Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018XA0928(01)

    Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni pprovduta mill-Qorti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Rapport tal-Awditur Indipendenti

    ĠU C 348, 28.9.2018, p. 175–180 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 348/175


    ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI PPROVDUTA MILL-QORTI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL — RAPPORT TAL-AWDITUR INDIPENDENTI

    (2018/C 348/02)

    Opinjoni

    I.

    Aħna awditjajna:

    (a)

    il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea li jinkludu r-rapporti finanzjarji konsolidati (1) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (2) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017, approvati mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ġunju 2018, u

    (b)

    il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet, kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Affidabbiltà tal-kontijiet

    Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

    II.

    Fl-opinjoni tagħna, il-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea (UE) għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-UE fil-31 ta’ Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli kontabilistiċi bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

    Legalità u regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    Dħul

    Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet

    III.

    Fl-opinjoni tagħna, id-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huwa legali u regolari fl-aspetti materjali kollha

    Pagamenti

    Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    IV.

    Fl-opinjoni tagħna, bl-eċċezzjoni tal-effetti tal-kwistjoni deskritta fil-paragrafu “Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet”, il-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2017 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

    Bażi għal opinjoni

    V.

    Aħna wettaqna l-awditu tagħna skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (ISAs) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI (ISSAIs). Ir-responsabbiltajiet tagħna skont dawn l-istandards huma deskritti f’aktar dettall fit-taqsima tar-rapport tagħna intitolata “Responsabbiltajiet tal-awditur”. Aħna awdituri indipendenti f’konformità mal-Kodiċi ta’ Etika għall-Kontabilisti Professjonali tal-Bord tal-Istandards Internazzjonal tal-Etika għall-Kontabilisti (IESBA), u wettaqna r-responsabbiltajiet etiċi l-oħra tagħna skont dawn l-istandards u r-rekwiżiti u skont il-Kodiċi tal-IESBA. Aħna nemmnu li l-evidenza għall-awditjar li ksibna hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna.

    Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

    VI.

    L-infiq irreġistrat fl-2017, u li jkopri l-infiq fuq bażi ta’ rimborżi (3), huwa milqut minn livell materjali ta’ żball. Il-livell ta’ żball stmat minna għall-pagamenti li saru fuq bażi ta’ rimborżi huwa ta’ 3,7 %. Il-livell kumplessiv ta’ żball stmat minna (2,4 %) għadu ogħla mis-soll ta’ materjalità stabbilit minna, iżda dan mhuwiex pervażiv. Pagamenti li saru fuq bażi ta’ drittijiet mhumiex milquta minn livell materjali ta’ żball (4).

    Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar

    VII.

    Kwistjonijiet ewlenin tal-awditjar huma dawk il-kwistjonijiet li, fil-ġudizzju professjonali tagħna, kellhom l-akbar sinifikat fl-awditu li wettaqna tal-kontijiet konsolidati tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu attwali. Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati fil-kuntest tal-awditu li wettaqna tar-rapporti finanzjarji fl-intier tagħhom, kif ukoll aħna u nifformulaw l-opinjonijiet tagħna dwarhom, iżda ma nipprovdux opinjoni separata dwar dawn il-kwistjonijiet.

    Aħna vvalutajna t-trattament kontabilistiku tal-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għall-portafolli tal-ekwità

    VIII.

    Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa inizjattiva konġunta li tniedet fl-2015 (5) mill-UE kollha u mill-Grupp tal-BEI, biex tħeġġeġ l-investiment fl-UE billi żżid il-kapaċità tal-Grupp tal-BEI fl-irfigħ tar-riskji. Taħt din l-inizjattiva, il-baġit tal-UE jipprovdi garanzija massima ta’ EUR 16-il biljun (6) biex tkopri t-telf potenzjali fuq l-operazzjonijiet tal-FEIS għall-investimenti fl-oqsma “Opportunità ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni (IIW)” u “Opportunità ta’ Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEW)” (7).

    IX.

    Fi snin preċedenti aħna ffukajna fuq dan il-qasam peress li l-istruttura tal-FEIS kienet ikkawżat għadd ta’ kwistjonijiet kontabilistiċi kumplessi li rriżultaw mill-arranġamenti bejn l-UE u l-BEI. F’Novembru 2017, l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni kkonsulta l-Grupp Konsultattiv ta’ esperti fir-rigward tat-trattament kontabilistiku xieraq tal-operazzjonijiet ta’ ekwità tas-SMEW, garantiti mill-UE. F’konformità mal-pariri li ngħata, u filwaqt li applika l-ġudizzju professjonali tiegħu, l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni ddeċieda li l-Kummissjoni ma għandhiex kontroll fuq il-FEIS u li ma tikkondividix tali kontroll mal-BEI (8). Għall-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2017 dan jimplika li l-garanzija tal-UE mogħtija lill-Grupp tal-BEI hija trattata:

    (a)

    bħala obbligazzjoni ta’ garanzija finanzjarja għall-portafoll tad-dejn tal-IIW,

    (b)

    bħala dispożizzjoni finanzjarja għall-portafoll tad-dejn tas-SMEW, u

    (c)

    bħala derivattiv (assi finanzjarju jew obbligazzjoni finanzjarja b’valur ġust permezz ta’ bilanċ pożittiv jew ta’ defiċit) għaż-żewġ portafolli tal-ekwità.

    X.

    Aħna vvalutajna t-trattament kontabilistiku tal-garanzija tal-FEIS għall-portafolli tal-ekwità. Aħna nqisu li dan ma jaffettwax l-istampa ċara u ġusta mogħtija fil-kontijiet annwali konsolidati tal-UE għall-2017.

    Aħna vvalutajna l-obbligazzjoni għall-pensjonijiet u għal benefiċċji oħra tal-impjegati

    XI.

    Il-karta tal-bilanċ tal-UE tinkludi obbligazzjoni għall-pensjonijiet u għal benefiċċji oħra tal-impjegati, li ammontat għal EUR 73,1 biljun fi tmiem l-2017. Din hija waħda mill-obbligazzjonijiet l-aktar sinifikanti fil-karta tal-bilanċ, u tirrappreżenta kważi terz mill-obbligazzjonijiet totali ta’ EUR 236,5 biljun għall-2017.

    XII.

    Il-biċċa l-kbira minn din l-obbligazzjoni għall-pensjonijiet u għal benefiċċji oħra tal-impjegati (EUR 64,0 biljun) hija relatata mal-Iskema tal-Pensjonijiet tal-Uffiċjali u l-Aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (“PSEO”). Din l-obbligazzjoni tal-pensjonijiet tkopri l-“benefiċċju ddefinit” iggarantit permezz tal-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-“TUE”). L-obbligazzjoni rreġistrata fil-kontijiet tirrifletti l-ammont, li kien ikun inkluż f’fond ta’ pensjoni, li kieku fond ta’ dan it-tip kien ġie stabbilit biex jitħallsu l-obbligi eżistenti għall-pensjonijiet tal-irtirar (9). Minbarra l-pensjonijiet tal-irtirar, dan ikopri pensjonijiet għall-invalidità u pensjonijiet li jitħallsu lin-nisa romol/lill-orfni tal-persunal tal-UE. Skont l-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċji mħallsa taħt l-iskema tal-pensjonijiet jitħallsu mill-estimi (baġit) tal-UE. L-Istati Membri flimkien jiggarantixxu l-pagament tal-benefiċċji u l-uffiċjali jikkontribwixxu terz tal-ispiża għall-finanzjament tal-iskema.

    XIII.

    Il-PSEO hija skema tal-pensjonijiet okkupazzjonali obbligatorja għall-impjegati taċ-ċivil tal-UE, li skontha l-kontribuzzjonijiet mill-persunal u mill-istituzzjonijiet u l-korpi li jimpjegawhom jintużaw għall-finanzjament ta’ pensjonijiet futuri. Hija maħsuba biex, permezz ta’ aġġustamenti għar-rata ta’ kontribuzzjoni għall-iskema u għall-età ta’ pensjoni, tkun awtomatikament f’bilanċ attwarju. L-għadd u l-varjetà ta’ parametri li jintużaw għall-kalkolu ta’ projezzjoni fit-tul tal-ispejjeż għall-pensjonijiet jissottolinjaw in-natura attwarja ta’ dan il-kalkolu, li jitwettaq mill-Eurostat fuq bażi annwali.

    XIV.

    Bħala parti mill-awditu tagħna, aħna evalwajna s-suppożizzjonijiet attwarji u l-valwazzjoni riżultanti għall-obbligazzjoni għall-pensjonijiet. Aħna vverifikajna d-data numerika, il-parametri attwarji u l-kalkolu tal-obbligazzjoni, kif ukoll il-preżentazzjoni li saret fil-karta tal-bilanċ konsolidata u n-noti għar-rapporti finanzjarji konsolidati. Kif indikat fin-Nota 2.9 għar-rapporti finanzjarji konsolidati, il-Kummissjoni qed tkompli taħdem biex issaħħaħ il-proċessi li hija tuża għall-kalkolu tal-obbligazzjoni għall-benefiċċji tal-impjegati, li se nibqgħu neżaminaw.

    Aħna vvalutajna l-imposti dovuti li kienu ppreżentati fil-kontijiet

    XV.

    Fi tmiem is-sena 2017, il-valur stmat tal-ispejjeż eliġibbli mġarrba li kienu dovuti lill-benefiċjarji iżda li kienu għadhom ma ġewx irrappurtati, kien ta’ EUR 101 biljun (fi tmiem is-sena 2016: EUR 102 biljun). Dawn l-ammonti ġew irreġistrati bħala spejjeż dovuti (10).

    XVI.

    Aħna eżaminajna l-metodoloġiji u s-sistemi ta’ kontroll li ġew applikati għall-istimi ta’ tmiem is-sena fid-Direttorati Ġenerali prinċipali. Aħna ħadna kampjuni ta’ fatturi u ta’ pagamenti ta’ prefinanzjament u wettaqna xogħol fuq dawn l-elementi biex nindirizzaw ir-riskju li d-dovuti ma ġewx iddikjarati b’mod korrett. Aħna tlabna lis-servizzi tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni biex jikkjarifikaw aktar il-metodoloġija ġenerali użata.

    XVII.

    Aħna nistgħu nikkonkludu li l-istima tal-ammont kumplessiv ta’ imposti dovuti ddikjarati fil-karta tal-bilanċ konsolidata hija ġusta.

    Aħna vvalutajna l-impatt potenzjali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fuq il-kontijiet għall-2017

    XVIII.

    Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit (UK) innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea (UE). Fit-22 ta’ Mejju 2017, bdew in-negozjati għall-ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit.

    XIX.

    Il-Parti Ħamsa (Dispożizzjonijiet Finanzjarji) tal-abbozz ta’ ftehim dwar il-ħruġ tad-19 ta’ Marzu 2018 li tirrigwarda s-saldu finanzjarju tiddikjara li r-Renju Unit se jħallas l-obbligi kollha tiegħu taħt l-Oqfsa Finanzjarji Pluriennali attwali u preċedenti bħallikieku għadu Stat Membru.

    XX.

    Ibbażat fuq dan, aħna nikkonkludu li l-kontijiet fil-31 ta’ Diċembru 2017 jirriflettu l-proċess tal-ħruġ b’mod korrett.

    Kwistjonijiet oħra

    XXI.

    Il-maniġment huwa responsabbli milli jipprovdi “informazzjoni oħra”, terminu li jinkludi d-Diskussjoni u Analiżi tar-Rapport Finanzjarju iżda ma jinkludix il-kontijiet konsolidati jew ir-rapport tagħna dwarhom. L-opinjoni tagħna dwar il-kontijiet konsolidati ma tkoprix din l-informazzjoni l-oħra, u aħna ma nesprimu l-ebda forma ta’ konklużjoni dwarhom f’dak li jirrigwarda aċċertament. Ir-responsabbiltà tagħna fil-kuntest tal-awditjar tal-kontijiet konsolidati, hija li naqraw l-informazzjoni l-oħra u li nqisu jekk tkunx materjalment inkonsistenti mal-kontijiet konsolidati jew mal-għarfien li nkunu ksibna fl-awditu, jew jekk ikunx fiha xi tip ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali oħra. Jekk aħna nikkonkludu li jkun hemm dikjarazzjoni skorretta materjali tal-informazzjoni l-oħra, għandna l-obbligu li nirrappurtaw dan kif meħtieġ. Aħna ma għandna xejn x’nirrappurtaw f’dan ir-rigward.

    Responsabbiltajiet tal-maniġment

    XXII.

    Skont l-Artikoli 310 sa 325 tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju, il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet konsolidati tal-UE abbażi ta’ standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment, u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Din ir-responsabbiltà tinkludi t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Il-maniġment huwa responsabbli wkoll milli jiżgura li l-attivitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-informazzjoni riflessi fir-rapporti finanzjarji jkunu jikkonformaw mal-awtoritajiet li jirregolawhom. Il-Kummissjoni terfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE (l-Artikolu 317 tat-TFUE).

    XXIII.

    Fit-tħejjija tal-kontijiet konsolidati, il-maniġment huwa responsabbli milli jivvaluta l-kapaċità tal-UE li tkompli bħala negozju avvjat, filwaqt li jiddivulga kwalunkwe kwistjoni rilevanti u juża l-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat dment li huwa ma jkollux l-intenzjoni li jillikwida l-entità jew li jtemm l-operazzjonijiet, jew ma jkollu l-ebda alternattiva realistika ħlief li jagħmel dan.

    XXIV.

    Il-Kummissjoni hija responsabbli mis-sorveljanza tal-proċess ta’ rappurtar finanzjarju tal-UE.

    XXV.

    Skont ir-Regolament Finanzjarju (it-Titolu IX), l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni jrid l-ewwel jippreżenta għall-awditjar il-kontijiet konsolidati tal-UE bħala kontijiet proviżorji sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara u mbagħad bħala kontijiet finali sal-31 ta’ Lulju. Il-kontijiet proviżorji jridu jagħtu stampa ċara u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja. Huwa b’hekk imperattiv li l-partiti kollha tal-kontijiet proviżorji jiġu ppreżentati bħala kalkoli finali li jippermettulna nwettqu l-kompitu tagħna f’konformità mat-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju u fi żmien id-dati ta’ skadenza mogħtija. Il-bidliet bejn il-kontijiet proviżorji u dawk finali jridu normalment jirriżultaw biss mill-osservazzjonijiet tagħna.

    Responsabbiltajiet tal-awditur għall-awditjar tal-kontijiet konsolidati u tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi

    XXVI.

    L-objettivi tagħna huma li niksbu aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet konsolidati tal-UE jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari u li, fuq il-bażi tal-awditu tagħna, nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aċċertament raġonevoli huwa aċċertament ta’ livell għoli, iżda mhuwiex garanzija li l-awditu jkun neċessarjament qabad il-każijiet kollha ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew ta’ nuqqas ta’ konformità meta dawn ikunu jeżistu. Dawn jistgħu jiġu kkaġunati minn frodi jew minn xi żball u jitqiesu materjali jekk, individwalment jew flimkien, jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi ta’ dawn il-kontijiet konsolidati.

    XXVII.

    Għad-dħul, l-eżaminar li wettaqna tar-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u fuq l-ING jieħu bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-aggregati makroekonomiċi li fuq il-bażi tagħhom dawn jiġu kkalkulati, u jivvaluta s-sistemi tal-Kummissjoni għall-ipproċessar tagħhom sal-punt fejn il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri jkunu ġew riċevuti u rreġistrati fil-kontijiet konsolidati. Għar-riżorsi proprji tradizzjonali, aħna neżaminaw il-kontijiet tal-awtoritajiet doganali u nanalizzaw il-fluss tad-dazji sal-punt fejn l-ammonti jkunu ġew riċevuti mill-Kummissjoni u rreġistrati fil-kontijiet.

    XXVIII.

    Għall-infiq, aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ta’ pagament meta l-infiq ikun ġie mġarrab, irreġistrat u aċċettat. Dan l-eżaminar ikopri l-kategoriji kollha ta’ pagamenti (inklużi dawk li jkunu saru għax-xiri ta’ assi) minbarra pagamenti bil-quddiem fil-punt meta jsiru. Il-pagamenti bil-quddiem jiġu eżaminati ladarba r-riċevitur tal-fondi jkun ipprovda evidenza tal-użu xieraq tagħhom, u l-Istituzzjoni jew il-korp ikun aċċetta dik l-evidenza billi japprova l-pagament bil-quddiem, li jista’ ma jseħħx qabel is-sena wara.

    XXIX.

    Bħala parti minn awditu, f’konformità mal-ISAs u l-ISSAIs, aħna neżerċitaw ġudizzju professjonali u nżommu x-xettiċiżmu professjonali tul l-awditu. Minbarra dan, aħna:

    (a)

    Nidentifikaw u nivvalutaw ir-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet konsolidati u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-UE, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Aħna nfasslu u nwettqu proċeduri tal-awditjar li jkunu jirrispondu għal dawk ir-riskji, u niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni tagħna. Każijiet ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali jew nuqqas ta’ konformità li jkunu kkaġunati minn frodi huma aktar diffiċli li jinqabdu minn dawk li jkunu kkaġunati minn xi żball, billi l-frodi tista’ tinvolvi kollużjoni, falsifikazzjoni, ommissjonijiet intenzjonali, rappreżentazzjonijiet skorretti, jew ordnijiet superjuri fuq kontrolli interni. Konsegwentement, hemm riskju akbar li każijiet bħal dawn ma jinqabdux.

    (b)

    Niksbu fehim tal-kontroll intern rilevanti għall-awditu sabiex infasslu proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa, iżda mhux bl-iskop li nagħtu opinjoni dwar l-effettività tal-kontroll intern.

    (c)

    Nevalwaw l-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati mill-maniġment u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u d-divulgazzjonijiet relatati li jsiru minnu.

    (d)

    Naslu għal konklużjonijiet dwar l-adegwatezza tal-użu li l-maniġment jagħmel mill-bażi kontabilistika ta’ negozju avvjat u, abbażi tal-evidenza għall-awditjar miksuba, nikkonkludu jekk tkunx teżisti inċertezza materjali dovuta għal avvenimenti jew kundizzjonijiet li jistgħu jixħtu dubju sinifikanti fuq il-kapaċità tal-entità biex tkompli bħala negozju avvjat. Jekk nikkonkludu li tkun teżisti inċertezza materjali bħal din, aħna meħtieġa li, fir-rapport tagħna, niġbdu l-attenzjoni għad-divulgazzjonijiet relatati fil-kontijiet konsolidati jew, jekk dawn id-divulgazzjonijiet ma jkunux adegwati, li nimmodifikaw l-opinjoni tagħna. Il-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq l-evidenza għall-awditjar li tkun inkisbet sad-data tar-rapport tagħna. Madankollu, minħabba avvenimenti jew kundizzjonijiet fil-ġejjieni, entità tista’ ma tibqax tkompli tiffunzjona bħala negozju avvjat.

    (e)

    Nevalwaw il-preżentazzjoni, l-istruttura u l-kontenut ġenerali tal-kontijiet konsolidati, inklużi d-divulgazzjonijiet kollha, u nivvalutaw jekk il-kontijiet konsolidati ikunux jirrappreżentaw it-tranżazzjonijiet u l-avvenimenti ta’ bażi b’mod li tinkiseb preżentazzjoni ġusta.

    (f)

    Niksbu evidenza għall-awditjar li tkun suffiċjenti u xierqa fir-rigward tal-informazzjoni finanzjarja dwar l-entitajiet koperti mill-ambitu tal-konsolidazzjoni tal-UE, biex nagħtu opinjoni dwar il-kontijiet konsolidati u t-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Aħna responsabbli mid-direzzjoni, is-superviżjoni u t-twettiq tal-awditu, u aħna l-uniċi responsabbli għall-opinjoni tal-awditjar tagħna.

    XXX.

    Aħna nikkomunikaw mal-maniġment dwar, fost affarijiet oħra, l-ambitu u l-għażla taż-żmien ippjanati tal-awditu u dwar sejbiet tal-awditjar li jkunu sinifikanti, inklużi sejbiet dwar kwalunkwe defiċjenza sinifikanti fil-kontroll intern.

    XXXI.

    Mill-kwistjonijiet li jkunu ġew diskussi mal-Kummissjoni u mal-entitajiet awditjati l-oħra, aħna niddeterminaw liema kellhom l-akbar sinifikat fl-awditjar tal-kontijiet konsolidati u huma għalhekk il-kwistjonjiet ewlenin tal-awditjar għall-perjodu attwali. Aħna niddeskrivu dawn il-kwistjonijiet fir-rapport tagħna, dment li l-ebda liġi jew regolament ma jkun jipprekludi d-divulgazzjoni pubblika jew, kif jiġri f’każijiet rari ħafna, aħna niddeterminaw li kwistjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata fir-rapport tagħna minħabba li l-konsegwenzi avversi ta’ dan jistgħu jkunu mistennija, b’mod raġonevoli, li jkunu akbar minn kwalunkwe benefiċċju għall-interess pubbliku.

    It-12 ta’ Lulju 2018.

    Klaus-Heiner LEHNE

    President

    Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

    12, rue Alcide De Gasperi, Luxembourg, LUXEMBOURG


    (1)  Ir-rapporti finanzjarji konsolidati jinkludu l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti, u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni (inkluż ir-rappurtar fuq is-segmenti).

    (2)  Ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit jinkludu wkoll in-noti ta’ spjegazzjoni.

    (3)  Dan ammonta għal EUR 46,7 biljun. Aħna nipprovdu aktar informazzjoni fil-paragrafi 1.19 sa 1.21 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

    (4)  Dan ammonta għal EUR 53,5 biljun. Aħna nipprovdu aktar informazzjoni fil-paragrafu 1.18 tar-Rapport Annwali 2017 tagħna.

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169 1.7.2015, p. 1) (ir-“Regolament dwar il-FEIS”).

    (6)  Il-garanzija nżdiedet għal massimu ta’ EUR 26 biljun skont ir-Regolament dwar il-FEIS emendat f’Diċembru 2017 (ir-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 34)) u l-Ftehim dwar il-FEIS emendat f’Marzu 2018.

    (7)  Ara l-paragrafi 1.12-1.16 tar-Rapport Annwali 2015 tagħna.

    (8)  L-istruttura ta’ governanza tal-Faċilità tal-FEIS, kif ukoll l-użu u l-allokazzjoni tal-garanzija tal-UE, jistgħu jservu bħala indikazzjoni li l-FEIS jinsab taħt kontroll konġunt. Madankollu, skont il-Kummissjoni, mhuwiex meħtieġ kunsens unanimu għal deċiżjonijiet dwar l-aktar attivitajiet rilevanti fir-rigward tal-Prodott ta’ Ekwità tas-SMEW jew tal-inizjattiva tal-FEIS fl-intier tagħha, u għalhekk l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni kkonkluda li ma jista’ jeżisti l-ebda kontroll konġunt.

    (9)  Ara l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) 25 — Employee benefits (Benefiċċji tal-impjegati). Għall-PSEO, l-obbligu ta’ benefiċċju ddefinit jirrifletti l-valur attwali ta’ pagamenti futuri mistennija li l-UE tkun meħtieġa li tagħmel biex tħallas l-obbligi tal-pensjonijiet li jirriżultaw mis-servizz tal-impjegati fil-perjodu attwali u f’dawk preċedenti.

    (10)  Dan huwa magħmul minn ammont ta’ EUR 64 biljun f’imposti dovuti li jidher fuq in-naħa tal-obbligazzjonijiet fil-karta tal-bilanċ u, ammont ta’ EUR 37 biljun, li jnaqqas il-valur tal-prefinanzjamenti li jidher fuq in-naħa tal-assi fil-karta tal-bilanċ.


    Top