EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0636

Kawża C-636/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fl-14 ta’ Novembru 2017 – Germanwings GmbH vs Emina Pedić

ĠU C 63, 19.2.2018, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Korneuburg (l-Awstrija) fl-14 ta’ Novembru 2017 – Germanwings GmbH vs Emina Pedić

(Kawża C-636/17)

(2018/C 063/09)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesgericht Korneuburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Germanwings GmbH

Konvenuta: Emina Pedić

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 261/2004”), għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ ċirkustanzi straordinarji, “il-miżuri raġonevoli kollha” li għandhom jittieħdu mit-trasportatur tal-ajru li jopera sabiex ma jkunx obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom sempliċement ikunu intiżi sabiex jiġu evitati ċ-“ċirkustanzi straordinarji” (f’dan il-każ, l-għoti ta’ “Air-Traffic-Control-Slot” ġdid (iktar tard) mill-Awtorità ta’ Kontroll taċ-Ċirkulazzjoni tal-Ajru EUROCONTROL); jew it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu wkoll jieħu miżuri raġonevoli sabiex jevita l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil bħala tali?

2)

Fil-każ ta’ risposta għall-ewwel domanda fis-sens li t-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jieħu miżuri raġonevoli intiżi sabiex jiġi evitat dewmien twil, bħala tali, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex ma jkunx obbligat iħallas kumpens skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, meta t-trasport tal-passiġġieri jkun qiegħed isir fil-kuntest ta’ rotta tal-ajru komposta minn żewġ titjiriet (jew iktar), it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu sempliċement jieħu miżuri raġonevoli intiżi sabiex jevita d-dewmien tat-titjira li huwa stess għandu jopera u li hija suġġetta għall-possibbiltà ta’ dewmien; jew għandu wkoll jieħu miżuri raġonevoli sabiex jevita li passiġġier partikolari jkun suġġett għal dewmien twil sa meta jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu (pereżempju, billi jivverifika jekk huwiex possibbli li jibdel ir-reżervazzjoni tal-passiġġier sabiex jivvjaġġa permezz ta’ titjira oħra)?

3)

L-Artikoli 5, 6, 7 u 8 tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex ma jkunx obbligat iħallas kumpens f’każ ta’ dewmien twil sa meta tintlaħaq id-destinazzjoni finali, it-trasportatur tal-ajru li jopera għandu jsostni u juri li huwa adotta miżuri raġonevoli sabiex jibdel ir-reżervazzjoni tal-passiġġier sabiex jivvjaġġa permezz ta’ titjira oħra li preżumibbilment tippermettilu jilħaq id-destinazzjoni finali tiegħu mingħajr dewmien twil?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.


Top