This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document C2019/057/13
Call for proposals — The European Investment Bank Institute proposes a new EIBURS sponsorship under its Knowledge Programme
Sejħa għall-Proposti — L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu
Sejħa għall-Proposti — L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu
ĠU C 57, 13.2.2019, p. 24–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
13.2.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 57/24 |
Sejħa għall-Proposti
L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu
(2019/C 57/13)
Il-Programm ta’ Tagħrif tal-Istitut tal-Bank tal-Investiment Ewropew jiffinanzja l-għotjiet għar-riċerka tiegħu permezz ta’ skemi differenti. Waħda minnhom hija:
EIBURS, il-Programm ta’ Sponsorship għar-Riċerka Universitarja tal-BEI (EIB University Research Sponsorship Programme)
EIBURS jipprovdi għotjiet lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta’ riċerka assoċjati ma’ universitajiet fl-UE, f’pajjiżi kandidati jew f’pajjiżi kandidati potenzjali li jkunu qegħdin jaħdmu fuq suġġetti ta’ riċerka li huma ta’ interess kbir għall-Bank. L-isponsorships tal-EIBURS - li jilħqu mal-EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta’ tliet snin - jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji interessati jew ċentri ta’ riċerka b’ħila esperta rikonoxxuta fil-qasam magħżul. Proposti li jirnexxu jinvolvu t-twettiq ta’ diversi riżultati li jkunu soġġetti għal ftehim kuntrattwali mal-Bank Ewropew tal-Investiment.
Għas-sena akkademika 2019/2020, il-programm EIBURS qiegħed ifittex proposti fuq tema ta’ riċerka ġdida:
“L-inkorporazzjoni ta’ Kriterji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ASG) fl-Analiżi u l-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”
1. Punt Fokali tal-Proġett
Il-punt fokali ta’ din ir-riċerka huwa li tiġi żviluppata metodoloġija formali, appoġġjata minn riċerka akkademika rigoruża, għall-inkorporazzjoni ta’ kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ASG) fl-analiżi u l-klassifikazzjoni tal-kreditu.
Hemm tendenza ċara fid-dinja tal-allokazzjoni tal-assi biex jiġu integrati kriterji ta’ sostenibbiltà bejn il-portafolji ta’ investiment. Seba’ mill-ewwel għaxar sidien ta’ assi qegħdin jintegraw is-sostenibbiltà bejn l-assi kollha, waqt li assi ta’ investiment sostenibbli fl-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Kanada kibru minn USD 13-il triljun fl-2012 għal USD 23 triljun fl-2016. F’konferenza reċenti dwar l-ASG organizzata minn Moody’s, il-biċċa l-kbira tal-emittenti u l-investituri kkunsidraw l-introduzzjoni ta’ fatturi ASG bħala “bidla permanenti” fid-dinja tal-investiment, waqt li madwar terz ikkunsidrawha bħala “xi ħaġa li ser issir aktar prevalenti fi żmien 3 sa 5 snin” – ebda vot ma ngħata għar-risposta alternattiva “l-ASG m’għandu ebda rilevanza”. Fl-istess sondaġġ, 80 % kkunsidraw “il-kwantifikazzjoni u l-immudellar” bħala l-akbar diffikultà biex l-ASG jiġi inkluż fl-analiżi tal-kreditu.
Barra minn hekk, il-Prinċipji għal Investiment Responsabbli (PIR), netwerk internazzjonali ta’ investituri, ippubblikaw “Stqarrija dwar l-ASG fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu” f’Mejju 2016. Din l-istqarrija, li kienet appoġġata minn aktar minn 135 investitur b'aktar minn USD 27 triljun f’assi taħt ġestjoni u 17-il aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu (AKK), irrikonoxxiet li fatturi ASG jistgħu jaffettwaw il-flussi ta’ flus ta’ dawk li jissellfu u l-probabbiltà li jkunu inadempjenti fuq l-obbligi ta’ dejn tagħhom u huma, għaldaqstant, elementi importanti fil-valutazzjoni mill-AKK tal-affidabbiltà tal-kreditu ta’ dawk li jisselfu. Biex iwieġbu għal dik is-sejħa, pereżempju, l-akbar żewġ AKK (Moody’s u S&P) reċentement ippubblikaw rapporti dwar kif qegħdin jinkludu fatturi ASG fil-metodoloġiji ta’ klassifikazzjoni tagħhom.
Min-naħa regolatorja, fl-24 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni Ewropea (KE) ikkonfermat l-ewwel erba’ proposti leġiżlattivi taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal Finanzi Sostenibbli, li jkopru punti ta’ riferiment, definizzjonijiet ekoloġiċi, dmirijiet tal-investitur u investiment bl-imnut. Dwar l-ASG, il-KE qiegħda tippjana li tintroduċi obbligi ta’ divulgazzjoni dwar kif l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jintegraw fatturi ASG fil-proċessi tar-riskju tagħhom.
Barra minn hekk, il-KE ssemmi espliċitament “impenn mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex jiġu esplorati modi biex jiġu integrati fatturi ta’ sostenibbiltà fil-valutazzjoni ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu” u “l-emerġenza possibbli ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu ġodda li jilħqu dan l-objettiv”. Il-KE tirrikonoxxi li l-enfasi ta’ fornituri ta’ riċerka dwar is-sostenibbiltà fuq emittenti kbar ħafna għandha impatt negattiv fuq l-attraenza ta’ emittenti iżgħar għal investituri istituzzjonali u tilqa’ soluzzjonijiet biex jiġi ppreżervat l-aċċess għas-suq għal parteċipanti iżgħar.
L-eżitu tal-metodoloġija/prodott finali għandu jiġi kondiviż pubblikament fis-suq.
2. Pjan ta’ Azzjoni Propost
Dan il-proġett jirrappreżenta sforz ta’ riċerka miftuħa dwar suġġett li dwaru ftit li xejn sar xogħol akkademiku. F'dan il-kuntest, huwa prematur li tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-approċċ metodoloġiku li għandu jiġi segwit. Fil-fatt, wieħed mill-ewwel prodotti tal-isforzi tar-riċerka ser jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ metodoloġija ta’ riċerka rilevanti. Madankollu, f’dan l-istadju bikri, huwa previst li r-riċerka għandha ssegwi ċerti kompiti sabiex tasal għal metodoloġija li taħdem:
1. |
Analiżi tal-letteratura relatata: riċerka rigoruża u eżawrjenti tal-letteratura rilevanti akkademika u tal-prattikanti. Hemm twemmin mifrux li l-fatturi ASG għandhom impatt mhux biss fuq il-valur ta’ ditta iżda wkoll fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, għalkemm kif ġie indikat qabel, relattivament ftit hemm xogħol akkademiku disponibbli dwar is-suġġett. |
2. |
Ġbir tad-data bażilari: ġbir tad-data li għandha tintuża biex issir analiżi tad-diversi mudelli u approċċi. Għandu jinkludi data ddettaljata dwar ir-riskju tal-kreditu kif ukoll dwar kriterji ASG u tar-riskju għall-klima bejn setturi u siti ġeografiċi. Aspett ewlieni wieħed ta’ dan il-proġett huwa l-preċiżjoni u l-kwalità tad-data, u b’mod partikolari l-kapaċità li wieħed ikun jista’ jafda fuq kampjun twil biżżejjed ta’ data storika. |
3. |
Analiżi tad-data: waqt li l-punt fokali ewlieni tar-riċerka għandu jkun biex jinftiehem l-impatt ta’ fatturi ASG fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, analiżi tal-impatt ta’ redditi tal-kreditu għandhom jiġu inklużi wkoll bħala parti mill-proġett ta’ riċerka. Bħala parti minn dan l-isforz, il-valutazzjoni tal-importanza relattiva tat-tliet fatturi, A għal Ambjentali, S għal Soċjali u G għal Governanza għandha ssir kemm għall-istokk individwali kif ukoll fil-livell tas-settur. |
4. |
Ittestjar u kkalibrar ta’ mudelli ta’ riskju strutturali tal-kreditu: it-tfassil ta’ metodoloġija li tippermetti l-integrazzjoni formali ta’ fatturi ASG fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. Analiżi tar-relazzjoni bejn il-fatturi ASG u r-riskju tal-kreditu pprezzati skont is-swieq finanzjarji, u esplorazzjoni tal-implikazzjonijiet f’termini ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu u l-metodoloġija tal-analiżi. Għandu jsir sforz għall-aġġustament u l-ikkalibrar tal-mudelli sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu adattati mhux biss għall-analiżi tal-fatturi ta’ riskju makro u mikro tas-soltu, iżda wkoll għal fatturi ta’ riskju mhux finanzjarji. |
5. |
Analiżi ta’ xenarju: l-analiżi preċedenti għandha tagħti perspettiva ex-post fuq l-impatt ta’ fatturi ASG fuq ir-riskju tal-kreditu, iżda m’għandhiex l-abbiltà li tinforma lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-impatt mistenni ta’ avvenimenti jew xenarji estremi (eż. xenarji tal-klima) fuq bażi li tħares ‘il quddiem. F’dan il-kuntest, analiżi tax-xenarju hija mistennija li tkun ta’ rilevanza fit-tlestija tal-isforz tal-kejl għall-impatt ta’ fatturi ASG fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu minn perspettiva ex-ante. |
6. |
Verifiki tar-robustezza: għandhom isiru għadd ta’ verifiki tar-robustezza, inkluż li jsir arranġament fuq klassifikazzjonijiet ta’ kreditu biex jipprova jintwera jekk titoli b’punteġġi ta’ ASG baxxi ġeneralment jurux aktar volatilità ta’ redditu sussegwenti minn titoli tal-istess klassifikazzjoni b’punteġġi ta’ ASG għoljin. Analiżi rigoruża sabiex jiġi evalwat jekk l-introduzzjoni ta’ indikaturi kwantitattivi addizzjonali mill-passi 4 u 5 għandhiex tispjega d-differenzi kontrosettorjali fil-volatilità tar-redditu li mhumiex spjegati biss b’differenzi fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. |
7. |
Tfassil ta’ metodoloġija formali għall-integrazzjoni ta’ fatturi ASG fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu: fuq il-bażi tal-ħidma ta’ riċerka mwettqa, huwa mistenni li tiġi proposta metodoloġija komprensiva għall-integrazzjoni tal-fatturi ASG fil-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. |
Safejn jaf il-BEI, l-iżvilupp ta’ metodoloġija ta’ klassifikazzjoni integrata li tħaddan il-kriterji ASG għadu ma jeżistix. Il-proġett ta’ riċerka għalhekk għandu jgħin biex tiġi żviluppata din il-metodoloġija b’enfasi speċjali fuq l-applikabbiltà tagħha għal tipi ta’ emittenti iżgħar sabiex jiġi allinjat mat-talba tal-KE biex jiġi ppreżervat l-aċċess għas-suq għal parteċipanti iżgħar.
Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-Ingliż sal-15 ta’ April 2019 24:00 (CET). Proposti mibgħuta wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-email lil:
Events.EIBInstitute@eib.org
Għal informazzjoni aktar kompluta dwar il-proċess ta’ għażla tal-EIBURS u dwar l-Istitut tal-BEI, jekk jogħġbok żur: http://institute.eib.org/