Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0510

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide (2016/3029(RSP))

    ĠU C 238, 6.7.2018, p. 125–127 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 238/125


    P8_TA(2016)0510

    Appoġġ għall-vittmi tat-thalidomide

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide (2016/3029(RSP))

    (2018/C 238/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-emendar mistenni tal-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide, li jista' jintuża mill-Gvern Ġermaniż biex jippermetti lil dawk is-superstiti tat-thalidomide li ġew akkreditati bħala tali minn skemi fiduċjarji maħtura mill-qrati, jew inkella huma benefiċjarji ta' skemi ta' gvernijiet nazzjonali, ikollhom aċċess kollettiv għall-Fond Speċjali tas-Saħħa tal-Conterganstiftung (Fondazzjoni tat-Thalidomide) tal-Ġermanja,

    wara li kkunsidra d-Digriet Irjali Spanjol 1006/2010 tal-5 ta' Awwissu 2010, li jirregola l-proċedura għall-għoti ta' għajnuna lil persuni affettwati mit-thalidomide fi Spanja matul il-perjodu 1960-1965,

    wara li kkunsidra l-għadd approssimattiv ta' superstiti tat-thalidomide fl-UE (madwar 2 700 ruħ fil-Ġermanja (sors: il-Gvern Ġermaniż), madwar 500 ruħ fl-Italja (sors: VITA – Associazione Vittime Italiane Thalidomide), 500 ruħ fir-Renju Unit, 100 ruħ fl-Iżvezja (sors: studju ta' DLA Piper), u 200 ruħ fi Spanja (sors: Avite Spain)),

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Università ta' Heidelberg bit-titolu “Wiederholt durchzuführende Befragungen zu Problemen, speziellen Bedarfen und Versorgungsdefiziten von contergangeschädigten Menschen (2010-2013)” (Stħarriġ li għandu jsir ripetutament dwar il-problemi, il-ħtiġijiet speċjali u n-nuqqasijiet ta' kura esperjenzati mill-vittmi tat-thalidomide), li jagħti tagħrif dettaljat dwar il-problemi jikbru tas-saħħa, il-ħtiġijiet speċifiċi u n-nuqqasijiet fl-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide,

    wara li kkunsidra r-Rapport Firefly ta' Jannar 2015 li rrileva d-deterjorament fis-saħħa fiżika u emozzjonali tas-superstiti tat-thalidomide u l-ħtiġijiet futuri tagħhom (1),

    wara li kkunsidra r-rapport ikkummissjonat mid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Istat Ġermaniż ta' Nordrhein-Westfalen f'Mejju 2015, li jinvestiga l-kwalita tal-ħajja ta' superstiti tat-thalidomide u jipprevedi l-ħtiġijiet tagħhom fil-ġejjieni (Rapport tal-Università ta’ Cologne) (2),

    wara li kkunsidra l-Ittri Miftuħa mill-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew, li jenfasizzaw li s-superstiti tat-thalidomide jgħixu b'uġigħ kroniku debilitanti u jbatu minn ħtiġijiet mhux moqdija,

    wara li kkunsidra l-konferenza stampa li saret fis-27 ta' Mejju 2015 fil-Parlament Ewropew fi Brussell, li matulha Membri tal-PE mill-gruppi politiċi kollha saħqu fuq il-ħtieġa li s-superstiti tat-thalidomide jingħataw appoġġ għall-ħtiġijiet tas-saħħa tagħhom (3),

    wara li kkunsidra ċ-ċelebrazzjonijiet kommemorattivi tal-UE f'Settembru 2015, fl-okkażjoni tal-50 sena mill-adozzjoni tal-ewwel regolamenti farmaċewtiċi fl-Ewropa bl-għan li jipproteġu ċ-ċittadini tal-UE, li huwa rikonoxximent ulterjuri li leġiżlazzjoni farmaċewtika effikaċi hija legat dejjiemi għall-eluf ta' mwiet ta' trabi tat-twelid u għad-difetti gravi fit-twelid li rriżultaw mill-konsum tat-thalidomide matul it-tqala,

    wara li kkunsidra l-Mistoqija lill-Kummissjoni (O-000035/2016 – B8-0120/2016) u lid-dibattitu fil-plenarja dwar it-thalidomide fid-9 ta’ Marzu 2016,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-5 ta' Marzu 2015 mill-uffiċċju tal-avukati internazzjonali Ince and Co., li tiddeskrivi kif in-nuqqas ta' sorveljanza farmaċewtika u t-tneħħija ta' evidenza dwar l-effetti tat-thalidomide kellhom impatt fuq is-saħħa tal-vittmi tal-mediċina (4),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ġunju 2016 tal-Gvern Federali Ġermaniż dwar il-ħtieġa li tittieħed responsabbiltà għas-superstiti tat-thalidomide u li dawn jingħataw appoġġ mhux burokratiku (5),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-mediċina thalidomide kienet ikkummerċjalizzata minn Chemie Grünenthal GmbH fi tmiem il-ħamsinijiet u fil-bidu tas-sittinijiet bħala mediċina sikura għat-trattament tad-dardir ta' filgħodu, l-uġigħ ta' ras, is-sogħla, l-insomnja u l-irjiħat; billi rriżultat fil-mewt u l-malformazzjoni ta' eluf ta' trabi meta ttieħdet minn nisa tqal f'ħafna pajjiżi Ewropej;

    B.

    billi dokumenti minn żmien l-iskandlu tat-thalidomide, li ġew ivverifikati b'mod indipendenti mill-uffiċċju tal-avukati internazzjonali Ince and Co., juru li kien hemm nuqqas kbir ta' sorveljanza farmaċewtika effikaċi fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-kontra ta' pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti tal-Amerika, Franza, il-Portugall u t-Turkija;

    C.

    billi riċerka vverifikata b'mod indipendenti (6) twassal għal inferenza ineżorabbli li fl-1970, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja interferiet fil-proċedimenti kriminali kontra Chemie Grünenthal GmbH, il-manifattur Ġermaniż tat-thalidomide, u, b'konsegwenza, ma setgħetx tiġi stabbilita sew il-ħtija tal-manifattur; billi, barra minn hekk, ittieħdu passi biex jiġu evitati proċedimenti ċivili kontra din il-kumpanija, li probabbilment ma ppermettewx li ssir ġustizzja mal-vittmi jew li dawn jingħataw appoġġ finanzjarju xieraq għall-problemi tas-saħħa kurrenti u futuri tagħhom;

    D.

    billi rapporti indipendenti ppubblikati reċentement fil-Ġermanja (Rapport tal-Università ta' Heidelberg u Rapport tal-Università ta' Cologne) u fir-Renju Unit (Rapport Firefly) jikkonkludu li s-superstiti tat-thalidomide jeħtieġu aktar appoġġ għall-ħtiġijiet tas-saħħa mhux moqdija tagħhom, għall-mobilità u għal għajxien indipendenti, peress li ġisimhom qed jiddeterjora rapidament minħabba n-natura tad-diżabilitajiet tagħhom u n-nuqqas ta' appoġġ matul is-snin sa minn twelidhom;

    E.

    filwaqt li jirrikonoxxi li, waqt li l-Ġermanja ġġorr responsabblità partikolari, gvernijiet nazzjonali oħra huma responsabbli wkoll biex jiżguraw it-trattament ġust tas-superstiti tat-thalidomide tagħhom stess;

    F.

    filwaqt li jirrikonoxxi li l-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew, f'Ittri Miftuħa, appoġġaw l-isforzi intiżi biex jgħinu lis-superstiti tat-thalidomide fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-saħħa tagħhom;

    G.

    filwaqt li jfakkar fil-konferenza stampa li saret f'Mejju 2015 fi Brussell, appoġġata mill-gruppi politiċi kollha tal-Parlament Ewropew, li enfasizzat il-ħtiġijiet tas-saħħa li baqgħu ma nqdewx tas-superstiti tat-thalidomide;

    H.

    filwaqt li jfakkar illi fi Brussell, f'Settembru 2015, il-Kummissjoni ċċelebrat il-50 anniversarju mill-adozzjoni tal-ewwel biċċa leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE, li fil-biċċa l-kbira nħolqot b'riżultat tal-iskandlu tat-thalidomide; filwaqt li jenfasizza li waqt li l-istrutturi regolatorji li ġew żviluppati sussegwentement kienu strumentali fil-protezzjoni ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE minn diżastri simili matul l-aħħar 50 sena, is-superstiti tat-thalidomide ilhom jgħixu bil-konsegwenzi debilitanti u li jikkawżaw l-uġigħ tal-mediċina;

    I.

    filwaqt li jfakkar li matul id-dibattitu fil-plenarja fi Strasburgu f'Marzu 2016, Membri tal-PE mill-gruppi politiċi kollha enfasizzaw l-urġenza li jiġu appoġġati l-ħtiġijiet mhux moqdija tas-superstiti tat-thalidomide, u l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis, qal li jirrikonoxxi r-rieda li tinstab soluzzjoni xierqa għas-superstiti kollha tat-thalidomide li ttejjeb il-kwalità ta' ħajjithom;

    J.

    filwaqt li jinnota li issa hemm kemm l-opportunità kif ukoll ir-rieda fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni, skont standards etiċi u umanitarji, li jinstab rimedju għall-ħsara li saret minħabba n-nuqqas ta' kontroll farmaċewtiku u t-tneħħija sussegwenti tal-evidenza, li wasslu għat-traġedja tat-thalidomide;

    K.

    filwaqt li jtenni d-dikjarazzjoni li saret f'Ġunju 2016 mill-Gvern Federali Ġermaniż (7) li jrid jerfa' r-responsabbiltà u jipprovdi appoġġ finanzjarju, mingħajr proċeduri amministrattivi burokratiċi u testijiet individwali li jdumu ħafna;

    L.

    filwaqt li jinnota li l-Gvern Federali Ġermaniż irrikonoxxa wkoll, f'Ġunju 2016, li bidla fl-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide fil-Ġermanja kienet meħtieġa u fattibbli qabel Jannar 2017;

    M.

    filwaqt li jinnota li ħafna superstiti madwar l-UE spiss ma jkunux jistgħu japplikaw għal finanzjament biex ikopru l-ispejjeż tas-servizzi soċjali, li bħalissa huma l-akbar tħassib għas-superstiti tat-thalidomide li, illum li għandhom etajiet li jvarjaw bejn il-ħamsin u s-sebgħin sena, se jiġu bżonn dawn is-servizzi ħafna aktar spiss fis-snin li ġejjin, billi dawk li jieħdu ħsiebhom, li ħafna drabi jkunu s-sħab jew il-qraba tagħhom, jistgħu jimirdu jew imutu huma stess;

    1.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw azzjonijiet u miżuri intiżi biex is-superstiti tat-thalidomide jiġu rikonoxxuti formalment u jingħataw kumpens;

    2.

    Iħeġġeġ lill-Gvern Federali Ġermaniż juża l-opportunità ippreżentata mill-emendar mistenni tal-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide biex jippermetti lis-superstiti tat-thalidomide, li ġew akkreditati bħala tali minn skemi fiduċjarji maħtura mill-qrati, jew inkella huma benefiċjarji ta' skemi ta' gvernijiet nazzjonali, ikollhom aċċess għall-Fond Speċjali tas-Saħħa tal-Conterganstiftung für behinderte Menschen (Fondazzjoni tat-Thalidomide għal Persuni b'Diżabilitajiet) tal-Ġermanja;

    3.

    Jitlob li s-superstiti tat-thalidomide mir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, l-Iżvezja u Stati Membri oħra jitħallew jużaw l-iskema fuq bażi ta' grupp meta l-istatus tagħhom bħala individwi affettwati mit-thalidomide ikun ġie aċċettat bħala bona fide f'pajjiżhom stess;

    4.

    Jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli jirrieżaminaw il-proċess mibdi mill-gvern fl-2010, u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-kumpens xierqa tas-superstiti Spanjoli tat-thalidomide fl-iskema nazzjonali tagħhom, kif iddikjarat fil-Proposta Mhux Leġiżlattiva dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Affettwati mit-Thalidomide (161/000331), approvata b'mod unanimu mill-Kungress Spanjol fl-24 ta' Novembru 2016;

    5.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq protokoll qafas fil-livell Ewropew, li permezz tiegħu ċ-ċittadini Ewropej kollha affettwati mit-thalidomide jirċievu ammonti simili ta' kumpens, irrispettivament minn liema Stat Membru jkunu ġejjin, u tfassal programm tal-UE ta' assistenza u appoġġ (inklużi dispożizzjonijiet kemm finanzjarji kif ukoll ta' welfare) għall-vittmi tat-thalidomide u l-familji tagħhom;

    6.

    Jitlob lill-kumpanija Grünenthal terfa' r-responsabbiltajiet tagħha billi tipprovdi kumpens u kura xierqa lil dawk il-vittmi li għad iridu jiġu rikonoxxuti, tirrevedi l-proċess għar-rikonoxximent tal-istatus ta' vittma, u tibda djalogu mal-vittmi sabiex tissewwa l-ħsara kkawżata;

    7.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

    (1)  http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2014/01/Firefly-report-March-2015.pdf

    (2)  http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2016/04/The-Cologne-Report.pdf

    (3)  http://www.fiftyyearfight.org/latest/europe-speaks-loudly-with-one-voice:-press-conference

    (4)  http://www.fiftyyearfight.org/images/Appendix_1._Ince_letter.pdf

    (5)  http://www.bmfsfj.de/BMFSFJ/kinder-und-jugend,did=225796.html

    (6)  http://www.fiftyyearfight.org/images/Appendix_1._Ince_letter.pdf

    (7)  https://www.bmfsfj.de/bmfsfj/aktuelles/alle-meldungen/leistungen-sollen-gerechter-verteilt-werden/90418?view=DEFAULT


    Top