Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IE4568

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    EESC 2018/04568

    ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.6.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 190/9


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Il-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fl-UE”

    (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2019/C 190/02)

    Relatur: Peter SCHMIDT

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    12.7.2018

    Bażi legali

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

    Adottata fis-sezzjoni

    31.1.2019

    Adottata fil-plenarja

    20.2.2019.

    Sessjoni plenarja Nru

    541

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    183/7/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    L-Opinjoni tal-KESE dwar “Politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE”, adottata f’Diċembru 2017, irrakkomandat approċċ aktar integrat għall-ikel fl-UE. Id-dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli jirrappreżentaw “pilastru”importanti ta’ politika dwar l-ikel bħal din, peress li għandna bżonn urġenti li norjentaw id-dieti tagħna biex intejbu – mhux nagħmlu l-ħsara – is-saħħa tal-ekosistemi u tal-pubbliku u l-vitalità tat-territorji rurali.

    1.2.

    Wasal iż-żmien biex tiġi aċċellerata bidla fundamentali, u l-evidenza hija b’saħħitha u qed tiżdied. Il-KESE jenfasizza li issa hemm momentum politiku f’politiki bħad-Deċennju ta’ Azzjoni fuq in-Nutrizzjoni tan-NU, l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u l-proposti l-ġodda dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni. Hemm ukoll evidenza xjentifika dejjem akbar dwar il-ħtieġa urġenti li nittrasformaw is-sistemi tal-ikel tal-Ewropa u globali, pereżempju f’rapporti mill-IPCC, mill-Kummissjoni EAT-Lancet, mill-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija u l-InterAcademies Partnership (1). Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, hemm domanda b’saħħitha mis-soċjetà ċivili (eż. mill-koalizzjoni li ġiet stabbilita bis-saħħa tal-proċess ta’ IPES Food), rikonoxximent min-negozji tar-responsabbiltajiet tagħhom li jgħinu fit-tibdil (eż. dwar il-ħela ta’ ikel, l-ekonomija ċirkolari, it-tnaqqis tal-obeżità, il-protezzjoni tal-bijodiversità, it-tisħiħ kulturali, eċċ.) u azzjoni f’livell reġjonali u muniċipali, pereżempju permezz tal-Patt ta’ Milan dwar il-Politika Urbana tal-Ikel, il-“Projets Alimentaires Territoriaux”fi Franza u t-tmexxija tal-ibliet dinjin C40 (2).

    1.3.

    Il-KESE jagħraf u jappoġġja l-inizjattivi eżistenti mill-Kummissjoni biex tippromovi dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli, pereżempju l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet fl-aħħar proposta ta’ riforma tal-PAK biex tittejjeb ir-reazzjoni tal-agrikoltura tal-UE għat-talbiet soċjetali għall-ikel u għas-saħħa, inkluż ikel sikur, nutrittiv u sostenibbli, il-ħela ta’ ikel u l-benessri tal-annimali (3). Madankollu, ma hemmx approċċ ikkoordinat għal dawn l-inizjattivi.

    1.4.

    Il-kumplessità tan-nisġa ikel-saħħa-ambjent-soċjetà teħtieġ approċċ aktar komprensiv dwar id-dieti, mhux biss b’rabta mal-imġiba tal-konsumaturi. Biex jiġu pprovduti koeżjoni u skop kondiviż, il-KESE jitlob l-iżvilupp ta’ Linji Gwida ġodda dwar Dieti Sostenibbli, li jqisu d-differenzi kulturali u ġeografiċi bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Is-sempliċi tnaqqis tal-użu ta’ riżorsi fil-produzzjoni u fit-tibdil tal-ingredjenti ma jsarrafx f’dieti aħjar jew aktar tajbin għas-saħħa.

    1.5.

    Linji Gwida ġodda dwar Dieti Sostenibbli jkunu ta’ għajnuna biex tinħoloq direzzjoni aktar ċara għall-irziezet, għall-proċessuri, għall-bejjiegħa bl-imnut u għas-servizz tal-ikel. L-industrija agroalimentari tkun tibbenefika minn “qafas”ġdid biex tipproduċi, tipproċessa, tqassam u tbigħ ikel aktar tajjeb għas-saħħa u sostenibbli bi prezz aktar ġust.

    1.6.

    Il-KESE jitlob il-ħolqien ta’ Grupp ta’ Esperti biex jifformula linji gwida dwar dieti sostenibbli madwar l-Ewropea fi żmien sentejn. Dan għandu jinkludi korpi professjonali u xjentifiċi rilevanti mix-xjenzi dwar in-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika, l-ikel, l-ambjent u s-soċjetà. Il-KESE lest jikkontribwixxi għall-ħidma ta’ Grupp ta’ Esperti bħal dan biex jipprovdi l-kontribut ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Studju Temporanju tiegħu dwar Sistemi Sostenibbli tal-Ikel.

    1.7.

    Il-KESE jtenni l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni dwar dieti sostenibbli sa minn età bikrija, biex iż-żgħażagħ ikunu megħjuna japprezzaw il-“valur tal-ikel”. Trid tingħata attenzjoni speċjali għall-gruppi vulnerabbli, speċjalment in-nies b’introjti baxxi.

    1.8.

    Il-KESE jenfasizza li approċċ komuni Ewropew ta’ tikkettar tal-ikel li jirrifletti l-Linji Gwida dwar Dieti Sostenibbli jtejjeb it-trasparenza u jiskoraġġixxi l-użu ta’ materja prima rħisa għalxejn li hija kemm ħażina għas-saħħa kif ukoll insostenibbli (eż. xaħmijet trans, żejt tal-palma u zokkor eċċessiv). Il-konsumaturi jkunu jibbenefikaw minn estensjoni għat-tikkettar tal-ikel, biex jiġu inklużi l-aspetti ambjentali u soċjali. Dan ikun ta’ għajnuna biex l-għażliet tal-konsumaturi jiġu xprunati lejn għażliet aktar tajbin għas-saħħa u sostenibbli.

    1.9.

    Minbarra li jgħinu lis-settur kummerċjali, il-Linji Gwida dwar Dieti Sostenibbli jipprovdu wkoll kriterji komuni u ċari għall-użu fl-akkwist pubbliku. L-Ewropa teħtieġ li l-ikel ikun fil-qalba ta’ Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE). F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob l-adozzjoni b’urġenza tar-reviżjoni tal-kriterji tal-UE dwar l-APE għall-ikel u għas-servizzi tal-catering.

    1.10.

    Id-dritt tal-kompetizzjoni ma għandux ikun ostaklu għall-iżvilupp ta’ Linji Gwida dwar Dieti Sostenibbli. Ir-regoli għandhom jiġu adattati biex jgħinu l-ekonomija lokali minflok ma jxekklu s-sostenibbiltà. Sabiex jiżgura distribuzzjoni aħjar tal-valur miżjud għall-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel, il-KESE jilqa’ l-possibbiltà introdotta għas-setturi mir-riforma tal-2013 tar-Regolament dwar l-OKS, li tippermetti lill-organizzazzjonijiet interprofessjonali biex jinnotifikaw il-ftehimiet tagħhom biex jiżdiedu l-istandards tas-sostenibbiltà ta’ prodotti għall-Kummissjoni Ewropea għal ikklerjar skont ir-regoli dwar il-kompetizzjoni. Il-prodotti li jiġu magħmula b’mod aktar sostenibbli f’termini ta’ standards ambjentali, saħħa tal-annimali u tal-kwalità, jistgħu jippermettu lill-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jiksbu prezzijiet aħjar. Diskussjonijiet qabel in-notifika mal-Kummissjoni jistgħu jgħinu lill-organizzazzjonijiet interprofessjonali jiffurmaw kwalunkwe notifika futura possibbli.

    1.11.

    Il-KESE jisħaq li l-firxa sħiħa ta’ għodod tal-governanza pubblika għandhom jitqiesu bħala strumenti tal-politika biex jiġu skoraġġiti l-produzzjoni u l-konsum ta’ prodotti tal-ikel mhux tajbin għas-saħħa u jiġu promossi drawwiet alimentari tajbin għas-saħħa. L-ispejjeż esternalizzati tad-dieti insostenibbli huma piż “moħbi”fuq is-soċjetà, l-ekonomija u l-ambjent li jridu jitnaqqsu jew jiġu internalizzati. Il-KESE jitlob strateġiji tal-politika xierqa biex jiġu implimentati linji gwida dwar dieti sostenibbli, li jiffukaw b’mod partikolari fuq il-kobenefiċċji għall-bdiewa u għan-negozji.

    1.12.

    L-Ewropa tgħożż id-dritt tal-konsumatur għal informazzjoni preċiża. Jekk nixtiequ li l-għażliet tal-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli jsiru n-norma u l-eħfef għażla, l-Ewropa teħtieġ sett ta’ kriterji miftuħ u msejjes fuq l-evidenza, pereżempju permezz ta’ Linji Gwida miftiehma dwar Dieti Sostenibbli.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE”adottata f’Diċembru 2017 (NAT/711), il-KESE talab l-iżvilupp ta’ politika komprensiva dwar l-ikel fl-UE, bl-għan li jiġu pprovduti dieti tajbin għas-saħħa minn sistemi alimentari sostenibbli, li l-agrikoltura tintrabat ma’ servizzi tan-nutrizzjoni u tal-ekosistema, u li jiġu żgurati ktajjen ta’ provvista li jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika għal kull qasam tas-soċjetà Ewropea (4). Biex jiġu ssodisfati dawn l-għanijiet, iridu jiġu kkoordinati miżuri ta’ politika kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda. Dan ifisser li d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel permezz tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel iridu jiġu kkoordinati wkoll b’aktar aċċess u l-awtonomizzazzjoni tal-konsumaturi biex jagħżlu dieti tajbin għas-saħħa u b’togħma tajba. Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tindirizza d-dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli bħala wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ politika komprensiva tal-UE dwar l-ikel.

    2.2.

    Il-momentum politiku biex jiġu diskussi dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli huwa kbir:

    Skont l-aħħar rapport bit-titolu State of Food Insecurity in the World (SOFI) (L-Istat tal-Insigurtà tal-Ikel fid-Dinja) (5) ippreżentat f’Ottubru 2018 fil-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija, kien hemm żieda fil-ġuħ madwar id-dinja għat-tielet sena konsekuttiva. In-numru assolut ta’ nies li jbatu minn nuqqas ta’ nutrizzjoni żdied għal kważi 821 miljun fl-2017, minn madwar 804 miljun fl-2016. L-obeżità fost l-adulti sejra għall-agħar ukoll. Aktar minn adult minn kull 8, jew aktar minn 672 miljun, fid-dinja, huma obeżi. Il-pandemija globali tal-obeżità qed isseħħ bi spejjeż ekonomiċi enormi – kważi 3 % tal-PDG globali, ekwivalenti għall-ispejjeż tat-tipjip u għall-konsegwenzi tal-konflitti armati. Anki fl-Ewropa, nofs il-popolazzjoni għandha piż żejjed u 20 % ibatu mill-obeżità.

    In-NU ddikjarat li dan huwa d-Deċennju ta’ Azzjoni għan-Nutrizzjoni, fejn irrikonoxxiet il-ħtieġa li s-sistemi tal-ikel jitfasslu mill-ġdid sabiex jinkisbu dieti aktar tajbin għas-saħħa u nutrizzjoni mtejba. Il-Bord ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija kompla jenfasizza din l-ambizzjoni fir-rapport tiegħu ta’ Settembru 2017 (6). L-FAO u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħalissa qed jaħdmu fuq definizzjoni ġdida ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli, u qed jippjanaw konsultazzjoni internazzjonali f’Marzu 2019 biex janalizzaw in-natura multidimensjonali tas-sostenibbiltà tad-dieti.

    In-nutrizzjoni għandha rwol ċentrali fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u l-Aġenda sħiħa tal-2030, b’mod partikolari biex tiżgura l-aċċess min-nies kollha għal ikel sikur, sustanzjuż u suffiċjenti s-sena kollha u biex ittemm kull forma ta’ malnutrizzjoni sal-2030 (Għan 2) kif ukoll tiżgura ħajjiet f’saħħithom u tippromovi l-benesseri għal kulħadd f’ kull età (Għan 3). Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-SDGs toffri opportunità biex jinbidlu x-xejriet ta’ konsum u ta’ produzzjoni tal-ikel b’mod aktar sostenibbli u tajjeb għas-saħħa.

    Il-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima wkoll teħtieġ trasformazzjoni profonda tas-sistema alimentari, u r-rapport speċjali tal-IPCC adottat f’Ottubru 2018 ikkonferma b’mod xjentifiku l-ħtieġa għal azzjoni klimatika urġenti (7).

    Fil-livell tal-UE, ir-riforma tal-PAK tirrappreżenta opportunità biex jiġu promossi produzzjoni aktar sostenibbli u dieti tajbin għas-saħħa, jekk tagħmel prodotti sustanzjużi bħall-frott, il-ħaxix u prodotti tal-ħalib faċilment disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE.

    Anke l-Kumitat tar-Reġjuni dan l-aħħar adotta Opinjoni dwar “Inċentivi lokali u reġjonali għall-promozzjoni ta’ dieti sani u sostenibbli” (8).

    Il-Grupp Internazzjonali ta’ Esperti dwar Sistemi Alimentari Sostenibbli (IPES Food) daqt se jippreżenta r-rapport tiegħu dwar “Politika Komuni tal-Ikel”fl-UE, li se jkun jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet konkreti dwar dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli.

    2.3.

    Il-gvernijiet tal-bliet (u komunitajiet territorjali) qed isiru atturi importanti fit-trawwim ta’ sistemi alimentari aktar sostenibbli. Permezz ta’ azzjoni integrata u bejn diversi dipartimenti, il-bliet qed ilaqqgħu flimkien diversi partijiet ikkonċernati biex ifasslu politiki dwar l-ikel li jindirizzaw problemi urġenti relatati mal-ikel (bħall-insigurtà tal-ikel u l-obeżità), iżda fl-istess ħin jgħinu biex isolvu problemi aktar mifruxa, li jinkludu sfidi ambjentali, inugwaljanzi soċjali u l-faqar. Il-Patt ta’ Milan dwar il-Politika Urbana tal-Ikel, iffirmat minn aktar minn 180 belt minn madwar id-dinja, u li jkopri 450 miljun abitant, (9) huwa stadju importanti f’dan il-kuntest.

    2.4.

    Minbarra l-momentum politiku, hemm ukoll l-urġenza xjentifika dejjem akbar li tiġi indirizzata din il-kwistjoni, kif spjegat ukoll fil-Kapitolu 3.

    3.   L-impatti ta’ dieti mhux tajbin għas-saħħa u insostenibbli

    3.1.

    L-għażla tad-dieta għandha ħafna impatti, kemm tajbin kif ukoll ħżiena. L-Ewropej jeħtieġu appoġġ biex inaqqsu l-impatti dannużi mid-dieta u jiggwadanjaw l-aspetti pożittivi. L-idea antika li nimmiraw sempliċement għal biżżejjed provvista tal-ikel m’għadhiex politika adegwata. Jeħtieġ li nikkunsidraw kif jiġi prodott u kkonsmat l-ikel u x’inhuma l-impatti fit-tul kif ukoll dawk immedjati. Il-mod kif jieklu l-konsumaturi Ewropej għandu konsegwenzi mhux intenzjonati fuq it-tniġġis (eż. imballaġġ tal-plastik li jintuża darba), il-klima, is-saħħa, il-bijodiversità u aktar. Dawn l-impatti jxekklu l-futur u jeħtieġu tibdil f’kif nieklu u nikkonsmaw. II-ktajjen tal-provvista tal-ikel, mir-razzett sar-ristorant, jeħtieġ li jirċievu sinjali differenti ta’ politika. Ix-xjenza bdiet tiddefinixxi mill-ġdid x’inhi dieta tajba għas-seklu 21: dieti sostenibbli minn sistemi alimentari sostenibbli. Issa l-politika jeħtieġ li tindirizza din l-isfida.

    3.2.   L-impatt tad-dieta fuq is-saħħa pubblika

    Id-dieti ħżiena huma l-kawżi ewlenin ta’ mwiet prematuri u ta’ mard evitabbli fl-Ewropa. Is-saħħa hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u l-Kummissjoni Ewropea primarjament tiffaċilita l-iskambju tad-data u tal-informazzjoni. Madankollu, l-UE għandha l-potenzjal li ttejjeb il-fehim tal-konsumaturi dwar l-importanza tal-konsum ta’ dieta sostenibbli għas-saħħa. Ta’ kull sena, fl-UE jmutu b’mod prematur 550 000 ruħ f’età lavorattiva minħabba mard li ma jitteħidx (NCDs). L-NCDs qabżu l-mard li jittieħed bħala l-kawża ta’ mwiet prematuri madwar id-dinja. Issa l-NCD jirrappreżentaw l-akbar spejjeż tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri, li kull sena jiswew lill-ekonomiji tal-UE EUR 115-il biljun, jew 0.8 % tal-PDG annwali, skont l-OECD (10). Theddida kbira għas-saħħa pubblika futura hija t-tifrix tar-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) (11). Għalkemm il-Kummissjoni u r-Reġjun Ewropew tal-WHO ħadu pożizzjonijiet tajbin u b’saħħithom rigward l-AMR, jeħtieġ li jitwettaq sforz akbar biex jitnaqqas l-użu tal-antimikrobiċi fl-irziezet tal-UE, u biex tiġi evitata l-importazzjoni ta’ laħmijiet minn pajjiżi terzi li jużaw antibijotiċi profilattiċi.

    3.3.   L-impatt tad-dieta fuq is-soċjetà

    Id-dieta hija kemm indikatur importanti ta’ inugwaljanzi soċjali, kif ukoll xprunatur tagħhom. In-nies b’introjti baxxi fl-Ewropa jieklu dieti agħar, u jesperjenzaw mard agħar u aktar bikri relatat mad-dieta. Iż-żoni b’anqas introjtu għandhom anqas kapaċità tal-akkwist minn dawk aktar komdi. Nies b’introjti baxxi jieklu dieti aktar ristretti, u jikkonsmaw anqas frott u ħxejjex. Il-prodotti tal-ikel xaħmin, milħin, b’ħafna zokkor u “ultraproċessati”jinstabu aktar spiss fid-dieti tagħhom, sempliċement għaliex huma orħos.

    3.4.   L-impatt tad-dieta fuq il-kultura u l-psikoloġija

    L-Ewropa hija popolari għat-tradizzjonijiet kulinari varji u rikki tagħha. Għalkemm l-UE għamlet ħafna biex tipproteġi l-ikel ta’ interess speċjali u lokali permezz tal-iskemi Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP), Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP), u Speċjalità Tradizzjonali Garantita (STG) (12), l-integrazzjoni tal-ikel issir bil-mod, peress li l-proċessuri jespandu l-produzzjoni biex ibaxxu l-ispejjeż u jsibu swieq ġodda. L-Ewropa teħtieġ sforz imġedded biex terġa’ tibni u tiddiverisfika l-kulturi tal-ikel tagħna – mhux biex tissiġillahom wara l-ħitan, iżda biex tibni d-diversità biex tippermetti r-reżiljenza. Dieti aktar diversi jżidu l-medda ta’ nutrijenti u ta’ togħmiet.

    3.5.   L-impatt tad-dieta fuq l-ambjent

    Il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel għandhom impatt ambjentali konsiderevoli f’termini ta’ użu ta’ riżorsi fuq livell globali – madankollu fl-UE dan huwa ferm anqas. Is-sistema tal-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel għandha impatt ewlieni fuq l-ambjent (eż. GHG, bijodiversità, ilma, ħamrija). L-Ewropa tista’ tnaqqas l-impatt ta’ sistemi alimentari pproċessati għalxejn billi tħeġġeġ dieti sempliċi b’densità qawwija ta’ nutrijenti minflok ta’ enerġija. Is-sistemi alimentari jistgħu jkunu s-sors tal-irkupru ta’ tali riżorsi u ta’ reżiljenza msaħħa, jekk l-ikel jitkabbar, jiġi proċessat u kkonsmat b’mod differenti (13) (14). Dan kważi ċertament ifisser it-tagħlif ta’ anqas ħbub lill-bhejjem, u anqas konsum ta’ laħam fost il-konsumaturi. Dan iwassal għal gwadanji kemm għall-klima kif ukoll għas-saħħa (15). Irridu nippromovu sistemi ta’ biedja aktar sostenibbli u ninnotaw, pereżempju, l-impatti ambjentali pożittivi tal-bwar (żieda fil-bijodiversità, l-iżolament tal-karbonju). Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll lill-konsumaturi lejn dieti sani, ibbilanċjati u sostenibbli.

    3.6.   L-impatt tad-dieta fuq l-ekonomija

    Is-suċċess tal-Ewropa huwa li 550 miljun Ewropew ikollhom x’jieklu tul is-sena iżda issa għandna bżonn li dik is-sistema tkun aktar sostenibbli. Ħafna ekonomisti jikkritikaw is-sussidji tal-Politika Agrikola Komuni, li jirrappreżentaw parti kbira mill-baġit tal-UE. Il-kontroargument huwa li bis-saħħa tas-sussidji l-bdiewa Ewropej jibqgħu attivi. L-ispejjeż tagħhom kibru iżda l-perċentwal tal-valur miżjud gross (GVA) li jirċievu l-bdiewa huwa baxx. Ħafna mill-GVA marbut mal-ikel isir mill-art, u mhux minn dak li tipproduċi l-art. L-ikel huwa wieħed mill-akbar setturi ekonomiċi tal-UE. Pereżempju, il-manifattura tal-Ikel tal-UE tħaddem 4,2 miljun ħaddiem u għandha fatturat ta’ GBP 1 089 bn (16). Il-konsumaturi bbenefikaw minn tnaqqis fit-tul fl-ispejjeż tal-ikel, bħala proporzjon tan-nefqa domestika. Iżda mhux bilfors l-ispejjeż kollha huma inklużi f’dan it-tnaqqis fl-ispejjeż. Studju tal-2017 tas-sistema alimentari tar-Renju Unit wera li, filwaqt li l-konsumaturi tar-Renju Unit jonfqu GBP 120 biljun fis-sena direttament fuq l-ikel, dan għandu kost addizzjonali għal “intestaturi tal-baġit”oħra tal-ekonomija reali tal-istess ammont, inklużi GBP 30 biljun għad-degradazzjoni tal-art u GBP 40 biljun għas-saħħa (17). Studji bħal dan jissuġġerixxu l-ħtieġa għal “kontabbiltà tal-kost veru”, approċċ li qed jiġi rakkomandat mill-Programm Ambjentali tan-NU (18).

    4.   Politiki u għodod għat-trawwim ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli

    4.1.

    L-appoġġ lil nutrizzjoni aħjar u dieti aktar tajbin għas-saħħa huwa imperattiv urġenti fl-Ewropa, u l-opportunitajiet biex tiġi promossa n-nutrizzjoni permezz ta’ sistemi alimentari aħjar għandhom jiġu eżaminati aktar (19). Tranżizzjoni għal sistemi alimentari li jipproduċu ikel sustanzjuż għal dieti tajbin għas-saħħa tkun teħtieġ tibdil fil-politika kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda. Min-naħa tal-provvista, il-produzzjoni tal-ikel u l-mod kif jiġi pproċessat (eż. permezz ta’ riformulazzjoni tal-ikel), distribwit u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi huma fatturi kruċjali biex jiġu ddeterminati l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-ikel li jippromovi xejriet djetetiċi aktar tajbin għas-saħħa. Min-naħa tad-domanda, il-politiki pubbliċi għandhom isaħħu l-pożizzjoni tal-konsumaturi biex jagħżlu dieti aktar tajbin għas-saħħa, eż. permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel u permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, linji gwida dwar id-dieta, tikkettar, akkwist pubbliku, eċċ. L-istrateġiji u l-politiki biex jissaħħu l-provvista u d-domanda għal ikel sustanzjuż huma marbuta ma’ xulxin u jiddependu minn xulxin. Għaldaqstant, għandu jiġi adottat approċċ komprensiv, multisettorjali u f’diversi livelli, li jinvolvi lill-istituzzjonijiet rilevanti kollha, lis-soċjetà ċivili u lill-partijiet ikkonċernati tul is-sistema alimentari.

    4.2.

    Parti mill-problema hija wkoll li, s’issa, bosta deċiżjonijiet tal-industrija tal-ikel ittieħdu fuq il-bażi ta’ raġunijiet ekonomiċi fuq perjodu qasir ta’ żmien, li xi drabi kkawża produzzjoni u pproċessar immirati fid-direzzjoni l-ħażina, jiġifieri lejn it-tkabbir u l-użu ta’ ingredjenti mhux tajbin għas-saħħa (eż. żejt tal-palma, xaħam trans, zokkor eċċessiv u melħ eċċessiv). Approċċ ta’ sostenibbiltà jimplika li wieħed ma jħarisx biss lejn l-impatti ekonomiċi, iżda wkoll lejn dawk soċjali u ambjentali. Approċċ bħal dan irid ikollu perspettiva fit-tul u jiżviluppa kundizzjonijiet għal katini tal-provvista tal-ikel aktar qosra u territorjali. Għal din ir-raġuni, huwa importanti wkoll li jiġi promoss “qafas”ġdid għall-industrija tal-ikel, inklużi l-SMEs, biex tipproduċi, tipproċessa, tiddistribwixxi u tbigħ ikel aktar tajjeb għas-saħħa u aktar sostenibbli. Pereżempju, il-miżuri tal-UE għandhom jagħmluha aktar faċli għall-produtturi biex jirreklamaw riformulazzjoni anki meta din tkun gradwali, li mhuwiex possibbli bil-leġislazzjoni attwali. Rigward il-PAK, din għandha tħeġġeġ lill-bdiewa jipproduċu fuq livell lokali dawk l-ingredjenti b’impatt aħjar fuq is-saħħa. Il-KESE jitlob ukoll l-introduzzjoni veloċi ta’ limitu leġislattiv madwar l-UE għax-xaħmijiet trans prodotti industrijalment fl-ikel.

    4.3.

    Diġà jeżistu diversi politiki u inizjattivi tal-UE li għandhom l-għan li jrawmu dieti tajbin għas-saħħa, pereżempju l-inizjattivi tal-Kummissjoni bħall-Pjattaforma tal-UE dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, miżuri regolatorji dwar l-informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumaturi u d-dikjarazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, il-White Paper tal-2017 dwar l-Obeżità, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Obeżità fit-Tfulija 2001-2020, ċerti dispożizzjonijiet fil-proposta l-ġdida dwar il-PAK (eż. biex “[tittejjeb] ir-reazzjoni tal-agrikoltura tal-UE għat-talbiet soċjetali għall-ikel u għas-saħħa, inkluż ikel sikur, nutrittiv u sostenibbli, kif ukoll l-benessri tal-annimali”), l-Iskema tal-UE tal-Frott, il-Ħaxix u l-Ħalib għall-Iskejjel, eċċ. Madankollu, ma hemmx approċċ koordinat. Linji Gwida ġodda tal-UE dwar Dieti Sostenibbli jkunu jipprovdu din il-koerenza u qafas “b’diversi kriterji”għall-Istati Membri biex jiżviluppaw il-linji gwida nazzjonali tagħhom, kif spjegat f’iżjed dettall hawn taħt.

    5.   Linji gwida dwar dieti sostenibbli

    5.1.

    Hekk kif żdiedet l-evidenza dwar l-impatt tad-dieta fuq is-saħħa, l-ambjent u l-ekonomija, hekk ukoll qed jikber l-interess fl-iżvilupp ta’ dawk li jissejħu “linji gwida dwar dieti sostenibbli”. Kważi kull stat għandu linji gwida uffiċjali dwar in-nutrizzjoni jew dwar dieti bbażati fuq l-ikel. Dawn huma familjari bħala pariri biex wieħed jiekol anqas melħ, jiekol numru ta’ “porzjonijiet”ta’ frott u ta’ ħaxix, jikkonsma ċerti ammonti ta’ ħut, u linji gwida oħra. Fid-dawl tal-evidenza b’saħħitha dwar l-impatt ambjentali tal-ikel, issa jidher loġiku li jiġu inklużi kriterji usa’ fil-pariri dwar id-dieta – u b’hekk is-sejħiet dejjem akbar għal “linji gwida dwar dieti sostenibbli” (20).

    5.2.

    L-Istati Membri tal-UE diġà bdew jiżviluppaw forom differenti ta’ linji gwida dwar dieti sostenibbli (21). Uħud minn dawn irriżultaw mill-korpi ta’ esperti tagħhom dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni (22) (23), u oħrajn kienu kollaborazzjonijiet bejn ministeri u aġenziji (24), u wħud tmexxew mis-soċjetà ċivili u mill-industrija (25). Din id-diversità kienet siewja fl-esperimentar, iżda issa trid tingħata qafas ċar, koerenti u komuni biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw fi ħdan is-Suq Uniku. Meta jiġu implimentati Linji Gwida dwar Dieti Sostenibbli u miżuri relatati, hemm ħtieġa li jiġi żgurat li dawn jiġu kkontrollati b’mod effettiv.

    5.3.

    Għandu jinħoloq Grupp ta’ Esperti biex jiġu fformulati linji gwida dwar dieti sostenibbli li japplikaw madwar l-Ewropa kollha. Dan għandu jinkludi korpi professjonali u xjentifiċi rilevanti minn xjenzi dwar in-nutrizzjoni, is-saħħa pubblika, l-ikel, l-ambjent u s-soċjetà. Il-Grupp ta’ Esperti jifformula linji gwida fi żmien sentejn li jipprovdu lill-konsumaturi evidenza ċara dwar dieta sostenibbli, filwaqt li jibbaża fuq ir-riċerka u d-data pprovduti miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Food 2030, SCAR u oħrajn. Dawn il-linji gwida jkunu disponibbli biex l-Istati Membri jużawhom fil-livell nazzjonali, pereżempju, fis-servizzi tal-kura tas-saħħa u fl-istituzzjonijiet tal-politika pubblika u, fil-livell tal-UE, biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ oqfsa integrati ċari għall-katina tal-provvista tal-ikel. Il-linji gwida jkunu ta’ għajnuna biex jitwasslu għanijiet ġenerali tal-UE bħall-appoġġ tagħha għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima u impenji u programmi oħra dwar is-sostenibbiltà bħal FOOD2030 (26). Il-Grupp ta’ Esperti għandu jinkludi korpi importanti bħall-Federazzjoni ta’ Soċjetajiet Nutrizzjonali Ewropej (FENS), IPES-Food, l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa Pubblika (EUPHA) u l-Federazzjoni Ekoloġika Ewropea, flimkien mal-kontribut minn sorsi xjentifiċi esperti bħal SCAR, u bl-appoġġ mid-DĠ Agrikoltura, mid-DĠ Ambjent, mid-DĠ SANTE, mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u mill-Kumitat Permanenti dwar l-Agrikoltura u l-Bijoekonomija (SCAR). Il-KESE lest jikkontribwixxi għall-ħidma ta’ Grupp ta’ Esperti bħal dan biex jipprovdi l-kontribut ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Studju Temporanju tiegħu dwar Sistemi Sostenibbli tal-Ikel.

    6.   Skemi tat-tikkettar tal-ikel sostenibbli

    6.1.

    Il-Linji Gwida dwar Dieti Sostenibbli għandhom ikunu wkoll il-bażi għal tikkettar aktar mifrux tal-ikel, li jista’ jinqara u li jtejjeb it-trasparenza u jiskoraġġixxi l-użu ta’ materja prima rħisa għalxejn li hija kemm ħażina għas-saħħa kif ukoll insostenibbli (eż. xaħmijet trans, żejt tal-palma u zokkor eċċessivi). Il-konsumaturi jkunu jibbenefikaw minn estensjoni għat-tikkettar tal-ikel, inkluż tas-sistema tal-UE ta’ logo tal-kwalità (IĠP, DOP, STG), biex ikunu koperti l-aspetti ambjentali u soċjetali kif ukoll tas-saħħa u tan-nutrizzjoni.

    6.2.

    Il-politiki ffukaw fuq in-nutrizzjoni u fuq dikjarazzjonijiet oħra dwar is-saħħa, iżda l-KESE jinnota li qed jiżdied it-tħassib dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni u edukazzjoni għall-konsumaturi dwar l-impatt ambjentali u soċjali tal-ikel. L-implimentazzjoni ta’ sistema tat-tikkettar ċara dwar l-oriġini, il-mezzi tal-produzzjoni u l-valur nutrizzjonali tal-ikel tiffaċilita l-għażliet tal-konsumaturi. It-traċċabbiltà wkoll hija importanti ħafna kemm għall-produtturi tal-ikel kif ukoll għall-konsumaturi, biex tiġi żgurata s-sikurezza alimentari (27). Għaldaqstant, il-KESE jtenni t-talba tiegħu biex tiġi żviluppata sistema intelliġenti ġdida dwar it-tikkettar tal-ikel sostenibbli, li għandha tiġi armonizzata fil-livell tal-UE (28). Din għandha tkun ibbażata wkoll fuq proċessi ġodda ta’ traċċabbiltà u ta’ ċertifikazzjoni, u se tiġi żviluppata aktar fil-ħidma futura tal-Grupp Temporanju ta’ Studju tal-KESE dwar Sistemi tal-Ikel Sostenibbli. Għandha tiġi promossa wkoll enfasi fuq teknoloġiji bħal apps tal-mowbajl, u skrins għall-konsumaturi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa u traċċabbiltà sħiħa.

    7.   L-akkwist pubbliku

    7.1.

    Permezz tal-akkwist pubbliku, l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu japplikaw b’mod gradwali l-linji gwida dwar dieti sostenibbli f’medda usa’ ta’ istituzzjonijiet pubbliċi, speċjalment fl-iskejjel u fl-isptarijiet. Il-produzzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ prodotti tal-ikel sani, lokali u staġjonali li jiżguraw is-sostenibbiltà jkunu jikkontribwixxu għall-Għan 12.7 – akkwist pubbliku sostenibbli – tal-Aġenda tal-2030. Il-produtturi lokali għandhom jingħataw preferenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku biex jiġu promossi dieti tajbin għas-saħħa u tiġi żviluppata l-ekonomija lokali.

    7.2.

    Diġà jeżistu diversi inizjattivi li jippromovu l-akkwist tal-ikel sostenibbli, u dan juri l-interess u l-involviment li qed jikbru mis-soċjetà ċivili u mill-awtoritajiet lokali f’din il-kwistjoni. Pereżempju, ICLEI – Gvernijiet Lokali għas-Sostenibbiltà – bħalissa qed tippromovi inizjattiva biex tingħata spinta lill-akkwist obbligatorju u progressiv tal-ikel sostenibbli fl-iskejjel u fil-kindergartens Ewropej kollha, fejn il-mira inizjali hija 20 % ikel organiku sal-2022.

    7.3.

    Il-KESE jagħraf il-ħidma attwali li qed titwettaq miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni biex jiġu riveduti l-kriterji tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) għall-ikel u għas-servizzi tal-catering. Il-Kumitat jitlob biex fl-APE jiġu inklużi kriterji aktar espliċiti u ambizzjużi dwar is-sostenibbiltà tal-ikel u biex jitneħħew l-ostakli regolatorji, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

    8.   Regoli dwar il-kompetizzjoni

    8.1.

    Xi drabi d-dritt tal-kompetizzjoni jiġi ppreżentat bħala ostakolu għall-produzzjoni u għad-distribwizzjoni ta’ ikel sostenibbli u tajjeb għas-saħħa. Il-konsultazzjonijiet mad-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu kemm iċ-ċarezza kif ukoll l-adozzjoni għar-regoli eżistenti sabiex il-katini tal-provvista tal-ikel Ewropej jiksbu kundizzjonijiet aħjar u jaċċelleraw it-tranżizzjoni tagħhom għas-sostenibbiltà.

    8.2.

    L-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (29) jipprojbixxi ftehimiet bejn żewġ operaturi tas-suq indipendenti jew aktar li jillimitaw il-kompetizzjoni. Dawn ikopru b’mod partikolari l-arranġamenti tal-iffissar tal-prezz. Skont l-Artikolu 101(3) tat-TFUE, il-ftehimiet jiġu eżentati mill-projbizzjoni fl-Artikolu 101(1) jekk jiġġeneraw benefiċċji ekonomiċi oġġettivi li jkunu ikbar mill-effetti negattivi ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, eż. billi jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni tal-oġġetti, filwaqt li l-konsumaturi jkun jista’ jkollhom sehem ġust tal-benefiċċju li jirriżulta (30).

    8.3.

    L-Organizzazzjonijiet Interprofessjonali Rikonoxxuti (IBO) jistgħu, meta jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, jiddependu fuq deroga mill-Artikolu 101(1) tat-TFUE. Dawn għandhom il-possibbiltà li jinnotifikaw il-ftehimiet tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 210 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (ir-Regolament dwar l-OKS) u jekk il-Kummissjoni ma ssibhomx inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni, fi żmien xahrejn wara li jkunu rċevew notifika sħiħa, l-Artikolu 101(1) tat-TFUE ma japplikax. Il-ftehimiet jistgħu ma jinvolvux iffissar ta’ prezz jew kwota jew iwasslu għal tqassim tas-swieq jew joħolqu distorsjonijiet oħra tal-kompetizzjoni. L-użu tal-possibbilitajiet li r-Regolament dwar l-OKS joffri jista’ jippermetti lill-organizzazzjonijiet interprofessjonali jsibu ftehimiet li jżidu l-istandards ta’ sostenibbiltà.

    9.   Informazzjoni u sensibilizzazzjoni

    9.1.

    Il-KESE jtenni l-proposta tiegħu li jniedi kampanja ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni madwar l-Ewropa dwar “il-valur tal-ikel”. Din se tkun meħtieġa biex tiġi żgurata bidla fuq perjodu twil ta’ żmien fl-imġiba tal-klijenti (31).

    9.2.

    Hemm bżonn ukoll li jsir investiment akbar fl-edukazzjoni dwar l-ikel fl-iskejjel kif ukoll fit-taħriġ vokazzjonali.

    9.3.

    Il-KESE jerġa’ jitlob għal kampanji ta’ reklamar viżwali madwar l-UE kollha għal ikel u dieti aktar tajbin għas-saħħa (32), billi tittieħed ispirazzjoni mill-kampanji ta’ reklamar soċjali pożittivi fuq ċerti stazzjonijiet tat-TV immirati lejn it-tfal, eż. billi jitħeġġu jieklu dieti aktar ibbilanċjati. Għandhom jiġu introdotti aktar kontrolli effettivi fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel li għandu ħafna xaħam saturat, xaħam trans, zokkor u/jew melħ ħieles (HFSS) li jiġi mmirat lit-tfal, mhux biss waqt l-aktar sigħat li jaraw it-televiżjoni t-tfal, iżda anki permezz tal-midja soċjali u mezzi kummerċjali oħra li jsawru t-togħmiet tal-ikel tat-tfal (33) (34).

    Brussell, l-20 ta’ Frar 2019.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  http://www.interacademies.org/48945/Global-food-systems-are-failing-humanity-and-speeding-up-climate-change.

    (2)  https://www.c40.org/.

    (3)  COM(2017) 713 final.

    (4)  OJ C129, 11.4.2018, p. 18.

    (5)  Ir-Rapport tal-2018 State of Food Insecurity in the world (SOFI) (L-Istat tal-Insigurtà tal-Ikel fid-Dinja): http://www.fao.org/state-of-food-security-nutrition/en/.

    (6)  HLPE, 2017. Sistemi tan-nutrizzjoni u alimentari.

    (7)  http://www.ipcc.ch/news_and_events/pr_181008_P48_spm.shtml.

    (8)  Opinjoni tal-KtR Skeda informattiva, Inċentivi lokali u reġjonali għall-promozzjoni ta’ dieti sani u sostenibbli,.

    (9)  http://www.milanurbanfoodpolicypact.org/.

    (10)  Kummissjoni Ewropea (2018). Mard ewlieni u kroniku https://ec.europa.eu/health/non_communicable_diseases/overview_mt.

    (11)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (2017), Summary of the latest data on antibiotic resistance in the European Union (Sommarju tal-aħħar data dwar ir-reżistenza għall-antibijotiċi fl-Unjoni Ewropea). https://ecdc.europa.eu/sites/portal/files/documents/EAAD%20EARS-Net%20summary.pdf.

    (12)  Kummissjoni Ewropea (2015) Geographical indications and traditional specialities (Indikazzjonijiet ġeografiċi u speċjalitajiet tradizzjonali) http://ec.europa.eu/agriculture/quality/schemes/index_en.htm.

    (13)  Berners-Lee M, et al (2018) Current global food production is sufficient to meet human nutritional needs in 2050 provided there is radical societal adaptation (Il-produzzjoni globali attwali tal-ikel hija biżżejjed biex tissodisfa l-bżonnijiet nutrizzjonali tal-bniedem fl-2050 bil-kundizzjoni li jkun hemm adattament radikali mis-soċjetà), Elementa, 6, 1, 52: http://doi.org/10.1525/elementa.310.

    (14)  Ritchie H, D Reay & P Higgins (2017). Beyond Calories: A Holistic Assessment of the Global Food System, Frontiers in Sustainable Food Systems (Lil Hinn mill-Kaloriji: Valutazzjoni Olistika tas-Sistema Globali tal-Ikel, Il-Fruntieri fis-Sistemi tal-Ikel Sostenibbli), 2, 57, doi: 10.3389/fsufs.2018.00057.

    (15)  Ara rapporti bħal WRI (2018) Creating a Sustainable Future (Il-Ħolqien ta’ Futur Sostenibbli). https://www.wri.org/publication/creating-sustainable-food-future; u l-Kummissjoni EAT-Lancet dwar Dieti Tajbin għas-Saħħa minn Sistemi Alimentari Sostenibbli (2019). Food in the Anthropocene (L-Ikel fl-Antropoċen) https://eatforum.org/initiatives/eat-lancet/.

    (16)  FDE (2018). Annual Report 2018 (Rapport Annwali 2018). https://www.fooddrinkeurope.eu/uploads/publications_documents/FoodDrinkEurope_Annual_Report_INTERACTIVE.pdf.

    (17)  Fond tal-Ikel Sostenibbli (2017). The Hidden Cost of Food (L-Ispiża Moħbija tal-Ikel). Bristol.

    http://sustainablefoodtrust.org/wp-content/uploads/2013/04/HCOF-Report-online-version.pdf.

    (18)  UNEP (2017). TEEB for Agriculture and Food Interim Report (Rapport Interim TEEB għall-Agrikoltura u l-Ikel). Nairobi: Programm Ambjentali tan-NU. http://teebweb.org/agrifood/home/teeb-for-agriculture-food-interim-report/.

    (19)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (20)  Gonzalez-Fischer C, T Garnett (2016). Plates, pyramids, planet: Developments in national healthy and sustainable dietary guidelines: a state of play assessment (Platti, piramidi, pjaneta: Żviluppi fil-linji gwida tad-dieta nazzjonali b’saħħithom u sostenibbli: valutazzjoni tal-qagħda attwali). Ruma u Oxford: FAO u Food Climate Research Network.

    (21)  Ara r-rieżami f’Lang T, P Mason (2017). Sustainable diet policy development: implications of multi-criteria and other approaches, 2008–2017, Proceedings of the Nutrition Society (Żvilupp ta’ politika dwar dieti sostenibbli: implikazzjonijiet ta’ diversi kriterji u approċċi oħra, 2008-2017, Proceedings of the Nutrition Society (Proċedimenti tas-Soċjetà tan-Nutrizzjoni)), doi: 10.1017/S0029665117004074.

    (22)  Kunsill tas-Saħħa tan-Netherlands (2011) Guidelines for a Healthy Diet: the Ecological Perspective (Linji Gwida għal Dieta Tajba għas-Saħħa: il-Perspettiva Ekoloġika) Nru ta’ Kuntatt: pubblikazzjoni Nru 2011/08E The Hague: il-Kunsill tas-Saħħa tan-Netherlands.

    (23)  Voedingscentrum (2016). Il-Linji gwida taċ-Ċentru tan-Nutrizzjoni tan-Netherlands Wheel of Five (Rota ta’ Ħamsa) (L-Appendiċi 13 dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sostenibbiltà). Den Haag: Voedingscentrum.

    (24)  L-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Ikel, l-Aġenzija tal-Ambjent (2008) Environmentally Effective Food Choices: Proposal notified to the EU (Għażliet tal-Ikel Ambjentalment Effettivi: Proposta nnotifikata lill-UE). Stokkolma: L-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Ikel.

    (25)  Kunsill Ġermaniż għall-Iżvilupp Sostenibbli (RNE) (2014) The Sustainable Shopping Basket – A Guide to Better Shopping (Il-Baskett ta’ Xiri Sostenibbli – Gwida għal Xiri Aħjar) Berlin: Rat für Nachhaltige Entwicklung/Il-Kunsill Ġermaniż għall-Iżvilupp Sostenibbli https://www.nachhaltigkeitsrat.de/en/projects/the-sustainable-shopping-basket/.

    (26)  http://ec.europa.eu/research/bioeconomy/index.cfm?pg=policy&lib=food2030.

    (27)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 64.

    (28)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 18.

    (29)  ĠU C 326, 26.10.2012, p. 1.

    (30)  COM(2018) 706 final http://ec.europa.eu/competition/sectors/agriculture/report_on_competition_rules_application.pdf.

    (31)  Kummissjoni Ewropea (2015) Geographical indications and traditional specialities (Indikazzjonijiet ġeografiċi u speċjalitajiet tradizzjonali) http://ec.europa.eu/agriculture/quality/schemes/index_en.htm.

    (32)  ĠU C 303, 19.8.2016, p.64.

    (33)  WHO Reġjun għall-Ewropea (2018). Policies to limit marketing of unhealthy foods to children. (Politiki biex jillimitaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel mhux tajjeb għas-saħħa lit-tfal.) Copenhagen: WHO Ewropa http://www.euro.who.int/en/health-topics/disease-prevention/nutrition/news/news/2018/10/policies-to-limit-marketing-of-unhealthy-foods-to-children-fall-short-of-protecting-their-health-and-rights.

    (34)  Kampanja ta’ Ikel Attiv u Ikel tat-Tfal (2018). Junk Food Marketing to Children: a study of parents’ perceptions. (Il-Kummerċjalizzazzjoni tal-Junk Food lit-Tfal: studju tal-perċezzjonijiet tal-ġenituri.) Londra. http://www.foodactive.org.uk/wp-content/uploads/2018/06/Junk-Food-Marketing-to-Children-a-study-of-parents-perceptions.pdf.


    Top