EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2019/050/07

Sejħa għall-Proposti — L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu

ĠU C 50, 8.2.2019, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 50/9


Sejħa għall-Proposti

L-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment jipproponi sponsorship ġdid ta’ EIBURS taħt il-Programm ta’ Tagħrif tiegħu

(2019/C 50/07)

Il-Programm ta’ Tagħrif tal-Istitut tal-Bank tal-Investiment Ewropew jiffinanzja l-għotjiet għar-riċerka tiegħu permezz ta’ skemi differenti. Waħda minnhom hija:

EIBURS, il-Programm ta’ Sponsorship għar-Riċerka Universitarja tal-BEI (EIB University Research Sponsorship Programme)

EIBURS jipprovdi għotjiet lil dipartimenti universitarji jew ċentri ta’ riċerka assoċjati ma’ universitajiet fl-UE, f’pajjiżi kandidati jew f’pajjiżi kandidati potenzjali li jkunu qegħdin jaħdmu fuq suġġetti ta’ riċerka li huma ta’ interess kbir għall-Bank. L-isponsorships tal-EIBURS — li jilħqu mal-EUR 100 000 fis-sena għal perjodu ta’ tliet snin - jingħataw permezz ta’ proċess kompetittiv lil dipartimenti universitarji interessati jew ċentri ta’ riċerka b’ħila esperta rikonoxxuta fil-qasam magħżul. Proposti li jirnexxu jinvolvu t-twettiq ta’ diversi riżultati li jkunu soġġetti għal ftehim kuntrattwali mal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Għas-sena akkademika 2019/2020, il-programm EIBURS qiegħed ifittex proposti fuq tema ta’ riċerka ġdida:

“Nibnu l-futur tal-finanzjament inklużiv: ir-rwol tal-Fintechs u d-diġitalizzazzjoni”

Filwaqt li l-intensità tad-dibattitu dwar l-inugwaljanza fid-dħul battiet kemmxejn fis-snin reċenti, il-kwistjoni nfisha għadha ferm relevanti. Disparitajiet persistenti u kbar fid-dħul jheddu n-nisġa soċjali tas-soċjetà Ewropea u jeħtieġu risposta ta’ politika xierqa. Soluzzjoni korretta u fit-tul tkun li jingħataw opportunitajiet lill-aktar membri ddeprivati tas-soċjetà biex jirrealizzaw l-ambizzjonijiet intraprenditorjali ddemostrati tagħhom. Il-Finanzjament Inklużiv, li qiegħed jipprovdi prodotti u servizzi finanzjarji u mhux finanzjarji lil persuni qiegħda jew klijenti minn gruppi vulnerabbli oħrajn, huwa strument ta’ politika maħsub biex itaffi l-faqar u jnaqqas l-inugwaljanza fid-dħul. Madankollu, is-settur tal-finanzjament inklużiv waqa’ taħt skrutinju miżjud u ġie kkritikat għal għadd ta’ raġunijiet: l-outreach tiegħu staġna u l-ipprezzar tas-self spiss jitqies li huwa wisq għoli biex jindirizza b’mod effettiv kwalunkwe tħassib tal-politika relatata mat-taffija tal-faqar.

Għalhekk, dan il-proġett ta’ riċerka jimmira li jinvestiga l-potenzjal tal-innovazzjoni teknoloġika u finanzjarja biex tiżdied l-effiċjenza tas-settur tal-finanzjament inklużiv. Il-proposti ta’ riċerka għandhom jinkludu strateġija biex jiġu indirizzati dawn l-elementi:

1.

Il-potenzjal ta’ tfixkil tal-innovazzjoni teknoloġika u finanzjarja

Ħarsa ġenerali wiesgħa, komprensiva u eżawrjenti tal-potenzjal ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi u finanzjarji biex ifixklu mekkaniżmi ta’ finanzjament inklużiv u biex titjieb l-abbiltà tas-settur biex jikkontribwixxi għall-kisba ta’ miri tal-politika soċjali.

Inħeġġu enfasi speċjali fuq l-abbiltà tal-innovazzjoni finanzjarja u teknoloġika biex itejbu l-outreach ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji (IF) għal gruppi fil-mira speċifikċi tal-politika soċjali, bħal intraprendituri nisa, migranti, individwi ddeprivati finanzjarjament, il-popolazzjoni rurali u intrapriżi soċjali.

Suġġetti speċifiċi li jenħtieġ li jiġu indirizzati: kif l-użu tal-Fintechs/innovazzjonijiet finanzjarji ser jaffettwaw:

L-interazzjoni tal-komunikazzjoni mal-klijent

It-taħriġ u l-mentoraġġ

L-Ipprezzar tas-self

Il-proċess tal-iskrinjar

Il-proċedura ta’ applikazzjoni għal self

L-irkupru ta’ self

Il-profitabbiltà finanzjarja

Valutazzjoni aħjar tar-redditu soċjali: biex tiżdied il-viżibbiltà

2.

L-użu ta’ innovazzjonijiet finanzjarji ((Fintechs) fis-settur tal-finanzjament inklużiv

Taqsima ta’ segwitu għandha idealment tipprovdi dokumentazzjoni empirika tal-oqsma ta’ tfixkil identifikati taħt il-parti 1: storja, evoluzzjoni u l-istatus quo.

Analiżi komparattiva ta’ reġjuni/pajjiżi Ewropej differenti hija mixtieqa.

Dokumentazzjoni tal-istat attwali tad-diġitalizzazzjoni f’IF li joperaw fil-qasam tal-mikrofinanzjament, dak soċjali u tal-intraprenditorija tal-immigranti.

Serje ta’ studji ta’ każijiet li juru l-mekkaniżmi ta’ tfixkil iddokumentati taħt il-parti 1.

3.

Evidenza dwar l-effett kawżali tal-innovazzjonijiet finanzjarji: l-effiċjenza tas-settur tal-finanzjament inklużiv fil-kontribut għall-kisba ta’ miri tal-politika soċjali

Abbażi tal-mekkaniżmi teorizzati elenkati fil-parti 1 u d-data miġbura u ddokumentata fil-parti 2, il-proposta ta’ riċerka għandha tiddelinea metodoloġija biex jiġi kkwantifikat l-impatt ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi jew finanzjarji fuq mira ta’ politika relevanti għas-settur, eż. l-aċċess ta’ gruppi finanzjarjament vulnerabbli għall-kreditu, in-numru ta’ imprendituri migranti.

Il-metodoloġija empirika tista’ ssegwi approċċ mikro jew makro (jew inkella t-tnejn), iżda għandha timmira li tidentifika effett kawżali.

Il-fatt li l-użu ta’ innovazzjonijiet finanzjarji fis-settur tal-finanzjament inklużiv huwa suġġett ferm relevanti għall-Grupp tal-BEI huwa kkonfermat mill-involviment qawwi tal-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-Istitut tal-Bank Ewropew tal-Investiment f’dan is-segment. Il-Grupp tal-BEI jinsab f’pożizzjoni tajba biex jirrispondi għall-ambjent tas-suq li qiegħed jinbidel malajr — inklużi parteċipanti ġodda bħall-Fintechs — u biex jinkisbu d-dimensjonijiet soċjali importanti ta’ dawn l-attivitajiet b’mod aktar effiċjenti.

Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-Ingliż sal-15 ta’ April 2019 24:00 (CET). Proposti mibgħuta wara din id-data ma jiġux ikkunsidrati. Il-proposti għandhom jintbagħtu bl-email lil:

Events.EIBInstitute@eib.org

Għal informazzjoni aktar kompluta dwar il-proċess ta’ għażla tal-EIBURS u dwar l-Istitut tal-BEI, jekk jogħġbok żur: http://institute.eib.org/.


Top