Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0065

    Kawża C-65/19 P: Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2019 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-399/11 RENV, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 112, 25.3.2019, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 112/37


    Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2019 mir-Renju ta’ Spanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-399/11 RENV, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-65/19 P)

    (2019/C 112/43)

    Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

    Partijiet

    Appellant: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: M. A. Sampol Pucurull, aġent)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Banco Santander, S.A. u Santusa Holding, S.L. u Il-Kummissjoni Ewropea

    Partijiet intervenjenti insostenn tar-rikorrenti fl-ewwel istanza: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Irlanda

    Talbiet

    L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tilqa’ dan l-appell u tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2018, fil-Kawża T-399/11 RENV Banco Santander, S.A. u Santusa Holding, S.L. vs Il-Kummissjoni Ewropea (1);

    tannulla l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni appellata sa fejn id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/282/UE tat-12 ta’ Jannar 2011 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (2) tqis li l-miżura ta’ tassazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appell huwa bbażat fuq aggravju uniku li għandu jagħti lok għall-annullament tas-sentenza appellata. Spanja ssostni li l-Qori Ġenerali wettqet żball ta’ liġi tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, b’mod partikolari, il-kunċett ta’ natura selettiva tal-għajnuna mill-Istat li huwa inkluż fl-imsemmi artikolu. Dan l-aggravju uniku jista’ jinqasam f’erba’ partijiet:

    Fl-ewwel lok, Spanja tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeterminat il-kuntest ta’ referenza tal-miżura ta’ tassazzjoni li ma tikkoinċidix mad-deċiżjoni appellata;

    Fit-tieni lok, Spanja tqis li s-sentenza appellata twettaq żball ta’ liġi inkwantu ma tqisx li t-trattament fiskali tal-avvjament finanzjarju jikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali jew kuntest ta’ referenza awtonomu jew individwali;

    Fit-tielet lok, Spanja ssostni li s-sentenza twettaq ukoll żball ta’ liġi inkwantu ma tiddefinixxix korrettament l-għan tal-kuntest ta’ referenza u twettaq b’mod żbaljat l-eżami ta’ paragun li jirrikjedi s-sentenza mogħtija f’appell fil-Kawża World Duty Free (3) (Kawża C-20/15 P u C-21/15 P);

    Fir-raba’ lok, l-iżball fl-identifikazzjoni ta’ element li jikkostitwixxi l-kuntest ta’ referenza jimplika żball ta’ liġi fl-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova.


    (1)  Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T-399/11 RENV, EU:T:2018:787).

    (2)  ĠU 2011, L 135, p. 1.

    (3)  Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981).


    Top