EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IR2838

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-saħħa”

COR 2018/02838

ĠU C 168, 16.5.2019, p. 21–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 168/21


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tas-saħħa”

(2019/C 168/05)

Relatur:

Fernando LÓPEZ MIRAS (ES/PPE), President tar-Reġjun ta’ Murcia

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura u tas-saħħa fis-Suq Uniku Diġitali, l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u l-bini ta’ soċjetà aktar b’saħħitha

(COM(2018) 233)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tippromovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE sabiex taċċellera l-adozzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa, bil-għan li tinkiseb kura tas-saħħa iżjed effettiva fl-Ewropa, titmexxa ’l quddiem ir-riċerka, tittejjeb il-prevenzjoni tal-mard u l-attenzjoni u s-saħħa personalizzati, kif ukoll li ċ-ċittadini jiġu pprovduti b’aċċess ugwali għal servizzi ta’ kura ta’ kwalità għolja; ifakkar ukoll li l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa hija kompetenza tal-Istati Membri;

2.

huwa konxju mill-isfida li jħabbtu wiċċhom magħha l-livelli deċentralizzati tal-gvern madwar l-Unjoni Ewropea: it-tixjiħ tal-popolazzjoni b’żieda konsegwenti fil-mard kroniku u l-multimorbożità, li joħloq domanda dejjem akbar għar-riżorsi u għal approċċ ġdid b’rabta mal-mudell tal-kura;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-volumi kbar ta’ data dwar is-saħħa li bħalissa huma maħżuna f’sistemi separati, u jisħaq li użu aktar effiċjenti ta’ dawn, permezz tal-interkonnessjoni tagħhom u l-analiżi tal-big data, jista’ jtejjeb is-sistemi soċjali u tas-saħħa, minnbarra li jagħmilhom sostenibbli;

4.

jenfasizza l-ħtieġa ta’ trasformazzjoni diġitali fil-qasam tas-saħħa u l-kura biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi li tiffaċċja l-Ewropa;

5.

iqis li l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet diġitali għas-saħħa u l-kura għadha għaddejja bil-mod u tvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, u li hemm riskju li l-benefiċċji tas-soċjetà tal-informazzjoni se jkunu kkonċentrati f’żoni metropolitani u reġjuni aktar żviluppati. Dan iwarrab l-iżjed reġjuni remoti u ż-żoni rurali jew b’densità ta’ popolazzjoni baxxa u l-gżejjer. Dawn tal-aħħar għandhom ikunu l-benefiċjarji li jingħataw prijorità, peress li l-iżolament tagħhom jista’ jitnaqqas permezz ta’ dawn is-soluzzjonijiet;

6.

jirrikonoxxi li, minkejja l-isforzi li saru s’issa, għadhom jintużaw formats u standards inkompatibbli bejniethom fis-sistemi ta’ rekords elettroniċi tas-saħħa madwar l-UE;

7.

iqis li l-aċċess sigur u l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni ġenomika u data oħra dwar is-saħħa huma meħtieġa biex titmexxa ’l quddiem ir-riċerka u tinkiseb dijanjostika aktar preċiża u kura aktar individwali tal-mard, biex b’hekk isir progress lejn mediċina personalizzata;

8.

jilqa’ b’soddisfazzjon l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-installazzjoni fir-reġjuni ta’ sistemi tas-saħħa elettronika bħala għodda biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ: strutturi ta’ kooperazzjoni bħall-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu, in-nomina ta’ “Reference Sites on AHA” (siti ta’ referenza dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu), jew l-appoġġ għal “Blueprint for Digital Transformation of Health and Care for the Ageing Society” (Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Trasformazzjoni Diġitali tas-Saħħa u l-Kura għas-Soċjetà li qed Tixjieħ);

9.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti ġodda ta’ finanzjament għall-perjodu 2021-2027, li fihom id-diġitalizzazzjoni tas-saħħa tokkupa post ewlieni; b’mod partikolari, jilqa’ b’sodisfazzjon il-Proposta għal Regolament dwar il-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027 u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li s-settur pubbliku u l-oqsma ta’ interess pubbliku, bħalma huma s-setturi tas-saħħa u l-kura, l-edukazzjoni eċċ. jistgħu jużaw u jaċċessaw teknoloġiji diġitali avvanzati, b’mod partikolari l-informatika ta’ prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, is-sigurtà tal-informazzjoni u ċ-ċibersigurtà;

Rekord mediku elettroniku Ewropew u s-saħħa transkonfinali: aċċess sikur taċ-ċittadini għad-data tas-saħħa tagħhom

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni jikkunsidraw il-prinċipju tal-protezzjoni tad-data bħala element ewlieni, filwaqt li fl-istess ħin jikkunsidraw l-opporunitajiet li jipprovdi r-Regolament Ġenerali l-ġdid dwar il-Protezzjoni tad-Data bil-għan li jsir progress fdak li jirrigwada l-aċċess sigur għad-data dwar is-saħħa;

11.

jirrimarka li huwa neċessarju li tittejjeb il-kapaċità tal-kura personali u l-għarfien dwar is-saħħa taċ-ċittadini kemm minħabba l-impatt tagħhom fuq is-saħħa kif ukoll biex tiġi promossa s-sostenibilità tas-sistemi tas-saħħa. Huwa tal-fehma wkoll li l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom jipprovdu gwida adegwata għall-ġlieda kontra l-intossikazzjoni eżistenti minn informazzjoni mingħajr bażi xjentifika fin-netwerk relatat mas-saħħa;

12.

josserva li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini ma jafux dwar l-implikazzjonijiet potenzjali marbuta mal-iżvelar tad-data personali tagħhom, jew dwar ir-regoli kumplessi li jirregolaw l-aċċess għal din id-data;

13.

għalhekk jesprimi dispjaċir dwar il-fatt li l-proposti tal-Kummissjoni m’għandhomx miżuri konkreti biex jissensibilizzaw lill-pubbliku u jiżguraw li ċ-ċittadini u l-pazjenti jifhmu bis-sħiħ il-qafas leġislattiv li jipproteġi l-privatezza tad-data tas-saħħa u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja kampanji ta’ komunikazzjoni madwar l-UE biex jispjegaw kif il-privatezza tad-data dwar is-saħħa se tkun protetta fil-qafas legali l-ġdid;

14.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tippromovi inizjattivi għat-tneħħija tal-ostakli għall-interoperabbiltà tas-sistemi tas-saħħa elettronika, li jwassal għal sistemi iżjed effiċjenti, peress li n-noninteroperabbiltà ġġib magħha spejjeż reali u miżurabbli;

15.

jappoġġja l-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar speċifikazzjonijiet tekniċi għal format Ewropew ta’ skambju elettroniku tar-rekords tas-saħħa u żvilupp akbar tal-infrastruttura tas-servizzi diġitali tas-saħħa elettronika biex iċ-ċittadini u l-pazjenti jkunu jistgħu jaċċessaw id-data tas-saħħa personali tagħhom u jużawhom għal skopijiet ta’ saħħa pubblika u riċerka, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni, li attwalment huwa skoraġġit minħabba mard kumpless;

16.

jitlob lill-Istati Membri jevitaw il-lokalizzazzjoni tas-servizzi abbażi tal-idea żbaljata li s-servizzi lokalizzati ċentralizzati huma iktar siguri u jarkivjaw id-data b’mod deċentralizzat permezz tal-użu tat-teknoloġija li tagħmel dan possibbli, bħall-blockchain. Huwa importanti wkoll li jiġi promoss l-użu ta’ standards internazzjonali u miftuħa biex jiġu evitati soluzzjonijiet li joħolqu dipendenza minn provveditur speċifiku;

17.

jinsisti li d-data tal-pazjenti għandha tiġi protetta u sikura b’mod xieraq b’tali mod li l-informazzjoni tagħhom ma tkunx użata b’mod ħażin. Bl-istess mod, jenfasizza li l-opportunitajiet li jirriżultaw minn aċċess akbar għad-data tal-pazjenti m’għandhom bl-ebda mod jikkontribwixxu għal żvilupp li jkun ta’ dannu għad-drittijiet tal-pazjenti, iżda pjuttost ikun ta’ benefiċċju għalihom F’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri għall-protezzjoni tal-pazjenti minn żbilanċi potenzjali fis-setgħa – bejnhom u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa – li jistgħu jinħolqu minħabba dan l-aċċess akbar għad-data dwar is-saħħa;

18.

jinnota li r-rekords mediċi diġitali jistgħu joffru koordinazzjoni aħjar tal-kura f’livell nazzjonali u reġjonali billi jippermetti l-iskambju ta’ data f’ħin reali dwar is-saħħa fost il-fornituri tal-kura tas-saħħa, b’mod partikolari fil-każ ta’ pazjenti b’mard kumpless multisistemiku u mard rari;

19.

ifakkar ukoll li f’xi Stati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi investew ammonti sinifikanti fl-iżvilupp tar-rekords elettroniċi tas-saħħa u tal-pjattaformi diġitali, li jippermettu liċ-ċittadini jaċċessaw id-data dwar saħħithom stess jew parti minnha. Huwa importanti li dawn l-investimenti kbar ma jitwarrbux, li jitqiesu l-esperjenzi ta’ dawn l-Istati Membri u li ma jiżdiedx il-piż fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali b’iktar spejjeż bla bżonn;

20.

jipproponi li l-Kummissjoni tagħmel pass ieħor apparti l-iżvilupp ta’ format Ewropew għall-iskambju tar-rekords tas-saħħa elettroniċi, u tippromovi, minbarra dan il-format, rekord elettroniku tas-saħħa komplut fil-livell Ewropew. Dejjem abbażi ta’ aċċess sigur għar-rekords mediċi, il-pazjent ikun is-sid tad-data, u jawtorizza l-aċċess għaliha u jivverifikaha wara;

21.

jinnota wkoll li l-awtoritajiet f’xi Stati Membri sawru jew qed isawru strutturi u sistemi amministrattivi diġitali għad-dikjarazzjonijiet ta’ kunsens u strutturi ta’ governanza diġitali, log fajls, eċċ. fir-rigward tad-data tal-pazjenti u l-aċċess għal din id-data. Huwa importanti għall-ħidma fuq l-EEHR li tiġi kkunsidrata l-esperjenza nazzjonali, reġjonali u lokali f’dan il-qasam;

Bażijiet ta’ data aħjar għall-promozzjoni tal-prevenzjoni, ir-riċerka u l-mediċina personalizzata

22.

huwa tal-fehma li l-iskambju ta’ dta personali dwar is-saħħa huwa kruċjali għar-riċerka dwar is-saħħa pubblika u r-riċerka klinika, b’mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jibdlu d-data f’għarfien li jibbenefika ċ-ċittadini, b’konformità sħiħa mad-dritt fundamentali għall-potezzjoni tad-data;

23.

huwa tal-fehma li tinħtieġ koordinazzjoni aħjar bejn l-inizjattivi nazzjonali u reġjonali eżistenti sabiex titlaqqa’ flimkien data ġenomika u data oħra dwar is-saħħa fl-oqsma tar-riċerka u l-mediċina personalizzata u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmaw id-dikjarazzjoni “Towards access to at least 1 million sequenced genomes in the EU by 2022”;

24.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li l-istudji ġenetiċi li jsiru fuq iċ-ċittadini Ewropej għal raġunijiet kliniċi jingħataw identifikazzjoni unika, li jagħmilha possibbli li l-informazzjoni tintuża għal miżuri preventivi, dijanjostiċi jew terapewtiċi li l-individwi jista’ jkollhom bżonn tul ħajjithom, dejjem bil-kunsens tagħhom peress li l-pazjent jibqa’ sid id-data. Attwalment, “blockchain” huwa protokoll sigur li jiżgura d-disponibbiltà tad-data, u jippreżerva l-kunfidenzjalità tagħha u jżommha taħt il-kontroll taċ-ċittadin;

25.

jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri siguri li jiggarantixxu l-anonimità sabiex titmexxa ’l quddiem l-implimentazzjoni tat-teknoloġija għall-użu tad-data fil-qasam tas-saħħa, filwaqt li jiġi kunsidrat il-potenzjal ta’ teknoloġiji ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali u l-computing ta’ prestazzjoni għolja, permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn l-aġenti tas-sistema, inklużi r-reġjuni, is-setturi pubbliċi u privati (inklużi l-SMEs fil-qasam tas-saħħa elettronika), korpi ta’ riċerka u aġenti oħra involuti;

26.

ifaħħar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi għall-aċċess sikur u l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni ġenomika u tas-saħħa għar-riċerka, flimkien mal-implimentazzjoni prattika ta’ azzjonijiet pilota li jikkoordinaw programmi, inizjattivi u atturi rilevanti f’livell nazzjonali u tal-UE, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li l-garanziji adottati jkunu akbar fl-użu tad-data ġenomika;

27.

iqis l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni volontarja bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE biex jaqsmu data ġenomika u data oħra tas-saħħa biex jitmexxew ’il quddiem il-prevenzjoni u r-riċerka dwar is-saħħa tal-popolazzjoni u l-mediċina personalizzata;

28.

jitlob lill-Kummissjoni li l-miżuri li tieħu fir-rigward tal-aċċess u l-użu mill-ġdid tad-data miżmuma mill-amministrazzjonijiet pubbliċi jiġu kkoordinati ma’ azzjonijiet oħra promossi minnha, bħall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Għal spazju tad-dejta komuni Ewropew” (COM(2018) 232);

29.

jitlob lill-Kummissjoni biex tippromovi l-possibbiltajiet offruti min-Netwerks Ewropej ta’ Referenza fi ħdan il-qafas tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-riċerka transnazzjonali transsettorjali fil-mediċina personalizzata għal pazjenti li jsofru minn mard rari jew ta’ prevalenza baxxa jew mard kumpless;

30.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi diskussjoni f’livell Ewropew dwar l-implikazzjonijiet etiċi, legali u soċjali tal-użu ta’ data ġenomika u dwar is-saħħa, kemm fis-saħħa pubblika kif ukoll fir-riċerka, u huwa tal-fehma li dawn l-implikazzjonijiet għandhom ikunu parti mill-approċċ regolatorju tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, filwaqt li jitqies ir-rwol tal-kumitati tal-etika u tal-esperti, kif ukoll l-awtonomija tal-utenti tas-servizzi tas-saħħa;

31.

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu, u fejn meħtieġ jespandu, il-kapaċità eżistenti biex jiżguraw il-ġbir kontinwu u regolari ta’ data relatata mas-saħħa, billi dan jikkontribwixxi għall-kwalità tad-data internazzjonali disponibbli f’organizzazzjonijiet bħall-WHO u l-OECD;

32.

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkondividu d-data fl-applikazzjoni tal-politiki ta’ aċċess miftuħ, f’konformità mal-objettivi ta’ xjenza miftuħa u l-ħolqien ta’ Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa;

Għodod diġitali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-pazjenti u l-kura ċċentrata fuq in-nies: l-integrazzjoni tal-kura, it-tixjiħ, il-mard kroniku, il-multimorbożità

33.

jinnota li t-tixjiħ tal-popolazzjoni, biż-żieda konsegwenti ta’ mard kroniku u multimorbożità u, għalhekk, ta’ spejjeż tas-saħħa, jeħtieġ approċċ multidixxiplinari u integrat għall-kura, u li s-saħħa elettronika u l-iskambju elettronika tad-data bejn il-pazjenti, dawk li jieħdu ħsiebhom u l-fornituri tal-kura jiffaċilitaw il-kura ċċentrata fuq l-individwu u t-tranżizzjoni minn assistenza istituzzjonali għal kura bbażata fil-komunità;

34.

jirrimarka li l-edukazzjoni hija element ewlieni għaċ-ċittadini biex jipparteċipaw b’mod attiv fit-trasformazzjoni diġitali u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jenfasizzaw aktar fuq it-titjib tal-litteriżmu diġitali taċ-ċittadini u l-pazjenti billi jiżviluppaw programmi edukattivi adatti; jinnota wkoll li għad hemm gruppi ta ċittadini Ewropej li m’għandhomx aċċess għall-Internet jew nuqqas ta’ ħiliet diġitali biex jużaw is-servizzi diġitali, u li jridu jsiru sforzi proattivi sabiex titjieb l-inklużjoni diġitali;

35.

jirrimarka li t-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa mhux ser tirnexxi mingħajr l-adattament tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-professjonisti tas-saħħa;

36.

jenfasizza li t-teknoloġija diġitali tista’ tippermetti jew ittejjeb l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, b’mod partikolari għall-persuni bi problemi ta’ mobilità. Huwa fundamentali li jitqies l-approċċ territorjali, bil-għan li jiġi promoss li aktar nies f’reġjuni remoti, b’popolazzjoni baxxa jew żvantaġġati li jistgħu jiġu esklużi jew ma jingħatawx attenzjoni adatta mis-sistemi tal-kura tas-saħħa,ikollhom aċċess għal informazzjoni ta’ kwalità għolja u għal miżuri preventivi tas-saħħa, kif ukoll għal kura medika b’aċċess faċli u ta’ segwitu;

37.

jenfasizza li huwa importanti li jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni tas-saħħa tnaqqas l-inugwaljanzi soċjali u tiffavorixxi l-aċċessibilità tal-persuni b’diżabilità u anzjani;

38.

jinnota li għad hemm differenzi kbar bejn ir-reġjuni fl-aċċess għas-servizzi tal-ICT, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromovi politiki li jiffaċilitaw l-aċċess fiż-żoni żvantaġġati;

39.

josserva li s-saħħa mobbli hija fattur ewlieni fl-isforzi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-pubbliku, u tikkostitwixxi wkoll element neċessarju għas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, u huwa tal-fehma li l-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali effiċjenti mil-lat ekonomiku u tar-riżultati tas-saħħa huwa mezz biex ikun hemm progress lejn is-sostenibbiltà tas-sistemi soċjali u tas-saħħa;

40.

iqis li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti għodod adatti biex jiġi żgurat bilanċ dinamiku bejn il-provvista u d-domanda, u li jiġu promossi proċessi ta’ ħolqien konġunt ta’ soluzzjonijiet diġitali, li jieħdu bħala mudell l-esperjenza ta’ ċerti reġjuni f’dan il-qasam (1);

41.

jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi strumenti ġodda għall-promozzjoni tal-akkwist pubbliku tal-innovazzjoni apparti l-PCP u l-PPIs attwali, li huma kumplessi biex jiġu implimentati u jiddependu ħafna mill-finanzjament ad hoc, billli jingħaqdu flimkien, pereżempju, programmi Ewropej ta’ finanzjament u l-fondi strutturali;

42.

jilqa’ l-fatt li l-Proposta għal Regolament dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa testendi l-qasam ta’ azzjoni għat-teknoloġiji u l-apparat mediċi, għalkemm jikkunsidra wkoll li jkun tajjeb li l-leġislazzjoni tal-UE tiffaċilita l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-apparat mediku u timxi ’l quddiem f’dak li jirrigwarda proċeduri li jtejbu l-istandards attwali ta’ approvazzjoni;

43.

huwa tal-fehma li, sabiex isir progress lejn sistemi sostenibbli, ikun rakkomandabbli li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament fl-istadji kollha tal-iżvilupp tat-teknoloġija, inkluża l-valutazzjoni tal-impatt;

44.

jiddikjara li l-emerġenza ta’ applikazzjonijiet u apparat ġodda għall-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa (applikazzjonijiet, apparat estern ta’ kejl jew f’telefowns ċellulari, eċċ.) jenħtieġ li jwassal għal proċess ta’ akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni jew immarkar validu f’livell Ewropew, biex jiġu ddeterminati dawk li huma verament meqjusa utli jew li jistgħu saħansitra jkunu koperti minn riċetta medika minn professjonist tas-saħħa. Dan inaqqas l-ostakli amministrattivi b’mod li soluzzjonijiet ippruvati fi Stat Membru wieħed ikunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati faċilment f’ieħor, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġixxi f’dan ir-rigward;

45.

jinsisti li l-apparat u l-applikazzjonijiet għall-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa għandhom ikunu sempliċi u faċli biex jintużaw, u għandhom jikkomplementaw aktar milli jkomplu jżidu ma’ dawk diġà stabbiliti l-Istati Membri;

46.

jinnota d-diffikultajiet involuti fl-implimentazzjoni u fl-adozzjoni fuq skala kbira ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi ttestjati u vvalidati permezz ta’ studji pilota, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja r-reġjuni u biex tippromovi l-koperazzjoni bejniethom sabiex jiġu implimentati dawn is-soluzzjonijiet teknoloġiċi;

47.

jipproponi, barra minn hekk, li tiġi eżaminata l-utilità tal-programmi Ewropej ta’ finanzjament li jipprevedu li l-proposti tal-proġett jinkludu impenn biex jiġi implimentat f’każ ta’ suċċess, u jiġi żgurat li jkun ġeneralizzat fost il-popolazzjoni fl-interess tal-ugwaljanza, u tintwera koerenza fi tmiem il-proċess tal-innovazzjoni billi jiġi estiż;

Finanzjament

48.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-definizzjoni mill-ġdid tal-Faċilità ġdida “Nikkollegaw l-Ewropa” , u l-proposta tal-programm “Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027” biex jitħaffef ir-ritmu tat-trasformazzjoni diġitali tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa;

49.

jitlob lill-Kummissjoni biex tippromovi l-allinjament meħtieġ bejn il-pjani u l-istrateġiji diġitali Ewropej, nazzjonali u reġjonali, kif ukoll, fil-qafas tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2021-2027, il-komplementarjetà adegwata bejn il-programmi differenti ta’ finanzjament Ewropew u l-finanzjament pubbliku u privat, biex issir implimentazzjoni fuq skala kbira ta’ servizzi ta’ kura integrati diġitalizzati u ċċentrati fuq il-persuni;

50.

jinnota li t-teknoloġija spiss teżisti u taħdem, iżda l-ostakli amministrattivi jfixklu jew idewmu l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tippromovi mudelli ġodda ta’ ħlas lura għall-adozzjoni ta’ innovazzjoni diġitali li jkunu orjentati, pereżempju, għall-ħlas skont ir-riżultati fis-saħħa, b’mod li jiġi ffaċilitat il-mudell ta’ negozju tal-kumpaniji fil-qasam tas-saħħa elettronika u s-saħħa mobbli li jfittxu li joffru servizzi ta’ valur abbażi tat-teknoloġija diġitali;

51.

josserva li, għall-perjodu li jmiss 2021-2027, il-programm attwali tas-saħħa ser jagħmel parti mill-FSE +, u an inaqqas l-allokazzjoni għalih. Għalhekk, iħeġġeġ lill-koleġislaturi tal-UE biex iżidu l-allokazzjonijiet baġitarji proposti għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa fil-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE għall-perjodu 2021-2027;

Sussidjarjetà

52.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, ma tqisx biss l-Istati Membri, iżda wkoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom rwol ewlieni fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni lill-pazjenti, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ tal-professjonisti u fl-iżvilupp tas-saħħa elettronika.

Brussell, is-7 ta’ Frar 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl Heinz LAMBERTZ


(1)  https://www.indemandhealth.eu/;

Il-Proġett inDEMAND: l-idea hija li l-innovazzjoni tiġi promossa billi jitlaqqgħu flimkien żewġ fatturi: li tkun id-domanda li tidentifika min għandu bżonnha, u li l-iżvilupp tas-soluzzjoni ikun ir-riżultat ta’ proċess ta’ ħolqien konġunt bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-kumpaniji tat-teknoloġija.


Top