Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0319

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (D44599/02 – 2016/2708(RPS))

    ĠU C 101, 16.3.2018, p. 163–165 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 101/163


    P8_TA(2016)0319

    Oġġezzjoni għal att ta' implimentazzjoni: indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta' indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (D44599/02 – 2016/2708(RPS))

    (2018/C 101/14)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (D D44599/02),

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 13(3) tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija tat-12 ta' April 2016 mill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 25(1) tar-regolament imsemmi hawn fuq,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (2),

    wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jesiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi, sad-19 ta' Jannar 2009, profili nutrittivi speċifiċi li l-ikel jew ċerti kategoriji ta' ikel għandhom jikkonformaw magħhom biex iġibu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, u l-kundizzjonijiet għall-użu ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għal ikel jew kategoriji ta' ikel fir-rigward tal-profili nutrittivi;

    B.

    billi, skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, “indikazzjoni dwar is-saħħa” tfisser kwalunkwe indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta' ikel, oġġett tal-ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa;

    C.

    billi hemm tħassib leġittimu li l-indikazzjonijiet li l-kafeina tgħin biex tiżdied il-viġilanza u li l-kafeina tgħin biex tittejjeb il-konċentrazzjoni ma jurux rabta bejn il-konsum tal-kafeina u s-“saħħa”;

    D.

    billi l-Kummissjoni għadha ma stabbilietx dawn il-profili nutrittivi;

    E.

    billi bott ta' 250 ml ta' xarba enerġetika jista' jkun fih sa 27 g ta' zokkor u 80 mg ta' kafeina;

    F.

    billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda li l-adulti u t-tfal ma jirċevux aktar minn 10 % tad-doża tal-enerġija tagħhom ta' kuljum miz-zokkor liberu u li tnaqqis ulterjuri għal anqas minn 5 % (bejn wieħed u ieħor 25 g) fil-ġurnata jġib benefiċċji tas-saħħa addizzjonali (3);

    G.

    billi l-EFSA sabet evidenza li konsum għoli ta’ zokkor fil-forma ta’ xarbiet miżjuda z-zokkor għall-ħlewwa jista’ jikkontribwixxi għal żieda fil-piż;

    H.

    billi l-użu tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa proposti x'aktarx li se jiffavorixxi l-konsum tax-xarbiet enerġetiċi u, b'konsegwenza, jista' ġustament ikun mistenni li d-doża ta’ kuljum taz-zokkor u tal-kafeina taqbeż il-valur ta' konsum massimu rakkomandat ta’ kuljum;

    I.

    billi l-Artikolu 3(c) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprojbixxi l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jinkoraġġixxu l-konsum eċċessiv ta’ oġġett tal-ikel;

    J.

    billi, skont l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni, l-indikazzjonijiet li l-kafeina tgħin sabiex tiżdied il-luċidità mentali u li l-kafeina tgħin biex ittejjeb il-konċentrazzjoni m'għandhomx jintużaw għal ikel immirat lejn it-tfal u l-adolexxenti;

    K.

    billi l-adolexxenti huma l-ikbar grupp ta' konsumaturi ta' xarbiet enerġetiċi;

    L.

    billi 68 % tal-adolexxenti u 18 % tat-tfal jikkunsmaw xarbiet enerġetiċi regolarment;

    M.

    billi l-Kodiċi ta' Prattika volontarju tal-industrija tax-xorb enerġetiku għall-Kummerċjalizzazzjoni u t-Tikkettar ta’ Xorb Enerġetiku jistipula biss li x-xorb enerġetiku ma jiġix ikkummerċjalizzat bit-tfal taħt l-età ta' 12-il sena (4) fil-mira tiegħu;

    N.

    billi fil-prattika huwa diffiċli biex wieħed jikkontrolla li x-xarbiet enerġetiċi li jkollhom fuqhom indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhumiex qed jinbiegħu lit-tfal, irrispettivament minn jekk huma mmirati lejn it-tfal jew l-adolexxenti, u b’hekk il-kundizzjonijiet tal-użu marbuta mal-indikazzjonijiet proposti jiġu mingħajr effett; billi fi kwalunkwe każ xejn ma jipprevjeni l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xarbiet bħal dawn għall-adolexxenti;

    O.

    billi, kif iddikjarat fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-użu ta' indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandux ikun ambigwu jew qarrieqi;

    P.

    billi l-kundizzjoni jew ir-restrizzjoni li l-indikazzjonijiet proposti m’għandhomx jintużaw għall-oġġetti tal-ikel immirati għat-tfal u l-adolexxenti jagħmilhom ambigwi fir-rigward tal-effetti avversi potenzjali ta’ dak l-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem;

    Q.

    billi l-Kummissjoni fl-imgħoddi (kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali dwar id-destrosju) irrifjutat li tawtorizza indikazzjonijiet dwar is-saħħa li kienu jibagħtu messaġġ kontradittorju u ambigwu lill-konsumaturi, anki jekk kellhom jiġu awtorizzati suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu u/jew kienu akkumpanjati minn messaġġi jew twissijiet addizzjonali (5);

    R.

    billi fl-Opinjoni Xjentifika tagħha dwar is-sikurezza tal-kafeina, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni fuq xiex tibbaża livell sikur tal-konsum tal-kafeina għat-tfal iżda li komsum li jikkorrispondi għal 3 mg għal kull kg ta' piż tal-ġisem kuljum probabbilment ma tagħtix lok għal tħassib dwar is-sikurezza għat-tfal u l-adoloxxenti (6);

    S.

    billi, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, “l-użu ta' stqarrijiet dwar vantaġġ nutrittiv u għas-saħħa ma għandux […] iħeġġeġ jew jittollera l-konsum eċċessiv ta' xi ikel”;

    T.

    billi 25 % tal-konsumaturi adolexxenti ta' xorb enerġetiku jixorbu tliet bottijiet jew aktar f'sessjoni waħda u l-indikazzjonijiet proposti jista' jkun li jinkoraġġixxu l-konsum ta’ kwantitajiet jerġa' akbar ta’ tali xarbiet enerġetiċi;

    U.

    billi t-tikketta ta’ twissija proposta (kundizzjonijiet tal-użu) ma tipprovdi l-ebda twissija rigward il-konsum massimu għal kull doża unika, iżda tirreferi biss għall-konsum massimu ta' kuljum;

    V.

    billi x-xarbiet enerġetiċi ġew konnessi ma' wġigħ ta' ras, problemi tal-irqad u problemi fl-imġiba fit-tfal u l-adolexxenti li jikkunsmawhom b'mod regolari;

    1.

    Jopponi l-adozzjoni tal-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni;

    2.

    Iqis li dan l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni mhux kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006;

    3.

    Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament tagħha;

    4.

    Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jintroduċu regoli fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta' xarbiet b’kontenut għoli ta’ kafeina jew ikel miżjud il-kafeina xarbiet b’kontenut għoli ta’ kafeina jew ikel miżjud il-kafeina għat-tfal u l-adoloxxenti;

    5.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

    (2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (3)  http://apps.who.int/iris/bitstream/10665/149782/1/9789241549028_eng.pdf?ua=1

    (4)  http://www.energydrinkseurope.org/wp-content/uploads/2015/01/FINAL_EDE-Code-of-Practice_clean_250914.pdf

    (5)  Ara s-sentenza Dextro Energy tas-16 ta’ Marzu 2016, T-100/15, EU:T:2016:150, punt 74.

    (6)  http://www.efsa.europa.eu/sites/default/files/consultation/150115.pdf


    Top