Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0502

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015 (2016/2219(INI))

    ĠU C 238, 6.7.2018, p. 57–88 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 238/57


    P8_TA(2016)0502

    Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015 (2016/2219(INI))

    (2018/C 238/06)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fl-24 ta' Ottubru 1945,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u trattati u strumenti oħra tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottati fi New York fis-16 ta' Diċembru 1966,

    wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali ċentrali tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità, li l-UE hija parti tagħha,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) (1),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tat-18 ta' Diċembru 1990 dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom (3),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tan-NU (4),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u d-dokument ta' eżitu tal-22 ta' Settembru 2014 tal-laqgħa plenarja ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali magħrufa bħala l-Konferenza Dinjija dwar il-Popli Indiġeni (5),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Vjenna, adottati fil-25 ta' Ġunju 1993 (6),

    wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tal-1995 (7) u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) tal-1994 (8) u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

    wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Pariġi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (NHRI) (9),

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-anzjani,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 8, 21 u 23 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

    wara li kkunsidra d-dokument ippubblikat mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-28 ta' Ġunju 2016 intitolat “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea” (10),

    wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012 (11),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (12) u l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (13),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015 (14),

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin (15),

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI) (16), adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

    wara li kkunsidra l-Linji Gwida għad-delegazzjonijiet interparlamentari tal-PE dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija waqt iż-żjarat tagħhom barra mill-UE,

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2015, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2016 (17),

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020 (GAPII), adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015 (18),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI (19) u l-lista ta' azzjonijiet mill-Kummissjoni għall-avvanz tal-ugwaljanza għal-LGBTI (2016-2019) (20),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar is-Sessi fl-Iżvilupp (21),

    wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tat-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0240) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni tal-20 ta' Lulju 2015 (22), tal-14 ta' Settembru 2015 (23) u tat-22 ta' Settembru 2015 (24),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (CFSP) 2015/260 tas-17 ta' Frar 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (25),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2014 dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal (26),

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2012 dwar “Inżidu l-Impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-bidla” (27),

    wara li kkunsidra l-indikaturi riveduti tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-Approċċ Komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, adottati mill-Kunsill fl-20 ta' Settembru 2016 (28),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Istanbul tal-11 ta' Mejju 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (29),

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/CFSP tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK (30),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-RGħ/VP dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) (JOIN(2015)0050),

    Wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta tal-11-12 ta' Novembru 2015 (31),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-13 ta' Ottubru 2015 dwar in-nisa, il-paċi u l-implimentazzjoni tas-sigurtà (32),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-vjolenza sesswali bħala delitti tal-gwerra (33),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta' Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (34),

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-protezzjoni tal-migranti (35),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja (36),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fir-relazzjonijiet esterni tal-UE (37),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali (38),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni (39),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejjaħ 'ISIS/Da'esh' (40),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja fl-2014 u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni (41),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fl-Ewropa (42),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp (43),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt (44),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-teknoloġija: l-impatt ta' sistemi ta' intrużjoni u sorveljanza fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi (45),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew (46),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2015 (47),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-attakk tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi (48),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati (49),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta (50) u r-rapport tat-28 ta' Jannar 2016 dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar kwistjonijiet ta' minoranzi (51),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja (52),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE (53),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet (54),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar il-politiki esterni tal-UE favur id-Demokratizzazzjoni (55),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar politiki tal-UE favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (56),

    wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem: l-Implimentazzjoni tal-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti “Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja”, approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-riżoluzzjoni tiegħu 17/4 tas-6 ta' Lulju 2011 (57),

    wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2015 tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (58),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0355/2016),

    A.

    billi l-Artikolu 21 tat-TUE jimpenja lill-Unjoni Ewropea fil-konfront ta' Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha stess, u li hija se taħdem biex tmexxi 'l quddiem fid-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

    B.

    billi l-Artikolu 207 tat-TFUE jesiġi li l-politika kummerċjali tal-UE għandha tissejjes fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea;

    C.

    billi l-Artikolu 3 tat-TUE jiddikjara li “fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Hija għandha tikkontribwixxi għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ liberu u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk tat-tfal, kif ukoll għar-rispett sħiħ u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, partikolarment ir-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”;

    D.

    billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-miri prinċipali tal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, kif stabbiliti mill-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi;

    E.

    billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp huma marbuta mill-qrib u jsaħħu lil xulxin;

    F.

    billi l-politika ta' sostenn favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għandha tkun integrata fil-politiki kollha tal-UE b'dimensjoni esterna, bħall-iżvilupp, il-migrazzjoni, is-sigurtà, l-antiterroriżmu, it-tkabbir u l-kummerċ, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonalitajiet tad-drittijiet tal-bniedem;

    G.

    billi l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE barra mill-Unjoni, u billi ż-żieda fil-koerenza bejn il-politiki interni u dawk esterni tal-UE hija wkoll rekwiżit indispensabbli għal politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u demokratizzazzjoni ta' suċċess u effettiva; billi l-konsistenza mtejba għandha tippermetti lill-UE tirrispondi aktar malajr u b'mod aktar effiċjenti fil-fażijiet bikrin tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; u billi l-isfida ta' koerenza hija partikolarment impressjonanti fir-rigward tal-politika migratorja attwali;

    H.

    billi l-valuri tal-libertà, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju li jsiru elezzjonijiet perjodiċi u ġenwini huma elementi essenzjali tad-demokrazija; billi, barra mill-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi, fost il-karatteristiċi ta' reġimi demokratiċi nsibu l-governanza trasparenti u responsabbli, ir-rispett tal-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-eżistenza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti u r-rispett tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    I.

    billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jinsab mhedded fid-dinja kollha, u billi l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem qed tiġi kkontestata b'mod serju minn għadd ta' reġimi awtoritarji; billi fid-dinja saru bosta tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili, anki fi ħdan il-fora multilaterali; u billi n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu konsegwenzi negattivi għall-individwu jewgħal qrabatu u għas-soċjetà;

    J.

    billi l-UE kellha rwol importanti fl-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li għandha l-għan li tikseb drittijiet tal-bniedem għal kulħadd;

    K.

    billi Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015–2019 ġie adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015, bil-ħsieb li jippermetti lill-UE tindirizza tali sfidi permezz ta' approċċ aktar iffukat, sistematiku u kkoordinat tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu; billi dan il-pjan ta' azzjoni għandu jiġu implimentati skont il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020;

    L.

    billi l-VP/RGħ iddikjarat li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fost il-prijoritajiet globali tagħha u li għandha l-ħsieb li tużahom bħala gwida fir-rigward tar-relazzjonijiet kollha tagħha ma' pajjiżi terzi; billi hija tenniet ukoll l-impenn tal-UE li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet barranin “mingħajr eċċezzjoni”;

    M.

    billi l-impenn tal-UE favur il-multilateraliżmu effikaċi, bin-NU fil-qalba tiegħu, huwa parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni, abbażi tal-konvinzjoni li sistema multilaterali fuq sies ta' regoli u valuri universali hija l-aktar adatta biex tindirizza l-kriżijiet, l-isfidi u t-theddid globali; billi l-involviment ma' pajjiżi terzi, fil-fora bilaterali u multilaterali kollha, jikkostitwixxi waħda mill-għodod l-aktar effettivi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi;

    N.

    billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċedura Speċjali li tittratta sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

    O.

    billi l-UE tqis li l-kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha biex javvanzaw id-drittijiet tal-bniedem u jiġu indirizzati ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    P.

    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli (59), il-Parlament jesprimi tħassib kbir dwar ir-repressjoni fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), jisħaq fuq l-importanza li tiġi ddefinita sistema ta' monitoraġġ għall-evwalwazzjoni tal-progress f'dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet regolatorji u ta' politika, u jitlob għall-promozzjoni ta' ambjent abilitanti għall-OSĊ; billi ħafna pajjiżi reċentement għaddew leġiżlazzjoni rigoruża li tiddikjara li l-organizzazzjonijiet barranin mhumiex mixtieqa meta jitqiesu bħala theddida għall-ordni kostituzzjonali, għaad-difiża jew għas-sigurtà, u billi fl-2015, 185 attivist ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem inqatlu fid-dinja, li minnhom 66 % inqatlu fl-Amerika Latina;

    Q.

    billi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar sabiex id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) jitwaqqfu milli jattendu avvenimenti internazzjonali qed jintużaw minn għadd dejjem akbar ta' pajjiżi, partikolarment fl-Asja, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika;

    R.

    billi l-Artikoli 18 u 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxu d-dritt ta' kulħadd għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, u l-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, li jinkludu l-libertà li wieħed ikollu opinjoni mingħajr indħil u biex wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta' kwalunkwe media u irrispettivament mill-fruntieri; billi l-għadd ta' każijiet ta' persekuzzjoni li jirrigwardaw biss persuni li jeżerċitaw b'mod paċifiku d-dritt tagħhom għal-libertà ta' opinjoni u ta espressjoni żdied b'mod konsiderevoli;

    S.

    billi l-Artikolu 20 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxi li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU 21/16 tfakkar lill-Istati fl-obbligu tagħhom li jirrispettaw u jipproteġu bis-sħiħ id-drittijiet ta' individwi li jingħaqdu b'mod paċifiku u li jassoċjaw ruħhom liberament, kemm online kif ukoll offline, u billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin iridu jiġu appoġġati permezz ta' djalogi interreliġjużi u interkulturali;

    T.

    billi r-regoli bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem huma stabbiliti skont il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali, u huma fil-qalba tal-azzjonijiet umanitarji kollha; billi l-ħarsien ta' persuni ċivili u ta' persuni spostati f'żoni ta' kunflitt għandu jkun garantit b'newtralità u imparzjalità sħiħa, u billi l-indipendenza tal-għajnuna għandha tipprevali;

    U.

    billi l-okkupazzjoni illegali ta' territorju hija ksur kontinwu tad-dritt internazzjonali, li, skont id-dritt umanitarju internazzjonali, tiskatta r-responsabilità tal-forzi okkupanti għall-popolazzjoni ċivili ta' dak it-territorju;

    V.

    billi l-evidenza ta' delitti tal-gwerra u ta' delitti kontra l-umanità hija diffiċli biex tiġi ppreservata – speċjalment fi żmien ta' flussi bla preċedent ta' refuġjati li qed jaħarbu mill-vjolenza; billi l-preservazzjoni ta' evidenza hija essenzjali biex il-ħatja jinġiebu quddiem il-ġustizzja;

    W.

    billi t-tentattivi li jingħalaq il-ħabs tal-Istati Uniti fil-Bajja ta' Guantánamo fallew u nħelsu jew ġew rilokati 20 detenut biss fl-2015;

    X.

    billi, fid-dinja kollha, aktar u aktar nies qed jaħarbu minn gwerer, kunflitti armati jew kundizzjonijiet degradanti oħra, u billi dawn il-flussi ta' refuġjati u d-diversi forom ta' migrazzjoni jirrappreżentaw sfida sinifikanti, kemm għall-UE, kif ukoll f'termini globali, li jeħtieġu soluzzjonijiet immedjati, effikaċi u sostenibbli skont il-valuri komuni Ewropej tagħna; billi l-għajnuna umanitarja pprovduta mill-Kummissjoni, bħala d-donatur globali ewlieni, tgħin lir-refuġjati u n-nies spostati f'aktar minn 30 pajjiż;

    Y.

    billi l-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti, it-traffikar u l-isfruttament tax-xogħol tal-migranti teħtieġ kemm reazzjonijiet fil-perjodu qasir, medju u fit-tul, fosthom miżuri biex jiġu sfrattati n-netwerks kriminali u biex il-kriminali jinġiebu quddiem il-ġustizzja, il-ġbir u l-analiżi tad-data, miżuri ta' protezzjoni għall-vittmi u miżuri ta' ritorn għall-migranti residenti b'mod irregolari, kif ukoll kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u strateġiji aktar fit-tul sabiex tkun indirizzata d-domanda għal persuni traffikati u kuntrabandati u l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni li jġiegħlu lill-persuni jispiċċaw taħt idejn il-kuntrabandisti kriminali;

    Z.

    billi l-ġustizzja hija essenzjali biex javvanza r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u l-UE u l-Istati Membri tagħha ilhom jappoġġaw mingħajr kundizzjonijiet lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) sa mill-bidu tagħha, filwaqt li jippromwovu l-universalità tal-Istatut ta' Ruma u jiddefendu l-integrità tagħha bl-għan li jsaħħu l-indipendenza tal-Qorti;

    AA.

    billi s'issa sar progress sostanzjali lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, u billi bosta pajjiżi ssospendew il-piena kapitali filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi f'dan ir-rigward; billi s-sena 2015 rat żieda drammatika fl-għadd ta' eżekuzzjonijiet globali, li kważi 90 % saru fi tliet pajjiżi biss, jiġifieri l-Iran, il-Pakistan u l-Arabja Sawdija; billi l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu ma abolixxiex il-piena kapitali;

    AB.

    billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija fil-qalba tal-valuri Ewropej u hija minquxa fi ħdan il-qafas politiku u ġuridiku tal-UE, kif ukoll fil-qalba tal-Aġenda 2030 tan-NU; billi l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet żdiedu b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar snin, speċjalment f'żoni ta' gwerra u dawk taħt reġimi awtoritarji;

    AC.

    billi, skont l-UNICEF, 250 miljun tifel u tifla madwar id-dinja qegħdin jgħixu f'pajjiżi milquta minn kunflitti, u kważi 50 miljun tifel u tifla jew ġew spostati b'mod furzat minħabba l-vjolenza, il-gwerra u l-atroċitajiet tagħha, it-terroriżmu u r-ribelljoni, jew emigraw b'mod transfruntier, u ħafna għadhom isofru mill-forom kollha ta' diskriminazzjoni, vjolenza, sfruttament, abbuż, xogħol furzat, faqar u malnutrizzjoni;

    AD.

    billi, skont l-UNICEF, 1 minn kull 200 tifel u tifla madwar id-dinja huma tfal refuġjati, kważi terz tat-tfal kollha li jgħixu barra pajjiż twelidhom huma refuġjati u n-numru ta' tfal refuġjati rdoppja bejn l-2005 u l-2015;

    AE.

    billi l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jirrikonoxxi d-dritt ta' kulħadd għal “livell ta' ħajja suffiċjenti biex jiżguralu saħħtu, għajxien tajjeb għalih u għall-familja tiegħu”, li fiha l-maternità u t-tfulija jkollhom dritt għal attenzjoni u assistenza speċjali, u li tinkludi kura medika; billi l-aċċess għall-edukazzjoni, in-nutrizzjoni u l-kura tas-saħħa għandu jiġi ggarantit lit-tfal kollha; billi r-riżoluzzjoni 26/28(36) tal-UNHRC titlob li l-laqgħa li jmiss tal-Forum Soċjali tal-UNHRC tiffoka fuq l-aċċess għall-mediċini fil-kuntest tad-dritt li kulħadd igawdi l-ogħla grad possibbli ta' saħħa fiżika u mentali; billi l-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinija tas-Saħħa (WHO) tiddikjara li t-tgawdija tal-ogħla grad ta' saħħa possibbli huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali ta' kull bniedem mingħajr ebda distinzjoni ta' razza, reliġjon, twemmin politiku, u kundizzjoni ekonomika jew soċjali;

    AF.

    billi skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-awtoritajiet għandhom jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal li jiġu sseparati minn ġenitur jew mit-tnejn li huma;

    AG.

    billi l-vjolenza kontra, u l-prosekuzzjoni tal-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTI tibqa' teżisti f'bosta postijiet madwar id-dinja, u d-diskriminazzjoni fil-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg u setturi oħra hija mifruxa;

    AH.

    billi r-rapporti dwar ksur tad-drittijiet ċivili u politiċi, ekonomiċi, tax-xogħol, soċjali u kulturali, kif ukoll ħsara ambjentali li tirriżulta minn prattiki ħżiena minn xi atturi mis-settur privat, jibqgħu jinstemgħu madwar id-dinja; billi hemm rabta qawwija bejn il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-flussi ta' kapital illeċiti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    AI.

    billi l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem japplikaw għall-Istati u għall-impriżi kummerċjali kollha, kemm jekk transnazzjonali kif ukoll ta' natura oħra, indipendentement mid-daqs, mis-settur, mill-post, mis-sjieda u mill-istruttura tagħhom, għad li mekkaniżmi effikaċi ta' kontroll u ta' sanzjonijiet għadhom jirrappreżentaw sfida fl-implimentazzjoni ta' dawn il-Prinċipji Gwida; billi l-karatteristiċi speċjali tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għandhom jitqiesu sew u jiġu integrati f'approċċ flessibbli ta' responsabilità soċjali korporattiva (CSR) li jkun adattat għall-potenzjal tagħhom;

    AJ.

    billi f'Ottubru 2015, il-Kummissjoni ħarġet l-istrateġija kummerċjali l-ġdida “Kummerċ għal kulħadd”, fejn tistabbilixxi l-għan tagħha li tuża l-kummerċ bħala mezz għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;

    AK.

    billi fl-2015, l-UE bdiet taħdem fuq leġiżlazzjoni li tindirizza l-kummerċ ta' minerali li jalimentaw il-kunflitti;

    AL.

    billi avvenimenti sportivi nazzjonali u internazzjonali bħal-Logħob Olimpiku u t-Tazza tad-Dinja tal-Futbol ma għandhomx jintużaw għal skopijiet politiċi, iżda għandhom jiġu organizzati fir-rispett sħiħ tad-drittijiet kollha tal-bniedem, kif minquxa fil-Karta Olimpika, u għandhom jimmiraw lejn l-iżvilupp armonjuż tal-umanità, bil-ħsieb li tiġi promossa soċjetà paċifika li tkun impenjata fil-preservazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tal-bniedem, u mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq nazzjonalità, razza, reliġjon, politika, sess, identità sesswali, orjentazzjoni sesswali jew karatteristiċi tas-sess;

    AM.

    billi l-bidliet ambjentali qed jikkompromettu aċċess għall-ilma, għar-riżorsi naturali u għall-ikel;

    Iċ-ċentralità tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki esterni tal-UE

    1.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi qed jiġu mhedda madwar id-dinja kollha, u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem qed tiġi serjament kkontestata f'ħafna partijiet tad-dinja, inklużi taħt reġimi awtoritarji kif ukoll minn gruppi terroristiċi bħal Da'esh;

    2.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd kbir u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iż-żieda tal-limitazzjonijiet għal-libertà ta' għaqda u l-libertà ta' espressjoni, u l-għadd dejjem jikber ta' liġijiet ripressivi li jaffettwaw lis-soċjetà ċivili madwar id-dinja f'pajjiżi bħalma huma r-Russja, it-Turkija u ċ-Ċina, inkluż bl-iskuża tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (permezz tal-introduzzjoni ta' liġijiet kontra t-terroriżmu, sitwazzjonijiet ta' emerġenza u miżuri ta' sigurtà), billi ħafna drabi jkun hemm impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-abbuż frekwenti ta' dawn il-liġijiet għal finijiet ta' repressjoni; ifakkar li tali leġiżlazzjoni bl-ebda mod m'għandha qatt tintuża biex jiċċekken l-ispazju li fih il-gruppi tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu joperaw; jitlob għal kundanna ċara ta' dawn l-abbużi u l-ksur;

    3.

    Jenfasizza b'mod sod li l-UE hija impenjata favur il-PESK u l-politiki l-oħra kollha b'dimensjoni esterna fuq sies ta' avvanzi fid-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji ta' ugwaljanza u solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; itenni li dawn il-prinċipji huma wkoll intrinsiċi għal azzjoni esterna lil hinn mill-PESK, inkluż fil-politiki tal-iżvilupp u dawk umanitarji;

    4.

    Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE u lill-Istati Membri jaġixxu fuq l-impenji tagħhom biex jippromwovu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, iħarsu u jwettqu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-iżvilupp bil-mezzi kollha paċifiċi, u biex iqiegħdu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha — u dan fil-livelli kollha;

    5.

    Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex imexxu bl-eżempju, billi jitkellmu b'vuċi waħda f'appoġġ għall-indiviżibilità, l-interrelazzjoni u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, billi jiġu ratifikati l-istrumenti internazzjonali kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbiliti min-NU;

    6.

    Jenfasizza li sabiex l-UE tkun attur kredibbli fir-relazzjonijiet esterni, hija għandha tiżgura aktar koerenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi (bi strateġiji għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni LGBTI kruċjali għal dan l-għan), u għandha timmira lejn implimentazzjoni sistematikament konsistenti u koerenti tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    7.

    Jiġbed l-attenzjoni għall-impenn fit-tul tiegħu li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u jsir progress fil-valuri demokratiċi, kif rifless, fost oħrajn, fl-għoti annwali tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb, fix-xogħol tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Osservazzjoni Elettorali u Appoġġ Demokratiku u tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija, fid-dibattiti plenarji u r-riżoluzzjonijiet ta' kull xahar dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, u fil-ħafna delegazzjonijiet parlamentari;

    8.

    Jinsab imħasseb serjament li, attwalment, ħafna difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jiġu attakkati; jistieden lill-UE, u b'mod partikolari lill-VP/RGħ, biex tadotta politika li tiddenunzja, b'mod sistematiku u mingħajr ekwivoku, il-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u kwalunkwe tentattiv biex jiġu soġġetti għal kull forma ta' vjolenza, persekuzzjoni, theddid, fastidju, għajbien, priġunerija jew arrest arbitrarju, biex tikkundanna lil dawk li jikkommettu jew jittolleraw tali atroċitajiet, u biex tintensifika d-diplomazija pubblika miftuħa u ċara tagħha ta' appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, anki fejn jidħlu x-xhieda tagħhom fil-fora multilaterali; jistieden lill-UE toħroġ gwida dwar din il-politika, peress li dan iżid il-konsistenza tal-prijoritajiet attwali tal-UE kif stabbilit fid-diversi linji gwida eżistenti tal-UE; iħeġġeġ lill-persunal diplomatiku tad-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri biex ikomplu jappoġġaw b'mod attiv lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, billi jimmonitorjaw b'mod sistematiku l-proċessi, iżuru lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma l-ħabs u joħorġu dikjarazzjonijiet dwar każijiet individwali, meta jkun xieraq; jitlob għat-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ tal-ispazju tas-soċjetà ċivili b'mod effettiv u b'punti ta' riferiment ċari u indikaturi; itenni l-importanza tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) għal appoġġ finanzjarju u materjali dirett urġenti għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'riskju, u fond ta' emerġenza li jippermetti lid-delegazzjonijiet tal-UE jagħtu għotjiet diretti ad hoc lil difensuri li ħajjithom tkun taħt theddida imminenti;

    9.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (NHRI), skont il-Prinċipji ta' Pariġi tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mandat, riżorsi u għarfien espert suffiċjenti biex jissodisfaw is-salvagwardja u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

    10.

    Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar relazzjonijiet interparlamentari bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab tagħha f'qafas ta' djalogu onest msejjes fuq il-fehim u fiduċja reċiproċi, bl-għan li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem b'mod effettiv;

    Qafas Strateġiku tal-UE u Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija

    11.

    Jilqa' l-adozzjoni tat-tieni Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019), u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex b'mod sħiħ, konsistenti, trasparenti u f'waqtu jimplimentaw l-azzjonijiet tiegħu, u biex issaħħaħu l-appoġġ għad-demokrazija; jissottolinja li kunsens u koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, huma meħtieġa għall-implimentazzjoni koerenti tal-Pjan ta' Azzjoni, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jieħdu aktar responsabilità fl-implimentazzjoni u r-rieżami tal-Pjan ta' Azzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri jeħtieġ li jirrapportaw lura dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni;

    12.

    Jenfasizza li sabiex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid, l-UE trid talloka r-riżorsi u l-kompetenzi suffiċjenti, kemm f'termini ta' riżorsi umani speċifiċi fi ħdan id-delegazzjonijiet u fi ħdan il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif ukoll f'termini ta' fondi disponibbli għall-proġetti;

    13.

    Iqis li soċjetà ċivili libera hija wieħed mill-pedamenti għall-protezzjoni u l-appoġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi u għalhekk jinsab imħasseb għall-fatt li l-ispazju pubbliku għas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien u li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti huma dejjem aktar attakkati madwar id-dinja; jilqa' l-inklużjoni, fil-Pjan ta' Azzjoni, ta' objettiv biex jiġi indirizzat it-theddid għall-ispazju tas-soċjetà ċivili, u jħeġġeġ lill-UE biex timplimenta l-azzjonijiet deskritti; jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti fl-azzjoni esterna tal-UE jidentifikaw u jindirizzaw in-nuqqasijiet eżistenti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u biex isaħħu l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, ma' parlamenti, ma' partiti politiċi u mal-awtoritajiet lokali, u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali fil-post; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni ma jinkludix objettiv separat dwar it-tisħiħ tal-istandards demokratiċi fil-pajjiżi sħab; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida tal-UE għal appoġġ għad-demokrazija;

    Ir-Rapport Annwali tal-UE

    14.

    Jilqa' l-isforzi li saru biex il-parti tematika tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija titjieb u tkun aktar konċiża u sistematika, u ssir aktar disponibbli b'mod mifrux għall-pubbliku ġenerali; itenni l-fehma tiegħu li r-Rapport Annwali għandu jiġi msaħħaħ permezz ta' approċċ aktar oġġettiv li permezz tiegħu, minbarra l-kisbiet u l-aħjar prattiki, ir-rapport jenfasizza l-isfidi speċifiċi ħafna u r-restrizzjonijiet li jeżistu f'pajjiżi terzi, kif ukoll jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjoni korrettiva u jagħti informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mis-SEAE biex jingħelbu dawn l-isfidi; itenni l-opinjoni tiegħu li r-rapporti tal-pajjiżi li jiffurmaw parti mir-rapport annwali għandhom ikunu deskrittivi mill-inqas u għandhom jirriflettu l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u jagħtu deskrizzjoni ġenerali tal-impatt tal-azzjoni tal-UE fil-post;

    15.

    Itenni t-talba tiegħu għal rappurtar sistematiku u komprensiv dwar il-passi li ttieħdu, ir-riżultati miksuba u l-konklużjonijiet politiċi li jirriżultaw minn azzjoni b'rispons għar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat żvilupp rapidu u reazzjonijiet xierqa għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem anki fl-istadji bikrin ta' tali ksur; jilqa', f'dan ir-rigward, l-azzjoni ta' segwitu li saret mis-SEAE fi ħdan is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar riżoluzzjonijiet dwar dibattiti fuq każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; ifakkar fit-talba tiegħu għal tweġiba komprensiva bil-miktub mill-Kummissjoni u mis-SEAE għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li jaqdi rwol importanti biex jingħata segwitu sistematiku u profond għall-punti kollha mqajma mill-Parlament, u għall-iskrutinju parlamentari; itenni l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ biex tiddiskuti mal-Membri tal-Parlament Ewropew f'żewġ seduti plenarji kull sena, waħda meta jiġi ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-UE, u l-oħra bħala reazzjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament;

    Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem

    16.

    Ifakkar fl-importanza ta' mandat aktar b'saħħtu u aktar flessibbli għar-RSUE tal-UE biex tissaħħaħ l-effikaċja, il-konsistenza u l-viżibilità fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi fid-dinja kollha; itenni t-talba tiegħu biex dan il-mandat isir wieħed permanenti; iqis, barra minn hekk, li r-RSUE għandu jkollu d-dritt li jitkellem pubblikament, u li jkollu setgħat ta' inizjattiva proprja, aktar viżibilità pubblika u riżorsi adegwati u għarfien espert;

    17.

    Jenfasizza l-importanza ta' appoġġ sistematiku għal, u konsultazzjoni approfondita u ġenwina, mas-soċjetà ċivili bi tħejjija ta' żjarat tar-RSUE fil-pajjiżi sħab; jilqa', f'dan ir-rigward, l-impenn qawwi tal-RSUE mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u mas-soċjetà ċivili, inklużi r-rappreżentanti lokali, iż-żgħażagħ u t-tfal, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, qabel, matul u wara żjarat tiegħu f'pajjiżi terzi, u jenfasizza l-importanza ta' impenn kontinwu u dejjem iżjed qawwi fuq dawn il-linji, kif ukoll il-ħtieġa għal mekkaniżmi ta' segwitu ċari u trasparenti; jappoġġa bis-sħiħ il-fokus tar-RSUE, bħala prijorità ewlenija matul il-mandat tiegħu, dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni ta' spazju miftuħ għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-RSUE jirrapporta b'mod regolari lill-Parlament wara ż-żjarat tiegħu; jiddispjaċih li l-ħidma u l-impatt tar-RSUE jistgħu jkunu biss parzjalment aċċessibbli permezz ta' rieżami tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tal-kontijiet tal-media soċjali u tad-diskorsi disponibbli; jiddispjaċih ukoll li ma hemm ebda informazzjoni uffiċjali dwar l-attivitajiet u l-pjanijiet tiegħu u lanqas dwar ir-rapporti ta' progress jew ta' rieżami;

    18.

    Jinkoraġġixxi lir-RSUE jkompli jappoġġa b'mod sistematiku l-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u jissaħħaħ l-impenn tal-UE għall-organizzazzjonijiet u l-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem reġjonali u internazzjonali kollha rilevanti; jistieden lill-Kunsill jadotta bħala prinċipju ġenerali l-prattika tal-inklużjoni sistematika tal-kooperazzjoni mar-RSUE fil-mandat ta' RSUEs ġeografiċi futuri;

    Strateġiji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (HRDCs) u r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE

    19.

    Jilqa' ż-żieda fid-demokrazija tal-HRDCs bħala element neċessarju għal kwalunkwe analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi sħab;

    20.

    Itenni l-importanza li jitqiesu l-HRCS fil-livelli kollha tat-tfassil tal-politiki fir-rigward tal-pajjiżi terzi, inkluż waqt it-tħejjija ta' djalogi politiċi ta' livell għoli, djalogi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi u programmi ta' azzjoni annwali;

    21.

    Itenni li l-HRDCs għandhom jikkorrispondu għal azzjonijiet tal-UE li għandhom jiġu implimentati f'kull pajjiż, skont is-sitwazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jitkejlu, u għandhom jinkludu indikaturi ta' progress u l-possibilità li dawn jiġu aġġustati fejn meħtieġ; jenfasizza l-ħtieġa li l-HRDCs jiġu vvalutati b'mod kontinwu; jappella għal aktar titjib fil-kooperazzjoni, fil-komunikazzjoni u fl-iskambju ta' informazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-UE, l-ambaxxati tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-HRDCs; itenni t-talba tiegħu li l-Membri tal-Parlament Ewropew jingħataw aċċess għall-HRDCs u biex tinkiseb informazzjoni dwar kif l-UE timplimenta dawn l-istrateġiji, u li dawn għandhom jiġu ppreżentati f'format li jippermetti lill-Membri li jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta' skrutinju b'mod xieraq;

    22.

    Jenfasizza l-ħtieġa għall-implimentazzjoni ta' politika tal-UE koerenti u viżibbli fuq is-soċjetà ċivili, u jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim aktar ċar dwar l-użu ta' diplomazija pubblika; iħeġġeġ il-pubblikazzjoni ta' HRDCs u pjanijiet direzzjonali, u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu effettiv ta' reazzjoni, segwitu dwar il-każijiet u l-qsim ta' informazzjoni;

    23.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra ta' punti fokali dwar id-drittijiet tal-bniedem u/jew ta' punti ta' kuntatt għall-kwistjonijiet tal-ġeneru fid-delegazzjonijiet kollha tal-UE, u jfakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jiżviluppaw linji gwida operattivi ċari dwar ir-rwol tal-punti fokali għad-drittijiet tal-bniedem; jinsisti li x-xogħol tal-punti fokali dwar id-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi appoġġat wkoll mill-persunal diplomatiku tal-Istati Membri; jitlob li l-ħidma tal-punti fokali dwar id-drittijiet tal-bniedem għandha tkun totalment indipendenti u ħielsa minn indħil politiku u minn fastidju min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ta' pajjiżi terzi, speċjalment fil-kuntatti tagħhom mal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u mas-soċjetà ċivili; jinsisti fuq l-importanza ta' taħriġ għall-persunal tad-delegazzjonijiet kollha tal-UE dwar il-kontenut tal-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    24.

    Jilqa' ż-żieda fil-baġit u l-proċeduri simplifikati tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem EIDHR 2014-2020, u jitlob biex l-allokazzjoni prevista għal nofs it-terminu tal-EIDHR tinżamm għall-bqija tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali; itenni l-ħtieġa għal koerenza u komplementarjetà bejn id-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE u l-ħtieġa li jiġi żgurat li dan ir-rafforzamet ikun applikabbli għall-istrumenti kollha li jservu d-drittijiet tal-bniedem;

    25.

    Jitlob li kull sena jiġu adottati Programmi Annwali ta' Azzjoni tal-EIDHR, pjuttost milli, kif ġara dan l-aħħar, kull sentejn (2016–2017), sabiex tiġi żgurata l-akbar flessibilità b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet li qed jiżviluppaw, u li jkun hemm l-aqwa kumplimentarjetà ma' strumenti finanzjarji esterni oħrajn tal-UE;

    Djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u konsultazzjonijiet

    26.

    Itenni l-appoġġ tiegħu għal djalogi speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jirrikonoxxi li dawn jistgħu jkunu strument effiċjenti u effikaċi għal impenn u kooperazzjoni bilaterali dment li dawn jippermettu lill-kontropartijiet tagħhom biex jimpenjaw ruħhom f'kwistjonijiet ta' sustanza, jibagħtu messaġġi politiċi serji u orjentati aktar lejn ir-riżultati, b'segwitu konsistenti, li għandu jmur lil hinn mis-sempliċi skambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattiċi u sfidi; jistieden lill-UE biex, b'mod sistemaku, tinkludi diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal fid-djalogi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem;

    27.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-involviment fi djalogi speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem anki ma' pajjiżi bi problemi serji dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li l-UE tfassal konklużjonijiet politiċi ċari meta tali djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma jwasslux għal riżultati pożittivi; iwissi kontra l-marġinalizzazzjoni tad-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fi djalogi politiċi ta' livell għoli;

    28.

    Jinsisti li d-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem m'għandhomx ikunu subordinati għal interessi oħra f'diskussjonijiet politiċi ta' livell għoli; itenni l-appell tiegħu lis-SEAE biex jiżviluppa mekkaniżmu għar-reviżjoni ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, bl-għan li jitjiebu; jemmen li, jekk dawn id-djalogi jfallu b'mod persistenti, għandhom jintużaw għodod alternattivi għall-appoġġ tal-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ikkonċernat;

    29.

    Iħeġġeġ lis-SEAE biex, b'mod sistematiku, iwettaq djalogi preparatorji mas-soċjetà ċivili, anki fuq livell lokali, bl-għan li jikkontribwixxu direttament għad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-importanza li l-VP/RGħ u s-SEAE jqajmu sistematikament każijiet individwali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem matul id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lis-SEAE jsegwi, b'mod sistematiku, l-impenji li saru matul id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u biex jiġu ssistematizzati laqgħat ta' segwitu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    Linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem

    30.

    Jilqa' l-linji gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala għodda ta' valur tal-politika barranija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li jipprovdu gwida prattika għal delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta' linji gwida ġodda tal-UE dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal mingħajr aktar dewmien;

    31.

    Jenfasizza bil-qawwa l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-linji gwida permezz ta' punti ta' riferiment ċari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-linji gwida mid-delegazzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi kollha sabiex tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni u biex dawn jiġu rimedjati; iqis li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tal-linji gwida, huwa meħtieġ taħriġ sistematiku u effikaċi għall-persunal tas-SEAE u tad-delegazzjoni tal-UE;

    Il-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni

    32.

    Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq ir-razza, il-kulur, is-sess, l-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru, il-lingwa, il-kultura, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-oriġini soċjali, il-kasta, it-twelid, l-età, id-diżabilità jew kwalunkwe status ieħor; itenni s-sejħa tiegħu għal politika u diplomazija msaħħa tal-UE u li għandha timmira li telimina kull forma ta' diskriminazzjoni, u biex tuża kull opportunità biex jiġi espress it-tħassib serju tagħha dwar tali diskriminazzjonijiet; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-UE tkompli tippromwovi r-ratifika u l-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet kollha rilevanti tan-NU, bħall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbilità; jilqa' x-xogħol tas-SEAE fuq il-manwal kontra d-diskriminazzjoni;

    Missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK)

    33.

    Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru fil-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u difiża komuni importanti, skont ir-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u r-Riżoluzzjoni 2242 adottata reċentement tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li skontha n-nisa huma komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali; itenni, f'dan il-kuntest, l-istedina tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġaw, fil-proċess tal-bini ta' rikonċiljazzjoni sostenibbli, il-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala komponent vitali fil-proċessi tal-paċi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE tappoġġa fil-livell internazzjonali r-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti;

    34.

    Jenfasizza li l-PSDK huwa strument li mhux biss jiżgura s-sigurtà Ewropea, iżda huwa parti minn strument tal-politika barranija tal-UE u għandu għalhekk jintuża favur it-tisħiħ ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi terzi;

    35.

    Jitlob għal aktar integrazzjoni militari Ewropea biex isir titjib fid-disponibilità u l-flessibilità tal-forzi armati Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għal theddidiet u każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, ta' ġenoċidju u ta' tindif etniku; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kunċett ta' “responsabilità ta' protezzjoni” għandu jiġi kkonsolidat fid-dritt internazzjonali u li l-UE, bħala komunità ta' valuri, għandha tmexxi inizjattivi u azzjonijiet sinifikanti li tipproteġi l-persuni ċivili, anki meta dawn huma mhedda mill-Istat tagħhom stess;

    36.

    Jenfasizza li t-traffikar tal-migranti huwa marbut mat-traffikar tal-bnedmin u jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka li missjonijiet tal-PSDK bħall-Forza Navali tal-Unjoni Ewropea – Operazzjoni militari Sophia fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED) huma mezzi effettivi kif jiġi indirizzat it-traffikar tal-migranti; jistieden lill-Unjoni tkompli u tintensifika dawn it-tip ta' operazzjonijiet;

    37.

    Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-VP/RGħ jitlobu li l-Kapijiet ta' Missjoni tal-UE, u r-rappreżentanti xierqa tal-UE (Kapijiet tal-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE, Kmandanti tal-Operazzjonijiet Militari tal-UE u Rappreżentanti Speċjali tal-UE) jirraportaw dwar każijiet ta' ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, u biex jippromwovu kodiċi ta' kondotta rigward azzjoni mill-Kunsill ta' Sigurtà kontra l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, li jimpenja lill-Istati Membri tan-NU biex jappoġġaw l-azzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li għandhom l-għan li jipprevjenu jew itemmu dawn id-delitti; jitlob li jkun hemm integrazzjoni ta' politiki ta' salvagwardja tat-tfal fl-operazzjonijiet kollha ċivili u militari tal-UE li jiġu f'kuntatt mat-tfal;

    38.

    Jitlob li l-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha man-NU fil-kuntest tat-tfassil ta' viżjoni strateġika komuni dwar is-sigurtà fuq il-bażi ta', fuq naħa waħda, l-istrateġija globali tal-UE dwar il-politika barranija u ta' sigurtà u, fuq in-naħa l-oħra, ir-reviżjoni tan-NU tal-operazzjonijiet ta' paċi u tal-arkitettura ta' bini ta' paċi taghħa; jinsisti li jkun hemm kooperazzjoni fit-tisħiħ tar-rwol u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fil-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u militari, u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u li l-proċeduri għall-użu tal-PSDK b'appoġġ għall-operazzjonijiet tan-NU jiġu żviluppati aktar, inkluż permezz tal-iskjerament tal-gruppi tattiċi tal-UE, jew permezz tal-bini ta' kapaċità u inizjattivi ta' riforma fis-settur tas-sigurtà, filwaqt li d-drittijiet tal-bniedem u tal-ġeneru jkunu integrati fil-ħidma tal-missjoni u l-operazzjoni;

    Involviment multilaterali għad-drittijiet tal-bniedem

    39.

    Itenni bil-qawwa li d-drittijiet tal-bniedem, kif minquxa fil-konvenzjonijiet tan-NU, huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati, kif ġie miftiehem fid-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni tal-1993, u li r-rispett ta' dawn id-drittijiet irid jiġi infurzat; ifakkar l-impenn tal-Unjoni li tippromwovi u tiżviluppa d-dritt internazzjonali skont in-NU; jenfasizza li huwa importanti li l-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti internazzjonali kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbiliti min-NU, inklużi dawk minquxa fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u partikolarment, il-Protokoll Fakultattiv li jistabbilixxi mekkaniżmi għall-ilmenti u l-inkjesti, f'konformità mal-Artikolu 21 TUE;

    40.

    Jenfasizza l-ħtieġa li l-mexxejja tal-UE ikunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' riformi tan-NU bl-għan li jissaħħaħ l-impatt u l-qawwa ta' sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u li tiġi garantita protezzjoni aktar effiċjenti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-avvanz tad-dritt internazzjonali; itenni, barra minn hekk, l-importanza li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali (AĠNU) u fl-UNHRC, sabiex ittejjeb l-kredibilità tagħha; jirrikonoxxi l-isforzi li saru mis-SEAE, mid-delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU; iħeġġeġ lill-UE tintensifika l-prattika ta' inizjattivi transreġjonali, li tibda u tappoġġa riżoluzzjonijiet, u biex issegwi mill-qrib l-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tan-NU; jikkundanna l-fatt li s-siġġijiet fuq l-UNHRC spiss huma okkupati minn pajjiżi b'rekord ipprovat ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jippubbliċizzaw il-votazzjoni tagħhom fi ħdan l-UNHRC; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet fil-votazzjoni tagħhom, u biex isejsu l-vot tagħhom dwar riżoluzzjonijiet tal-UNHCR fuq is-sustanza ta' dawn it-testi, aktar milli fuq l-awturi tagħhom; jenfasizza l-importanza u l-ħtieġa għal rappreżentanza permanenti tal-UE fil-fora multilaterali kollha u għal viżibilltà aktar b'saħħitha tal-azzjoni tal-UE;

    41.

    Jistieden lill-UE tagħti attenzjoni partikolari lit-territorji kkontestati fil-viċinat tal-Lvant tagħha, fejn madwar ħames miljun persuna jgħixu mingħajr protezzjoni reali tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja; jistieden lill-UE tpoġġi din il-kwistjoni fil-quċċata tal-aġenda bilaterali għal soluzzjonijiet mal-Istati kkonċernati u biex tuża l-firxa sħiħa tal-istrumenti tagħha biex tappoġġa soluzzjonijiet konkreti biex tavvanza d-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-entitajiet u tappoġġa x-xogħol tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hemmhekk;

    Il-promozzjoni ta' spazju ħieles għas-soċjetà ċivili, appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

    42.

    Jikkundanna bil-qawwa kull attakk, intimidazzjoni, arrest, qtil, fastidju jew ripressjoni ta' prosekuturi, imħallfin, avukati, akkademiċi u ġurnalisti, jew ta' membri ta' kull professjoni oħra li l-indipendenza u l-libertà professjonali tagħhom huma essenzjali għall-bini ta' soċjetà demokratika;

    43.

    Jiddispjaċih dwar iż-żieda fin-numru ta' attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent madwar id-dinja; jikkundanna bil-qawwa l-impunità fir-rigward tal-qtil tagħhom u jistieden lis-SEAE jippromwovi t-talba li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

    44.

    Jikkundanna bil-qawwa l-fatt li ħafna pajjiżi madwar id-dinja għadhom kemm għaddew liġijiet stretti dwar l-NGOs li jdgħajfu s-soċjetà ċivili u jwasslu għall-applikazzjoni arbitrarja tagħhom, b'penali li jinkludu l-ħabs, l-iffriżar ta' assi u l-projbizzjoni ta' aċċess għal membri tal-persunal tal-NGO, speċjalment lejn dawk li jirċievu fondi pubbliċi barranin;

    45.

    Jikkundanna bil-qawwa l-ħruġ ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-awtoritajiet bħala strument biex jiġu intimidati u jissiktu l-ilħna indipendenti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti, kif ukoll ta' avukati u ġurnalisti, u jenfasizza li dawn il-miżuri huma ta' spiss meħuda arbitrarjament u mingħajr ebda bażi ġudizzjarja;

    46.

    Jenfasizza r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE biex jaffermaw mill-ġdid u jippromwovu r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili f'demokrazija, u fil-ħolqien ta' ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili, li jeħtieġu livell massimu ta' trasparenza u jiddaħħlu fil-programmi ta' kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih, għalhekk, li, għaxar snin wara l-adozzjoni tal-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-informazzjoni ta' kuntatt tal-punti fokali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-uffiċjali ta' kollegament għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għadhom ma ġewx inklużi fuq is-siti web tad-delegazzjonijiet kollha tal-UE;

    47.

    Jistieden lill-VP/RGħ u lill-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ipoġġu fuq l-aġenda tal-Kunsill Affarijiet Barranin b'mod regolari d-diskussjoni dwar l-isforzi tal-UE biex issegwi l-ħelsien ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, attivisti politiċi u oħrajn, u biex jiżguraw li jsir Kunsill tal-Affarijiet Barranin pubbliku annwali, b'aġenda li tinkludi l-ispazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili u s-sentenza ta' ħabs għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'attenzjoni partikolari għal każijiet li tqajmu fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar dibattiti fuq każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

    48.

    Jistieden lill-komunità internazzjonali tressaq lill-mexxejja politiċi quddiem il-ġustizzja meta jabbużaw mill-qawwa tal-pulizija u dik militari b'mod strutturali biex jissiktu protesti kontra t-tmexxija tagħhom jew li tittawwal tali tmexxija;

    Migranti, refuġjati, persuni li jfittxu l-asil u persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs)

    49.

    Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mar-refuġjati u mal-migranti li jsofru ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem f'għadd kbir, bħala vittmi ta' kunflitti, nuqqas ta' governanza u netwerks tat-traffikar; jikkundanna l-għadd drammatiku ta' mwiet fuq il-baħar fil-Mediterran; jinsab estremament imħasseb dwar ir-rapporti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-immigranti u dawk li jkunu qed ifittxu l-asil fi triqthom lejn l-Ewropa; jenfasizza l-fatt li n-nisa u tfal refuġjati, persuni li jfittxu asil u l-migranti mingħajr dokumenti huma partikolarment vulnerabbli fuq ir-rotot migratorji u fi ħdan l-UE nnifisha; isejjaħ b'mod urġenti għal miżuri biex tittejjeb il-koerenza tal-politiki ta' migrazzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ olistiku biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli, fit-tul u koerenti, ibbażati fuq l-istandards u l-prinċipji internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem filwaqt li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-kriżi tar-refuġjati; jenfasizza l-ħtieġa għas-solidarjetà sabiex jiġu mħarsa l-migranti u r-refuġjati, b'konformità mal-politiki tal-UE bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li ssir distinzjoni bejn refuġjati u migranti;

    50.

    Jenfasizza l-fatt li kunflitti, gwerer, fallimenti tal-governanza u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma l-kawżi prinċipali għall-migrazzjoni u l-ispostament; jenfasizza li aċċess sħiħ, liberu u ta' kwalità għall-edukazzjoni u għas-servizzi ta' kura tas-saħħa, inklużi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll l-aċċess għas-suq tax-xogħol, u għal akkomodazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet tar-refuġjati, għandhom jiġu pprovduti mill-pajjiżi ospitanti; jenfasizza li r-rieda tal-migranti u tar-refuġjati li jintegraw ruħhom, flimkien ma' politiki ta' protezzjoni soċjali xierqa, huma essenzjali għall-integrazzjoni; jistieden lill-UE żżid l-isforzi biex tappoġġa l-Libanu u l-Ġordan, li qed jipprovdu kenn għal numru bla preċedent ta' refuġjati, li sikwit iħabbtu wiċċhom ma' diversi theddidiet;

    51.

    Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu sabiex jiġu ffaċilitati kemm il-ġestjoni strutturata tal-flussi ta' migrazzjoni, kif ukoll azzjoni biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti ta' emigrazzjoni; jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu miġġielda l-gruppi involuti fit-traffikar tal-migranti; jirrimarka li l-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi kkonċernati biex jiffirmaw il-Protokoll ta' Palermo kontra t-traffikar tal-migranti; ifakkar l-impenji miftiehma fis-Summit tal-Belt Valletta;

    52.

    Jisħaq dwar il-ħtieġa urġenti li tiġi żviluppata u introdotta, b'mod komprensiv, koerenti u kkoordinat, Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li tikkondividi r-responsabilità bejn l-Istati Membri;

    53.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu trasparenza totali dwar il-fondi allokati għal pajjiżi terzi għal kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni, u jikkomunikaw is-salvagwardji stabbiliti biex jiżguraw li din il-kooperazzjoni ma tkunx ta' benefiċċju, direttament jew indirettament, għas-sistemi ta' sigurtà, tal-ġustizzja u għall-pulizija involuti fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    54.

    Jirrikonoxxi l-proposta reċenti tal-Kummissjoni biex ikun hemm lista tal-Unjoni ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu, li temenda d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil;

    55.

    Iqis li, sabiex tiżdied l-effiċjenza tar-riammissjonijiet u sabiex tiġi żgurata l-koerenza tar-ritorni fil-livell Ewropew, se jkun meħtieġ li jiġu adottati ftehimiet ġodda ta' riammissjoni tal-UE, li jieħdu preferenza fuq ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

    56.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn timxi id f'id mar-rispett lejn il-proċeduri, l-istandards u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jippermettu lill-UE tiżgura trattament uman u dinjituż lill-persuni rimpatrijati, f'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-każijiet ta' asil relatati ma' persekuzzjoni politika possibbli, sabiex ma jkunx hemm rimpatrijazzjonijiet li potenzjalment jinvolvu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta' oriġini jew f'pajjiż terz;

    57.

    Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tiżgura li l-ftehimiet kollha dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u ta' riammissjoni ma' stati mhux tal-UE jkunu konformi mad-dritt internazzjonali, mad-dritt dwar ir-refuġjati u mad-dritt marittimu internazzjonali, kif ukoll mal-prinċipji u l-valuri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju tan-non-refoulement, f'konformità mad-dritt internazzjonali; jitlob li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ jiġu integrati b'tali mod li jippermettu l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni ma' stati li mhumiex fl-UE, u ta' miżuri ta' kontroll fil-fruntieri, li għandhom jiġu evalwati; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu integrati u sorveljati matul l-attivitajiet kollha mwettqa mill-Frontex; jistieden lill-UE tipparteċipa b'mod attiv fid-dibattitu dwar it-terminu “refuġjat minħabba l-klima”, inkluż dwar id-definizzjoni ġuridika possibbli tiegħu fid-dritt internazzjonali;

    58.

    Jitlob, barra minn hekk, għal klawżola li tindika li dawn il-ftehimiet jistgħu jiġu sospiżi sakemm il-partijiet effettivament jagħtu garanziji biżżejjed għall-eżami individwali tat-talbiet għall-asil u, b'mod aktar ġenerali, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, ta' dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati;

    59.

    Ifakkar, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi rispettat il-prinċipju ta' non-refoulement fl-ibħra Ewropej u internazzjonali, kif ikkonfermat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE; ifakkar fl-impenn li jiġu żviluppati kanali adegwati ta' migrazzjoni legali u sikura filwaqt li jiġu pprotetti aħjar il-fruntieri esterni tal-UE; jistieden lill-UE u lill-pajjiżi żviluppati terzi sabiex jikkonkludu ftehimiet ta' sħubija ma' pajjiżi oħrajn biex jiġu ffaċilitati r-riunifikazzjoni tal-familji u l-mobilità għal persuni fil-livelli kollha tal-ħiliet, inklużi dawk l-inqas kwalifikati;

    60.

    Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett komuni dwar l-ażil li l-UE adottat u l-leġiżlazzjoni komuni dwar il-migrazzjoni, partikolarment biex jitħarsu l-persuni vulnerabbli li jfittxu l-asil bħalma huma t-tfal, in-nisa, l-anzjani u l-persuni LGBTI, kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni waqt il-proċess tal-asil, u biex jipprovdu taħriġ xieraq għall-Istati Membri li jippermettu rikors xieraq u raġonevoli; jappella lill-Istati Membri biex jieħdu sehem fil-programmi ta' risistemazzjoni, li jagħti aċċess għal riunifikazzjoni tal-familja u l-għoti ta' viżi umanitarji; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-ostakoli amministrattivi u politiċi għall-implimentazzjoni rapida tal-impenji ta' rilokazzjoni; jifhem li għandu jitwettaq ir-ritorn sikur għal dawk li, wara valutazzjoni individwali tal-applikazzjoni tagħhom għall-asil, mhumiex eliġibbli għal protezzjoni fl-Unjoni;

    61.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd dejjem jikber ta' tfal refuġjati u dwar is-sitwazzjoni ta' tfal mhux akkumpanjati, neqsin jew separati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmluha prijorità assoluta biex, b'mod rapidu, il-minorenni mhux akkumpanjati jiġu riunifikati ma' membri tal-familja; jenfasizza l-importanza li t-tfal ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-edukazzjoni bħala parti minn programmi tal-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni; jistieden lill-Istati biex itemmu d-detenzjoni tat-tfal, kif ukoll biex jieħdu kont tal-aħjar interess tat-tfal fil-proċeduri kollha u jiżguraw il-protezzjoni tat-tfal skont id-dritt internazzjonali; jenfasizza l-importanza li jiġu allokati riżorsi adegwati għall-protezzjoni tat-tfal refuġjati u tal-migranti mill-vjolenza, l-isfruttar u l-abbuż; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-minuri mhux akkumpanjati ma jgħajbux, u biex titfassal strateġija biex jiġi evitat li, fil-futur, minorenni migranti mhux akkumpanjati jgħibu fit-territorju tal-UE u biex isibu t-tfal li għebu;

    62.

    Jirrikonoxxi li matul il-vjaġġ u mal-wasla fil-pajjiż fejn qed ifittxu l-asil, il-persuni LGBTI li qed ifittxu l-asil spiss huma f'riskju ta' perikli addizzjonali, li jistgħu jieħdu l-forma ta' fastidju, esklużjoni, vjolenza sesswali jew forom oħra ta' vjolenza; ifakkar li għadd ta' pajjiżi terzi meqjusa bħala “siguri” għal dawk li jfittxu l-asil jiddiskriminaw kontra persuni LGBTI jew saħansitra jikkriminalizzaw l-omosesswalità; jenfasizza li gruppi vulnerabbli jeħtieġu salvagwardji addizzjonali, u jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li r-refuġjati LGBTI huma protetti skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

    63.

    Jenfasizza l-importanza li jsir investiment f'miżuri preventivi, jiġifieri permezz tal-iżvilupp ta' strateġiji ta' integrazzjoni u ta' inklużjoni soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati programmi speċifiċi ta' deradikalizzazzjoni u ta' riintegrazzjoni mmirati lejn dawk li jirritornaw;

    64.

    Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni problematika rigward ir-refuġjati fil-pajjiżi ġirien tas-Sirja, u jqis li huwa importanti għall-UE li tagħmel dak kollu fis-setgħa tagħha biex tiżgura li r-refuġjati f'dawn il-pajjiżi jiġu garantiti kundizzjonijiet tal-għajxien diċenti, u, b'mod partikolari, aċċess għal kura tas-saħħa, edukazzjoni u possibilitajiet ta' impjieg;

    65.

    Jenfasizza s-sitwazzjoni drammatika tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs), speċjalment tal-għadd enormi ta' IDPs fl-Iraq u fis-Sirja, kif ukoll l-għadd dejjem jikber ta' IDPs fl-Ukrajna, li flimkien jammontaw għal 1,4 miljun fl-2015; jenfasizza li l-programmi dwar refuġjati f'reġjun għandhom jirrikonoxxu u jinkorporaw id-destin potenzjali tal-IDP ukoll; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jieħdu passi biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom fil-post u jiġi żgurat li l-persuni spostati jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni, ikel, kura tas-saħħa u edukazzjoni;

    66.

    Ifakkar kif, skont iċ-Ċentru ta' Monitoraġġ dwar l-Ispostament Intern (IDMC), 19,3 miljun persuna ġiet spostata fl-2015 biss b'riżultat ta' diżastri ambjentali; ifakkar li dan l-ispostament jikkonċerna b'mod partikolari r-reġjuni tan-Nofsinhar; jindika li 85 % ta' dawn l-ispostamenti jseħħu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, primarjament f'pajjiż wieħed jew f'partijiet minn pajjiżi;

    It-traffikar ta' persuni

    67.

    Jistieden lill-UE tagħmel il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin prijorità fil-politiki esterni tagħha, li tindirizza kemm in-naħa tad-domanda, kif ukoll tal-provvista ta' dan il-fenomenu, biex tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-vittmi u biex tiżdied il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni ma' atturi rilevanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; itenni l-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE u l-Istrateġija tal-UE għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin;

    68.

    Ifakkar li n-netwerks kriminali qed jieħdu vantaġġ ta' iżjed pressjonijiet ta' migrazzjoni, tan-nuqqas ta' kanali ta' migrazzjoni sikuri u mill-vulnerabilità tal-migranti u r-refuġjati, b'mod speċjali n-nisa, il-bniet u t-tfal, sabiex jiġu suġġetti għat-traffikar tal-bnedmin, skjavitù u sfruttament sesswali;

    69.

    Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu attenzjoni għall-identifikazzjoni ta' refuġjati u migranti bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew vittmi ta' ksur u abbuż fil-kuntest ta' traffikar; jitlob, f'dan il-kuntest, għal taħriġ għall-gwardji tal-fruntiera biex jiżguraw l-identifikazzjoni preċiża, li hija fundamentali għall-applikazzjoni tad-drittijiet li għalihom huma legalment intitolati;

    70.

    Jilqa' ż-żieda ta' riżorsi għall-operazzjonijiet Triton u Poseidon; josserva t-tnedija tal-Operazzjoni Sophia EUNAVFOR MED kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti fil-Mediterran, u jsostni t-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni;

    71.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

    Ir-rabtiet bejn l-iżvilupp, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem

    72.

    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem u fl-inugwaljanza f'xi partijiet tad-dinja, li jipperikolaw it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jemmen li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-iżvilupp huma intrinsikament marbuta ma' xulxin; jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-governanza tajba, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kif ukoll il-paċi u s-sigurtà huma prerekwiżiti għall-qerda tal-faqar u tal-inugwaljanzi;

    73.

    Jilqa' l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli jenfasizza li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE mal-pajjiżi terzi għandha timmira li toħloq ambjent internazzjonali li jiffavorixxi t-twettiq tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi, u jitlob għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tan-NU tal-1986 dwar id-dritt għall-iżvilupp; ifakkar fl-importanza kruċjali tal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif imnaqqax fl-Artikolu 208 tat-TFUE, fil-kisba tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE tiżgura li l-linji gwida neċessarji, il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u rappurtar jirriżultaw sabiex il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki ikun ta' realtà fil-politiki tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; jemmen li l-implimentazzjoni tal-PCD, kif minquxa fl-Artikolu 208 tat-TFUE, u oqfsa tar-riżultati definiti b'mod ċar fl-istrumenti u l-mekkaniżmi kollha tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem huma kruċjali għat-twettiq tal-Aġenda 2030, biex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-gruppi emarġinati u vulnerabbli, u jiġi integrat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jinsisti fuq it-tisħiħ tal-koerenza u l-koordinazzjoni fost il-politiki u l-istrumenti esterni kollha tal-UE meta jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni fl-ambitu tas-setgħat tagħhom u f'konformità mal-impenji għall-iżvilupp li huma ħadu u mal-politiki tal-UE f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-użu ta' sett ta' għodda dwar l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fid-delegazzjonjiet u tipprovdi ħarsa ġenerali ta' din l-evalwazzjoni lill-Parlament;

    74.

    Ifakkar fl-introduzzjoni ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-politika tal-iżvilupp tal-UE, bl-għan li jiġu integrati l-prinċipji dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet operattivi tal-UE għall-iżvilupp, biex b'hekk jiġu koperti arranġamenti fis-sede kif ukoll fil-qasam għas-sinkronizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivitajiet tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp; jappella għal aktar tixrid tas-sett ta' għodda dwar l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fost is-sħab tagħna, inkluż l-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u s-settur privat, u sabiex l-implimentazzjoni tiegħu tiġi mmonitorjata mill-qrib mill-Kummissjoni;

    75.

    Jemmen li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd għandhom jkunu fattur trasversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030; jappella biex jiġi stabbilit qafas inklużiv ta' indikaturi tal-SDGs, li jkun sensittiv għad-drittijiet tal-bniedem u bbażat fuq id-drittijiet, fil-livell nazzjonali u internazzjonali, biex jiżgura trasparenza u responsabilità b'saħħithom f'dan ir-rigward, b'mod li r-riżorsi allokati għall-iżvilupp verament jaslu għand il-persuni fil-bżonn;

    76.

    Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-isfida globali tal-faqar u tal-mard relatat mal-malnutrizzjoni u mard li ġie traskurat; jappella għal strateġija politika fit-tul u ambizzjuża u pjan ta' azzjoni dwar is-saħħa fil-livell dinji, għall-innovazzjoni u l-aċċess għall-mediċini, li jinkludu fost oħrajn l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, biex b'hekk jiġi salvagwardjat id-dritt għal standard ta' għajxien adegwat għas-saħħa u l-benesseri ta' kull bniedem, mingħajr l-ebda distinzjoni abbażi ta' razza, reliġjon, twemmin politiku, kundizzjoni ekonomika jew soċjali, l-identità tal-ġeneru jew l-orjentament sesswali;

    77.

    Jinsab imħasseb dwar kwalunkwe attentat ta' użu ta' fondi li huma allokati għall-azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-faqar u t-trawwim tal-iżvilupp – li tagħti wkoll effett prattiku lill-politiki li l-għan aħħari tagħhom huwa li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem – għal skopijiet li mhumiex relatati mal-iżvilupp; jenfasizza li l-għajnuna għall-iżvilupp għandha l-għan li telimina l-faqar, u mhux biss issir strument maħsub biex jikkontrolla l-migrazzjoni, u jfakkar l-importanza tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 dwar il-paċi, il-ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom għal titjib fid-drittijiet tal-bniedem u fil-governanza demokratika effettiva; jemmen li sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-għajnuna tal-UE u r-responsabilità tal-pajjiżi benefiċjarji, għandha tiġi introdotta klawżola kontra l-korruzzjoni fil-programmi kollha ta' żvilupp, u li l-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-kapaċitajiet istituzzjonali u l-użu tal-appoġġ baġitarju, il-parteċipazzjoni u t-teħid ta' deċiżjonijiet b'mod demokratiku u rappreżentattiv, l-istabilità, il-ġustizzja soċjali, u tkabbir inklużiv u sostenibbli, u ridistribuzzjoni ġusta tal-ġid, għandhom ikunu objettivi ewlenin tal-politiki esterni kollha tal-UE; iwissi kontra l-populiżmu, l-estremiżmu u l-abbużi kostituzzjonali li jilleġittimizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    78.

    Jinnota d-diskrepanza finanzjarja persistenti, minħabba ż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji, fir-rigward tal-għajnuna umanitarja, u n-nuqqasijiet tal-Programm Dinji tal-Ikel li rriżultaw fi tnaqqis tal-provvisti tal-ikel; jistieden lill-pajjiżi membri tan-NU, u lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, biex bħala minimu, jonoraw l-impenji finanzjarji tagħhom; jinnota, f'dan ir-rigward, li ħafna Stati Membri tal-UE ma laħqux l-impenn ta' 0,7 % tal-PDG tagħhom għall-għajnuna għall-iżvilupp, iżda jilqa' l-impenn tal-UE fir-rigward tal-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili, minħabba li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi;

    79.

    Jilqa' l-Pjan il-ġdid ta' Investiment Estern Ewropew (PIE) kif ukoll il-Fond Fiduċjarju għall-Afrika li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-faqar, l-inugwaljanzi u l-migrazzjoni irregolari billi jinħolqu tkabbir sostenibbli u impjiegi, u biex jinkoraġġixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-investiment privat fl-Afrika u l-Viċinat tal-UE; jitlob li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jintuża temporanjament fil-pajjiżi ġirien tal-UE sabiex jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tagħhom;

    80.

    Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda ta' kapitolu dwar l-iżvilupp fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2015, u jitlob li din il-prattika tkun ġeneralizzata għas-snin li ġejjin;

    Il-kummerċ, in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

    81.

    Jitlob għall-implimentazzjoni rapida, effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji ta' Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-istati membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; iqis li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jmorru id f'id u li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti x'tiżvolġi fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

    82.

    Jafferma mill-ġdid il-bżonn urġenti ta' azzjoni kontinwa, effikaċi u koerenti fil-livelli kollha, inklużi fil-livelli nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, bl-għan li jiġu affrontati b'mod effikaċi l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-korruzzjoni kommessi mill-kumpaniji internazzjonali meta jfeġġu, u li jiġi żgurat li dawn jerfgħu r-responsabilità tagħhom, inkluż li jiġu indirizzati l-problemi ġuridiċi li jirriżultaw mid-dimensjoni extraterritorjali tal-kumpaniji u tal-imġiba tagħhom;

    83.

    Jistieden lin-NU, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jindirizzaw kwistjonijiet mal-intrapriżi multinazzjonali u Ewropej dwar ħtif tal-art u dwar it-trattament ta' difensuri tad-drittijiet tal-art, li spiss huma vittmi ta' rappreżalji, inkluzi theddid, fastidju, arrest arbitrarju, attakki u qtil;

    84.

    Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma li nbdiet fit-tħejjija ta' Trattat vinkolanti tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jiddeplora kull ostruzzjoniżmu f'dan il-proċess u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipparteċipaw b'mod kostruttiv f'dawn in-negozjati;

    85.

    Ifakkar fir-rwoli differenti iżda komplementari tal-Istati u tal-kumpaniji fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jerġa' jtenni bis-sħiħ li, fejn isir ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-Istati għandhom jagħtu lill-vittmi l-aċċess għal rimedju effettiv; ifakkar, f'dan il-kuntest, li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pajjiżi terzi, inklużi l-garanziji ta' rimedju effettiv għall-vittmi kollha ta' tali abbużi, jikkostitwixxi element essenzjali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE ma' dawn il-pajjiżi; jilqa' l-fatt li l-UE kellha rwol ewlieni fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi ta' responsabilità globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u mar-rispett tal-istandards internazzjonali; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, adottati fl-20 ta' Ġunju 2016 u l-fatt li huma qed jitolbu li l-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (PAN) dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem jinkludu l-aċċess għal rimedju;

    86.

    Itenni li jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-karatteristiċi speċjali tal-SMEs, li joperaw prinċipalment fil-livell lokali jew reġjonali f'setturi partikolari; iqis li huwa essenzjali, għalhekk, li l-politiki tal-Unjoni dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji, inklużi l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji, jikkunsidraw sewwa l-ħtiġijiet essenzjali tal-SMEs, bi qbil mal-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, u jirrikonoxxu l-approċċ informali u intuwittiv tal-SMEs fil-konfront tar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji; jesprimi l-oppożizzjoni tiegħu għal kull miżura li tista' tikkawża piżijiet amministrattivi jew finanzjarji addizzjonali għall-SMEs, filwaqt li juri l-appoġġ tiegħu favur miżuri li jħallu lill-SMEs jieħdu azzjonijiet konġunti;

    87.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu koerenza fil-politiki fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livelli kollha, partikolarment fir-rigward tal-politika kummerċjali tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrapportaw regolarment dwar il-passi meħuda biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta' attività kummerċjali;

    88.

    Itenni s-sejħa qawwija tiegħu għall-introduzzjoni sistematika ta' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet internazzjonali kollha, inklużi fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi jew li għandhom iridu jiġu konklużi, bejn l-UE u pajjiżi terzi; iqis, barra minn hekk, li hemm il-bżonn li l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ ex ante ta' qabel ma jiġi konkluż ftehim qafas, u li jikkundizzjonaw il-konklużjoni ta' tali bħala karatteristika fundamentali tal-ftehim, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' kontroll ex post, jippermettu li tittieħed azzjoni tanġibbli fil-każ ta' ksur ta' dawn il-klawżoli, bħal sanzjonijiet xierqa kif stipulati fil-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim, inkluża s-sospensjoni (temporanja) tal-ftehim;

    89.

    Jappella għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi mmirati lejn l-iżgurar tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem mill-istati u mill-kumpaniji, u għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' lmenti għal persuni li jsir ksur tad-drittijiet tagħhom minn ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

    90.

    Jinnota l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 li temenda r-Regolament (KE) Nru 428/2009 dwar il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju (COM(2016)0616), li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kontroll minħabba l-fatt li ċerti oġġetti u teknoloġiji jistgħu jintużaw ħażin biex jitwettaq ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

    91.

    Jilqa' l-ftehim biex jiġu aġġornati l-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE fir-rigward ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura u trattament jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, u jitlob għall-implimentazzjoni effettiva u sħiħa ta' din il-leġiżlazzjoni ewlenija; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkoraġġixxu lil pajjiżi terzi jikkunsidraw li jadottaw leġiżlazzjoni simili, kif ukoll biex iniedu inizjattiva biex jiġi promoss qafas internazzjonali dwar strumenti tat-tortura u l-piena kapitali; jilqa' l-inizjattiva marbuta mar-regolament li jistabbilixxi sistema ta' diliġenza dovuta għall-katina ta' provvista għall-provenjenza responsabbli ta' minerali minn żoni milquta mill-kunflitti; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li taġġorna l-leġiżlazzjoni tal-UE ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem bħala kriterju ta' liċenzji ta' esportazzjoni hija prijorità għall-Parlament Ewropew, u jitlob lill-Istati Membri biex jaqblu li jimxu lejn approċċ aktar modern, flessibbli u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-politika tal-esportazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jissorveljaw, b'mod aktar strett u b'aktar kontrolli bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, l-esportazzjoni ta' armi, partikolarment fil-każ ta' pajjiżi b'rekord ippruvat ta' repressjoni vjolenti u ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

    92.

    Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni ''Kummerċ għal Kulħadd'', li għandha l-għan li tintegra d-drittijiet tal-bniedem fil-politika kummerċjali u li tuża l-pożizzjoni tal-UE bħala blokk kummerċjali għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi; jenfasizza li dan se jeħtieġ il-konsistenza sħiħa u l-komplementarjetà tal-inizjattivi ta' politika kummerċjali u ta' politika estera, inkluża kooperazzjoni mill-qrib bejn id-Direttorati Ġenerali, is-SEAE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri; jinnota l-pjanijiet tal-Kummissjoni biex issaħħaħ id-diplomazija ekonomika Ewropea u jenfasizza li l-politika tal-kummerċ għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir sostenibbli f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-partijiet interessati kollha fid-diskussjoni dwar il-qafas regolatorju u l-obbligi kummerċjali f'pajjiżi fejn l-investiment privat u l-investiment pubbliku x'aktarx li se jiżdiedu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proġetti appoġġati mill-BEI jkunu konformi mal-politiki tal-UE, u jirrakkomanda titjib tal-kontrolli ex-post għall-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-proġetti appoġġati mill-BEI;

    93.

    Jilqa' r-Regolament il-ġdid dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014, bħala strument ewlieni tal-politika kummerċjali tal-UE għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-governanza tajba f'pajjiżi li qed jiżviluppaw vulnerabbli; jilqa', b'mod partikolari, l-fatt li l-benefiċċji kummerċjali tal-SĠP+ huma minnhom infushom u legalment kundizzjonali fuq l-implimentazzjoni kontinwa tal-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport biennali tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-SĠP+, u d-djalogu preċedenti dwar dan ir-rapport mal-Parlament qabel ma ġie ppubblikat; jinnota li ġie rrappurtat ksur tal-istandards tax-xogħol ewlenin f'diversi pajjiżi bl-istatus tal-SĠP+, u jħeġġeġ sabiex jiġi implimentat l-infurzar effettiv tal-SĠP+; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilitajiet li l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jiġi inkluż fil-lista ta' konvenzjonijiet meħtieġa għall-istatus tal-SĠP+, u jistieden lill-applikanti tal-SĠP+ li mhumiex stati partijiet għall-Istatut biex jirratifikawh;

    94.

    Jilqa' l-fatt li 14-il pajjiż ingħataw preferenzi kummerċjali partikolarment vantaġġużi taħt l-SĠP+ il-ġdida, fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2014, u jilqa' wkoll il-konformità tant imħeġġa ma' 27 konvenzjoni internazzjonali (inklużi konvenzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol);

    95.

    Itenni t-talba qawwija tiegħu għal valutazzjonijiet tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem komprensivi u minn qabel, li b'mod sostantiv jieħdu kont tal-fehmiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment kollha;

    96.

    Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' linji gwida ġodda dwar l-analiżi tal-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi ta' politika marbuta mal-kummerċ (60), iżda jinsab imħasseb serjament bil-kwalità tal-kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibilità (VIS) tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-UE u l-Myanmar, u bil-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għall-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam; itenni l-appoġġ tiegħu għal valutazzjoni komprensiva li trid issir bħala parti mill-evalwazzjoni ex-post ta' dawn il-ftehimiet;

    L-isport u d-drittijiet tal-bniedem

    97.

    Huwa mħasseb dwar il-fatt li pajjiżi bi storja ħażina fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jingħataw l-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi kbar, bħat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 u fil-Qatar fl-2022, kif ukoll il-Logħob Olimpiku f'Beijing fl-2022, u dwar l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem ikkawżati minn avvenimenti sportivi kbar, inklużi l-iżgumbramenti sfurzati mingħajr konsultazzjoni jew kumpens tal-popolazzjonijiet ikkonċernati, l-isfruttament ta' gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-ħaddiema migranti, li jista' jammonta għal skjavitù, u t-trażżin ta' OSĊ li jiddenunzjaw tali ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta' Federazzjonijiet tal-Futbol (FIFA) biex jallinjaw il-prattiki tagħhom mal-ideali sportivi billi jistabbilixxu mekkaniżmi ta' salvagwardja sabiex jevitaw, jissorveljaw u jipprovdu rimedju għal kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta ma' avvenimenti sportivi kbar; jappella għall-iżvilupp ta' qafas ta' politika tal-UE dwar l-isport u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jidħlu fi djalogu mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, mal-atturi korporattivi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn;

    Il-persuni b'diżabilità

    98.

    Jilqa' l-Objettivi l-ġodda 12 u 16, speċjalment is-subpunt 16f, fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) titqajjem b'mod sistematiku fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi; jinnota li teħtieġ li tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tal-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità fil-kuntest tal-isforzi favur in-nondiskriminazzjoni; iħeġġeġ l-eżami bir-reqqa tal-effikaċja tal-proġetti relatati mad-diżabilità, u tal-involviment xieraq tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti;

    99.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni b'diżabilità jkollhom libertà tal-moviment ġenwina fl-ispazji pubbliċi u b'hekk ikollhom opportunitajiet ugwali biex jipparteċipaw fil-ħajja pubblika;

    100.

    Iħeġġeġ bil-qawwa l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b'diżabilità fl-azzjonijiet u l-politiki esterni kollha tal-UE, speċjalment fil-politiki tal-migrazzjoni u tar-refuġjati tal-UE, filwaqt li tingħata reazzjoni xierqa għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, minħabba li jsofru minn diskriminazzjoni multipla; ifakkar li n-nisa u t-tfal b'diżabilità jesperjenzaw diskriminazzjoni multipla u ta' spiss ikunu f'riskju ikbar li jsofru vjolenza, abbuż, trattament ħażin jew sfruttament; jappoġġa bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fl-istrateġiji kollha tal-UE dwar id-diżabilità, inkluż fl-azzjonijiet u l-politiki esterni tagħha;

    101.

    Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tkompli tappoġġa l-proċess ta' ratifika u implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità min-naħa ta' dawk il-pajjiżi li s'issa għadhom ma rratifikawhiex jew li għadhom ma implimentawhiex; jinnota li l-UE għandha tmexxi bl-eżempju permezz tal-implimentazzjoni nazzjonali effettiva tal-UN CRPD; jistieden lill-UE tieħu rwol ta' tmexxija fl-implimentazzjoni ta' Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli inklużiva li tiżgura li ħadd ma jibqa' lura, kif rakkomandat mill-Kumitat CRPD fl-Osservazzjonijiet Konklużivi tar-rieżami tiegħu tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fl-UE;

    Id-drittijiet tan-nisa u tat-tfal

    102.

    Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2016-2020) li jipprovdi lista komprensiva ta' azzjonijiet biex tittejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa b'rabta mad-drittijiet indaqs u l-awtonomizzazzjoni; jenfasizza li dan għandu jiġi implimentat flimkien mal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa jiġu rikonoxxuti bħala tali; jilqa' wkoll l-adozzjoni tal-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2016-2019), li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja; itenni li d-drittijiet tan-nisa ma jistgħux jiġu kompromessi f'isem projbizzjonjiiet speċifiċi imposti minn kwalunkwe reliġjon jew twemmin; jitlob li l-UE tintensifika l-appoġġ tagħha favur l-implimentazzjoni tal-obbligi u tal-impenji fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa li joħorġu mill-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), mill-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, mid-Dikjarazzjoni tal-Kajr dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u r-rieżamijiet tal-eżiti tagħhom, u mill-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jisħaq dwar l-importanza li ma jiġix imminat l-acquis tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u tal-Kajr fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala dritt bażiku tal-bniedem, u l-protezzjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi, u li jiġi żgurat li tingħata l-assistenza medika u psikoloġika sikura meħtieġa lin-nisa vittmi ta' stupru waqt gwerra, inklużi aborti sikuri, kif previst mid-Dritt Umanitarju Internazzjonali; jindika li l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, l-aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u aborti sikuri, u l-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva huma elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa, kif ukoll biex titnaqqas il-mortalità materna u tat-trabi; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-politiki jitpoġġew fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li l-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa kollha, u l-ħarsien tar-rispett tad-dinjità umana tagħhom, u l-eliminazzjoni tal-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontrihom huma essenzjali għat-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jenfasizza d-dritt ta' kull individwu li jiddeċiedi b'mod liberu dwar kwistjonijiet marbutin mas-sesswalità u mas-saħħa sesswali u riproduttiva tiegħu; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, li d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa għal teħid ta' deċiżjonijiet b'mod awtonomu, inkluż dwar l-aċċess għall-ippjanar tal-familja;

    103.

    Jafferma mill-ġdid il-kundanna tiegħu tal-forom kollha ta' abbuż u vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, u tal-vjolenza sessista, inklużi l-prattiki dannużi ta' żwiġijiet bikrin u sfurzati, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF), l-isfruttament u l-iskjavitù, il-vjolenza domestika, kif ukoll l-użu tal-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra; iqis li l-vjolenza kontra n-nisa tiġi espressa wkoll b'mod psikoloġiku, u jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet tal-ġeneru li, inter alia, jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-għajnuna umanitarja, u jinkorporaw l-istrateġiji ta' protezzjoni kontra l-vjolenza sesswali u sessista, kif ukoll miżuri tas-saħħa bażiċi inklużi servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva; jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu mhux biss jiġġieldu kontra kull tip ta' vjolenza mwettqa kontra n-nisa, iżda jridu wkoll, bħala kwistjoni ta' prijorità, jippromwovu l-aċċess għall-edukazzjoni u jiġġieldu kontra l-isterjotipi bbażati fuq il-ġeneru għall-bniet u s-subien minn età bikrija; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jirratifikaw malajr il-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-azzjoni interna u dik esterna tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza sessista; jilqa' l-proposta mressqa mill-Kummissjoni fl-4 ta' Marzu 2016 biex l-UE taderixxi għall-Konvenzjoni ta' Istanbul, li hija l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti favur il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jemmen li dan se jwassal għal aktar effikaċja u koerenza fil-politiki interni u esterni tal-UE, u se jsaħħaħ ir-responsabilità u r-rwol tal-UE fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista fil-livell internazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu l-almu tagħhom sabiex l-UE tkun tista' tiffirma u tikkonkludi l-Konvenzjoni, filwaqt li jħeġġu wkoll lill-14-il Stat Membru li għadhom m'għamlux dan biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul u jiżguraw li l-Konvenzjoni tiġi implimentata kif suppost; jinnota l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, il-forzi tal-pulizija, il-prosekuturi, l-imħallfin, id-diplomatiċi u l-attivisti favur iż-żamma tal-paċi, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi, ikunu mħarrġa kif xieraq biex jgħinu u jappoġġaw lill-vittmi tal-vjolenza, speċjalment in-nisa u t-tfal, f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u operazzjonijiet fuq l-art;

    104.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta man-nisa u l-bniet fil-kampijiet tar-refuġjati u ċ-ċentri ta' akkoljenza, inklużi l-każijiet rappurtati ta' vjolenza sesswali u inugwaljanza fit-trattament tan-nisa u t-tfal; jitlob lis-SEAE jinsisti favur regoli aktar stretti u prattiki tajbin f'pajjiżi terzi; jenfasizza l-ħtieġa ta' aċċess għall-kura tas-saħħa u psikoloġika għan-nisa u t-tfal li jisfaw vittmi ta' abbuż f'kunflitti, b'konformità mad-dritt internazzjonali, u l-ħtieġa ta' kontinwità fl-edukazzjoni, fil-kura tas-saħħa u fil-provvista tal-ikel tat-tfal fil-kampijiet tar-refuġjati, fiż-żoni ta' kunflitt, fiż-żoni milquta minn faqar estrem u fiż-żoni b'kundizzjonijiet ambjentali estremi;

    105.

    Jinnota li l-miżuri biex tiġi ttrattata l-vjolenza sessista għandhom jindirizzaw ukoll il-vjolenza fuq l-internet, inkluż il-fastidju, il-bullying u l-intimidazzjoni, u għandhom jaħdmu biex joħolqu ambjent online sikur għan-nisa u l-bniet;

    106.

    Jilqa' l-adozzjoni, u jappoġġa l-implimentazzjoni, tar-riżoluzzjoni 2242 reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li tpoġġi lin-nisa bħala komponent ċentrali f'kull sforz biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, u jappella għal aktar sforzi biex jiġu integrati l-aġendi dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fid-dimensjonijiet differenti kollha taż-żamma tal-paċi; jisħaq dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni ugwali, sħiħa u attiva tan-nisa fil-prevenzjoni u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fin-negozjati ta' paċi kif ukoll fil-proċess tal-konsolidament tal-paċi; jirrakkomanda li tiġi introdotta sistema ta' kwoti sabiex jiġi pprovdut mezz ta' promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli politiċi kollha;

    107.

    Jiddispjaċih ħafna li n-nies Rom, u b'mod partikolari n-nisa Rom, għadhom ibatu minn diskriminazzjoni mifruxa u anti-Żingariżmu, u dan jalimenta ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ, l-esklużjoni, is-segregazzjoni u l-emarġinazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tan-nies Rom billi jiżguraw id-dritt għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għall-impjieg, għall-akkomodazzjoni u għall-protezzjoni soċjali;

    108.

    Jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-isfera politika u n-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi, peress li dan idgħajjef id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; iqis li l-gvernijiet għandhom jimmiraw għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċessi ta' bini u għaż-żamma tad-demokrazija, u għandhom jiġġieldu kontra kull forma ta' diskriminazzjoni fi ħdan is-soċjetà; jenfasizza li r-rapporti tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali joffru linji gwida preċiżi għad-djalogu politiku tal-UE ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess elettorali u fil-ħajja demokratika tal-pajjiż;

    109.

    Jiddeplora l-fatt li xi pajjiżi għadhom jillimitaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-elezzjonijiet;

    110.

    Jiddeplora l-fatt li n-nisa madwar id-dinja għadhom jiffaċċjaw sfidi enormi biex isibu u jżommu impjiegi diċenti, kif jixhed ir-rapport tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) “Women at work 2016” (In-nisa fuq ix-xogħol 2016);

    111.

    Jiddispjaċih li s-saqaf tal-ħġieġ għan-nisa fin-negozju, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-iskoraġġiment soċjetali ta' intraprenditorija femminili għadhom fenomeni globali; jitlob inizjattivi li jawtonomizzaw lin-nisa, speċjalment fl-oqsma tal-impjieg indipendenti u l-SMEs;

    112.

    Ifakkar li l-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali u l-mikrokreditu huma għodod essenzjali għall-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

    113.

    Iħeġġeġ lin-nisa biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-għaqdiet tal-ħaddiema u organizzazzjonijiet oħra, peress li dan jgħin ħafna biex jintroduċi aspetti tal-ġeneru fil-kundizzjonijiet tax-xogħol;

    114.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiffokaw fuq l-emanċipazzjoni ekonomika u politika tan-nisa fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, billi jippromwovu l-involviment tagħhom fil-kumpaniji u fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' żvilupp reġjonali u lokali;

    115.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw sistema ta' bbaġitjar skont il-ġeneru fil-fondi kollha rilevanti tal-UE;

    116.

    Jitlob li jkun hemm investiment fin-nisa u ż-żgħażagħ, peress li dan huwa mezz effikaċi biex jiġi miġġieled il-faqar, u l-faqar tan-nisa b'mod partikolari;

    117.

    Huwa mħasseb ħafna li t-theddida li qed tikber malajr ta' reżistenza għall-anitmikrobiċi (AMR) mistennija ssir l-akbar kawża ta' mewt fid-dinja, li tivvittimizza partikolarment lill-persuni vulnerabbli u lill-persuni dgħajfa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr dewmien strateġija verament effettiva għas-saħħa pubblika;

    Id-drittijiet tat-tfal

    118.

    Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti għar-ratifikazzjoni universali u l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha, jitlob li l-UE tikkonsulta b'mod sistematiku, mal-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali favur id-drittijiet tat-tfal, u tqajjem, fid-djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi, il-kwistjoni tal-obbligi tal-Istati Partijiet li jimplimentaw il-Konvenzjoni; jilqa' r-ratifika tal-Konvenzjoni mis-Sudan t'Isfel u s-Somalja; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jesploraw modi u mezzi kif l-UE taderixxi mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

    119.

    Jitlob li l-UE tkompli tippromwovi s-sett ta' għodod għad-Drittijiet tat-Tfal tal-UE u l-UNICEF “Integrating Child Rights in Development Cooperation” (L-Integrazzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp) permezz tad-Delegazzjonijiet esterni tagħha, u li tħarreġ il-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE b'mod adegwat f'dan il-qasam; jenfasizza l-problema serja ta' tfal mhux irreġistrati li jitwieldu 'l bogħod mill-pajjiż ta' oriġini tal-ġenituri tagħhom, kwistjoni partikolarment serja fir-rigward tar-refuġjati, u jistieden lill-UE biex tqajjem il-kwistjoni fid-djalogi politiċi tagħha ma' pajjiżi terzi, meta dan ikun rilevanti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politiki dwar, u tippromwovi fil-fora internazzjonali, il-protezzjoni tat-tfal ta' ġenituri li jkunu l-ħabs, sabiex tingħeleb id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni tagħhom; jenfasizza li miljuni ta' tfal għadhom isofru malnutrizzjoni, b'numri kbar li qed jiffaċċjaw konsegwenzi irriversibbli u fit-tul u saħansitra l-mewt; jistieden lill-Kummissjoni u lill-komunità internazzjonali biex jintroduċu modi innovattivi biex jindirizzaw il-malnutrizzjoni b'mod effettiv, b'mod partikolari fost it-tfal, permezz tal-ikbar użu possibbli tal-katina alimentari kollha, u għalhekk bl-inklużjoni tas-sħubijiet pubbliċi-privati-ċittadini (PPPPs), u r-riżorsi disponibbli l-oħra kollha, b'mod partikolari l-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali;

    120.

    Jesprimi l-ħtieġa ta' assistenza internazzjonali fl-isforzi biex jinstabu u jinħelsu n-nisa u t-tfal li għadhom maqbuda mid-Da'esh u minn gruppi terroristiċi u organizzazzjonijiet paramilitari oħra, u fil-promozzjoni ta' programmi speċjali għat-trattament ta' ex priġunieri fl-UE u madwar id-dinja; jesprimi tħassib dwar ir-reklutaġġ tat-tfal u l-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet terroristiċi u militari; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita politika biex tiggwida t-tiftix, il-ħelsien, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawn it-tfal; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu promossi politiki favur id-diżarm, ir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tas-suldati tfal; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tipproponi Pjan ta' Azzjoni u Strateġija għad-Drittijiet tat-Tfal komprensiva għall-ħames snin li ġejjin, sabiex tagħti prijorità lid-drittijiet tat-tfal fi ħdan il-politiki esterni u interni tal-UE, u biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż fiż-żoni ta' kunflitt u fil-kampijiet tar-refuġjati;

    Id-drittijiet tal-anzjani

    121.

    Jilqa' l-Objettiv 16 g tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019 li għandu l-għan li jżid is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni anzjani; jinsab imħasseb dwar l-effetti negattivi ta' diskriminazzjoni abbażi tal-età; jenfasizza l-isfidi partikulari li l-persuni anzjani jiffaċċjaw fit-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom, bħal meta jaċċessaw il-protezzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa; jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-rieżami attwali tal-Pjan ta' Azzjoni Internazzjonali ta' Madrid dwar it-Tixjiħ, biex tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti u jiġu identifikati l-lakuni potenzjali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikunu involuti b'mod attiv fil-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU dwar it-Tixjiħ u biex iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet ta' persuni akbar fl-età, inkluż billi jikkunsidraw l-elaborazzjoni ta' strument ġuridiku ġdid;

    Drittijiet tal-bniedem ta' persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI)

    122.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI; jikkundanna bil-qawwa ż-żieda riċenti ta' liġijiet diskriminatorji u atti ta' vjolenza kontra individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, tal-identità tal-ġeneru u tal-karatteristiċi tas-sess tagħhom, u l-fatt li 73 pajjiż għadhom jikkriminalizzaw l-omosesswalità (inkluż b'akkużi ta' “debuxxar” kontra persuni LGBTI), li minnhom 13-il pajjiż (61) jippermettu l-piena tal-mewt, filwaqt li 20 pajjiż għadhom jikkriminalizzaw l-identitajiet transġeneri; jesprimi tħassib qawwi dwar l-hekk imsejħa “liġijiet ta' propaganda” li għandhom l-għan li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tal-persuni LGBTI, u ta' dawk li jappoġġaw id-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Istati kollha b'tali liġijiet biex jirtiraw dawn id-dispożizzjonijiet; jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fir-restrizzjonijiet, u l-kondizzjonijiet operattivi diffiċli fir-rigward tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni ta' gruppi LGBTI u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u avvenimenti u protesti bħal Pride marches, fejn f'xi każijiet id-dimostranti ntlaqgħu b'reazzjonijiet vjolenti min-naħa tal-awtoritajiet; jafferma mill-ġdid ir-rwol kruċjali ta' dawn il-libertajiet fundamentali fil-funzjonament tas-soċjetajiet demokratiċi, kif ukoll ir-responsabilità tal-Istati li jiżguraw li dawn id-drittijiet jitħarsu u li dawk li jeżerċitawhom ikunu protetti; jitlob li s-SEAE jagħti prijorità u jsaħħaħ l-azzjonijiet tiegħu f'pajjiżi bi prevalenza ta' vjolenza, qtil, abbuż u diskriminazzjoni kontra persuni LGBTI, billi jikkundanna dawn il-prattiki b'konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt u l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, u billi jkompli jaħdem mal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'dan il-qasam; jenfasizza l-importanza li tiġi appoġġata l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI permezz ta' appoġġ u riżorsi ulterjuri għal programmazzjoni effettiva, permezz tat-tnedija ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, iffinanzjati wkoll permezz tal-EIDHR, tal-pubbliku ġenerali dwar id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra persuni LGBTI, u billi jiġi żgurat l-għoti ta' assistenza ta' emerġenza lil dawk fi bżonn ta' dan l-appoġġ; jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-istituzzjonijiet rilevanti jippromwovu b'mod attiv dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

    123.

    Jilqa' l-Linji Gwida tal-Kunsill Affarijiet Barranin għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni LGBTI, adottati fl-24 ta' Ġunju 2013; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jinsistu favur approċċ aktar strateġiku u sistematiku rigward l-implimentazzjoni tal-linji gwida, inkluż permezz tas-sensibilizzazzjoni u tat-taħriġ tal-persunal tal-UE f'pajjiżi terzi, sabiex b'hekk iqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fi djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi, u f'fora multilaterali; jenfasizza l-importanza li l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha disponibbli b'mod wiesa' għal persuni LGBTI; jappella għal azzjonijiet konkreti biex tiżdied il-koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE dwar id-drittijiet ta' persuni LGBTI;

    124.

    Jinkoraġġixxi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jikkontribwixxu ulterjorment għar-rikonoxximent taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess jew ta' unjonijiet ċivili bejn persuni tal-istess sess bħala kwistjoni politika, soċjali u tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem; jilqa' l-fatt li numru dejjem akbar ta' pajjiżi jirrispettaw id-dritt li wieħed jibni familja permezz ta' żwieġ, sħubija ċivili u adozzjoni mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu proposti għar-rikonoxximent reċiproku ta' dawn l-unjonijiet u ta' familji tal-istess sess madwar l-UE sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali fir-rigward tax-xogħol, tal-moviment liberu, tat-tassazzjoni u tas-sigurtà soċjali, u jiġi protett id-dħul tal-familji u t-tfal;

    Drittijiet ta' popli indiġeni u ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi

    125.

    Jinsab imħasseb ħafna minħabba li l-popli indiġeni għadhom f'periklu partikolari li ssir diskriminazzjoni kontrihom, u huma partikolarment vulnerabbli għall-bidliet u t-taqlib politiċi, ekonomiċi, ambjentali u marbuta max-xogħol; jinnota li l-parti l-kbira tagħhom jgħixu taħt is-soll tal-faqar u għandhom ftit jew xejn aċċess għal sistemi ta' rappreżentanza u teħid ta' deċiżjonijiet politiċi, bi ksur tad-dritt tagħhom għal kunsens ħieles, minn qabel u infurmat, kif żgurat fid-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u kif rikonoxxut fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp 2005; huwa partikolarment imħasseb dwar ir-rapporti ta' abbużi mifruxa u li qed jikbru tad-drittijiet tal-bniedem kontra popli indiġeni, bħall-persekuzzjoni, l-arresti arbitrarji u l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-ispostamenti furzati, il-ħtif tal-art u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn intrapriżi jew kumpaniji;

    126.

    Jinnota bi tħassib kbir li l-popli indiġeni huma partikolarment milqutin minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat mal-estrazzjoni ta' riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jappoġġaw inizjattivi u oqfsa legali rigorużi mmirati lejn l-iżgurar tat-trasparenza u l-governanza tajba fis-settur tal-estrazzjoni u f'setturi ta' riżorsi oħra, u għaldaqstant ir-rispett tal-kunsens liberu, minn qabel u informat tan-nies lokali u tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni; jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex ikomplu jsaħħu d-djalogu ma' popli indiġeni fil-post sabiex jidentifikaw u jipprevjenu l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

    127.

    Jenfasizza li peress li l-komunitajiet minoritarji għandhom ħtiġijiet speċifiċi, l-ugwaljanza sħiħa u effikaċi bejn il-persuni li jappartjenu għal minoranza u dawk li jappartjenu għall-maġġoranza għandha tiġi promossa f'kull qasam tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jipproteġu d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi fil-fażijiet kollha tal-proċess ta' tkabbir;

    Id-drittijiet ta' persuni milquta minn diskriminazzjoni abbażi tal-kasti

    128.

    Jikkundanna l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni li jsofru ġerarkiji ta' kasti u diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti, inklużi ċ-ċaħda tal-ugwaljanza u ta' aċċess għas-sistema legali u għax-xogħol, u s-segregazzjoni li għadha għaddejja u l-ostakli indotti mill-kasti għall-kisba tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u tal-iżvilupp; jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rata allarmanti ta' attakki vjolenti abbażi tal-kasti kontra d-Dalits u ta' diskriminazzjoni istituzzjonalizzata b'impunità; itenni t-talba tiegħu għall-iżvilupp ta' politika tal-UE dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasti, u jitlob lill-UE tuża kull opportunità biex tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasti;

    Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) / ġustizzja tranżizzjonali

    129.

    Ifakkar fl-universalità tal-QKI u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tagħha; jenfasizza r-rwol importanti li taqdi biex tintemm l-impunità għal min iwettaq l-aktar delitti gravi li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u biex tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u ta' ġenoċidju; jibqa' attent rigward ta' kwalunkwe tentattiv biex tiġi imminata l-leġittimità jew l-indipendenza tal-QKI;

    130.

    Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Frar 2016 li tappella lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jappoġġaw riferiment tal-Kunsill tas-Sigurtà lill-QKI biex tinvestiga ksur imwettaq fl-Iraq u fis-Sirja mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh kontra l-Insara (Kaldej/Sirjaċi/Assirjani), il-Yazidi u minoranzi reliġjużi u etniċi oħra;

    131.

    Jilqa' d-dikjarazzjoni maħruġa mill-Ukrajna, fejn taċċetta l-ġuriżdizzjoni tal-QKI għad-delitti mwettqa fil-pajjiż sa mill-20 ta' Frar 2014, peress li din id-dikjarazzjoni twitti t-triq biex il-prosekutur tal-QKI jikkunsidra jekk il-qorti tistax tinvestiga l-abbużi mwettqa matul il-kunflitt armat, anki jekk l-Ukrajna għadha mhux pajjiż membru tal-QKI;

    132.

    Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-appoġġ tal-UE għall-ġustizzja tranżizzjonali, u jilqa' l-Qafas ta' Politika tal-UE dwar appoġġ għall-ġustizzja tranżizzjonali, fejn l-UE hija l-ewwel organizzazzjoni reġjonali li adottat tali politika; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lir-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma, u jesprimi tħassib serju dwar il-fatt li diversi mandati ta' arrest għadhom ma ġewx eżegwiti; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-Qorti, u jkomplu jagħtu appoġġ politiku u diplomatiku qawwi favur l-isforzi għat-tisħiħ u l-espansjoni tar-relazzjoni bejn il-QKI u n-NU, b'mod partikolari fil-kuntest tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u biex jieħdu passi biex jipprevjenu u jirreaġixxu b'mod effettiv fir-rigward tal-istanzi ta' nonkooperazzjoni mal-QKI; itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tadotta pożizzjoni komuni dwar id-delitt ta' aggressjoni u dwar l-Emendi ta' Kampala, u jistieden lill-Istati Membri biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Emendi ta' Kampala, u jsaħħu l-kooperazzjoni mal-Qorti; jiddeplora l-atteġġament ta' sfida fil-konfront tal-QKI muri minn diversi pajjiżi permezz tal-irtirar jew permezz ta' theddid ta' rtirar mill-ġurisdizzjoni tal-QKI;

    133.

    Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar il-Ġustizzja Internazzjonali u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali biex dawn is-suġġetti jingħataw il-prominenza u l-viżibilità li jistħoqqilhom, biex l-aġenda tal-UE tiġi promossa b'mod effettiv u biex l-impenn tal-UE favur il-ġlieda kontra l-impunità u favur il-QKI jiġi integrat fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;

    134.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu lill-QKI b'finanzjament adegwat u biex isaħħu l-appoġġ tagħhom favur is-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, inkluża l-ġustizzja tranżizzjonali;

    Id-dritt umanitarju internazzjonali

    135.

    Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali, u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tiżdied b'mod allarmanti ta' ħsara kollaterali f'kunflitti armati madwar id-dinja, u ta' attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel, konvojs umanitarji u kontra miri ċivili oħrajn; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-influwenza dejjem akbar tal-azzjonijiet ta' atturi mhux statali f'kunflitti madwar id-dinja, u jħeġġeġ lill-UE biex tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex ittejjeb il-konformità tal-atturi statali u mhux statali mad-dritt umanitarju internazzjonali; jilqa' l-impenn tal-UE u tal-Istati Membri lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) biex jappoġġaw bis-sħiħ it-twaqqif ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, u jitlob lill-VP/RGħ biex tirrapporta lill-Parlament dwar l-objettivi u l-istrateġija mfassla sabiex iwettqu dan l-impenn; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tlaqqa' konferenza internazzjonali biex tipprepara għal mekkaniżmu internazzjonali ġdid ta' monitoraġġ u ġbir ta' data, u biex għar-rappurtar pubbliku dwar il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi attakki fuq sptarijiet, ħaddiema mediċi u ambulanzi; hu tal-fehma li tali mekkaniżmu jista' jibni fuq il-mekkaniżmu eżistenti għat-tfal affettwati mill-kunflitti armati (CAAC); jitlob lill-VP/RGħ biex tippreżenta, fuq bażi annwali, lista pubblika ta' awturi allegati ta' attakki fuq skejjel u sptarijiet, sabiex tiddefinixxi l-azzjoni tal-UE xierqa biex jiġu mwaqqfa dawn l-attakki;

    136.

    Jiddeplora l-fatt li seba' Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw projbizzjoni globali fuq l-użu tal-fosforu abjad, b'mod partikolari permezz tal-konklużjoni ta' protokoll ġdid għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali li jipprojbixxi l-użu ta' tali armi;

    137.

    Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti prinċipali tad-dritt umanitarju internazzjonali u strumenti ġuridiċi rilevanti oħrajn li għandhom impatt fuq id-dritt umanitarju internazzjonali; jirrikonoxxi l-importanza tal-Linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, u jtenni l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jirrevedu l-implimentazzjoni tagħhom fid-dawl tal-avvenimenti traġiċi fil-Lvant Nofsani, partikolarment fil-kuntest ta' impunità mifruxa u sistematika għal ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE biex tappoġġa inizjattivi bl-għan li jinxtered l-għarfien tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' prattiki tajbin fl-applikazzjoni tiegħu, u jistieden lill-UE biex tisfrutta l-għodda bilaterali kollha għad-dispożizzjoni tagħha b'mod effikaċi għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali mis-sħab tagħha, inkluż permezz ta' djalogu politiku; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jingħaqdu l-isforzi internazzjonali biex jipprevjenu attakki kontra, u l-użu militari ta', skejjel minn atturi armati, billi japprovaw id-Dikjarazzjoni tal-Iskejjel Sikuri, li hija mfassla biex tgħin fil-waqfien tal-attakki militari mifruxa fuq skejjel waqt kunflitt armat;

    138.

    Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tlaqqa' konferenza internazzjonali bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effikaċja ta' regoli umanitarji internazzjonali;

    139.

    Itenni l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ biex tvara inizjattiva mmirata biex jiġi impost embargo tal-armi tal-UE kontra l-pajjiżi li jiġu akkużati b'allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, partikolarment fir-rigward tat-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' infrastruttura ċivili; jenfasizza li l-fatt li qed ikompli jiġi liċenzjat il-bejgħ ta' armi lejn dawn il-pajjiżi jirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jaċċettaw priġunieri ta' Gwantanamo fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jingħalaq il-ħabs tal-Bajja ta' Guantanamo malajr kemm jista' jkun;

    Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew tat-twemmin

    140.

    Jikkundanna, f'konformità mal-Artikolu 10 TFUE, l-atti kollha ta' vjolenza u persekuzzjoni, nuqqas ta' tolleranza u diskriminazzjoni abbażi ta' ideoloġija, reliġjon jew twemmin; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi ta' vjolenza u persekuzzjoni, intolleranza u diskriminazzjoni kontra minoritajiet reliġjużi madwar id-dinja; jisħaq fuq il-fatt li d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, u tar-reliġjon jew tat-twemmin huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, interrelatati ma' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħrajn u li jħaddnu d-dritt għal kull individwu li jemmen jew li ma jemminx, li jimmanifesta jew li ma jimmanifestax kwalunkwe reliġjon jew twemmin, u li jadotta, jibdel jew jabbanduna twemmin tal-għażla tiegħu jew jerġa' lura għalih, kif minqux fl-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jimpenjaw ruħhom f'diskussjonijiet politiċi biex jirrevokaw il-liġijiet dwar atti blasfemi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-minoranzi jiġu rrispettati u protetti madwar id-dinja, inkluż fil-Lvant Nofsani, fejn il-minoranzi Yazidi, Insara u Musulmani u l-atei qed jiġu ppersegwitati mid-Da'esh u minn gruppi terroristiċi oħra; jiddeplora l-abbuż tar-reliġjon jew tat-twemmin għal finijiet terroristiċi;

    141.

    Jappoġġa l-impenn tal-UE li tippromwovi d-dritt għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fi ħdan fora internazzjonali u reġjonali inklużi n-NU, l-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u mekkaniżmi reġjonali oħrajn, u jinkoraġġixxi lill-UE tkompli tressaq ir-riżoluzzjoni annwali tagħha dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-livell tan-NU u tappoġġa l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jinkoraġġixxi lill-VP/RGħ u lis-SEAE jidħlu fi djalogu permanenti mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, mal-gruppi reliġjużi jew tat-twemmin u mal-mexxejja reliġjużi;

    142.

    Jappoġġa bis-sħiħ il-prattika tal-UE li tmexxi r-riżoluzzjonijiet tematiċi fl-UNHRC u fl-AĠNU dwar il-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġa l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, u jħeġġeġ lill-pajjiżi li bħalissa mhux qed jaċċettaw talbiet għal żjarat mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin biex jagħmlu dan;

    143.

    Jitlob lill-UE tirrinforza l-istrumenti eżistenti tagħha, u tadotta kwalunkwe strument ieħor fl-ambitu tal-mandat tagħha, biex jiġi żgurat li l-protezzjoni tal-minoranzi reliġjużi hija effikaċi madwar id-dinja;

    144.

    Jitlob li tittieħed azzjoni konkreta għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, inkluż: taħriġ sistematiku u konsistenti tal-persunal tal-UE fis-Sede ċentrali u fid-Delegazzjonijiet; rappurtar dwar il-pajjiż u s-sitwazzjonijiet lokali; u l-impenn f'kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi lokali, speċjalment il-mexxejja ta' gruppi reliġjużi jew ta' twemmin;

    145.

    Jinsab imħasseb ħafna li f'xi partijiet tad-dinja l-pożizzjoni ta' komunitajiet ta' reliġjon jew twemmin tinsab fil-periklu, fejn komunitajiet reliġjużi sħaħ jgħibu jew jaħarbu;

    146.

    Jenfasizza l-fatt li bħalissa l-Insara huma l-aktar grupp reliġjuż ffastidjat u intimidat f'pajjiżi madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa, fejn refuġjati Nsara regolarment jsofru persekuzzjoni reliġjuża motivata, u li wħud mill-eqdem komunitajiet Insara huma fil-periklu li jgħibu, speċjalment fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani;

    147.

    Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-UE biex jipprovdu protezzjoni lill-minoranzi u biex jistabbilixxu żoni sikuri; jitlob ir-rikonoxximent, l-amministrazzjoni awtonoma u l-protezzjoni ta' minoranzi etniċi u reliġjużi li qed jgħixu f'żoni fejn storikament kellhom preżenza qawwija u għexu fil-paċi maġenb xulxin – pereżempju fuq il-muntanji Sinjar (Yazidi) u l-pjanuri ta' Nineveh (il-popli Kaldej-Sirjani-Assirjani); jitlob għal għajnuna speċjali fl-isforzi biex jiġu preservati oqbra (tal-massa) f'żoni ta' kunflitti attwali jew riċenti, bl-għan li jiġu eżumati u analizzati b'mod forensiku kwalunkwe fdalijiet tal-bniedem li baqa' fihom, sabiex jippermettu d-dfin deċenti, jew l-għoti tal-fdalijiet tal-vittmi lill-familja; jitlob li jiġi stabbilit fond apposta li jista' jgħin biex jiffinanzja inizjattivi biex jippreservaw il-provi, sabiex jippermetti investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' każijiet suspettati ta' reati kontra l-umanità; jitlob għal azzjonijiet mill-UE u mill-Istati Membri tagħha biex jistabbilixxu, bħala kwistjoni ta' urġenza, grupp ta' esperti biex jiġbor il-provi kollha ta' kull reat internazzjonali li jkun għaddej, inkluż il-ġenoċidju, kontra minoranzi reliġjużi u etniċi, kull fejn iseħħu, inklużi l-preservazzjoni ta' oqbra tal-massa f'żoni ta' kunflitti attwali jew riċenti, bl-għan li titħejja prosekuzzjoni internazzjonali ta' dawk responsabbli;

    Il-libertà ta' espressjoni online u offline, u permezz ta' sorsi awdjoviżivi u mezzi oħra

    148.

    Jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma universali u għandhom jiġu difiżi globalment f'kull dimensjoni tal-manifestazzjoni tagħhom;

    149.

    Jenfasizza r-rwol ta' libertà tal-espressjoni, l-indipendenza tal-midja u l-pluraliżmu bħala elementi fundamentali lejn id-demokrazija, u l-bżonn tal-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini kif ukoll tas-soċjetà ċivili biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità fis-settur pubbliku;

    150.

    Jesprimi tħassib dwar iż-żieda ta' arresti u intimidazzjoni ta' ġurnalisti f'ħafna pajjiżi, u jenfasizza li dawn il-prattiki jfixklu serjament il-libertà tal-istampa; jħeġġeġ lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jipproteġu lill-ġurnalisti u lill-bloggers indipendenti, inaqqsu d-distakk diġitali u jiffaċilitaw aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u aċċess mingħajr ċensura għall-internet (libertà diġitali);

    151.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-proliferazzjoni u t-tifrix ta' teknoloġiji ta' monitoraġġ, sorveljanza, ċensura u filtraġġ, li jirrappreżentaw theddida dejjem tikber għall-attivisti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija f'pajjiżi awtokratiċi;

    152.

    Jikkundanna bil-qawwa n-numru dejjem jiżdied ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jħabbtu wiċċhom ma' theddid diġitali, inkluża data kompromessa permezz ta' konfiska ta' tagħmir, is-sorveljanza remota u t-tixrid ta' data; jikkundanna l-prattika ta' hacking u ta' sorveljanza online biex tinġabar informazzjoni li tista' tintuża f'każijiet legali jew kampanji ta' malafama, kif ukoll f'kawżi ta' malafama;

    153.

    Jikkundanna bil-qawwa l-kontroll tal-awtoritajiet tal-internet, tal-mezzi tax-xandir u tad-dinja akkademika, u ż-żieda ta' intimidazzjoni, fastidju u arresti arbitrarji li jħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati u l-ġurnalisti;

    154.

    Jikkundanna r-restrizzjonijiet fuq il-komunikazzjoni diġitali, inklużi l-għeluq ta' siti web u l-ibblokkar ta' kontijiet personali minn reġimi awtoritarji sabiex jirrestrinġu l-libertà tal-espressjoni u bħala mezz biex isikktu lill-oppożizzjoni u jrażżnu lis-soċjetà ċivili; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkundannaw pubblikament reġimi li jirrestrinġu l-komunikazzjoni diġitali tal-kritiċi u l-oppożizzjoni tagħhom;

    155.

    Jenfasizza l-importanza li jiġi promoss l-aċċess għall-internet mingħajr restrizzjonijiet f'kull forma ta' kuntatt ma' pajjiżi terzi, inkluż fin-negozjati tal-adeżjoni, fin-negozjati kummerċjali, fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-kuntatti diplomatiċi, u li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tkun aċċessibbli kemm jista' jkun għan-nies fid-dinja kollha;

    156.

    Huwa mħasseb dwar iż-żieda ta' diskors ta' mibegħda, speċjalment fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiżguraw li l-fehmiet tagħhom jiġu kkunsidrati fin-negozjati dwar il-kodiċijiet ta' kondotta; jikkundanna bil-qawwa t-tixrid ta' messaġġi ta' mibegħda li jinċitaw il-vjolenza jew it-terroriżmu;

    157.

    Jappella għal iżjed appoġġ fl-oqsma tal-promozzjoni tal-libertà medjatika, il-protezzjoni tal-ġurnalisti, il-bloggers u l-informaturi indipendenti, it-tnaqqis tad-distakk diġitali u l-iffaċilitar ta' aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni u s-salvagwardja tal-aċċess mingħajr ċensura għall-internet (libertà diġitali);

    158.

    Jappella għall-iżvilupp u t-tixrid attiv ta' teknoloġiji li jgħinu biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u li jiffaċilitaw id-drittijiet u l-libertajiet diġitali tan-nies kif ukoll is-sigurtà u l-privatezza tagħhom;

    159.

    Jistieden lill-UE tadotta softwer mingħajr ħlas u b'sors miftuħ, u tinkoraġġixxi atturi oħra biex jagħmlu l-istess, peress li softwer bħal dan jipprovdi sigurtà aħjar u rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem;

    160.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqajmu l-kwistjonijiet ta' libertà tal-espressjoni online, il-libertajiet diġitali u l-importanza ta' internet liberu u miftuħ, fil-fora internazzjonali kollha, inklużi l-Forum dwar il-Governanza tal-Internet tan-NU, il-G8, il-G20, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa;

    Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

    161.

    Itenni l-kundanna inekwivokabbli tiegħu tat-terroriżmu u l-appoġġ sħiħ tiegħu favur azzjonijiet immirati biex jeqirdu l-organizzazzjonijiet terroristiċi, b'mod partikolari d-Da'esh, li jikkostitwixxu theddida ċara għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali, filwaqt li jitfakkar li dawn l-azzjonijiet għandhom dejjem jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa l-promozzjoni tal-aspetti kollha tar-riżoluzzjoni 2178(2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-ġlieda kontra t-theddid rappreżentat mill-ġellieda terroristi barranin u tal-Prinċipji Gwida ta' Madrid biex jitwaqqaf il-fluss tal-ġellieda terroristi barranin;

    162.

    Ifakkar li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija jissottolinja l-ħtieġa biex jiġi żgurat li r-rispett għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni jiġu integrati fl-iżvilupp ta' politiki u ta' programmi relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti biex jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni taċ-ċittadini Ewropej, u għandhom jiżviluppaw programmi effikaċi għall-ġlieda kontra l-propaganda terroristika u estremista u l-metodi ta' reklutaġġ, speċjalment fuq l-internet, u għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni; jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni kollettiva tal-UE, bħala kwistjoni ta' urġenza, u jinsisti li l-Istati Membri għandhom jikkooperaw f'oqsma sensittivi, b'mod partikolari, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-intelligence;

    163.

    Jitlob li l-UE tkompli taħdem man-NU fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż permezz tal-użu tal-mekkaniżmi eżistenti maħsuba biex jidentifikaw l-individwi u l-organizzazzjonijiet terroristiċi u jsaħħu l-mekkaniżmi tal-iffriżar tal-assi fid-dinja kollha u fl-istess ħin jiddefendu l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-proċess ġust u tal-istat tad-dritt; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod effikaċi u urġenti jqajmu din il-kwistjoni ma' dawk l-Istati li jiffinanzjaw jew jappoġġaw organizzazzjonijiet terroristiċi, jew li jippermettu liċ-ċittadini tagħhom li jagħmlu dan;

    Il-piena tal-mewt

    164.

    Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE dwar tolleranza żero għall-piena tal-mewt u jtenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena tal-mewt, it-tortura, it-trattament u l-pieni krudili, inumani jew degradanti fil-każijiet kollha u f'kull ċirkostanza;

    165.

    Jilqa' wkoll it-tneħħija tal-piena tal-mewt f'Fiġi, fis-Suriname, fil-Mongolja u fl-Istat ta' Nebraska fl-Istati Uniti;

    166.

    Jinsab imħasseb sew dwar l-istituzzjoni mill-ġdid tal-eżekuzzjonijiet f'ċerti pajjiżi matul dawn l-aħħar snin; jiddeplora l-fatt li l-mexxejja politiċi f'pajjiżi oħra qed jikkunsidraw ukoll li jintroduċu mill-ġdid il-piena tal-mewt; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda rappurtata fl-għadd ta' sentenzi ta' mewt mogħtija madwar id-dinja fl-2015, b'mod partikolari fiċ-Ċina, fl-Eġittu, fl-Iran, fin-Niġerja, fil-Pakistan u fl-Arabja Sawdija; ifakkar lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal reati li jsiru minn persuna taħt it-18-il sena;

    167.

    Huwa partikolarment imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' sentenzi tal-mewt imposti fi proċessi tal-massa, mingħajr garanziji tal-istandards minimi ta' proċċess ġust meħtieġa mid-dritt internazzjonali;

    168.

    Jiddenunzja bil-qawwa ż-żieda fis-sentenzi tal-mewt li ngħataw għal reati relatati mad-drogi u jappella għall-esklużjoni tal-użu tal-piena kapitali u l-eżekuzzjonijiet sommarji għal tali reati;

    169.

    Jappella lil dawk l-Istati li abolixxew il-piena tal-mewt, jew li għandhom moratorju għal żmien twil fuqha, biex jonoraw l-impenji tagħhom u ma jerġgħux idaħħluha mill-ġdid; jitlob lill-UE tkompli tuża l-kooperazzjoni u d-diplomazija fil-fora kollha possibbli madwar id-dinja biex tappoġġa l-ġlieda kontra l-piena tal-mewt, filwaqt li tipprova tiżgura li d-dritt għal proċess ġust jiġi rrispettat bis-sħiħ għal kull persuna li qed tiffaċċa eżekuzzjoni; jisħaq fuq l-importanza li l-UE tkompli timmonitorja l-kundizzjonijiet li bihom jitwettqu eżekuzzjonijiet f'dawk il-pajjiżi li għadhom jimponu l-piena tal-mewt, sabiex jiġi żgurat li l-lista ta' persuni kkundannati għall-mewt ssir pubblika u li ġisimhom jiġi rritornat lill-familji tagħhom;

    170.

    Jinsisti li huwa importanti li l-UE żżomm politika ta' livell għoli mmirata lejn l-abolizzjoni globali tal-piena tal-mewt, skont il-Linji Gwida riveduti tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt tal-2013, u li tkompli taħdem kontra l-piena tal-mewt; jistieden lill-UE biex tkompli taħdem lejn l-abolizzjoni universali tagħha, biex tesplora modi ġodda kif tikkampanja għal dan l-għan u tappoġġa azzjonijiet, fil-kuntest tal-EIDHR, immirati biex jipprevjenu s-sentenzi ta' mewt jew l-eżekuzzjonijiet; jitlob li d-Delegazzjonijiet tal-UE jkomplu jorganizzaw attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għal dan l-għan;

    Il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin

    171.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu kontinwu tat-tortura u tat-trattament ħażin kontra persuni miżmuma f'detenzjoni, fost l-oħrajn bl-għan li jinsiltu konfessjonijiet li mbagħad jintużaw fi proċessi kriminali li żgur ma jissodisfawx l-istandards internazzjonali ta' korrettezza;

    172.

    Jiddeplora l-użu mifrux tat-tortura u tat-trattament ħażin kontra membri tas-soċjetà li huma dissidenti biex isikktuhom u kontra gruppi vulnerabbli bħalma huma minoranzi etniċi, lingwistiċi u reliġjużi, persuni LGBTI, nisa, tfal, dawk li jfittxu asil u migranti;

    173.

    Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli t-tortura u t-trattament ħażin ikkawżati mid-Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi jew paramilitari oħra; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi u l-komunitajiet milquta minn tali vjolenza; jikkundanna l-prattiki tad-Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi jew paramilitari oħra li jinvolvu diskriminazzjoni u l-immirar ta' gruppi ta' minoranza; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-ħtieġa urġenti li jipprevjenu aktar tbatija b'mod effikaċi;

    174.

    Iqis li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u l-istat tal-ħabsijiet f'għadd ta' pajjiżi huma kwistjoni ta' tħassib serju; iqis li huwa essenzjali li tiġi miġġielda kull forma ta' tortura u trattament ħażin tad-detenuti, inkluż tortura psikoloġika, u jiżdiedu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw ir-rispett tad-dritt internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari rigward l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-mediċini; jikkundanna bil-qawwa l-ksur ta' din id-dritt u jemmen li r-rifjut li jiġu trattati d-detenuti għal mard bħall-epatite u l-HIV huwa ekwivalenti għal nuqqas ta' assistenza lil persuni li jkunu fil-periklu;

    175.

    Iħeġġeġ lis-SEAE, fid-dawl tar-rapporti riċenti kontinwi ta' prattiki mifruxa ta' eżekuzzjonijiet sommarji, tortura u ta' trattament ħażin madwar id-dinja, biex iżidu, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, f'konformità mal-linji gwida għall-politika tal-UE fir-rigward ta' pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti;

    176.

    Iħeġġeġ lis-SEAE biex, b'mod sistematiku, ikompli jqajjem kuxjenza dwar it-tortura u t-trattament ħażin fi djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-pajjiżi kkonċernati u fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, u jistieden lid-Delegazzjonijiet tal-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri fuq il-post, biex jissorveljaw każijiet ta' tortura u ta' trattament ħażin, biex jieħdu passi konkreti biex jippromwovu l-eradikazzjoni sħiħa tagħhom, biex isegwu l-proċessi kriminali relatati u biex jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jgħinu lill-individwi kkonċernati;

    Id-drones

    177.

    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' drones armati barra l-qafas ġuridiku internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jartikolaw il-pożizzjonijiet ġuridiċi u ta' politika ċari dwar drones armati, u jtenni t-talba tiegħu għal pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati li tappoġġa d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u li għandha tindirizza kwistjonijiet bħalma huma l-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-UE biex tipprojbixxi l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jappella lill-UE biex topponi u tipprojbixxi l-prattika ta' qtil extraġudizzjarju u mmirat, u biex timpenja ruħha li tiżgura miżuri adegwati, skont l-obbligi ġuridiċi nazzjonali u internazzjonali, meta jkun hemm provi biżżejjed li wieħed jemmen li individwu jew entità fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha huma marbuta ma' qtil immirat illegali lil hinn minn xtutha; jistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jinkludu armi kompletament awtonomi u drones armati f'diżarm internazzjonali u Ewropew rilevanti u mekkaniżmi ta' kontroll tal-armi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fi u jsaħħu dawn il-mekkaniżmi ta' kontroll; jitlob lill-UE tiggarantixxi aktar trasparenza u responsabilità min-naħa tal-Istati Membri tagħha, mhux l-inqas fir-rigward ta' pajjiżi terzi fl-użu ta' drones armati fir-rigward tal-bażi ġuridika għall-użu tagħhom u għar-responsabilità operattiva, li tipprevedi rieżami ġudizzjarju tal-attakki bid-drones u tiżgura li l-vittmi ta' attakki illegali bid-drones ikollhom aċċess effikaċi għal rimedji;

    178.

    Jenfasizza l-projbizzjoni tal-UE fuq l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jappella li l-UE topponi u tipprojbixxi l-prattiki ta' qtil illegali u ta' qtil immirat;

    179.

    Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni tad-drones għal finijiet ċivili kif ukoll dawk militari; jappella biex isiru valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem fil-proġetti futuri ta' żvilupp ta' drones;

    180.

    Jenfasizza li l-impatt tat-teknoloġiji fuq it-titjib tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fil-politiki u l-programmi kollha tal-UE, jekk applikabbli, sabiex javvanzaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

    Appoġġ għad-demokrazija u l-elezzjonijiet, u missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali

    181.

    Ifakkar li spazju miftuħ għas-soċjetà ċivili, il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt huma elementi ewlenin ta' elezzjonijiet demokratiċi u ġusti; jistieden lill-UE tiżgura li l-NGOs lokali jkollhom spazju għal osservazzjoni u monitoraġġ leġittimi tal-elezzjonijiet; jenfasizza li l-korruzzjoni hija theddida għat-tgawdija ugwali tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u timmina l-proċessi demokratiċi; iqis li l-UE għandha tenfasizza l-importanza tal-integrità, ir-responsabilità u l-ġestjoni tajba tal-affarijiet pubbliċi, fid-djalogi kollha ma' pajjiżi terzi, kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC); ifakkar fil-ħtieġa għall-UE li żżomm l-impenn tagħha mas-sħab tagħha, partikolarment fil-viċinat tagħha, biex tappoġġa r-riforma ekonomika, soċjali u politika, sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u biex tistabbilixxi l-istat tad-dritt, bħala l-aħjar mezzi sabiex tissaħħaħ l-ordni internazzjonali u tiġi żgurata l-istabilità tal-viċinat tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ta l-opportunità li jiġi ddikjarat mill-ġdid li d-difiża ta' valuri universali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huma objettivi ewlenin tal-Unjoni; ifakkar li l-esperjenza miksuba mill-UE, mill-politiċi, mid-dinja akkademika, mill-midja, mill-NGOs u mis-soċjetà ċivili, u t-tagħlimiet misluta mit-tranżizzjoni għad-demokrazija fil-qafas tal-politiki ta' tkabbir u tal-viċinat, jistgħu jikkontribwixxu wkoll b'mod pożittiv għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki li jistgħu jintużaw għall-appoġġ u l-konsolidament ta' proċessi oħrajn ta' demokratizzazzjoni fid-dinja kollha; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħidma tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija u tal-programmi tal-UE biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-EIDHR;

    182.

    Jirrakkomanda li l-UE tiżviluppa approċċ aktar komprensiv lejn il-proċessi ta' demokratizzazzjoni, peress li l-osservazzjoni elettorali hija biss dimensjoni waħda ta' ċiklu usa' u itwal; itenni li t-tranżizzjoni politika u d-demokratizzazzjoni jistgħu ikunu sostenibbli u jirnexxu biss meta jkunu marbuta mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-aċċess ugwali għall-proċess demokratiku għan-nisa, persuni b'diżabilità u gruppi oħra emarġinati, il-promozzjoni tal-ġustizzja, it-trasparenza, is-sens ta' responsabilità, ir-rikonċiljazzjoni, l-istat tad-dritt, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, miżuri kontra l-faqar estrem, u t-twaqqif ta' istituzzjonijiet demokratiċi; jenfasizza li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'pajjiżi għaddejjin minn proċessi ta' demokratizzazzjoni għandha tingħata prijorità mill-UE peress li dan il-fenomenu jxekkel il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-governanza tajba, joħloq il-kriminalità organizzata u huwa marbut mal-frodi elettorali;

    183.

    Jilqa' l-Komunikazzjoni Konġunta dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u jfakkar li, kif previst fit-TUE, ir-relazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat tagħha għandha tkun ibbażata fuq il-valuri tal-Unjoni, li jinkludu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; jenfasizza li l-kontribuzzjoni għall-istabbilizzazzjoni tal-viċinat u l-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tal-governanza tajba u tad-drittijiet tal-bniedem jimxu id f'id;

    184.

    Jenfasizza li l-UE għandha tkompli tappoġġa lill-istituzzjonijiet demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem effettivi u lis-soċjetà ċivili tal-pajjiżi tal-viċinat; jinnota b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest l-impenn konsistenti tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE fil-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tal-prinċipji demokratiċi;

    185.

    Jenfasizza li l-politika tat-tkabbir hija waħda mill-għodod l-aktar b'saħħithom għat-tisħiħ tar-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa t-tisħiħ tal-kulturi politiċi demokratiċi, ir-rispett tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-midja, kif ukoll tal-ġudikatura, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati;

    186.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jipprovdu appoġġ sħiħ lill-proċessi demokratiċi għaddejjin f'pajjiżi terzi, kif ukoll lid-djalogu politiku bejn il-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni, u s-soċjetà ċivili; jinsisti fuq l-importanza ta' segwitu konsistenti għar-rakkomandazzjonijiet tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali bħala parti mill-impenn tal-UE f'appoġġ għad-demokrazija, u bħala parti minn strateġiji skont il-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-pajjiżi kkonċernati; jitlob għal koordinazzjoni u kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-Parlament u l-Kummissjoni/SEAE biex jiġi żgurat segwitu tal-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, kif ukoll l-użu ta' assistenza finanzjarja u teknika speċifika li l-UE tista' toffri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni globali tal-proċessi ta' monitoraġġ elettorali;

    187.

    Jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE biex jinkludu fil-parti ġeografika tar-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja taqsima speċifika – fil-pajjiżi kkonċernati – li tindirizza l-kwistjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet adottati fil-qafas tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali; ifakkar fl-impenn li sar fil-Pjan ta' Azzjoni mis-SEAE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom b'mod aktar sod u konsistenti ma' korpi tal-ġestjoni elettorali, mal-istituzzjonijiet parlamentari u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi terzi, sabiex jikkontribwixxu għall-awtonomizzazzjoni u, għaldaqstant, biex isaħħu l-proċessi demokratiċi;

    188.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ħidma tagħha fl-elezzjonijiet – għajnuna u osservazzjoni – flimkien ma' appoġġ simili għal atturi importanti oħra fi ħdan sistema demokratika bħall-partiti politiċi, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali, il-mezzi tax-xandir indipendenti u s-soċjetà ċivili;

    189.

    Jistieden lill-UE tkompli taħdem għad-definizzjoni tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam, inkluż fil-kuntest ta' miżuri ta' prevenzjoni ta' kunflitti, il-medjazzjoni u l-faċilitazzjoni tad-djalogu, sabiex jiżviluppaw politika koerenti, flessibbli u kredibbli tal-UE;

    190.

    Jirrikonoxxi l-ħidma b'suċċess tas-SEAE u tad-Delegazzjonijiet tal-UE fit-tlestija tat-tieni ġenerazzjoni tal-Analiżi tad-Demokrazija, u l-progress li sar rigward il-Pjanijiet ta' Azzjoni għad-Demokrazija, u jistieden lill-VP/RGħ sabiex tiżgura li l-Pjanijiet ta' Azzjoni jissarrfu f'appoġġ konkret għad-demokrazija fil-qasam;

    191.

    Jistieden lis-SEAE biex jibni fuq l-esperjenza tal-Analiżi tad-Demokrazija biex iwitti t-triq għall-integrazzjoni ta' din l-analiżi fl-azzjoni barranija tiegħu, u jinnota li, filwaqt li żieda tad-demokrazija għal Strateġiji tal-Pajjiż dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija hija milqugħa b'sodisfazzjon, din mhijiex suffiċjenti għal fehim verament komprensiv ta' demokrazija f'pajjiż sieħeb;

    o

    o o

    192.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lir-RGħ/VP, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem.

    (1)  http://www.un.org/womenwatch/daw/cedaw/cedaw.htm.

    (2)  ĠU C 289, 9.8.2016, p. 57.

    (3)  http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/CMW.aspx.

    (4)  A/RES/41/128.

    (5)  http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/69/2

    (6)  http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/Vienna.aspx.

    (7)  http://www.un.org/womenwatch/daw/beijing/pdf/BDPfA%20E.pdf.

    (8)  http://www.unfpa.org/sites/default/files/pub-pdf/programme_of_action_Web%20ENGLISH.pdf.

    (9)  http://www.ohchr.org/Documents/Publications/PTS-4Rev1-NHRI_en.pdf.

    (10)  https://europa.eu/globalstrategy/en/global-strategy-foreign-and-security-policy-european-union.

    (11)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11855-2012-INIT/en/pdf.

    (12)  https://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/111817.pdf.

    (13)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A52009XG1215(01).

    (14)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10897-2015-INIT/mt/pdf.

    (15)  ĠU C 65, 19.2.2016, p. 174.

    (16)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/mt/foraff/137584.pdf.

    (17)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10255-2016-INIT/mt/pdf.

    (18)  http://www.consilium.europa.eu/en/meetings/fac/2015/10/st13201-mt15_pdf/.

    (19)  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/06/16-epsco-conclusions-lgbti-equality/.

    (20)  http://ec.europa.eu/justice/discrimination/files/lgbti_actionlist_en.pdf.

    (21)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9242-2015-INIT/mt/pdf.

    (22)  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/07/20-fac-migration-conclusions/.

    (23)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12002-2015-REV-1/mt/pdf.

    (24)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12098-2015-INIT/mt/pdf.

    (25)  ĠU L 43, 18.2.2015, p. 29.

    (26)  http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=MT&f=ST%2015559%202014%20INIT.

    (27)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/MT/foraff/130243.pdf.

    (28)  http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12525-2016-INIT/mt/pdf.

    (29)  https://rm.coe.int/CoERMPublicCommonSearchServices/DisplayDCTMContent?documentId=090000168008482e.

    (30)  ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.

    (31)  http://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/international-summit/2015/11/action_plan_en_pdf/.

    (32)  http://www.securitycouncilreport.org/atf/cf/%7B65BFCF9B-6D27-4E9C-8CD3-CF6E4FF96FF9%7D/s_res_2242.pdf.

    (33)  http://www.securitycouncilreport.org/atf/cf/%7B65BFCF9B-6D27-4E9C-8CD3-CF6E4FF96FF9%7D/CAC%20S%20RES%201820.pdf.

    (34)  http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=S/RES/1325(2000).

    (35)  http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/69/167.

    (36)  Testi adottati, P8_TA(2016)0337.

    (37)  Testi adottati, P8_TA(2016)0300.

    (38)  Testi adottati, P8_TA(2016)0201.

    (39)  Testi adottati, P8_TA(2016)0102.

    (40)  Testi adottati, P8_TA(2016)0051.

    (41)  Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

    (42)  Testi adottati, P8_TA(2015)0317.

    (43)  Testi adottati, P8_TA(2015)0350.

    (44)  Testi adottati, P8_TA(2015)0348.

    (45)  Testi adottati, P8_TA(2015)0288.

    (46)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 130.

    (47)  ĠU C 316, 30.8.2016, p. 178.

    (48)  ĠU C 234, 28.6.2016, p. 25.

    (49)  Testi adottati, P7_TA(2014)0172.

    (50)  ĠU C 181, 19.5.2016, p. 69.

    (51)  http://www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/RegularSessions/Session31/Documents/A_HRC_31_56_en.doc.

    (52)  ĠU C 65, 19.2.2016, p. 105.

    (53)  ĠU C 434, 23.12.2015, p. 24.

    (54)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.

    (55)  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 165.

    (56)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 69.

    (57)  A/HRC/RES/17/4.

    (58)  https://www.democracyendowment.eu/annual-report/.

    (59)  ĠU C 208, 10.6.2016, p. 25.

    (60)  http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/july/tradoc_153591.pdf.

    (61)  L-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda, in-Niġerja, is-Somalja, il-Mauritania, is-Sudan, Sierra Leone, il-Jemen, l-Afganistan, il-Pakistan, il-Qatar, l-Iran u l-Maldivi.


    Top