Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0213(03)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Frar 2019 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid (Los Cerrillos (DOP))

    C/2019/995

    ĠU C 57, 13.2.2019, p. 16–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    13.2.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 57/16


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-6 ta’ Frar 2019

    dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid

    (Los Cerrillos (DOP))

    (2019/C 57/10)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 97(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Spanja bagħtet applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Los Cerrillos” skont it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (2)

    Skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat dik l-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 93 sa 96, fl-Artikolu 97(1) u fl-Artikoli 100, 101 u 102 ta’ dak ir-Regolament huma ssodisfati.

    (3)

    Biex ikunu jistgħu jitressqu dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, id-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) ta’ dak ir-Regolament u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li saret waqt il-proċedura nazzjonali preliminari għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “Los Cerrillos” jenħtieġ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Id-dokument uniku stabbilit skont l-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-isem “Los Cerrillos” (DOP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-protezzjoni tal-isem speċifikat fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Frar 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Phil HOGAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


    ANNESS

    DOKUMENT UNIKU

    “LOS CERRILLOS”

    PDO-ES-02228

    Data tal-applikazzjoni: 11.8.2016

    1.   Isem li se jiġi reġistrat

    Los Cerrillos

    2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

    DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

    3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

    1.

    Inbid

    4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

    L-inbid aħmar Tempranillo, l-inbid aħmar Tempranillo u Cabernet Sauvignon, u l-inbid aħmar Syrah.

    Inbid aħmar b’kulur fil-vjola jew fl-aħmar lewn iċ-ċirasa u ħjiel ta’ vjola. L-aroma tiegħu hija kkaratterizzata mill-frott bi fwejjaħ tal-fjuri. Fil-palat, huwa pjaċevoli, frisk u strutturat tajjeb.

    Il-valur tal-qawwa alkoħolika totali massima għandu jkun fil-limiti legali skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

    Karatteristiċi analitiċi ġenerali

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum)

    12,5

    Aċidità totali minima

    4,8 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

    15

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

    115

    Inbid aħmar Tempranillo u Cabernet Sauvignon (Private Collection) u inbid aħmar Cabernet Sauvignon (Family)

    Kulur iċ-ċirasa bi ħjiel ta’ granata/terrakotta. Aroma ta’ frott misjur ikkaratterizzata minn noti ta’ għud is-sus u balzmu. Huwa rikk, qawwi u strutturat fil-palat, bi ħjiel rikk u kremuż ta’ maturazzjoni.

    Il-valur tal-qawwa alkoħolika totali massima għandu jkun fil-limiti legali skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE.

    Karatteristiċi analitiċi ġenerali

    Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

     

    Qawwa alkoħolika reali minima (f’% tal-volum)

    13

    Aċidità totali minima

    4,8 fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

    Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

    16

    Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

    115

    5.   Prattiki enoloġiċi

    a.    Prattiki enoloġiċi essenzjali

    Prattika enoloġika speċifika

    L-inbejjed varjetali jsiru f’kontenituri tal-azzar inossidabbli. Jgħaddu minn perjodu twil ta’maċerazzjoni fil-kesħa qabel il-fermentazzjoni ta’ bejn jumejn u ħamest ijiem f’temperatura ta’ minn 10 sa 15 °C, segwita mill-maċerazzjoni matul il-fermentazzjoni għal ġimgħa jew ġimagħtejn f’temperaturi ta’ bejn l-20 u t-28 °C, sakemm titlesta l-fermentazzjoni alkoħolika.

    L-inbejjed li huma maħsuba għall-maturazzjoni fil-btieti, jitqiegħdu f’tankijiet tal-azzar inossidabbli u jgħaddu minn maċerazzjoni matul il-fermentazzjoni għal bejn ħmistax u 25 jum f’temperatura ta’ bejn il-25 u t-30 °C. Matul dan il-proċess, isir “délestage” sabiex jgħin fl-estrazzjoni tal-kulur u tal-komposti fenoliċi preżenti fil-kappa matul il-fermentazzjoni tal-qoxra.

    Restrizzjoni rilevanti għall-vinifikazzjoni

    L-għeneb vinifikat ma jiġix magħsur iżda minflok jitħalla jqattar (static draining) biex jinkisbu d-“drip wines”. Il-bqija tal-karfa ssirilha “dynamic draining” ġentili, li jirriżulta f’rendimenti baxxi ħafna.

    Ladarba l-fermentazzjoni malolattika tkun lesta, l-inbejjed jiġu ċċarati b’mod naturali permezz tat-tferrigħ minflok jiġu ttrattati kimikament, u jiġu ttrasferiti għall-maturazzjoni fi btieti tal-ballut ta’ 225 litru, li jintużaw għal massimu ta’ sitt snin.

    L-inbejjed imbagħad jiġu bbottiljati biex ikun jista’ jseħħ il-proċess tar-riduzzjoni u biex l-inbid jilħaq l-aħjar stat għax-xorb.

    Tempranillo: 100 % Tempranillo jinżamm fi btieti tal-ballut mill-anqas għal 30 jum.

    Syrah: 100 % Syrah, immaturat fi btieti tal-ballut għal mill-anqas sitt xhur.

    Tempranillo u Cabernet Sauvignon: taħlita ta’ Tempranillo u Cabernet Sauvignon, immaturata fi btieti tal-ballut għal mill-anqas sitt xhur.

    Private Collection: taħlita ta’ Tempranillo u Cabernet Sauvignon, immaturata fi btieti tal-ballut għal mill-anqas 13-il xahar.

    “Cabernet Sauvignon de Familia” (Family Reserve Cabernet): 100 % Cabernet Sauvignon. Immaturat għal mill-inqas 24 xahar fil-btieti. Il-proċess tal-maturazzjoni jitlesta billi jistrieħ fil-fliexken għal 18-il xahar.

    Prattika tal-kultivazzjoni

    Matul il-perjodu tat-tkabbir, issir żabra tal-aħdar biex tillimita t-tkabbir naturali u jittejjeb ir-rendiment u, għalhekk, il-kwalità tal-għeneb.

    L-għeneb jinqata’ bejn il-5 u l-11 ta’ filgħodu sabiex ikun evitat li jinqata’ f’temperaturi għoljin, u b’hekk issir maċerazzjoni fil-kesħa kif suppost.

    b.    Rendimenti massimi

    Tempranillo

    12 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

    81,60 ettolitru għal kull ettaru

    Cabernet Sauvignon

    10 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

    68,00 ettolitru għal kull ettaru

    Syrah

    13 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

    88,40 ettolitru għal kull ettaru

    6.   Iż-żona ġeografika demarkata

    Iż-żona demarkata tinkludi dawn l-irqajja’ fil-muniċipalità ta’ Argamasilla de Alba (Ciudad Real):

    ŻONA/ROQGĦA

    109.

    62.63

    111.

    15, 30 u 9001

    131.

    71

    151.

    minn 115 sa 121, 190, 277, 278, 9001, 9002, minn 9004 sa 9006, 9008, 9023

    160.

    minn 8 sa 13, 15, 16, 17, minn 21 sa 23, 30, 31, 9003, 9005, 9006

    161.

    14, minn 16 sa 27, minn 31 sa 33, 35, minn 9001 sa 9004

    162.

    1, minn 3 sa 5, minn 7 sa 8, minn 11 sa 13, minn 17 sa 18, 9001, 9002

    163.

    1, 3, 4, minn 6 sa 21, 9001, 9004

    171.

    1, minn 3 sa 7, minn 9004 sa 9009, minn 011 sa 012

    173.

    2, 3, 9001, 9006,

    174.

    1, minn 3 sa 12, 14, 15, 19, 20, 22, 23, 9001, minn 9003 sa 9011, minn 9013 sa 9020

    175.

    1, 9001, 9002

    176.

    minn 3 sa 18, 9001, 9003

    177.

    minn 18 sa 23, minn 25 sa 32, minn 66 sa 72, 74, minn 89 sa 111, 113, 114, 115, 118, 121, 124, 126, 127, 133, minn 9001 sa 9005, minn 9008 sa 9014, 9019, 9022, minn 9024 sa 9029

    178.

    6, 7, 9, minn 12 sa 24, minn 30 sa 31, minn 34 sa 38, minn 40 sa 60, minn 9001 sa 9004, minn 9006 sa 9061

    180.

    1, 2, 5, 9, minn 9005 sa 9007

    181.

    60, 9001, 9002

    194.

    45, 71, 73, 74, 76, 79, 82, 9002, 9009, 9011, 9028, 8

    195.

    minn 10 sa 20, minn 22 sa 28, 30, 32, 33, 35, minn 37 sa 57, 86, 88, 93, 94, 95, 96, minn 99 sa 108, 112, 114, 118, 119, minn 9001 sa 9006, minn 9008 sa 9014, minn 9016 sa 9018

    7.   Il-varjetà(jiet) ewlenin tal-għeneb tal-inbid

     

    TEMPRANILLO - CENCIBEL

     

    CABERNET SAUVIGNON

     

    SYRAH

    8.   Deskrizzjoni tar-rabtiet

    L-ambjent (fatturi naturali u umani)

    Los Cerrillos hija żona speċifika li tkopri l-parti Vega Alta kollha tax-xmara Guadiana. Hija żona ta’ aktar minn 60 km2 li tibda mis-sors tax-xmara Guadiana, 3 km ’l fuq mid-diga ta’ Peñarroya, u testendi 7 km ’l isfel mid-diga lejn Argamasilla de Alba, indikata wkoll fuq il-mappa militari ta’ Spanja tal-1975.

    Ix-xmara Guadiana tgħaddi miż-żona demarkata, li tinsab ħdejn il-ġibjun ta’ Peñarroya f’altitudni ta’ 695 metru. L-għoljiet li hemm madwarha jaġixxu bħala brejk topografiku fuq iċ-ċiklu tat-tkabbir, u jevitaw it-temperaturi għoljin ta’ matul il-lejl u dan jgħin lit-tisjir polifenoliku tal-għeneb, u jwassal għal ventilazzjoni qawwija.

    Il-ħamrija hija fil-biċċa l-kbira tal-franka. Il-blat fil-biċċa l-kbira huwa marl, taħlita mhux konsolidata ta’ franka u tafal. Għandha konsistenza ġulġliena u pH ta’ madwar 8.

    Iż-żona għandha klima Mediterranja kontinentali, ikkaratterizzata minn sjuf sħan u xtiewi kesħin. Il-fluttwazzjonijiet fit-temperatura jistgħu xi kultant jilħqu l-45 °C u hemm qabża kbira bejn it-temperaturi ta’ binhar u dawk ta’ billejl matul is-sena. It-temp ma jkunx imsaħħab għal 80 % fis-sena; normalment ikun hemm aktar minn 2 500 siegħa ta’ xemx fis-sena.

    Hemm differenzi konsiderevoli bejn Los Cerrillos u ż-żoni li jmissu magħha minħabba li hija qrib tax-xmara Guadiana. Tagħmel ħafna iktar xita hemmhekk milli fil-bqija ta’ Castile-La Mancha, filwaqt li t-temperaturi tagħha ma jkunux estremi daqs dawk fl-inħawi tal-madwar fin-Nofsinhar u fil-Punent. Il-ħsad iseħħ madwar 15 u 20 jum aktar tard milli fil-bqija taż-żona.

    Jiġi applikat proċess ta’ “délestage” matul il-fermentazzjoni alkoħolika: jintużaw tekniki tal-produzzjoni tal-inbid fejn l-għeneb vinifikat ma jiġix magħsur, iżda minflok jitħalla jqattar biex jinkisbu d-“drip wines”, u dan jirriżulta f’rendimenti ta’ ettolitri għal kull ettaru ta’ 62-68 %, u l-inbejjed jiġu ċċarati b’mod naturali permezz tat-tferrigħ.

    Deskrizzjoni tal-inbid

    Inbid aħmar b’kulur fil-vjola jew fl-aħmar lewn iċ-ċirasa u ħjiel ta’ vjola jew aħmar fil-kannella. Aroma bi predominanza ta’ frott bi fwejjaħ tal-fjuri jew frott matur bi ħjiel ta’ għud is-sus jew ta’ balzmu. Huwa frisk u pjaċevoli fil-ħalq, strutturat tajjeb fil-palat bi ħjiel rikk u kremuż ta’ maturazzjoni.

    B’riżultat ta’ dan kollu, il-qawwa alkoħolika tal-inbejjed tista’ taqbeż l-14 %. Flimkien ma’ aċidità adegwata, din is-saħħa alkoħolika titħallat perfettament, u b’hekk huwa importanti ferm li jiġi ddeterminat l-aħjar mument għall-ħsad permezz ta’ monitoraġġ mill-qrib tat-tisjir tal-għeneb.

    L-inbejjed għandhom kontenut ta’ polifenoli sa 80 milliekwivalenti għal kull litru u huma rikki fl-estratti, huma aromatiċi u għandhom kulur sabiħ, u jwasslu sa 18 u.a. (is-somma tal-assorbenzi f’420, 520 u 620 nanometri) fil-punti tal-kulur u kontenut ta’ antoċjani sa 800 milligramma għal kull litru.

    Rabta

    Il-pożizzjoni taż-żona demarkata bil-materjali maħlula Plijo-Kwaternarji tagħha, il-franka iebsa, il-marl u t-tafal lewn l-okra jirriżultaw f’inbejjed b’kulur sabiħ bil-mineralizzazzjoni karatteristika, li jilħaq sa 18-il punt ta’ kulur.

    Il-vinji ta’ Los Cerrillos, jinsabu ħdejn il-ġibjun ta’ Peñarroya f’altitudni ta’ 695 metru u huma mdawrin bl-għoljiet. Dan ifisser li hija żona ta’ temperaturi friski li, flimkien mal-ħsad aktar tard, tinkoraġġixxi l-fotosinteżi u l-formazzjoni tal-għenbiet u taz-zokkor. Dan inaqqas il-pH, iżid l-aċidità u jagħti lok għal kontenut ta’ komposti fenoliċi sa 80 milliekwivalenti għal kull litru u konċentrazzjoni ogħla ta’ antoċjani (sa 800 milligrammi għal kull litru).

    Il-proċess tad-“délestage” matul il-fermentazzjoni alkoħolika, il-prattika li l-għeneb ma jiġix magħsur u l-proċess tal-iċċarar naturali permezz tat-tferrigħ, jagħtu lok għal inbejjed b’aromi iktar florali milli tal-frott u inbejjed b’noti tal-ħwawar, tal-inkaljar u ħjiel ta’ għud is-sus u balzmu.

    Għalkemm iż-żona ġeografika demarkata hija mdawra bid-DOP La Mancha, il-karatteristiċi tagħha huma sostanzjalment differenti miż-żona demarkata li tmiss magħha fir-rigward tal-fatturi li ġejjin:

    DOP La Mancha

    Los Cerrillos

    Differenzi:

    ≥ 11,5 % vol.

    ≥ 12,5 % vol.

    Kontenut ogħla ta’ alkoħol

    ≤ 10 meq/l

    ≤ 15 meq/l

    Aċidità volatili akbar

    74 %

    68 %

    Inqas hl/ha

    > 40 meq/l

    Aktar polifenoli

    Minħabba l-ħamrija tal-ġir, il-marl, l-altitudni u l-influwenza tax-xmara, hemm biss vinja waħda tad-dwieli li jipproduċu l-inbid fiż-żona ddemarkata u hija proprjetà tal-applikant.

    Huwa importanti li wieħed jinnota li ż-żona demarkata tkopri 1 570 ettaru li huma ta’ proprjetarji differenti iżda fejn ma tħawlux dwieli oħra u ma hemmx produtturi oħra tal-inbid. Għaldaqstant, id-demarkazzjoni twettqet abbażi tal-kundizzjonijiet ambjentali, kif deskritt hawn fuq.

    Barra minn hekk, produtturi oħra jistgħu jużaw l-isem irreġistrat jekk ikunu stabbiliti fiż-żona ġeografika demarkata fil-futur, sakemm dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni. Meta wieħed iqis li ż-żona demarkata tkopri 1 570 ettaru, huwa perfettament possibbli li produtturi oħra tal-inbid oħra jiġu stabbiliti hemmhekk.

    9.   Kundizzjonijiet oħra essenzjali

    Qafas ġuridiku:

    Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

    Tip ta’ kundizzjoni addizzjonali:

    L-imballaġġ fiż-żona ġeografika demarkata

    Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

    L-inbejjed jiġu bottiljati fiż-żona tal-produzzjoni minħabba li, f’kull każ, il-proċess jiġi konkluż bi stadju ieħor ta’ maturazzjoni fil-fliexken. F’dan il-perjodu jseħħ proċess ta’ riduzzjoni li jtejjeb il-kwalità tal-inbejjed, u jikkompleta t-togħma tagħhom. Ikunu lesti għall-konsum meta dawn jiksbu l-karatteristiċi organolettiċi stipulati fl-ispeċifikazzjonijiet għal kull tip ta’ nbid.

    Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    http://pagina.jccm.es/agricul/paginas/comercial-industrial/consejos_new/pliegos/Los_Cerrillos_pliego_condiciones_20180719.pdf


    Top