjar ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. Dawn għandhom jimmiraw għal livelli ta’ tariffi minimi, li jqisu kif imiss id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tal-ILO u d-dritt tal-istati li jirregolaw fl-interess pubbliku. |
3.9.4. |
Is-SAT mhuwiex imħasseb dwar il-livelli ta’ investiment, li jissuġġerixxi li d-distakk identifikat wara l-2008 kważi ngħalaq. L-investiment (mifhum bħala l-formazzjoni grossa ta’ kapital fiss) kien stabbilit biex jilħaq 20,6 % tal-PDG fl-2018, meta mqabbel ma’ 22,5 % fl-2007 u 19,4 % fl-2014 (14). Għalhekk, tnaqqas kemxejn id-distakk fl-investiment, imkejjel f’dawn it-termini, iżda għadu ma ngħelibx. |
3.9.5. |
L-investiment għadu f’livell baxx meta mqabbel ma’ dak fl-Istati Uniti u fil-Korea t’Isfel, li huma fost il-kompetituri naturali tal-UE għall-innovazzjoni. Il-livelli għadhom partikolarment baxxi f’għadd ta’ pajjiżi b’introjtu aktar baxx u f’pajjiżi li għaddew mill-akbar tnaqqis wara l-2008. |
3.9.6. |
Is-SAT jiffavorixxi għadd ta’ oqsma ta’ investiment soċjali, inklużi s-saħħa, is-sistemi ta’ kura fit-tul u d-djar tal-gvern. Il-KESE argumenta favur il-ħafna effetti pożittivi ta’ investiment soċjali orjentat lejn il-futur li jkun ippjanat sew, effettiv u effiċjenti, li għandu jitqies mhux bħala spiża iżda bħala investiment fil-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjieg (15). L-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi teħtieġ spazju għall-infiq pubbliku. |
3.9.7. |
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa jintlaqa’ b’sodisfazzjon bħala mezz ta’ appoġġ għall-investiment immirat lejn il-prijoritiajiet ta’ politika tal-UE. Madankollu, ir-riżorsi disponibbli kienu limitati u, f’termini aggregati, kienu biżżejjed biss biex iżommu, mhux iżidu, il-krediti totali tal-BEI (16). Fil-fatt fl-2017 dawn kienu 7 % taħt il-livell medju għall-2013-2016 (17). |
3.9.8. |
Jinħtieġ approċċ li jipprovdi programm ta’ investiment iffinanzjat b’mod adegwat, inklużi riżorsi mill-baġit tal-UE bl-appoġġ tal-baġits tal-Istati Membri. B’dan, l-UE tkun aktar kapaċi timplimenta l-għanijiet ta’ appoġġ iddikjarati minnha għall-iżvilupp tal-SMEs, għall-investiment f’teknoloġiji ġodda li jippromovu t-trasformazzjoni ekoloġika mixtieqa u għall-investiment fit-tisħiħ tal-livelli ta’ edukazzjoni u ħiliet, u fit-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali. Il-KESE diġà ressaq l-argument li l-flessibbiltà attwalment permessa fil-patt ta’ stabbiltà u tkabbir mhijiex biżżejjed, u li għandhom jinfetħu diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar regola żviluppata bis-sħiħ li teskludi investiment pubbliku li jżid il-valur mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-PST, li ġeneralment tissejjaħ ir-“regola tad-deheb” (18), biex is-sostenibbiltà tad-dejn tkun tista’ tiġi żgurata. |
3.10. Dejn
3.10.1. |
Il-KESE, f’konformità mal-Opinjoni preċedenti tiegħu (19), jaqbel mat-tħassib espress fis-SAT li livelli għoljin ta’ dejn pubbliku u privat huma sorsi persistenti ta’ vulnerabilità, l-aktar fiż-żona tal-euro. Id-dejn pubbliku gross naqas mill-ogħla livell tiegħu ta’ 88,1 % tal-PDG fl-2014 sa 81,4 % tal-PDG fl-2018, u għadu ferm ogħla mil-livell tal-2008 u ferm ogħla mill-mira ta’ 60 % tal-PDG. Madankollu, tqabbil internazzjonali juri li l-livelli ta’ dejn pubbliku li huma ogħla minn 60 % tal-PDG mhumiex neċessarjament marbuta ma’ tkabbir ekonomiku li jipprogressa aktar bil-mod. Jidher li t-tnaqqis tad-dejn pubbliku huwa l-eħfef fejn ikun hemm tkabbir ekonomiku rapidu. Għalhekk, l-aqwa protezzjoni kontra l-perikli assoċjati ma’ livelli tad-dejn għoljin hija l-irkupru sħiħ tat-tkabbir ekonomiku permezz ta’ politiki makroekonomiċi antiċikliċi. Barra minn hekk, konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir fi żminijiet tajbin tista’ tgħin biex jiġu evitati r-reazzjonijiet avversi tas-suq fi żminijiet ħżiena. |
3.10.2. |
Id-dejn privat naqas f’dawn l-aħħar snin iżda għadu ’l fuq mil-livell ta’ qabefil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE. It-tnaqqis fl-ingranaġġ tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji huwa anqas twil u anqas diffiċli meta t-tkabbir ekonomiku jkun għoli. Id-destabilizzazzjoni tal-ekonomiji taż-żona tal-euro permezz ta’ suq tad-djar proċikliku għandha tkun immonitorjata mill-qrib u evitata b’mezzi regolatorji biex jiġu evitati l-kriżijiet ekonomiċi. |
3.10.3. |
It-tnaqqis tad-dejn huwa megħjun minn istituzzjonijiet ta’ kwalità għolja fl-istess livell tal-ekonomiji bl-aqwa rendiment. Dawn jiżguraw l-effiċjenza fis-swieq tal-prodotti, tas-servizzi, tal-finanzi u tax-xogħol, jgħinu biex tinkiseb kwalità adegwata fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika, u jappoġġjaw politiki adatti għal pensjonijiet, kompetizzjoni u tassazzjoni. |
3.11. Unjoni Bankarja
3.11.1. |
Li kieku jitqiegħdu fil-prattika l-proposti attwali għall-Unjoni Bankarja, dawn ikunu insuffiċjenti meta jitqabblu mal-esperjenza ta’ kriżijiet finanzjarji fil-passat. Għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li s-swieq tal-kapital dejjem jikbru jiġu ssorveljati kif imiss biex ma jippermettu l-ebda prodott titolizzat tossiku fis-swieq tal-kapital Ewropej, li jista’ jikkontribwixxi għal kriżi finanzjarja oħra. Il-korpi superviżorji fl-Unjoni Ewropea jridu jiżguraw li unjoni tas-swieq kapitali ma tirriżultax f’aċċellerazzjoni tad-delokalizzazzjoni tal-kapital barra minn Stati Membri individwali matul perjodi ta’ stress għas-swieq finanzjarji. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli għall-ekonomija reali, għandu jiddgħajjef iċ-ċirku vizzjuż negattiv bejn il-banek u r-rati ta’ mgħax sovran. Żewġ partijiet integrali għal dan il-għan huma Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u l-forniment ta’ garanzija ta’ kontinġenza adatta għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, mill-Mekkaniżmu Ewropea ta’ Stabbiltà. Qabel ma tiġi stabbilita Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, is-self improduttiv għandu jiġi kklerjat mill-karti tal-bilanċ tal-banek parteċipanti sa fejn ikun l-aktar prattikabbli u possibbli. |
3.12. Riformi fiż-żona tal-euro
3.12.1. |
L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) għandu jiġi implimentat b’aktar immaġinazzjoni u qawwa. Il-proposti għar-riforma tal-UEM u l-governanza tagħha huma attwalment insuffiċjenti biex jipproteġu kontra r-riskji ta’ xokkijietasimmetriċi. Ir-riekwilibriju tal-kontijiet kurrenti preċedenti fuq in-naħa tad-debitur biss għamel ħsara lill-PDG globali taż-żona tal-euro, u kkontribwixxa għall-irkupru bil-mod tagħha wara l-2008. Biex pajjiżi li preċedentement kellhom defiċit fil-kontijiet kurrenti jingħataw aktar spazju biex jespandu l-ekonomiji tagħhom (mil-lat tal-bilanċ fiskali u estern tagħhom), pajjiżi b’surplus fil-kontijiet kurrenti għandhom ikunu inċentivizzati jinvestu aktar kif ukoll iżidu l-pagi u l-benefiċċji soċjali tagħhom biex jappoġġjaw il-konsum privat. |
3.12.2. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-mexxejja Ewropej biex iħaffu l-pass tar-riformi fir-rigward tal-UEM, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Madankollu, sakemm iż-żona tal-euro tibqa’ ma jkollhiex baġit komuni li jista’ joħloq pożizzjoni fiskali pożittiva għaż-żona tal-euro fl-intier tagħha, l-istimolu monetarju se jibqa’ neċessarju matul kwalunkwe riċessjoni fil-futur. Bit-tmiem prevedibbli tal-programmi ta’ xiri ta’ assi tal-BĊE fi tmiem l-2018, aħna nirrakkomandaw li l-BĊE jikkunsidra programm ta’ xiri ta’ assi li jista’ jiġi attivat b’ħeffa matul riċessjoni, jekk l-istimolu fiskali ma jimmaterjalizzax ruħu. Il-programm għandu jiġi orjentat lejn l-ekonomija reali u investimenti li jiffavorixxu l-klima. |
3.13. Tassazzjoni ġusta
3.13.1. |
Filwaqt li josserva d-diskussjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatt li t-tassazzjoni tista’ ssir kwistjoni ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, il-KESE jkompli jappoġġja enfasi fuq politiki tat-tassazzjoni ġusti. Il-KESE, f’konformità ma’ Opinjonijiet preċedenti, jappoġġja l-iżvilupp ta’ Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva – li tkun aċċettata b’mod wiesa’ – bħala mezz kif jissaħħaħ is-suq uniku billi jiġu ssemplifikati l-kwistjonijiet relatati mat-taxxa ta’ kumpaniji kbar, u bħala mezz kif jiġi indirizzat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa (20). Huwa jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon inizjattivi ta’ taxxa diġitali, u jemmen li huwa importanti ħafna li jiġu żviluppati prinċipji ġodda aċċettati globalment dwar kif profitti korporattivi b’konformità mal-ħolqien ta’ valur jiġu attribwiti għal pajjiż tal-UE u kif dawn għandhom jiġu intaxxati b’mod korrispondenti (21). Huwa jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon l-importanza li s-SAT jagħti lill-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, f’konformità ma’ Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (22). |
3.14. Riformi strutturali
3.14.1. |
Is-SAT jenfasizza għal darb’oħra l-importanza ta’ riformi strutturali, li huma meqjusa bħala ta’ għajnuna fil-ħolqien tal-impjieg u fit-tnaqqis tal-livelli ta’ dejn. Madankollu, għadu mhuwiex ċar x’qed jitfisser b’“riforma strutturali”, li jagħmilha diffiċli li jiġu interpretati dikjarazzjonijiet li r-riformi fil-passat kellhom effetti pożittivi dimostrabbli. F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE ppromova riformi strutturali orjentati lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku: aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar, aċċess aħjar għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kisba tal-ħiliet, tkabbir sostenibbli, kwalità amministrattiva u istituzzjonali, u sostenibbiltà ambjentali (23). Huwa ressaq l-argument li dawn ir-riformi għandhom ikunu speċifiċi għall-pajjiżi, konsistenti mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) biex jittejjeb il-benessri, u jkunu sostnuti minn appoġġ demokratiku, aktar milli approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd”għall-Istati Membri kollha (24). |
3.14.2. |
Il-prestazzjoni modesta fit-tkabbir u xi żviluppi fis-suq tax-xogħol reċenti jqajmu dubji dwar il-benefiċċji ta’ xi wħud mill-politiki tal-passat, li ġew introdotti taħt it-tikketta ta’ “riforma strutturali”. L-għadd ta’ impjegati żdied skont domanda dejjem tiżdied, iżda b’deterjoramenti frekwenti fil-kwalità tal-impjieg u b’żidiet fis-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. |
3.14.3. |
Ir-riżultati ta’ “riformi strutturali”fil-passat għandhom suġġett ta’ kontroversja. Xi valutazzjonijiet kienu pożittivi, b’rapporti minn xi impjegaturi li jesprimu ċertu grad ta’ sodisfazzjon bir-riformi fis-swieq tax-xogħol (25). Madankollu, hemm ukoll korp sostanzjali ta’ letteratura li jqajjem dubji serji dwar ir-rakkomandazzjonijiet imgħoddija tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tas-suq tax-xogħol (26). B’hekk, l-aħħar Strateġija għall-Impjiegi tal-OECD issa targumenta fuq il-bażi ta’ “evidenza ġdida”, li pajjiżi b’politiki u istituzzjonijiet li jippromovu l-kwalità tal-impjiegi, il-kwantità tal-impjiegi u aktar inklużività jkollhom prestazzjoni aħjar minn dawk fejn il-fokus ikun l-aktar fuq it-tisħiħ (jew il-preservazzjoni) tal-flessibbiltà tas-suq (27). |
3.14.4. |
Il-KESE jtenni l-osservazzjoni tiegħu li s-suċċess jew il-falliment ta’ miżura ta’ riforma partikolari spiss isir evidenti tul perjodu ta’ aktar minn ħames snin (28). Għandha ssir valutazzjoni tal-effetti tal-politiki tal-passat li ġew introdotti bħala “riformi strutturali”, abbażi ta’ evidenza u bl-involviment sħiħ tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, bħala bażi biex jiġu infurmati rakkomandazzjonijiet ta’ politika fil-futur (29). |
3.15. Il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali
3.15.1. |
Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent tal-importanza tal-pilastru soċjali, u jirrepeti l-urġenza li dan isir realtà fid-dawl tal-prestazzjoni ekonomika u soċjali baxxa f’ħafna pajjiżi mill-2008 ’l hawn. |
3.15.2. |
Il-pilastru soċjali għandu jiġi integrat bis-sħiħ fis-semestru Ewropew. Huwa ma għandux jidher biss bħala anness. It-tabella ta’ valutazzjoni ta’ akkumpanjament tindika l-iskala tal-kompitu fil-futur biex l-UE tikseb “klassifikazzjoni soċjali triple-A”. Huwa ċar li mhux l-Istati Membri kollha kisbu livelli aċċettabbli ta’ introjtu, standards tal-għajxien, sigurtà soċjali, forniment ta’ assistenza soċjali, ksib ta’ edukazzjoni u aċċess diġitali (30). |
3.15.3. |
Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali għandu jintuża bħala mezz biex jitkejlu r-rakkomandazzjonijiet li jsiru lill-Istati Membri. L-20 prinċipju tal-Pilastru għandhom jintużaw bħala indikaturi biex jiġi vvalutat is-suċċess tal-pajjiżi fl-integrazzjoni tal-impenn tagħhom fil-konfront tal-Pilastru Soċjali fil-politiki ekonomiċi tagħhom. |
3.15.4. |
Dan jindika wkoll il-ħtieġa għal mezzi ta’ finanzjament adegwati, inklużi kontribuzzjonijiet mil-livell tal-UE. Kemm il-pjan ta’ investiment tal-UE, jekk jiġi ffinanzjat adegwatament, kif ukoll il-politika ta’ koeżjoni tal-UE jistgħu jikkontribwixxu f’koordinazzjoni mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Dan jimplika li tiġi permessa flessibbiltà adatta fil-patt ta’ stabbiltà u tkabbir. Bħall-argument f’Opinjoni preċedenti, dan jimplika wkoll finanzjament kontinwu adegwat għall-politika ta’ koeżjoni mill-baġit tal-UE (31). |
3.15.5. |
Jeħtieġ li ssir riflessjoni bir-reqqa dwar il-proposta mrwssqa mill-President Juncker fid-Diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Din tista’ tiżgura l-infurzar effettiv tad-drittijiet tax-xogħol u ta’ sigurtà soċjali tal-UE u tiġġieled il-kompetizzjoni inġusta. |
3.15.6. |
Minbarra li tintuża bħala gwida għar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika, it-tabella ta’ valutazzjoni mehmuża mal-pilastru soċjali għandha tintuża bħala eżempju għal analiżijiet simili tal-prestazzjoni ta’ pajjiżi individwali fil-konfront ta’ politiki ambjentali u tat-tibdil fil-klima, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati f’livell ta’ serjetà simili. |
3.15.7. |
Fid-dawl tal-importanza tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, jiġifieri sostenibbli mil-lat ekonomiku, ambjentali u soċjali, it-titlu tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għandu jinbidel għal Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli. |
3.16. Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fis-Semestru Ewropew
3.16.1. |
Il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jridu jaqblu dwar riformi nazzjonali essenzjali li jippermettu bl-aqwa mod lill-ekonomiji tagħhom iżommu jew itejbu l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini tagħhom. Għaldaqstant, għandhom jiġu involuti l-inputs tal-uffiċjali lokali tas-Semestru tal-UE, tal-kunsilli fiskali nazzjonali, tal-bordijiet nazzjonali tal-produttività u tal-kumitati soċjali u ekonomiċi nazzjonali. Il-membri tal-KESE wkoll jistgħu jaqdu rwol f’dan il-qasam. |
Brussell, l-20 Frar, 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Rapport tal-2019 tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar ir-Riskji Globali.
(2) OECD, Stampa Ġenerali Ekonomika, Novembru 2018: “Editorjal”tal-Ekonomista Prinċipali, u “General Assessment of the Macroeconomic Situation”(Dikjarazzjoni Ġenerali tas-Sitwazzjoni Makroekonomika) p. 43-46.
(3) Opinjoni addizzjonali tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro 2018 (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 312).
(4) COM(2018) 761 final, p. 14.
(5) COM(2018) 761 final, p. 14.
(6) COM(2018) 761 final, p. 41.
(7) Ir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impjiegi 2018 juri li 47,4 % biss tal-persuni b’diżabilità fl-età tax-xogħol huma impjegati fl-UE.
(8) COM(2018) 770 final, p. 6.
(9) Ir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impjiegi għall-2018 jindika li huwa aktar probabbli li persuni b’diżabbiltà jitilqu kmieni mill-iskola milli persuni mingħajr diżabbiltajiet, u dan b’10,3 punti perċentwali (abbażi ta’ ċifri mill-2015), u huwa inqas probabbli li dawn jikkompletaw l-edukazzjoni terzjarja meta mqabbla ma’ persuni mingħajr diżabbiltà, u dan bi 13,6 -il punt perċentwali (abbażi ta’ ċifri mill-2015).
(10) Rapport tal-2019 tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar ir-Riskji Globali.
(11) BloombergNEF – Clean Energy Investment Trends (Xejriet ta’ Investiment fl-Enerġija Nadifa), 3Q 2018
(12) COM(2018) 773 final.
(13) Opinjoni tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro għall-2017 (ĠU C 173, 31.5.2017, p. 33).
(14) Il-bażi tad-data tal-AMECO (mhux disponibbli bil-Malti).
(15) Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1).
(16) Opinjoni tal-QEA dwar il-FEIS: proposta bikrija għall-estensjoni u l-espansjoni, p. 21.
(17) EIB, Statistical Report 2017 (Rapport Statistiku tal-BEI għall-2017).
(18) Opinjoni tal-KESE dwar Il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2017), punt 3.4 (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 216).
(19) Opinjoni tal-KESE dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (2018) (ĠU C 197, 8.6.2018, p. 33).
(20) Opinjoni tal-KESE dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Komuni (Konsolidata) (ĠU C 434, 15.12.2017, p. 58).
(21) Opinjoni tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-profitti ta’ kumpaniji multinazzjonali fl-ekonomija diġitali (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 73).
(22) Opinjoni tal-KESE dwar “Sistema fiskali favorevoli għal kompetizzjoni ġusta u għat-tkabbir ekonomiku”(ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18).
(23) Pereżempju, titjib fl-ambjent tan-negozju, il-finanzjament ta’ kumpaniji u n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp; żieda fil-produttività tal-kumpaniji, is-setturi u l-ekonomiji; promozzjoni għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba b’pagi ogħla, u fl-istess ħin tnaqqis ta’ impjiegi temporanji u instabbli b’pagi baxxi; tisħiħ tan-negozjar kollettiv, u awtonomija tal-imsieħba soċjali ta’ ġo fih, flimkien ma’ djalogu soċjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew; riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex isiru aktar effettivi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u aktar trasparenti għall-pubbliku; promozzjoni tal-kwalità tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għall-ħaddiema bil-għan li jkun hemm opportunitajiet indaqs u riżultati għall-gruppi soċjali kollha.
(24) Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1, punt 2.5).
(25) ECB, Structural policies in the euro area (BĊE, Politiki strutturali fiż-żona tal-euro).
(26) A. Piasna & M. Myant (edituri) Myths of Employment Deregulation: How it neither creates jobs nor reduces labour market segmentation (Miti tad-Dregolazzjoni tal-Impjiegi: Kif la toħloq l-impjiegi u lanqas tnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol), Brussell, ETUI, 2017.
(27) Good Jobs for All in a Changing World of Work, The OECD Jobs Strategy (Impjiegi Tajbin għal Kulħadd f’Dinja tax-Xogħol Li Qed Tinbidel, L-Istrateġija tal-Impjiegi tal-OECD), p. 8.
(28) Opinjoni tal-KESE dwar Il-Programm REFIT (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121).
(29) Opinjoni tal-KESE dwar Il-Programm REFIT (ĠU C 62, 15.2.2019, p. 121).
(30) Opinjoni tal-KESE dwar Il-finanzjament tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 262, 25.7.2018, p. 1).
(31) Opinjoni tal-KESE dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali wara l-2020 (ĠU C 440, 6.12.2018, p. 106).