EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0827

Kawża T-827/17: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2017 – Aeris Invest vs BĊE

ĠU C 63, 19.2.2018, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/18


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Diċembru 2017 – Aeris Invest vs BĊE

(Kawża T-827/17)

(2018/C 063/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Aeris Invest Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: R. Vallina Hoset, A. Sellés Marco, C. Iglesias Megías u A. Lois Perreau de Pinninck, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjonijiet tal-BĊE LS/MD/17/405, LS/PT/17/406 u LS/MD/17/419 tas-7 ta’ Novembru 2017; u

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE u mal-Artikolu 8.3 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ECB/2004/3 tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew LS/MD/17/405, LS/PT/17/406 u LS/MD/17/419 tas-7 ta’ Novembru 2017, dwar talbiet ta’ konferma ta’ aċċess għal dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjonijiet LS/MD/17/405, LS/PT/17/406 u LS/MD/17/419 jiksru l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Deċiżjoni dwar l-Aċċess sa fejn huma jiċħdu lil din il-parti l-aċċess għal informazzjoni fuq il-bażi li d-dokumenti huma totalment jew parzjalment koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ aċċessibilità minħabba li huma dokumenti kunfidenzjali koperti bis-sigriet professjonali applikabbli għall-istituzzjonijiet.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni LS/PT/17/406 tikser it-tieni u s-sitt inċiż tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni dwar l-Aċċess sa fejn tiddikjara li l-iżvelar tal-użu ta’ ELA minn Banco Popular fil-ġranet qabel ir-riżoluzzjoni tiegħu, kif ukoll tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-likwidità u tal-proporzjon tal-kapital, jistgħu jdgħajfu b’mod speċifiku u effettiv l-effettività tal-politika monetarja u l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni LS/PT/17/406 u d-Deċiżjoni LS/MD/17/419 jiksru l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni dwar l-Aċċess peress li jiddikjaraw li d-dokumenti u l-informazzjoni mitluba huma informazzjoni kummerċjalment sensittiva li tista’ taffettwa l-interessi kummerċjali ta’ Banco Popular u ta’ Banco Santander.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Bank Ċentrali Ewropew kiser l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea peress li ċaħad lil din il-parti l-aċċess għad-dokumenti li fuqhom dik l-istituzzjoni bbażat ruħha sabiex tiddikjara r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular.


Top