Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 52015IP0465

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Malasja (2015/3018(RSP))

    ĠU C 399, 24.11.2017, p. 137—140 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 399/137


    P8_TA(2015)0465

    Il-Malasja

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-Malasja (2015/3018(RSP))

    (2017/C 399/16)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Malasja,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN (1),

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tal-15 ta' April 2015 dwar l-emenda adottata reċentement għall-Att dwar is-Sedizzjoni fil-Malasja,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tas-17 ta' Marzu 2015 dwar l-arrest ta' Nurul Izzah, Deputat tal-Oppożizzjoni fil-Malasja,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-SEAE tal-10 ta' Frar 2015 dwar il-kundanna tal-politiku tal-oppożizzjoni tal-Malasja Anwar Ibrahim,

    wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9 ta' April 2015 dwar abbozzi ta' liġijiet dwar is-sedizzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,

    wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tas-SEAE dwar id-djalogu politiku UE-ASEAN dwar id-drittijiet tal-bniedem tat-23 ta' Ottubru 2015,

    wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra s-sessjoni tal-Eżami Perjodiku Universali tan-NU ta' Ottubru 2013,

    wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar it-traffikar tal-bnedmin ta' Ġunju 2015,

    wara li kkunsidra t-tieni Eżami Perjodiku Universali tal-Malasja quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, ta' Ottubru 2013,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1998,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (CAT) tal-1984,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi l-UE tqis lill-Malasja bħala sieħba politika u ekonomika fundamentali fix-Xlokk tal-Asja; billi l-UE u l-Malasja qed jinnegozjaw Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni u Ftehim ta' Kummerċ Ħieles;

    B.

    billi l-possibbiltà ta' dibattitu pubbliku u libertà tal-kelma fil-Malasja qed tonqos b'rata mgħaġġla peress li l-gvern qed jirrikorri għal liġijiet kriminali vagi biex isikket lil min jikkritikah u jrażżan l-iskuntentizza pubblika u l-espressjoni paċifika, inklużi d-dibattiti dwar kwistjonijiet ta' interess pubbliku; billi dawn il-liġijiet jinkludu l-Att dwar is-Sedizzjoni, l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet, l-Att dwar il-Komunikazzjoni u l-Multimedia u l-Att dwar l-Għaqda Paċifika, fost oħrajn;

    C.

    billi fit-3 ta' Diċembru 2015 l-Abbozz ta' Liġi dwar il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali għadda fil-Parlament tal-Malasja b'maġġoranza tal-voti; billi l-abbozz ta' liġi jagħti lill-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali mmexxi mill-Prim Ministru setgħat sħaħ li jiddikjara stat ta' emerġenza fi kwalunkwe żona meqjusa bħala riskju għas-sigurtà, b'setgħat kbar ta' arrest, tfittxija u sekwestru mingħajr mandat;

    D.

    billi skont l-Att dwar is-Sedizzjoni biss tal-anqas 78 ruħ ġew investigati jew akkużati mill-bidu tal-2014;

    E.

    billi l-ex kap tal-oppożizzjoni Anwar Ibrahim ġie kkundannat fuq akkużi ta' sodomija fi Frar 2015 wara prosekuzzjoni politikament motivata li rriżultat fi proċedimenti kriminali li ma ssodisfawx l-istandards internazzjonali ta' proċess ġust; billi ma ngħatax kura medika xierqa;

    F.

    billi l-persuni LGBTI fil-Malasja huma kriminalizzati skont il-liġi tal-pajjiż kontra s-sodomija u l-liġijiet reġjonali li jipprojbixxu l-cross-dressing, u jaffaċċjaw diskors politiku ta' mibegħda, arrest arbitrarju, attakki fiżiċi u sesswali, priġunerija u abbużi oħra;

    G.

    billi l-cartoonist Malasjan Zulkiflee Anwar Ulhaque (Zunar) qed jaffaċċja akkużi skont l-Att dwar is-Sedizzjoni wara tweets kritiċi kontra l-gvern fir-rigward tal-kundanna ta' Anwar Ibrahim; billi l-blogger Khalid Ismath u l-akkademiku Azmi Sharom qed jaffaċċjaw akkużi simili;

    H.

    billi l-Kummissjoni Malasjana Kontra l-Korruzzjoni interrogat lill-Prim Ministru b'rabta ma' allegazzjonijiet ta' abbuż mill-pożizzjoni wara li nstabu aktar minn 600 miljun euro fil-kont tal-bank tiegħu bla ebda ġustifikazzjoni rigward is-sors u r-raġuni, kif ukoll b'rabta ma' allegazzjonijiet separati li mijiet ta' miljuni ta' euro kienu nieqsa minn negozju li kien jinvolvi kumpanija statali li stabbilixxa hu stess, 1Malaysia Development Berhad (1MDB);

    I.

    billi l-kumpaniji tal-media u tal-pubblikazzjoni ħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet skont l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet wara rapportar dwar dawn l-allegazzjonijiet, u billi l-avukat Matthias Chang u l-politiku Khairuddin Abu Hassan ġew arrestati wara l-investigazzjonijiet tagħhom dwar dawn l-allegazzjonijiet;

    J.

    billi r-Rappreżentant Għoli qajmet tħassib rigward l-użu abbużiv ta' liġijiet kriminali waqt iż-żjara tagħha fil-Malasja fil-5 u s-6 ta' Awwissu 2015;

    K.

    billi, skont in-NU u l-NGOs, il-forzi tal-pulizija Malasjani qed jirrikorru dejjem aktar għal atti ta' tortura, arresti tard billejl, arresti preventivi inġustifikabbli u prosekuzzjoni selettiva;

    L.

    billi l-Malasja għadha timplimenta l-piena tal-mewt u attwalment madwar 1 000 priġunier ingħataw il-piena tal-mewt;

    M.

    billi l-Malasja hija Membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-President attwali tal-ASEAN, u s-27 Summit tal-ASEAN sar fi Kuala Lumpur mit-18 sat-22 ta' Novembru 2015;

    1.

    Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tal-UE favur il-poplu Malasjan li miegħu l-UE għandha rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali b'saħħithom u dejjiema;

    2.

    Jiddeplora s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora fil-Malasja u b'mod partikolari t-trażżin ta' attivisti tas-soċjetà ċivili, akkademiċi, il-media u attivisti politiċi; jesprimi tħassib rigward iż-żieda qawwija fl-għadd ta' persuni li qed jaffaċċjaw akkużi jew arrest skont l-Att dwar is-Sedizzjoni;

    3.

    Huwa partikolarment imħasseb dwar l-adozzjoni tal-Abbozz ta' Liġi dwar il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali u jħeġġeġ l-irtirar tiegħu; jistieden lill-gvern iżomm bilanċ xieraq bejn il-ħtieġa li titħares is-sigurtà nazzjonali u l-ħtieġa essenzjali li jitħarsu d-drittijiet ċivili u politiċi;

    4.

    Iħeġġeġ lill-Gvern Malasjan jirrilaxxa minnufih lill-priġunieri politiċi kollha, inkluż l-ex kap tal-oppożizzjoni Anwar Ibrahim, u jagħtihom l-kura medika xierqa, u jwaqqa' l-akkużi politikament motivati, fosthom dawk kontra l-cartoonist Zulkiflee Anwar Haque (Zunar), il-blogger Khalid Ismath, l-akkademiku Azmi Sharom, id-dissidenti politiċi Khairuddin Abu Hassan u Matthias Chang, u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Lena Hendry u Maria Chin Abdullah;

    5.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Malasjani jħassru l-Att dwar is-Sedizzjoni u jagħmlu l-leġiżlazzjoni kollha, inklużi l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu, l-Att dwar l-Istamperiji u l-Pubblikazzjonijiet, l-Att dwar il-Komunikazzjoni u l-Multimedia, l-Att dwar Għaqda Paċifika, u dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-kodiċi penali, konformi mal-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Malasjani jiffaċilitaw l-għaqda paċifika, u jiggarantixxu s-sikurezza tal-parteċipanti kollha u l-libertà tal-espressjoni tagħhom fil-pajjiż kollu;

    6.

    Iħeġġeġ l-istabbiliment tal-Kummissjoni Indipendenti tal-Pulizija dwar l-Ilmenti u l-Imġiba Ħażina (IPCMC), kif rakkomandat mill-Kummissjoni ta' Inkjesta tal-Pulizija fl-2005, biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' tortura u mwiet fil-kustodja tal-pulizija;

    7.

    Jissottolinja l-importanza ta' investigazzjonijiet indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta' abbuż mill-pożizzjoni, u ta' kooperazzjoni sħiħa mal-investigaturi; iħeġġeġ lill-Gvern Malasjan ma jibqax jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni Malasjana Kontra l-Korruzzjoni u fuq il-media;

    8.

    Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li l-gruppi suprematisti qed jikbru, billi dawn jikkontribwixxu aktar għall-ħolqien ta' tensjonijiet etniċi;

    9.

    Jinkoraġġixxi lill-Gvern Malasjan jibda djalogu mal-partiti tal-oppożizzjoni u l-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili;

    10.

    Jistieden lill-Gvern Malasjan jirratifika konvenzjonijiet internazzjonali fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-ICCPR, l-ICESCR, is-CAT, l-ICERD, il-Konvenzjoni 169 tal-ILO, l-Istatut ta' Ruma tal-ICC, kif ukoll il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-protokoll fakultattiv tiegħu;

    11.

    Jitlob lill-Gvern Malasjan jestendi stedina permanenti għall-Proċeduri Speċjali kollha tan-NU, biex b'hekk ir-rapporteurs speċjali jkunu jistgħu jżuru l-Malasja mingħajr ma jitolbu stedina;

    12.

    Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-piena tal-mewt hija tip ta' trattament krudili, inuman u degradanti, u jistieden lill-Malasja ddaħħal moratorju bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għar-reati kollha u tbiddel is-sentenzi tal-mewt kollha f'sentenzi ta' ħabs;

    13.

    Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkoordinaw il-politiki dwar il-Malasja, b'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex iħeġġu riforma dwar il-kwistjonijiet ta' tħassib imsemmija hawn fuq bil-mezzi kollha possibbli, anke fil-kuntest tan-NU fejn il-Malasja hija membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà fl-2015-2016;

    14.

    Iħeġġeġ lid-Delegazzjoni tal-UE għall-Malasja żżid l-isforzi biex jiġu ffinanzjati proġetti dwar il-libertà tal-espressjoni u r-riforma ta' liġijiet repressivi, u tuża l-għodod xierqa kollha, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex tipproteġi lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ l-irtirar tal-liġi kontra s-sodomija u jistieden lis-SEAE biex, b'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI, iżid il-ħidma tiegħu dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fil-Malasja li jaffaċċjaw il-vjolenza u l-persekuzzjoni, u biex b'mod partikolari jaħdem għad-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità u t-transġeneriżmu;

    15.

    Jafferma mill-ġdid l-importanza tad-djalogu politiku UE-ASEAN dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala għodda utli biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki u biex jiġu promossi attivitajiet ta' bini tal-kapaċitajiet;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem jitqies kif xieraq waqt negozjati futuri dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles u Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Malasja;

    17.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvern u lill-parlament tal-Malasja, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2014)0022.


    Į viršų