EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0455

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jadotta lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041932/01 – 2015/3010(RSP))

ĠU C 399, 24.11.2017, p. 68–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/68


P8_TA(2015)0455

Il-lista ta' speċijiet aljeni invażivi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jadotta lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041932/01 – 2015/3010(RSP))

(2017/C 399/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jadotta lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D041932/01,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (2),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, lista ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni ('il-lista tal-Unjoni'), abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ('ir-Regolament IAS'), u billi dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 27(2) tiegħu;

B.

billi dawk l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu sottomessi lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament IAS sat-2 ta' Jannar 2016 u jidħlu fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali;

C.

billi l-lista tal-Unjoni għandha tkun torbot fl-intier tagħha u tkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha;

D.

billi hemm għadd kbir ta' speċijiet aljeni invażivi u għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li tingħata prijorità lill-indirizzar tas-sottokategorija ta' speċijiet aljeni invażivi meqjusa bħala sors ta' tħassib għall-Unjoni;

E.

billi l-ispeċijiet aljeni invażivi għandhom jitqiesu bħala sors ta' tħassib għall-Unjoni jekk il-ħsara li jikkawżaw fl-Istati Membri milquta tkun tant sinifikanti li tiġġustifika l-adozzjoni ta' miżuri ddedikati applikabbli fl-Unjoni kollha, anke fi Stati Membri li jkunu għadhom ma ntlaqtux jew li x'aktarx ma jintlaqtux;

F.

billi l-iżgurar li l-identifikazzjoni ta' speċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni tibqa' proporzjonata u tiffoka fuq speċijiet li l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Unjoni effettivament tevita, timminimizza jew ittaffi l-impatt negattiv ta' dawk l-ispeċijiet b'mod kosteffikaċi, ġie rikonoxxut bħala fundamentali matul in-negozjati informali tat-trilogu;

G.

billi l-kriterji għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni huma l-istrument ewlieni ta' applikazzjoni tar-Regolament IAS;

H.

billi l-kriterji għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-ispeċijiet aljeni invażivi potenzjali li jkollhom l-aktar impatt negattiv sinifikanti jkunu fost dawk li għandhom jiġu elenkati, biex jiġi żgurat ukoll l-użu effettiv tar-riżorsi;

I.

billi, skont il-Premessa 13 tar-Regolament IAS, għandhom jiġu stabbiliti kriterji komuni biex jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli taħt il-ftehimiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u l-applikazzjoni koerenti ta' dak ir-Regolament;

J.

billi l-Premessa 32 tar-Regolament IAS tiddikjara li sabiex jitqiesu l-aħħar żviluppi xjentifiċi fil-qasam ambjentali, is-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-elementi komuni għall-iżvilupp ta' valutazzjonijiet tar-riskju;

K.

billi l-Premessa 32 tar-Regolament IAS tiddikjara wkoll li huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, anke fil-livell tal-esperti, u li l-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament u lill-Kunsill;

L.

billi l-Parlament ma ġiex infurmat kif xieraq dwar l-istabbiliment ta' elementi komuni għall-iżvilupp ta' valutazzjonijiet tar-riskju, u billi t-trażmissjoni tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament ma kinitx simultanja, f'waqtha u xierqa;

M.

billi l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament IAS, biex tispeċifika aktar it-tip ta' evidenza aċċettabbli għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 4(3) ta' dak ir-Regolament u tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 5(1) tiegħu, u billi d-deskrizzjoni dettaljata trid tinkludi l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-valutazzjonijiet tar-riskju, b'kont meħud tal-istandards nazzjonali u internazzjonali rilevanti u tal-ħtieġa li tingħata prijorità lil azzjoni kontra speċijiet aljeni invażivi assoċjati ma', jew li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw, impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità jew fuq is-servizzi ekosistemiċi relatati, kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija, filwaqt li tali impatt negattiv jiġi kkunsidrat bħala fattur aggravanti;

N.

billi l-Kummissjoni ma segwietx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament IAS, ma speċifikatx aktar it-tip ta' evidenza aċċettabbli għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament IAS, u ma pprovdietx deskrizzjoni dettaljata tal-applikazzjoni tal-punti (a) sa (h) tal-Artikolu 5(1) ta' dak ir-Regolament, inkluża l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-valutazzjonijiet tar-riskju;

O.

billi l-Kummissjoni naqset milli tiżgura li l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fil-valutazzjonijiet tar-riskju titwettaq bl-istess mod mill-Istati Membri kollha meta jipproponu l-inklużjoni ta' speċi fil-lista tal-Unjoni, u billi ma jistax jiġi żgurat li l-Istati Membri jużaw l-istess tip ta' evidenza u japplikaw l-istess standards globali;

P.

billi r-raġunijiet għall-elenkar tal-ispeċijiet fl-abbozz ta' lista tal-Unjoni mhumiex ibbażati fuq kriterji xjentifiċi, imma pjuttost fuq kriterji politiċi;

Q.

billi l-elenkar tal-ispeċijiet mhuwiex ibbażat fuq valutazzjoni tar-riskju u metodoloġija standardizzati, iżda pjuttost fuq ir-rieda politika tal-Istati Membri;

R.

billi l-abbozz ta' lista tal-Unjoni jonqos milli jindirizza l-problema ta' speċijiet aljeni invażivi b'mod komprensiv, sabiex jitħarsu l-bijodiversità indiġena u s-servizzi ekosistemiċi, kif ukoll biex jitnaqqsu kemm jista' jkun u jiġu mitigati l-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-impatti ekonomiċi li dawn l-ispeċijiet jista' jkollhom;

S.

billi r-Regolament IAS, bħala strument leġiżlattiv dedikat tal-UE, jista' jindirizza sfidi pendenti rigward it-telf tal-bijodiversità, jagħti riżultati u jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija għall-bijodiversità, iżda biss jekk jiġi implimentat b'mod korrett u jekk jiġi appoġġat mill-awtoritajiet lokali u l-pubbliku ġenerali;

T.

billi l-lista inizjali tal-Kummissjoni ġiet ikkritikata minn diversi awtoritajiet nazzjonali kompetenti, mill-partijiet ikkonċernati u mill-pubbliku ġenerali, sal-punt li issa qed jiddubitaw serjament dwar l-effettività fil-futur tar-Regolament IAS, prinċipalment minħabba li ħafna mill-ispeċijiet aljeni invażivi l-aktar problematiċi mhumiex elenkati, filwaqt li xi speċijiet li mhumiex kapaċi jikkawżaw impatt negattiv sinifikanti fuq il-bijodiversità, is-servizzi ekosistemiċi, is-saħħa tal-bniedem jew l-ekonomija, jew li għalihom il-miżuri li għandhom jittieħdu jirriżultaw f'kostijiet sproporzjonati, huma elenkati;

U.

billi l-lista inizjali tħalli barra speċijiet li huma fost l-ispeċijiet aljeni invażivi l-aktar detrimentali fl-Ewropa; billi xi speċijiet ta' pjanti u mammiferi terrestri jikkonformaw mal-kriterji u hija disponibbli valutazzjoni tar-riskju robusta, iżda minkejja dan mhumiex inklużi fil-lista; billi speċijiet ta' mammiferi li kienu fost l-ispeċijiet aljeni li qed jespandu bl-aktar mod mgħaġġel fl-Ewropa fis-snin reċenti mhumiex elenkati, u billi speċijiet ta' pjanti mifruxa u li qed jespandu b'mod mgħaġġel b'effetti negattivi dokumentati sew u konsiderevoli fuq is-saħħa tal-bniedem lanqas m'huma elenkati;

1.

Iqis li l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1143/2014;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' regolament ta' implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35.

(2)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


Top